Language of document : ECLI:EU:T:2015:394

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2015 (*)

“FAEGG — Taqsima Garanzija — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Ħżin pubbliku taz-zokkor — Żieda fl-ispejjeż marbuta ma’ kiri tal-imħażen — Inventarju annwali tal-ħażniet — Spezzjonijiet fiżiċi tal-postijiet tal-ħżin — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Eżistenza ta’ riskju ta’ dannu finanzjarju għall-fondi — Effettività”

Fil-Kawża T‑358/11,

Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn u P. Marchini, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/244/UE, tal-15 ta’ April 2011, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 102, p. 33), sa fejn teskludi ċertu nfiq imġarrab mir-Repubblika Taljana, kif ukoll tal-ittri tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011 bħala atti preparatorji għal din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Mejju 2007, bdiet żjara ta’ spezzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fis-sede tal-Agenzia per le erogazioni in agricoltura (AGEA, Aġenzija għall-ħlasijiet agrikoli) f’Ruma (l-Italja), li sussegwentement kompliet fl-imħażen taz-zokkor fir-reġjun ta’ Emilia-Romagna (l-Italja), u li ntemmet biż-żamma ta’ laqgħa finali bejn il-membri tal-missjoni ta’ spezzjoni u l-awtoritajiet Taljani fil-11 ta’ Mejju 2007 f’Bologna (l-Italja). Din l-ispezzjoni kienet tirrigwarda l-applikazzjoni mill-awtoritajiet Taljani tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħżin pubbliku taz-zokkor.

2        Wara din il-missjoni, permezz ta’ nota tad-19 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 162), bl-irregolaritajiet ikkonstatati waqt il-verifiki mwettqa u indikat il-miżuri korrettivi u t-titjib fil-proċeduri li kellhom jiġu previsti.

3        Permezz ta’ nota tal-AGEA tas-7 ta’ Awwissu 2007, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ilmenti fformulati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fin-nota tad-19 ta’ Ġunju 2007.

4        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet Taljani għal diskussjoni bilaterali skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006.

5        Waqt din il-laqgħa, li nżammet fis-17 ta’ Ġunju 2008 fi Brussell (il-Belġju), il-partijiet semmew il-kwistjonijiet kollha li kienu s-suġġett tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ nota tal-21 ta’ Awwissu 2008, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu lill-awtoritajiet Taljani l-minuti tal-laqgħa li kienu jinkludu l-espożizzjoni tal-pożizzjonijiet kemm tal-awtoritajiet Taljani kif ukoll tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll tal-interventi ta’ ħżin taz-zokkor fl-Italja u l-konsegwenzi finanzjarji relatati magħhom, kif ukoll talba għal informazzjoni addizzjonali.

6        Permezz ta’ nota tal-AGEA tal-24 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapport tal-laqgħa u rrispondew għat-talba għal informazzjoni addizzjonali.

7        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2010, id-dipartimenti tal-Kummissjoni indirizzaw lir-Repubblika Taljana komunikazzjoni formali stabbilita skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006. Il-Kummissjoni indikat li hija kienet qed iżżomm il-pożizzjoni tagħha fis-sens li ċertu nfiq imġarrab mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati mir-Repubblika Taljana u ddikjarat taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fir-rigward tal-ħżin taz-zokkor ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi korrezzjonijiet finanzjarji u teskludi ammont totali ta’ EUR 2 077 637 mill-finanzjament tal-Unjoni. Il-Kummissjoni indikat li kienet evalwat dan l-ammont abbażi ta’ tliet każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Tnejn biss minn dawn il-każijiet ta’ ksur ġew ikkontestati mill-awtoritajiet Taljani f’din il-kawża, jiġifieri:

–        żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor imħallsa lid-depożitarji għall-imħażen mikrija, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1262/2001, tas-27 ta’ Ġunju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 dwar xiri u bejgħ ta’ zokkor minn aġenziji ta’ intervent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 64), mingħajr ma l-awtoritajiet Taljani pproduċew provi lill-Kummissjoni li l-ġustifikazzjoni taż-żieda mogħtija kienet is-suġġett ta’ kontrolli xierqa jew saħansitra li tali kontrolli kienu previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ kontroll;

–        ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2148/96, tat-8 ta’ Novembru 1996, li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-valutazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħażniet ta’ intervent pubbliku ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 27), u tal-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-FAEG tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabilità tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (ĠU L 326M, 10.12.2010, p. 70), sa fejn il-kontrolli ta’ inventarju għaz-zokkor miżmum mill-organu ta’ intervent f’dak li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2006 ma twettqux qabel l-aħħar ta’ din is-sena, jiġifieri qabel it-30 ta’ Settembru 2006.

8        Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-Dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ʼil quddiem id-“Dokument VI/5330/97”), il-Kummissjoni pproponiet l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni fl-ammont ta’ EUR 499 033, li jikkorrispondi għal 10 % tal-infiq relatat mal-ispejjeż tal-ħżin minħabba ż-żieda tagħhom ta’ 35 % għas-snin finanzjarji 2006 sa 2009, u fl-ammont ta’ EUR 781 044, li jikkorrispondi għal 5 % tal-ispejjeż tal-ħżin u tal-finanzjament tas-sena finanzjarja 2006 minħabba t-twettiq tardiv tal-kontrolli ta’ inventarju.

9        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, l-awtoritajiet Taljani talbu l-intervent tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

10      Fit-22 ta’ Settembru 2010, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni adotta r-rapport finali tiegħu.

11      Permezz ta’ nota tal-AGEA tas-17 ta’ Diċembru 2010, l-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni addizzjonali lid-dipartimenti tal-Kummissjoni, konformement mat-talba tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

12      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika Taljana l-pożizzjoni finali tagħha wara l-proċedura ta’ konċiljazzjoni. L-opinjoni tal-Kummissjoni baqgħet ma nbidlitx meta mqabbla mal-ittra tat-3 ta’ Frar 2010. Konsegwentement, hija żammet il-pożizzjoni tagħha li tikkonsisti fl-esklużjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 2 077 637 mill-finanzjament tal-Unjoni.

13      Permezz ta’ nota tal-AGEA tat-18 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Taljani rrispondew għall-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni.

14      Fil-15 ta’ April 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/244/UE li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG, taħt il-FAEG u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 102, p. 33), li permezz tagħha hija eskludiet infiq imġarrab mir-Repubblika Taljana relatat mal-miżura ta’ ħżin pubbliku taz-zokkor għas-snin finanzjarji 2006 sa 2009, permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba u b’rata fissa fl-ammont totali ta’ EUR 2 077 637, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

15      Ir-raġunijiet għall-korrezzjonijiet finanzjarji ġew spjegati fir-rapport ta’ sinteżi tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tal-clearance tal-konformità skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ sinteżi”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

17      Hija pproduċiet ukoll provi filwaqt li talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta diversi miżuri istruttorji u ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

18      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal xi mistoqsijiet. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

19      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tannulla l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Jannar 2011 ifformulata wara r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni u l-punt 2 tal-motivi li huma esposti fiha, bħala att preparatorju għad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2010 bħala att preparatorju għad-deċiżjoni kkontestata;

–        b’mod inċidentali, tilqa’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 915/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jemenda r-Regolament Nru 2148/96 (ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 40);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 915/2006 inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011

21      Fir-rikors, ir-Repubblika Taljana titlob, minbarra l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-annullament tal-ittri tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011 li ġew indirizzati lilha mill-Kummissjoni matul il-proċedura.

22      Waqt is-seduta, b’risposta għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni eċċepixxiet l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-ittri tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011 billi rrilevat in-natura preparatorja tagħhom.

23      Filwaqt li indikat fir-rikors li l-ittri tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011 kienu atti preparatorji għad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Taljana, waqt is-seduta, żammet it-talbiet għall-annullament tagħhom billi sostniet li huma kellhom valur awtonomu mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fihom.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu s-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod sostanzjali, li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (ara d-digriet tat-22 ta’ Novembru 2007, Investire Partecipazioni vs Il-Kummissjoni, T‑418/05, EU:T:2007:354, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda atti jew deċiżjonijiet li t-tħejjija tagħhom issir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑314/04 u T‑414/04, EU:T:2006:399, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet Investire Partecipazioni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2007:354, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fl-aħħar nett, għalkemm miżuri ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjawhom jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li huma jikkostitwixxu stadju fit-tħejjija tiegħu (ara d-digriet Investire Partecipazioni vs Il-Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:T:2007:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ittra tat-3 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana komunikazzjoni formali stabbilita skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), u, permezz tal-ittra tat-3 ta’ Jannar 2011, hija kkomunikatilha l-pożizzjoni finali tagħha wara l-proċedura ta’ konċiljazzjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Dawn l-ittri kienu jifformaw parti mill-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006, u wasslu għall-adozzjoni mill-Kummissjoni, fil-15 ta’ April 2011, tad-deċiżjoni kkontestata, li teskludi ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Għalhekk, id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li teskludi ċerti ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, ma kinitx għadha ġiet adottata fil-mument meta ntbagħtu l-ittri tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011.

28      Minn dan isegwi li l-ittri tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011 jikkostitwixxu atti preparatorji għad-deċiżjoni kkontestata, fatt affermat mir-Repubblika Taljana stess fir-rikors. Għalhekk huma ma jipproduċu ebda effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-Repubblika Taljana fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq.

29      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni li tinsab fl-ittri inkwistjoni. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana kellha dritt tinvoka l-eventwali illegalitajiet tal-motivi li jinsabu f’dawn l-atti insostenn ta’ dan ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq, b’mod li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011.

B –  Fuq il-mertu

30      Huma biss il-korrezzjonijiet b’rata fissa applikati mid-deċiżjoni kkontestata għall-infiq imġarrab mir-Repubblika Taljana li huma kkonċernati minn dan ir-rikors, jiġifieri, minn naħa, il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % li tirrigwarda l-infiq marbut maż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor għas-snin finanzjarji 2006 sa 2009, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 499 033 u, min-naħa l-oħra, il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % minħabba t-twettiq tardiv tal-kontrolli ta’ inventarju f’dak li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2006, jiġifieri EUR 781 044.

1.     Kunsiderazzjonijiet preliminari

31      Għandu jitfakkar li l-fondi agrikoli Ewropej jiffinanzjaw biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara s-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑297/02, EU:C:2004:550, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar il-fondi agrikoli Ewropej, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni tas-swieq agrikoli. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tikkonstata l-assenza jew in-nuqqasijiet tal-kontrolli implementati mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija jkollha fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew ta’ dawn iċ-ċifri (ara s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, Il‑Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra, EU:C:2005:103, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-22 ta’ Novembru 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, EU:T:2006:358, punti 95 u 96).

33      L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u operattiva. Meta ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, dawn tal-aħħar jikkostitwixxu elementi li jistgħu joħolqu dubji serji f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ serje adegwata u effikaċi ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Din il-mitigazzjoni tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet u li, konsegwentement, għandu l-obbligu li jippreżenta l-iktar prova dettaljata u kompleta tat-twettiq tal-kontrolli tiegħu jew tal-eżattezza taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:C:2005:103, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2006:358, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-Repubblika Taljana.

2.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % li tirrigwarda l-infiq relatat maż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin għas-snin 2006 sa 2009

35      Mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % applikata f’dan il-każ mid-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq il-lakuni li jaffettwaw is-sistema ta’ kontroll relatat mal-applikazzjoni taż-żieda fl-ispejjeż tal-ħżin abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001. Il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li r-Repubblika Taljana ma implementatx sistema adegwata ta’ kontrolli tat-talbiet tal-operaturi li tippermetti li jiġi żgurat li ż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin prevista fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 fir-rigward tal-ħżin taz-zokkor f’imħażen mikrija kienet ingħatat f’każijiet debitament iġġustifikati u li jistgħu jiġu ġġustifikati. Il-Kummissjoni rrilevat li applikazzjoni sistematika ta’ din iż-żieda, mingħajr ma jiġu implementati l-proċeduri ta’ kontroll tal-eżistenza reali tal-ispejjeż addizzjonali tal-ħżin, jew, tal-inqas, mingħajr ma l-awtoritajiet Taljani pprovaw li tali proċeduri kienu ġew previsti minn istruzzjonijiet ta’ kontroll nazzjonali, kienet tikkostitwixxi riskju għoli ta’ telf għall-fondi.

36      L-ewwel żewġ motivi invokati mir-Repubblika Taljana jsostnu l-kontestazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-infiq marbut maż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin, u huma bbażati formalment fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, l-ewwel wieħed, minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni tal-każ mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, it-tieni wieħed, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

a)     Fuq il-portata tal-ewwel motiv

37      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li d-dibattitu bejn il-partijiet jirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 u n-natura tal-kontrolli li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jwettqu qabel ma japplikaw iż-żieda ta’ 35 % fuq l-ispejjeż tal-ħżin prevista minn din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Taljana qajmet formalment biss fir-rikors tagħha, f’dak li jirrigwarda l-korrezzjoni applikata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, motivi (l-ewwel u t-tieni), ibbażati fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni, li huma relatati ma’ aspetti formali tad-deċiżjoni kkontestata u tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha.

38      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti madankollu indikat li l-ewwel motiv kellu jinftiehem li huwa bbażat mhux biss fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni, iżda wkoll fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001.

39      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, billi sostniet li tali motiv ikklassifikat mill-ġdid kellu jitqies li huwa motiv ġdid, konformement mal-ġurisprudenza u dan indipendentement mill-firxa u mill-portata tal-argumenti invokati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali b’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent ma huwiex obbligat jindika espliċitament id-dispożizzjoni legali speċifika li fuqha huwa jibbaża l-ilment tiegħu, bil-kundizzjoni li l-argumenti tiegħu jkunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex il-kontroparti u l-qorti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidentifikaw din ir-regola mingħajr diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punti 38 sa 41; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, EU:T:2008:494, punt 65). Għalhekk, preżentazzjoni tal-motivi b’riferiment għas-sustanza tagħhom iktar milli b’riferiment għall-klassifikazzjoni legali tagħhom tista’ tkun suffiċjenti, bil-kundizzjoni li l-imsemmija motivi jirriżultaw mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2010, Proges vs Il-Kummissjoni, T‑577/08, EU:T:2010:127, punt 21).

41      F’dan il-każ, minn naħa, ir-Repubblika Taljana tallega li l-Kummissjoni ma investigatx il-kundizzjonijiet tas-suq Taljan taz-zokkor qabel ma applikat il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %. Min-naħa l-oħra, hija tippreżenta serje ta’ argumenti li jfittxu li jipprovaw li l-awtoritajiet Taljani tabilħaqq irrilevaw u eżaminaw iċ-ċirkustanzi tas-suq Taljan taz-zokkor li, skontha, kienu jiġġustifikaw iż-żieda ta’ għall-inqas 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor, ħaġa li l-Kummissjoni naqset li tieħu inkunsiderazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Din it-tieni serje ta’ argumenti tar-Repubblika Taljana ma tistax tinftiehem mod ieħor għajr fis-sens li tfittex li tallega li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx li ż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin, kif prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001, ġiet applikata korrettament mill-awtoritajiet Taljani fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq li twettqet, kif ukoll li qieset li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ipproduċew provi suffiċjenti sabiex iwarrbu d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riskju għall-fondi minħabba allegat nuqqas ta’ kontrolli xierqa.

42      Huwa minnu li wħud minn dawn l-argumenti ġew invokati mir-Repubblika Taljana fil-kuntest mhux tal-ewwel, iżda tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta. Madankollu, fl-eżami tagħha tal-motivi u tal-ilmenti tal-partijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi llimitata minn klassifikazzjoni formali li dawn tal-aħħar jagħtu lill-argumenti tagħhom, bil-kundizzjoni li l-argumenti tagħhom jirriżultaw b’ċarezza suffiċjenti mill-atti tagħhom, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rrispondiet għall-ewwel u għat-tieni motivi flimkien mhux biss billi kkontestat l-allegat nuqqas ta’ investigazzjoni iżda wkoll billi stiednet lill-Qorti Ġenerali, fil-punt 94 tar-risposta tagħha, prinċipalment, sabiex tikkunsidra li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 ma kienx ġie osservat f’dan il-każ mill-awtoritajiet Taljani f’dak li kien jirrigwarda l-kundizzjonijiet formali għall-għoti tal-għajnuna. F’dan il-kuntest, hija ssostni, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interpretazzjoni li hija tagħmel tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001, li bil-fatt li tat mingħajr distinzjoni ż-żieda massima ta’ 35 % lil kważi l-produtturi kollha li għamlu użu minn postijiet tal-ħżin esterni, mingħajr ma dawn tal-aħħar iġġustifikaw, każ b’każ, l-ammont ogħla tal-ispejjeż effettivament sostnuti, ir-Repubblika Taljana kisret din id-dispożizzjoni. In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ kontrolli individwali li jirriżultaw, skont il-Kummissjoni, mill-imsemmija dispożizzjoni, espona lill-fondi għal riskju serju u ġġustifika l-korrezzjoni ta’ 10 % imposta mid-deċiżjoni kkontestata.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rrispondietx għat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda eżaminatu mal-ewwel motiv billi rrispondiet għalih permezz ta’ argumenti fuq il-mertu.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jitqies li l-ewwel motiv huwa bbażat biss fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba n-nuqqas ta’ investigazzjoni, kif issostni l-Kummissjoni, iċaħħad lil parti kbira mill-argumenti ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali mill-effettività. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, u sa fejn is-sustanza tal-argumenti tar-Repubblika Taljana tirriżulta mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti, b’mod li l-Kummissjoni setgħet tippreżenta d-difiża tagħha b’mod effettiv, u sa fejn il-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tidentifika u li teżamina dawn l-argumenti, l-ewwel motiv għandu jinftiehem li huwa bbażat mhux biss fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba n-nuqqas ta’ investigazzjoni, iżda wkoll fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba n-nuqqas ta’ investigazzjoni, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

46      Minn naħa, ir-Repubblika Taljana ssostni li, kuntrarjament għar-rakkomandazzjonijiet tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni adegwata f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tas-suq Taljan li ġġustifikaw talba min-naħa tal-impriżi taz-zokkor għal żieda fl-ispejjeż tal-ħżin. Fl-opinjoni tar-Repubblika Taljana, il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni messhom investigaw is-sitwazzjoni tas-suq tal-kiri tal-imħażen, b’mod partikolari mal-impriżi tal-ħżin, matul il-missjoni ta’ spezzjoni li huma wettqu f’Mejju 2007. Billi talbet lir-Repubblika Taljana l-prova tal-eżistenza ta’ “cirkustanzi partikolari” u t-twettiq ta’ investigazzjoni formali tas-suq, il-Kummissjoni qalbet l-oneru tal-prova.

47      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, hija pproduċiet provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija kienet investigat il-kawżi tat-talbiet għal żieda fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor. Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fl-evalwazzjoni tal-applikazzjoni taż-żieda ta’ 35 % mill-awtoritajiet Taljani, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kwantitajiet kbar ta’ zokkor li l-organu ta’ intervent kien kostrett jixtri għas-snin 2004/2005 u 2005/2006, l-iskarsezza ta’ mħażen li jissodisfaw il-karatteristiċi li teżiġi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll iż-żieda effettiva fil-prezzijiet tal-ħżin għall-prodotti li jixbhu liz-zokkor. Il-Kummissjoni allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva.

48      Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Taljani żbaljaw meta applikaw iż-żieda inkwistjoni b’mod ġeneralizzat, meta messhom wettqu l-kontrolli tat-talbiet ippreżentati mill-impriżi taz-zokkor każ b’każ sabiex jistabbilixxu l-eżistenza reali tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-ħżin fl-imħażen mikrija, billi l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jeżiġi li għandu jkun biss l-infiq realment u effettivament sostnut li jiġi imputat lill-fondi.

49      Mill-argumenti mfakkra iktar ’il fuq jirriżulta li l-partijiet ma jaqblux, essenzjalment, dwar in-natura tal-kontrolli l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu qabel ma japplikaw iż-żieda ta’ 35 % prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mal-ħżin fl-imħażen mikrija. Għalhekk għandhom jiġu ċċarati, qabel xejn, l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri meta japplikaw id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001.

 Fuq il-kontrolli li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

50      Ir-Regolament Nru 1262/2001 introduċa regoli komuni għat-teħid ta’ responsabbiltà u għall-ġestjoni taz-zokkor prodott taħt kwota li jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ intervent, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet u l-ispejjeż tal-ħżin ta’ dan iz-zokkor.

51      L-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 jipprovdi:

“[L-]ispejjeż ta’ ħażna għaz-zokkor maħżun fis-silos jew fl-imħażen ta’ impriżi taz-zokkor ma jistgħux jaqbżu EUR 0,048 kull 100 kilogramm u għal kull perjodu ta’ għaxart ijiem.

Madankollu, l-aġenzija ta’ intervent tista tgħolli dak l-ammont b’mhux aktar minn 35 % meta z-zokkor ikun maħżun f’silos jew imħażen mikrija minn min qed jagħmel l-offerta minbarra l-impriżi taz-zokkor u, f’ċirkostanzi speċjali, b’mhux aktar minn 50 %.”

52      Għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 la jispeċifika l-modalitajiet u lanqas il-portata tal-kontrolli li l-Istati Membri huma obbligati jwettqu qabel ma japplikaw iż-żieda ta’ 35 %.

53      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1258/1999, li huwa fformulat f’termini analogi għal dawk tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom mit-twettiq reali u mir-regolarità tat-tranżazzjonijiet iffinanzjati mill-fondi agrikoli Ewropej, li jimpedixxu l-irregolaritajiet u jieħdu proċeduri legali fil-konfront tagħhom u li jirkupraw l-ammonti mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi, anki jekk l-att speċifiku tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix espressament l-adozzjoni ta’ miżura ta’ kontroll partikolari (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑373/99, Ġabra, EU:C:2001:662, punt 9, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑55/07, EU:T:2009:371, punt 62).

54      Il-ġurisprudenza speċifikat li minn dawn id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati fid-dawl tal-obbligu ta’ kollaborazzjoni leali mal-Kummissjoni, previst fl-Artikolu 4 TUE, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-użu korrett tar-riżorsi tal-Unjoni, jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw serje ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ verifiki fuq il-post li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza diretta tar-rekwiżiti sostantivi u formali għall-għoti tal-primjums inkwistjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑157/00, Ġabra, EU:C:2003:5, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk tali serje ta’ kontrolli ma tiġix organizzata jew jekk dik implementata minn Stat Membru tkun tant inadegwata li tħalli dubji rigward l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata li ma tirrikonoxxix ċertu nfiq magħmul mill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑8/88, Ġabra, EU:C:1990:241, punti 20 u 21; tal-14 ta’ April 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑468/02, EU:C:2005:221, punt 36, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑183/06, EU:T:2009:370, punt 31).

55      Minn dan isegwi li, anki jekk il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-għoti tal-primjums ma timponix espressament fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu miżuri ta’ sorveljanza u modalitajiet ta’ kontroll bħal dawk indikati mill-Kummissjoni matul il-clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli Ewropej, jibqa’ l-fatt li dan l-obbligu jista’ jirriżulta, jekk ikun il-każ impliċitament, mill-fatt li, skont ir-regoli dwar il-fondi agrikoli Ewropej, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza (ara s-sentenzi tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra, EU:C:2008:247, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T‑368/05, EU:T:2009:305, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk l-obbligi li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi, li jikkonsistu fil-kontroll tal-eliġibbiltà tal-infiq marbut mal-kiri tal-imħażen, jirriżultax impliċitament mill-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw sistema effikaċi ta’ kontroll.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 jipprovdi li, jekk iz-zokkor ikun maħżun f’imħażen mikrija, l-ispejjeż tal-ħżin jistgħu jiżdiedu “b’mhux aktar minn 35 %”. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta impliċitament, iżda neċessarjament, li għandha tiġi applikata żieda inqas għolja mill-organu ta’ intervent jekk l-ispejjeż effettivament inkorsi mill-benefiċjarju fir-rigward tal-kiri tal-imħażen ikunu iktar baxxi minn dan il-limitu massimu ta’ 35 %. Tali kontroll tal-legalità u tar-regolarità tal-infiq li ser jiġi imputat lill-fondi jista’ jitwettaq biss, kif issostni l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ kontrolli individwali abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mid-depożitarju li jirrigwardaw, minn naħa, iċ-ċirkustanzi li ġagħluh jagħmel użu minn maħżen estern u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż addizzjonali li ġew ikkawżati mill-użu ta’ dan il-maħżen. Fil-fatt, l-effikaċja tal-kontroll intiż li jivverifika jekk l-ispejjeż reali inkorsi mill-benefiċjarji fir-rigward tal-kiri tal-imħażen jikkorrispondux effettivament għaż-żieda ta’ 35 % tiddgħajjef serjament, jew saħansitra ma tkunx possibbli, fil-każ tal-applikazzjoni ta’ din iż-żieda sempliċement abbażi tal-informazzjoni ġenerali dwar is-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat bħal-listi tal-prezzijiet applikati fis-suq għal prodotti simili jew l-indikazzjonijiet dwar l-iskarsezza ta’ mħażen adegwati.

58      Minn dan isegwi li, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE, li fuqu hija bbażata l-implementazzjoni tal-fondi agrikoli Ewropej, kif ukoll fid-dawl tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali f’din l-implementazzjoni, kif imfakkra fil-punti 53 sa 55 iktar ’il fuq, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Istati Membri jorganizzaw sistema ta’ kontroll li tippermetti li jiġi vverifikat, każ b’każ, li l-infiq relatat mal-ħżin taz-zokkor f’imħażen mikrija jeżisti fir-realtà b’mod li jkun biss l-infiq debitament iġġustifikat mill-benefiċjarji u dak effettivament inkors minn dawn tal-aħħar li jiġi imputat lill-fondi.

59      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001, jekk is-sistema ta’ kontroll stabbilita mir-Repubblika Taljana tissodisfax l-obbligi impliċiti kif deskritti iktar ’il fuq.

 Fuq il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-implementazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma ssostnix li l-awtoritajiet Taljani wettqu l-kontrolli individwali tat-talbiet tal-operaturi għal żieda fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor bil-għan li jivverifikaw jekk l-ispejjeż ġewx effettivament inkorsi. Barra minn hekk, hija ma tressaq ebda argument li jippermetti li jiġi kkonstatat li tali kontrolli twettqu. B’mod partikolari, hija baqgħet ma pproduċietx prova, bħal istruzzjonijiet nazzjonali, tal-eżistenza tal-proċeduri ta’ kontroll tat-talbiet tal-operaturi.

61      Ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi li l-implementazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001 jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet reali li jiġġustifikaw li tingħata żieda ta’ 35 % fir-rigward tal-ispejjeż tal-ħżin. Madankollu, hija tqis li investigazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tas-suq taz-zokkor u tal-ħżin tiegħu fl-Italja kienet ta’ natura li tiġġustifika tali żieda (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Ir-Repubblika Taljana lanqas ma tikkontesta verament li ż-żieda ta’ 35 % ġiet applikata b’mod ġeneralizzat għall-produtturi kollha taz-zokkor li pparteċipaw fl-intervent u li kienu għamlu użu minn imħażen esterni.

62      Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, matul id-diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet Taljani u r-rappreżentanti tal-produtturi taz-zokkor u tal-impriżi tal-ħżin, l-awtoritajiet Taljani mhux biss fittxew li jinformaw ruħhom dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq Taljan taz-zokkor u tal-ħżin taz-zokkor, iżda nnegozjaw ukoll mal-operaturi l-ispejjeż tal-ħżin li kellhom ikunu koperti mill-għajnuna tal-Unjoni. Fid-dawl tal-konklużjonijiet li setgħu jaslu għalihom wara dawn il-laqgħat, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li japplikaw, b’mod ġeneralizzat, żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor fl-imħażen mikrija.

63      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-eżistenza ta’ tali negozjati intiżi li jistabbilixxu l-prezz tal-ħżin qabel l-intervent, billi l-prodott diġà kien maħżun fl-imħażen awtorizzati.

64      Madankollu, huma l-awtoritajiet Taljani stess li informaw lill-Kummissjoni b’negozjati dwar il-prezz tal-ħżin taz-zokkor.

65      Fil-fatt, fl-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2008, invokata mir-rikorrenti fil-punt 12 tar-rikors, l-AGEA indikat lill-Kummissjoni li “[i]l-Ministru Taljan tal-Agrikoltura, l-AGEA, il-produtturi taz-zokkor u l-proprjetarji tal-imħażen iltaqgħu sabiex jinnegozjaw u jistabbilixxu prezz raġonevoli għall-imħażen mikrija”, li “[i]l-prezz innegozjat kien jikkorrispondi kważi eżattament għall-prezz irrimborsat mill-Kummissjoni, inkluża żieda ta’ 35 %” u, fl-aħħar nett, li “il-proċedura teknika u amministrattiva [segwita mill-AGEA kienet] turi li l-AGEA [kienet] wettqet eżami ddettaljat tad-diversi elementi li wassluha għad-deċiżjoni operattiva li tirrimborsa lill-industriji taz-zokkor spejjeż tal-ħżin miżjuda bi 35 %”. Din il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani tirriżulta wkoll mill-punt 3.3 tal-minuti tal-laqgħa bilaterali, li ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Taljana. Bl-istess mod, fil-punt B.5 tar-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, issemmiet il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Taljani li skontha, “wara xhur ta’ negozjati, [l-awtoritajiet Taljani u d-diversi operaturi fil-qasam tal-ħżin u tal-produzzjoni taz-zokkor] waslu għal ftehim fuq il-prezz u dan il-ftehim irrikjeda l-applikazzjoni taż-żieda ta’ 35 % fuq il-prezzijiet inklużi fir-regolament[, filwaqt li l-]awtoritajiet Taljana jirreferu għal ittri li jinsabu fil-fajl li juru li l-prezz kien kwistjoni ċentrali fin-negozjati”. Mid-dokumenti annessi mal-ittra tal-AGEA tas-17 ta’ Diċembru 2010 jirriżulta wkoll li laqgħat bejn l-awtoritajiet Taljani u l-operaturi kkonċernati wasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ħżin li jinkludu żieda ta’ 35 % għaz-zokkor maħżun f’imħażen mikrija.

66      F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), ma huwiex rilevanti li jsir magħruf jekk in-negozjati seħħewx qabel jew wara li z-zokkor ġie maħżun mill-produtturi fl-imħażen mikrija. Bl-istess mod, il-fatt li dawn in-negozjati seta’ kellhom il-konsegwenza li l-kumpanniji tal-ħżin ma applikawx prezzijiet li jikkorrispondu għal żieda ta’ 50 %, li hija prevista wkoll mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001, ma jippermettix li jiġi konkluż li n-negozjati li tmexxew kienu jippermettu, fihom infushom, li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

67      Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, tali aġir tal-awtoritajiet Taljani kien ta’ natura li jiffaċilita l-applikazzjoni, mill-operaturi tas-suq, ta’ prezzijiet ta’ kiri tal-imħażen mhux iġġustifikati mill-kundizzjonijiet tas-suq, iżda allinjati mal-livelli massimi tal-għajnuna li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Issa r-rekwiżit ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif imfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-għajnuna tikkorrispondi għar-realtà tas-suq, mingħajr ma s-swieq ifittxu li jadattaw ruħhom għall-għajnuna prevista mid-dritt tal-Unjoni, kif issostni l-Kummissjoni.

68      Għaldaqstant, u indipendentement mill-kwistjoni jekk l-aġir tal-operaturi kkonċernati jistax jiġi kklassifikat, f’dan il-każ, bħala prattiki abbużivi fis-sens tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni u, konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata allegata natura ġdida ta’ dan l-ilment tal-Kummissjoni, kif tallega r-Repubblika Taljana, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament issostni li l-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ma kellhomx jinnegozjaw mal-operaturi kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, konsegwentement, jadottaw deċiżjoni li tapplika ż-żieda ta’ 35 % b’mod ġeneralizzat għall-ispejjeż marbuta mal-ħżin taz-zokkor.

69      Tali elementi, li jtendu lejn applikazzjoni ġeneralizzata mill-awtoritajiet Taljani taż-żieda ta’ 35 % tal-ispejjeż marbuta mal-ħżin taz-zokkor, jistgħu joħolqu dubji serji u raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza invokata fil-punt 32 iktar ’il fuq, dwar l-eżistenza ta’ sistema effikaċi u adegwata ta’ kontroll li tippermetti li jiġi żgurat li r-rekwiżiti sostantivi u formali għall-għoti ta’ din iż-żieda kienu ssodisfatti fil-każijiet kollha. Konsegwentement, tali applikazzjoni ġeneralizzata taż-żieda ta’ 35 % wara negozjati mal-operaturi kkonċernati hija manifestament ta’ natura li tesponi l-fondi għal riskju serju, billi spejjeż mhux iġġustifikati, jew saħansitra nieqsa minn eżistenza reali, setgħu ġew imputati lill-fondi.

70      Ir-Repubblika Taljana baqgħet ma pproduċietx provi konkreti u preċiżi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 iktar ’il fuq, li huma ta’ natura li jinvalidaw il-fondatezza tad-dubji raġonevoli espressi mill-Kummissjoni.

71      F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-ilment tar-Repubblika Taljana bbażat fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni allegatament ma wettqitx investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq Taljan taz-zokkor u tal-ħżin taz-zokkor (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni kellha tipprova każijiet ta’ ksur tar-regoli billi tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ dubji serji u raġonevoli, ir-Repubblika Taljana, min-naħa l-oħra, kellha tipproduċi provi konkreti u preċiżi ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

72      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument li r-Repubblika Taljana tibbaża fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport finali tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE, tal-1 ta’ Lulju 1994, li tistabbilixxi proċedura ta’ konċiljazzjoni fil-kuntest tal-kjariment [tal-clearance] tal-kontijiet tal-EAGGF [FAEGG] Sezzjoni ta’ Garanzija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 268), “il-pożizzjoni tal-Korp ser tkun mingħajr preġudizzju lid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni fuq il-kjariment [il-clearance] tal-kontijiet”. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bil-konklużjonijiet tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑44/97, Ġabra, EU:C:1999:510, punt 18, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑486/09, EU:T:2013:465, punt 45). Għaldaqstant, minkejja li l-Korp ta’ Konċiljazzjoni rrakkomanda lill-Kummissjoni li tirrevedi l-proposta li tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji fuq l-ispejjeż tal-ħżin billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq Taljan u l-kriżi li kienet laqtitu, dan ma jammontax għal obbligu għall-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni speċifika f’dan ir-rigward.

73      Lanqas l-argument tar-Repubblika Taljana li bih issostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkonsulta s-Servizz Ġuridiku tagħha, meta l-aġenti tagħha kienu ħabbru dan il-pass waqt il-missjoni ta’ spezzjoni, ma jista’ jirnexxi. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, tali konsultazzjoni tikkostitwixxi element tal-proċedura interna ta’ tħejjija tad-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni u fi kwalunkwe każ ma jistax jitqies li hija determinanti fil-kuntest tal-konklużjoni li għaliha din tal-aħħar waslet f’dan il-każ fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

74      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi invokati mir-Repubblika Taljana, bħas-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-suq Taljan li rriżultat mill-produzzjoni żejda ta’ zokkor fis-snin 2004/2005 u 2005/2006, li obbligat lill-produtturi jfittxu mħażen esterni għall-impriżi taz-zokkor, in-numru ristrett ta’ mħażen li jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa għall-ħżin taz-zokkor, jew il-prezzijiet tal-ħżin applikati għal prodotti simili għaz-zokkor, ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konklużjoni li l-assenza ta’ kontrolli individwali li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-għajnuna ngħatat f’każijiet iġġustifikati u li jistgħu jiġu ġġustifikati, kienet tesponi l-fondi għal riskju serju ta’ telf.

75      Fil-fatt, anki jekk jitqies li investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq imwettqa mill-awtoritajiet Taljana tista’ titqies li hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika, fuq livell ekonomiku ġenerali, żieda ta’ 35 %, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta, fi kwalunkwe każ hija ma tistax tissostitwixxi l-kontrolli każ b’każ intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza reali tal-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti mill-fondi. Tali investigazzjoni ġenerali, li fiha, barra minn hekk, kienu involuti l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament mill-kisba ta’ żieda fl-ispejjeż tal-ħżin, kif jirriżulta mill-punti 62 sa 65 iktar ’il fuq, ma kinitx ta’ natura li tipproteġi b’mod suffiċjenti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sa fejn ma kinitx tippermetti li jiġi ggarantit li kull wieħed mill-benefiċjarji kien jinsab fis-sitwazzjoni li tiġġustifika li jingħata tali żieda u lanqas li, minħabba l-kiri tal-imħażen, huwa effettivament inkorra spejjeż addizzjonali li jammontaw għal 35 % tal-ispejjeż marbuta mal-ħżin taz-zokkor.

76      L-istess japplika għan-noti ppreżentati mill-produtturi taz-zokkor insostenn tat-talbiet tagħhom għal żieda ta’ 50 % tal-ispejjeż tal-ħżin, li għalihom tirreferi r-Repubblika Taljana.

77      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda ittra ta’ assoċjazzjoni tal-produtturi taz-zokkor fl-Italja, prodotta bħala Anness A46 tar-rikors, ir-Repubblika Taljana rrikonoxxiet, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li dan id-dokument ma kienx intbagħat waqt il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif sostniet il-Kummissjoni. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza li skontha l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta hija adottatha (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑46/09, Ġabra, EU:T:2013:32 punt 149; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81), dan id-dokument ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2014, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑463/07, EU:T:2014:665, punt 108).

78      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda n-noti ppreżentati lill-awtoritajiet Taljani minn ċerti impriżi taz-zokkor bir-rigward tat-talbiet tagħhom għal żieda ta’ 50 % tal-ispejjeż tal-ħżin, prodotti bħala Anness A45 tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dawn in-noti ma humiex ta’ natura li jipprovaw li l-awtoritajiet Taljani wettqu kontrolli adegwati intiżi li jivverifikaw li l-ispejjeż reali tal-ħżin inkorsi minn dawn l-impriżi kienu jikkorrispondu għal żieda ta’ 35 %.

79      Fil-fatt, in-noti inkwistjoni jsemmu l-produzzjoni żejda taz-zokkor fl-Italja u l-assenza ta’ spazju għall-ħżin fl-imħazen li jappartjenu lill-impriżi taz-zokkor kif ukoll restrizzjonijiet marbuta mal-ħżin taz-zokkor fl-imħażen esterni. Għalhekk, l-iktar l-iktar, huma jistgħu jipprovaw ċerti ċirkustanzi li jistgħu jobbligaw lill-impriżi taz-zokkor li jagħmlu użu minn imħażen esterni. Madankollu, huma ma jistgħux jipprovaw li l-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor effettivament sostnuti mill-impriżi taz-zokkor kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-ħżin miżjuda b’35 %, b’mod partikolari, sa fejn, fl-imsemmija noti, imkien ma jissemmew l-ispejjeż marbuta mal-ħżin taz-zokkor f’imħażen mikrija.

80      Anki jekk jitqies li l-pożizzjoni tar-Repubblika Taljana tirriżulta mill-interpretazzjoni li hija tagħmel tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001, li skontha l-kontrolli individwali tal-eżistenza reali tal-ispejjeż ma humiex rikjesti meta tiġi applikata ż-żieda ta’ 35 % prevista minn din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi oġġettivi ġenerali jiġġustifikaw tali żieda, għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, kif jirriżulta mill-punti 57 u 58 iktar ’il fuq.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fil-każijiet ta’ applikazzjoni oġġettivament żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, ibbażata fuq interpretazzjoni adottata bona fide mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2005 jeżiġu li l-ispejjeż marbuta ma’ tali applikazzjoni jiġu imputati lill-Istati Membri. Din l-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-infiq mill-fondi tapplika minħabba l-għan ta’ dawn ir-regolamenti tal-aħħar, billi l-ġestjoni tal-politika agrikola komuni f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza bejn l-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri tipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni partikolari, jiffavorixxu lill-operaturi ta’ dan l-Istat, għad-detriment ta’ dawn tal-Istati Membri l-oħra li japplikaw interpretazzjoni iktar stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:C:2005:221, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Kif ġie enfasizzat fil-punt 6.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika Taljana kienet l-uniku Stat Membru li ta żieda b’mod sistematiku fl-ispejjeż tal-ħżin.

83      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tiżbalja meta tagħti x’tifhem, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva f’dan il-każ. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ittri skambjati matul din il-proċedura, b’mod partikolari mill-ittra tat-3 ta’ Frar 2010 u mill-minuti tal-laqgħa bilaterali u mir-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Taljani, iżda qieset li dawn ma kinux suffiċjenti sabiex telimina d-dubji tagħha fir-rigward tal-eżistenza reali u tal-effettività tal-kontrolli relatati mal-applikazzjoni taż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma rrispondietx għal kull wieħed mill-argumenti tar-Repubblika Taljana ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li hija rrifjutat li teħodhom inkunsiderazzjoni.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

85      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-provi ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani li juru li l-investigazzjoni tas-suq tabilħaqq kienet twettqet, b’mod li ż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin kienet iġġustifikata, u li ma tatx raġunijiet li għalihom ma kinitx qieset li dawn il-provi kienu suffiċjenti sabiex jissostitwixxu studju tas-suq jew sabiex jistabbilixxu li l-impriżi taz-zokkor kollha kienu talbu li jiżdiedu l-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor.

86      Il-Kummissjoni ma rrispondietx għat-tieni motiv, li qiegħed jinftiehem li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun possibbli għall-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑26/00, Ġabra, EU:C:2005:450, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra, EU:T:2009:212, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Għandha ssir distinzjoni bejn l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni. Dan l-aspett tal-aħħar jaqa’ taħt l-eżami tal-legalità sostantiva tad-deċiżjoni u mhux tal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 296 TFUE (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra, EU:C:2005:768, punti 26 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Ottubru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑426/08, EU:T:2012:526, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Sa fejn, permezz tat-tieni motiv, ir-Repubblika Taljana tallega essenzjalment li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma rrispondietx espressament għall-provi li hija ppreżentat u li kienu intiżi li jipprovaw li l-awtoritajiet Taljani tabilħaqq ivverifikaw iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw iż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin taz-zokkor, hija tqiegħed fid-dubju l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li r-Repubblika Taljana qieset li ċerti provi kienu essenzjali jew li kienu neċessarjament jinvalidaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ kontrolli xierqa, ħaġa li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-mertu u li ġiet evalwata fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara, b’mod partikolari, il-punt 83 iktar ’il fuq), ma jistax ibiddel il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

90      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżamina tali lment abbażi tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata għandhom għalhekk jitqiesu li huma irrilevanti (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, Operator ARP vs Il-Kummissjoni, T‑291/06, Ġabra, EU:T:2009:235, punt 48).

91      Fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑66/02, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2005:768, punt 26, u tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punt 77).

92      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Lulju 1963, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 24/62, Ġabra, EU:C:1963:14, p. 131 u 143, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, EU:C:2007:6, punt 30; ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑7/92, Ġabra, EU:T:1993:52, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli Ewropej, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ tħejjija ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma kontenzjuża ma kellhiex tiġi imputata lill-fond agrikolu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra, EU:C:2001:455, punt 98, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/01, Ġabra, EU:C:2004:496, punt 67, u tas-26 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑84/09, EU:T:2012:471, punt 17).

94      Issa, f’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani ġew involuti mill-qrib fil-proċess ta’ tħejjija tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-inċertezzi li kellha l-Kummissjoni fir-rigward tal-kontrolli relatati maż-żieda fl-ispejjeż tal-ħżin inġiebu diversi drabi għall-konjizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet bil-miktub, li saru diskussjonijiet f’dan ir-rigward u li ġie adit il-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod preċiż u ddettaljat, kemm fil-komunikazzjoni formali tat-3 ta’ Frar 2010 kif ukoll fil-pożizzjoni finali tat-3 ta’ Jannar 2011 u fir-rapport ta’ sinteżi, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tapplika l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 %. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Taljani kienu konxji mis-suġġett tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-ammonti u mill-bażi legali tal-korrezzjoni inkwistjoni. Ir-Repubblika Taljana kienet għalhekk f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod effettiv il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill-argumenti li ressqet fil-kuntest tal-ewwel motiv, b’mod li motivazzjoni iktar dettaljata fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx neċessarja.

95      Konsegwentement, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha titqies fi kwalunkwe każ li hija suffiċjenti u t-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għas-sena 2006 minħabba l-kontrolli ta’ inventarju li saru tard

96      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni ta’ 5 % għall-infiq iddikjarat mir-Repubblika Taljana fir-rigward tal-ħżin taz-zokkor għas-sena finanzjarja 2006 minħabba t-twettiq tardiv tal-kontrolli ta’ inventarju. Fir-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward l-Artikolu 2(3)(a) u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 (punt 6.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi). Dewmien fit-twettiq tal-kontrolli ta’ inventarju annwali, li twettqu biss fi Frar 2007 għas-sena 2006, jikkostitwixxi riskju manifest ta’ irregolarità u ta’ telf għall-fondi (punt 6.1.3 tar-rapport ta’ sinteżi). Il-punt 6.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi, intitolat “Pożizzjoni finali tal-Kummissjoni”, jispeċifika li din il-korrezzjoni, li ma hijiex marbuta mal-emenda tal-leġiżlazzjoni, jiġifieri d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006, tirreferi għar-rekwiżit li l-kontrolli ta’ inventarju, intiżi li jistabbilixxu li l-kwantitajiet maħżuna konformement mal-kontabbiltà tal-ħażna huma effettivament riflessi mis-sitwazzjoni tal-ħażna fiżika, għandhom jitwettqu fi tmiem is-sena tal-ħżin, jiġifieri f’Settembru 2006.

97      Insostenn tal-kontestazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % relatata mal-kontrolli ta’ inventarju li saru tard għas-sena finanzjarja 2006, ir-Repubblika Taljana tinvoka erba’ motivi, f’dan il-każ it-tielet, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ motivi, u, sussidjarjament bħala l-ħames motiv, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 915/2006. Dawn il-motivi huma bbażati, rispettivament, it-tielet wieħed, fuq ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Anness I tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, kif emendat bl-Anness tar-Regolament Nru 915/2006, u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ prova u żnaturament tal-fatti, u s-seba’ wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u assenza ta’ provi f’dak li jirrigwarda l-allegat riskju ta’ dannu għall-fondi, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju tal-effettività.

a)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Anness I tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, kif emendat bl-Anness tar-Regolament Nru 915/2006, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità

98      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

99      Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-Repubblika Taljana ssostni essenzjalment li l-applikazzjoni immedjata ta’ obbligu li jiġu redatti l-inventarji dwar operazzjonijiet li diġà jkunu ilhom ċertu żmien li twettqu fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 884/2006 u tar-Regolament Nru 915/2006 f’Ġunju 2006, jiġifieri ftit qabel l-għeluq tas-sena finanzjarja f’Settembru 2006, tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. L-awtoritajiet nazzjonali bbażaw ruħhom fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 884/2006, kellha tibqa’ fis-seħħ “tal-inqas” sat-30 ta’ Settembru 2006. Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fit-30 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet Taljana ma kellhom ebda obbligu li jirrediġu l-inventarji skont is-sistema formali li daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2006.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

–       Fuq ir-Regolament Nru 915/2006

101    Skont il-premessa 2 u l-Artikolu 1 tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 915/2006 huwa li jemenda l-Anness III tar-Regolament Nru 2148/96 sabiex jiġu stabbiliti modalitajiet ta’ applikazzjoni ġodda għall-proċedura ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin fir-rigward taz-zokkor. Skont l-Artikolu 2 tiegħu, huwa daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fid-29 ta’ Ġunju 2006. Dawn il-modalitajiet ta’ spezzjoni fiżika tal-ħażniet kienu applikabbli għas-sena 2005/2006, li hija s-sena kkonċernata f’din il-kawża, bla ħsara għall-miżuri tranżitorji previsti mill-imsemmi regolament (ara l-punti 105 u 106 iktar ’il quddiem)

102    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-korrezzjoni ta’ 5 % ma kinitx ibbażata fuq ksur mill-awtoritajiet Taljani tal-modalitajiet ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin taz-zokkor kif introdotti mir-Regolament Nru 915/2006. Kemm mid-deċiżjoni kkontestata u mir-rapport ta’ sinteżi kif ukoll mill-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li f’ebda mument ma tqajjem tali lment mill-Kummissjoni.

103    Barra minn hekk, b’risposta għal osservazzjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni li qies li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006, kien hemm lakuni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, u li għamel riferiment għal miżuri tranżitorji introdotti minn dan ir-regolament f’dak li kien jirrigwarda l-kontrolli ta’ inventarju għall-ħażniet pubbliċi ta’ zokkor ikkostitwiti, b’mod partikolari, matul is-sena 2005/2006, il-Kummissjoni rrilevat espliċitament, fil-punt 6.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi, li l-korrezzjoni ta’ 5 % ma kinitx marbuta mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006, iżda kienet tirreferi għar-rekwiżit li l-kontrolli ta’ inventarju kellhom jitwettqu sax-xahar ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tar-Repubblika Taljana, kif speċifikat bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni messha applikatilha regola tranżitorja prevista mir-Regolament Nru 915/2006 għas-snin 2004/2005 u 2005/2006.

105    F’dak li jirrigwarda l-miżuri tranżitorji, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 915/2006 tipprovdi dan li ġej:

“Bil-konsiderazzjoni li l-intervent fiz-zokkor ingħata bidu għas-sena tal-bejgħ 2004/2005 mingħajr ma ġew stipolati regoli ta’ inventarji detaljati, il-mod li bih ċerti Stati Membri organizzaw il-ħażna taz-zokkor iwassal għal diffikoltà kbir biex isir l-inventarju skond il-proċeduri normali. Regoli tranżitorji għandhom għalhekk jiġu stipolati għall-ħażniet ta’ zokkor mis-snin ta’ bejgħ fis-suq l-2004/2005 u l-2005/2006.”

106    F’dan ir-rigward, l-Anness III tar-Regolament Nru 2148/96 ġie emendat bir-Regolament Nru 915/2006, billi żdiedu dispożizzjonijiet ġodda intitolati “VII – Zokkor bl-ingrossa” u “VIII – Zokkor ippakkjat”. Fihom jissemma dan li ġej fir-rigward tar-regoli tranżitorji li għandhom jiġu applikati f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika għall-ħażniet ta’ zokkor li jkunu s-suġġett matul is-snin 2004/2005 u 2005/2006:

“[…] Spezzjoni fiżika tal-ħażniet pubbliċi taz-zokkor mis-sena ta’ bejgħ ta’ l-2004/2005 u l-2005/2006:

1. F’każ li l-proċeduri ta’ l-inventarju deskritti fil-punt A mhumiex possibbli, l-aġenzija ta’ intervent għandha b’mod uffiċjali tissiġilla l-punti ta’ aċċess kollha jew il-ħruġ mill-fosos/mill-ħażniet. L-aġenzija ta’ intervent għandha tispezzjona l-integrità tas-siġilli fuq bażi ta’ kull xahar sabiex wieħed jaċċerta li jibqgħu intatti. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jiddaħħlu fid-dettall f’rapport. Ebda aċċess ma huwa permess għall-ħażniet mingħajr il-preżenza ta’ l-ispettur ta’ l-aġenzija ta’ intervent.

L-Istat Membru għandu jiżgura li l-proċedura tas-siġilli isservi ta’ aċċertament għall-integrità tal-prodotti ta’ intervent maħżuna.

2. Spezzjoni għall-verifika tal-kondizzjonijiet ta’ ħażna u konservazzjoni xierqa għandha ssir mill-inqas ta’ kull sena.”

107    Kif jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, ġew previsti regoli tranżitorji mir-Regolament Nru 915/2006 għall-każ fejn ma jkunx possibbli li jiġu segwiti, għall-perijodi ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005 u 2005/2006, il-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin taz-zokkor skont il-modalitajiet introdotti mir-Regolament Nru 915/2006. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma lmentatx li l-awtoritajiet Taljani ma segwewx l-imsemmija proċeduri.

108    Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Taljana ma ssostnix li l-awtoritajiet Taljani kellhom diffikultajiet sabiex japplikaw il-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika introdotti mir-Regolament Nru 915/2006. Huwa minnu li hija ssostni l-eżistenza ta’ ċerti “diffikultajiet ta’ koordinazzjoni oġġettivi” mal-organu pubbliku inkarigat bil-kontroll ta’ inventarju, f’dan il-każ Agecontrol. Madankollu, hija la ssostni li l-kawża ta’ dawn id-diffikultajiet kienet il-modalitajiet il-ġodda tal-ispezzjonijiet fiżiċi introdotti mir-Regolament Nru 915/2006 u lanqas li, għal din ir-raġuni, ġew segwiti l-proċeduri alternattivi previsti mill-miżuri tranżitorji.

109    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn jirrigwarda r-Regolament Nru 915/2006.

–       Fuq ir-Regolament Nru 884/2006

110    Kif jirriżulta mill-premessi u mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 884/2006, dan tal-aħħar jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli applikabbli għall-finanzjament mill-FAEG tal-miżuri ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku, għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-operazzjonijiet korrispondenti mill-aġenziji tal-ħlas u għall-eliġibbiltà u għall-modalitajiet ta’ kalkolu tal-infiq li jista’ jiġi imputat lill-FAEG. Skont il-premessa 13 u l-Artikolu 14 tiegħu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 884/2006 jissostitwixxu f’dan ir-rigward dawk li jirriżultaw minn diversi regolamenti li huma wkoll imħassra, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2148/96 u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3492/90, tas-27 ta’ Novembru 1990, li jistabbilixxi l-fatturi li jridu jittieħdu f’konsiderazzjoni fil-kontijiet annwali għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent fil-għamla ta’ ħażna pubblika mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 50).

111    Ir-Regolament Nru 884/2006, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tiegħu, daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit-30 ta’ Ġunju 2006, kien applikabbli, skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu, mill-1 ta’ Ottubru 2006.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-prinċipju li l-liġijiet li jemendaw dispożizzjoni leġiżlattiva japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi antika (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music, C‑60/98, Ġabra, EU:C:1999:333, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra, EU:C:2002:57, punt 50). Għalkemm ir-regoli proċedurali ġeneralment jitqiesu li japplikaw għall-kawżi kollha pendenti fil-mument meta jidħlu fis-seħħ, ir-regoli sostantivi għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li japplikaw għal sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mit-termini, mill-għanijiet u mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li għandu jingħatalhom tali effett (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra, EU:C:2002:524, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il-Kummissjoni, T‑24/07, Ġabra, EU:T:2009:236, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-leġiżlatur huwa liberu li jagħmel distinzjoni bejn id-data tad-dħul fis-seħħ u dik tal-applikazzjoni tat-test li huwa jadotta, billi jdewwem it-tieni waħda fil-konfront tal-ewwel. Tali proċedura tista’ tippermetti, b’mod partikolari, ladarba l-att ikun daħal fis-seħħ u għalhekk ikun ġie integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, lill-Istati Membri jew lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jissodisfaw, abbażi ta’ dan l-att, l-obbligi preliminari li jkollhom iwettqu u li jkunu indispensabbli għall-applikazzjoni kompleta sussegwenti tiegħu fil-konfront tal-persuni kollha kkonċernati minnu (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Homawoo, C‑412/10, Ġabra, EU:C:2011:747, punt 24).

114    Jekk miżura amministrattiva tispeċifika li hija ser ikollha effett minn data speċifika, dan ifisser li l-effetti tagħha jibdew jitwettqu fil-jum innifsu tad-data indikata (sentenza tal-14 ta’ April 1970, Cafiero vs Il‑Kummissjoni, 42/69, Ġabra, EU:C:1970:23, p. 161, punt 7).

115    Minn dan isegwi li, bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi li pprovdew għall-applikazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu f’data preċedenti għal dik li fiha jkollu effett kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tagħha, ir-Regolament Nru 884/2006 kien applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2006.

116    Ir-Repubblika Taljana ssostni allegata applikazzjoni retroattiva mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 884/2006 f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jitwettqu l-kontrolli ta’ inventarju, sa fejn l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament introduċa għall-ewwel darba obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali għal operazzjonijiet li diġà jkunu ilhom ċertu żmien li twettqu fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ebda premessa jew ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 884/2006 ma tista’ tinftiehem li hija intiża li tistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza ta’ meta jkollhom effett id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament f’data differenti minn dik li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tiegħu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha titqies li tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2006.

118    Mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-Kummissjoni invokat din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-korrezzjoni ta’ 5 % relatata mas-sena finanzjarja 2006, li tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2005 u t-30 ta’ Settembru 2006.

119    Għaldaqstant, huwa bi ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 għall-obbligu tal-awtoritajiet Taljani li jippreparaw inventarju matul is-sena finanzjarja 2006.

120    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90 u mhux l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2005 li kien applikabbli f’dan il-każ, ratione temporis, għall-obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali.

121    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk tali żball, imwettaq mill-Kummissjoni, jivvizzjax id-deċiżjoni kkontestata b’difett purament formali jew, għall-kuntrarju, b’difett proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-annullament tagħha f’dak li jirrigwarda l-korrezzjoni ta’ 5 %, minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

122    Il-Kummissjoni tispjega li, matul il-proċedura amministrattiva, hija għamlet riferiment għall-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 billi kien ir-regolament fis-seħħ matul l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura, li abbażi tiegħu hija indikat lill-awtoritajiet Taljani l-miżuri korrettivi li kellhom jittieħdu. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 ma kienx ġdid, fatt li huwa kkonfermat mit-tabella ta’ korrelazzjoni annessa ma’ dan ir-regolament, li skontha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90.

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li d-dritt tal-Unjoni jkun ċar u li l-applikazzjoni tiegħu tkun prevedibbli għal dawk li huma kkonċernati. Dan ir-rekwiżit jeħtieġ li s-saħħa vinkolanti ta’ kull att intiż li jipproduċi effetti legali toħroġ minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tkun indikata espressament bħala bażi legali u li tippreskrivi l-forma legali li għandu jkollu l-att (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑308/05, Ġabra, EU:T:2007:382, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Settembru 2011, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑4/06, EU:T:2011:546, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dak li jirrigwarda l-eżami tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti li jipproduċu effetti legali, l-ommissjoni ta’ referenza għal dispożizzjoni preċiża tista’ ma tikkostitwixxix difett sostanzjali meta l-bażi legali ta’ att tista’ tiġi ddeterminata bis-saħħa ta’ elementi oħra tiegħu. Referenza espliċita hija madankollu indispensabbli meta, fin-nuqqas tagħha, il-partijiet ikkonċernati u l-qorti tal-Unjoni jitħallew fl-inċertezza fir-rigward tal-bażi legali preċiża (ara s-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, EU:T:2007:382, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, punt 123 iktar ’il fuq, EU:T:2011:546, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, li għalih il-Kummissjoni tagħmel riferiment biss fl-atti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, la ġie invokat fid-deċiżjoni kkontestata, la fir-rapport ta’ sinteżi u lanqas matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni invokat l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006.

126    Madankollu, tali żball ta’ bażi legali, li huwa purament formali, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

127    L-ewwel nett, dan l-iżball ma għamilhiex impossibbli għar-Repubblika Taljana li tiddetermina l-obbligi li l-Kummissjoni allegat li hija naqset milli tosserva. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, invokat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma introduċiex għall-ewwel darba, ftit ta’ żmien qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja 2006, obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali, billi, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-obbligu diġà kien previst, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 884/2006, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90. L-obbligi li jirriżultaw għall-aġenzija tal-ħlas mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90 huma identiċi għal dawk previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, li fuqu l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, billi dawn iż-żewġ artikoli jipprevedu obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali matul kull sena finanzjarja (ara l-punti 137 u 138 iktar ’il quddiem).

128    Ir-Repubblika Taljana b’ebda mod ma tissostanzja l-argument li permezz tiegħu hija tikkontesta l-kontinwità bejn ir-Regolament Nru 3492/90 u r-Regolament Nru 884/2006. Issa għandu jiġi rrilevat li mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 884/2006 jirriżulta li r-referenzi għar-regolamenti mħassra minn dan tal-aħħar, b’mod partikolari għar-Regolament Nru 3492/90, għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-imsemmi regolament u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta’ korrelazzjoni stabbiliti fl-Anness XVI tiegħu. Skont din it-tabella, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90 jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 884/2006. It-testi għalhekk jikkonfermaw il-kontinwità bejn l-obbligi li jikkonsistu fil-preparazzjoni ta’ inventarju annwali tal-prodotti koperti bl-intervent, li japplikaw mis-sena 2006 konformement mar-Regolament Nru 884/2006, u dawk preeżistenti, skont ir-Regolament Nru 3492/90.

129    Ir-Repubblika Taljana ma tistax issostni validament f’dan ir-rigward li hija ma kinitx konxja mill-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90. Minkejja li l-Kummissjoni żbaljat meta ma invokatx din id-dispożizzjoni matul il-proċedura amministrattiva, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxu, mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, l-uniku dritt pożittiv f’dan il-qasam, dritt li huwa preżunt li kulħadd jaf bih (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T‑75/95, Ġabra, EU:T:1996:74, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tinjora l-eżistenza tal-obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali tal-prodotti suġġetti għall-intervent fil-forma ta’ ħżin pubbliku matul kull sena finanzjarja kif kien jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90.

130    It-tieni nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, anki kieku l-Kummissjoni kienet ibbażat il-korrezzjoni ta’ 5 % fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, hija kienet tasal għall-istess riżultat sostantiv, jiġifieri li kienet tikkonstata nuqqas ta’ preparazzjoni mill-awtoritajiet Taljani ta’ inventarju annwali matul is-sena finanzjarja 2006. Konsegwentement, l-iżball fl-identifikazzjoni tad-dispożizzjoni applikabbli ratione temporis għall-obbligu li jiġi ppreparat inventarju annwali ma kellu, fi kwalunkwe każ, ebda influwenza determinanti fuq ir-riżultat tal-analiżi sostantiva tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar ’il fuq, EU:T:1996:74, punt 55).

131    F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni invokat ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-kontrolli annwali ta’ inventarju fil-forma ta’ spezzjonijiet fiżiċi tal-postijiet tal-ħżin (ara l-punt 96 iktar ’il fuq) u mhux id-dispożizzjoni ekwivalenti tar-Regolament Nru 884/2006, jiġifieri, skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XVI ta’ dan ir-regolament, l-“Anness I, punt A. I” tal-istess regolament. Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn l-awtoritajiet Taljani bbażaw ruħhom fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/2006 sabiex jiddeterminaw l-obbligi dwar il-kontrolli annwali ta’ inventarju għas-sena finanzjarja 2006 (ara l-punt 99 iktar ’il fuq) għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

132    Minn dan isegwi li f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana ma tistax tinvoka validament ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Anness I tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, kif emendat bl-Anness tar-Regolament Nru 915/2006

133    Kif tfakkar fil-punt 96 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-korrezzjoni ta’ 5 % ġiet imposta fuq ir-Repubblika Taljana għas-sena finanzjarja 2006 minħabba “kontrolli ta’ inventarju li saru tard” bi ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/2006. Skont ir-rapport ta’ sinteżi, dan in-nuqqas ħoloq riskju finanzjarju għall-fondi, billi l-kontrolli l-oħra mwettqa f’dak li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2006 ma setgħux jippermettu li tiġi stabbilita l-preżenza effettiva fil-ħażniet tat-totalità tal-kwantitajiet elenkati fir-reġistru tal-ħażna u b’hekk li jiġi ggarantit li l-ispejjeż tal-ħżin u affarijiet oħra tħallsu abbażi tad-data korretta.

134    Ir-Repubblika Taljana ssostni li wettqet serje ta’ kontrolli fuq il-bejgħ taz-zokkor ikkonċernat mill-intervent, b’mod partikolari permezz ta’ kontabbiltà ta’ kull xahar li kopja tagħha hija prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, is-sistema informatika tar-reġistru ta’ tagħbija u ta’ ħatt implementata kienet tippermetti li l-istat tal-ħażna jiġi ssorveljat u aġġornat kuljum, u b’hekk jiġu segwiti l-moviment kollha tagħha. Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani għamlu ħilithom sabiex iwettqu l-kontrolli mad-dħul u mal-ħruġ tal-prodott kif ukoll dawk tal-ħażna, li kienet baqgħet fil-maħżen, billi vverifikaw il-kwantitajiet kollha “daqslikieku l-ħin kollu kien perijodu li fih isir inventarju”.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

136    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-fondi agrikoli Ewropej jiffinanzjaw biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. L-elementi allegatament difettużi li taw lok għall-korrezzjoni finanzjarja kkontestata għandhom għalhekk jiġu evalwati fid-dawl tal-obbligi speċifiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-ħażna tal-prodotti mqiegħda taħt is-sistema tal-intervent.

137    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90:

“Matul kull sena finanzjarja, l-aġenziji ta’ l-intervent għandhom jistabbilixxu inventarju għal kull prodott li jkun is-suġġett ta’ intervent Komunitarju.

Għandhom jipparagunaw ir-riżultati ta’ dan l-inventarju ma’ l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà: kulldiskrepanza fil-kwantità jew fil-kwalità aċċertata matul l-ispezzjonijiet għandha tiddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikolu 5.”

138    Din id-dispożizzjoni tħassret mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 884/2006 mill-1 ta’ Ottubru 2006 u ġiet issostitwita, skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XVI, mid-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, li tipprevedi obbligu identiku għall-aġenzija tal-ħlas li tipprepara inventarju annwali matul kull sena finanzjarja.

139    L-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 884/2006 jiddefinixxi s-sena finanzjarja bħala l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru ta’ sena sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.

140    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 jipprovdi:

“1. L-aġenzija ta’ intervent għandha tkun responsabbli għar-reqqa tat-tagħrif miġbur skont l-Artikoli 1, 2 u 3. Għal dak il-għan, għandha matul is-sena tagħmel spezzjonijiet fuq il-post tal-ħażniet, f’intervalli rregolari u fejn possibbli mingħajr avviż minn qabel.

Kull maħżen għandu jiġi spezzjonat ta’ l-anqas darba fis-sena skond ir-regoli mniżżla fl-Anness III, u l-ispezzjonijiet għandhom ikunu jkopru b’mod partikolari:

(a)      il-proċedura għall-ġbir tat-tagħrif li għalih jirreferu l-Artikoli 2 u 3;

(b)      il-konformità tar-rekords miżmuma fuq il-post minn min jieħu ħsieb il-maħżen mat-tagħrif mibgħut lill-aġenzija ta’ intervent; u

(ċ)      il-preżenza fiżika fil-maħżen tal-kwantitajiet elenkati fir-rekords ta’ min jieħu ħsieb il-maħżen użati għall-aħħar prospett ta’ kull xahar provdut minnu, evalwat b’mod viżwali jew, fil-każ ta’ dubju jew kontestazzjoni, permezz ta’ użin jew kejl.

Il-preżenza fiżika għandha tiġi stabbilita permezz ta’ spezzjoni fiżika rappreżentattiva b’mod suffiċjenti, li tkun tkopri ta’ l-inqas il-perċentwali stabbiliti fl-Anness III u li tagħmilha possibbli li wieħed jikkonkludi li l-kwantitajiet kollha elenkati fil-prospetti huma attwalment preżenti.

[…]”

141    Ir-Regolament Nru 2148/96 tħassar ukoll, mill-1 ta’ Ottubru 2006, mir-Regolament Nru 884/2006. Skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness XVI ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 jikkorrispondi għall-“Anness I, punt A. I” tar-Regolament Nru 884/2006.

142    Il-modalitajiet ta’ spezzjoni fiżika tal-ħażniet pubbliċi ta’ prodotti agrikoli, kif iddefiniti fl-Anness III tar-Regolament Nru2148/96, ġew emendati bir-Regolament Nru 915/2006. F’dan il-kuntest l-Anness III tar-Regolament Nru 2148/96 ġie emendat sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda dwar il-proċeduri ta’ spezzjonijiet fiżiċi applikabbli għaz-zokkor bl-ingrossa (“VII – Zokkor bl-ingrossa”) u għaz-zokkor ippakkjat (“VIII – Zokkor ippakkjat”) (ara wkoll il-punt 101 iktar ’il fuq).

143    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-inventarju annwali għandu jiġi ppreparat mill-aġenzija tal-ħlas matul kull sena finanzjarja u li r-riżultati ta’ dan l-inventarju għandhom jiġu pparagunati mad-data ta’ kontabbiltà, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, li tħassar, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006. Tali sena finanzjarja tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru ta’ sena u t-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. L-inventarju annwali jiġi ppreparat b’mod partikolari abbażi tar-riżultati tal-kontrolli tal-ħażna li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, li jitwettqu permezz ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin fuq il-post, skont il-proċeduri previsti fl-Anness III tal-imsemmi regolament. Skont il-ġurisprudenza, dawn il-verifiki permezz tal-ispezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin fuq il-post huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita r-regolarità tal-infiq relatat mal-ħżin u jikkostitwixxu kontrolli ewlenin fis-sens tal-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑251/04, EU:T:2006:165, punt 79).

144    Minn dan isegwi li n-nuqqas li jikkonsisti fil-fatt li ma twettqux kontrolli ta’ inventarju qabel it-30 ta’ Settembru 2006 jmur kontra d-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, kif issostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006.

145    Matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Taljani ma kkontestawx il-fatt li naqsu milli jwettqu l-kontrolli ta’ inventarju fit-30 ta’ Settembru 2006, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-minuti tal-laqgħa bilaterali u mill-aħħar paragrafu tal-punt 5 tar-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

146    Ir-Repubblika Taljana lanqas ma tikkontesta verament dan il-fatt quddiem il-Qorti Ġenerali. Minn naħa, fid-dawl tal-argumenti tagħha, jidher li hija ma tikkontestax li hija kellha dan l-obbligu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, liema artikolu hija tinvoka sabiex tindika li l-awtoritajiet Taljani bbażaw ruħhom fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni kienet ser tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2006 (ara l-punt 131 iktar ’il fuq).

147    Min-naħa l-oħra, fl-atti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija sostniet li Agecontrol kienet wettqet kontrolli ta’ inventarju kwalitattivi u kwantitattivi fix-xahar ta’ Frar 2007 u stabbilixxiet l-istat tal-ħażna fit-30 ta’ Settembru 2006. Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Taljana kkonfermat li dawn l-affermazzjonijiet kellhom jinftiehmu fis-sens li jindikaw li l-kontrolli ta’ inventarju twettqu biss fi Frar 2007 minn Agecontrol, li sussegwentement ikkomunikat lill-Kummissjoni d-dokument ta’ sinteżi dwar l-imsemmija kontrolli.

148    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-kontrolli l-oħra mwettqa mill-awtoritajiet Taljani relatati mal-ħżin taz-zokkor, b’mod partikolari l-kontrolli mad-dħul u mal-ħruġ tal-prodott, li matulhom twettqu wkoll ċerti kontrolli li jirrigwardaw il-kwantità taz-zokkor maħżun, il-kontabbiltà ta’ kull xahar u s-sistema informatika tar-reġistru ta’ tagħbija u ta’ ħatt intiża li taġġorna l-istat tal-ħażna kuljum kienu jippermettu li jiġi ggarantit l-istess riżultat bħall-kontrolli ta’ inventarju, jiġifieri li jiġi żgurat li l-ispejjeż tal-ħżin jitħallsu għaz-zokkor effettivament preżenti fil-ħażna.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-kontrolli invokati mir-Repubblika Taljana ma hijiex biżżejjed sabiex tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenzi rrilevati fid-deċiżjoni kkontestata u fir-rapport ta’ sinteżi f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq tal-kontrolli annwali ta’ inventarju fit-30 ta’ Settembru 2006.

150    L-obbligu li jitwettqu l-kontrolli annwali ta’ inventarju matul kull sena finanzjarja ġie previst espliċitament mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1248/96 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, kif issostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, kif tfakkar fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq.

151    Issa skont ġurisprudenza stabbilita, meta regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta’ kontroll, l-Istati Membri huma obbligati japplikawhom mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argument tagħhom li sistema ta’ kontroll differenti hija iktar effettiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑130/99, Ġabra, EU:C:2002:192, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2007, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑220/04, EU:T:2007:97, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 6.1.3 tar-rapport ta’ sinteżi, mid-Dokument VI/5330/97 jirriżulta li “kontrolli sostituttivi ma jistgħux jitqiesu awtomatikament li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ konformità” u li, “[m]eta r-regolamenti jimponu espliċitament verifika partikolari, l-Istat Membru ma għandu ebda possibbiltà oħra għajr li jwettaq din il-verifika jew li jadixxi l-awtorità sabiex jikseb eżenzjoni”.

153    Ir-Repubblika Taljana tiżbalja meta ssostni li l-kontrolli ta’ inventarju ma kinux neċessarji, għall-allegata raġuni li fi kwalunkwe każ dawn tal-aħħar jitwettqu b’mod obbligatorju fil-mument tad-dħul u tal-ħruġ tal-ħażniet u li l-kwantitajiet ta’ zokkor fil-ħażniet tiġi ddeterminata f’dak il-mument. Fil-fatt, hija ma tistax tinjora l-obbligu li tikkontrolla kull post tal-ħżin għall-inqas darba fis-sena, li jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, permezz ta’ spezzjonijiet fiżiċi. F’dan ir-rigward, in-neċessità ta’ kontroll annwali u mhux biss ta’ kontroll imwettaq mad-dħul u mal-ħruġ tal-ħażniet hija ġġustifikata mill-fatt li l-kundizzjonijiet tal-ħżin jistgħu jwasslu għal tibdil fil-kwantitajiet maħżuna. Il-verifika tal-istat tal-ħażniet matul il-kontroll annwali għalhekk tippermetti li jiġi evitat li spejjeż tal-ħżin inutli, jiġifieri dawk relatati ma’ kwantitajiet ta’ zokkor li ma jeżistux jew li ma għadhomx jeżistu, jiġu sostnuti mill-fondi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑469/09, EU:T:2012:50, punti 127 u 128).

154    Barra minn hekk, il-kontrolli ta’ inventarju permezz tal-ispezzjonijiet fiżiċi tal-postijiet huma essenzjali sabiex id-data ta’ kontabbiltà tiġi rrekonċiljata mas-sitwazzjoni reali tal-ħażniet tal-prodotti suġġetti għall-intervent u sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza effettiva fil-ħażniet tat-totalità tal-kwantitajiet elenkati fir-reġistru tal-ħażna. Skont il-ġurisprudenza, il-kontroll amministrattiv u l-ispezzjoni fuq il-post ġew ikkonċepiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala żewġ mezzi ta’ verifika li, għalkemm distinti, jikkomplementaw lil xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑41/94, Ġabra, EU:C:1996:366, punt 43). La ż-żamma ta’ kontabbiltà ta’ kull xahar, la l-kontrolli taz-zokkor mad-dħul u mal-ħruġ tal-ħażniet u lanqas is-sistema kompjuterizzata tar-reġistru ta’ tagħbija u ta’ ħatt ma jistgħu, fi kwalunkwe każ, joffru l-istess grad ta’ affidabbiltà li joffru l-kontrolli annwali ta’ inventarju mwettqa permezz ta’ spezzjonijiet fiżiċi tal-postijiet li jippermettu r-rekonċiljazzjoni bejn data li tirriżulta mir-reġistru tal-ħażna u dik miksuba matul dawn l-ispezzjonijiet.

155    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prassijiet jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni. B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax jinvoka diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ kontrolli xierqa (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑28/89, Ġabra, EU:C:1991:67, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Novembru 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑95/08, EU:T:2010:464, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li seħħew, ir-Repubblika Taljana ma tistax validament tirreferi għad-diffikultajiet li hija allegatament iltaqgħet magħhom fl-ippjanar tal-kontrolli ma’ Agecontrol.

157    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjoni magħmula f’dan il-każ mill-Kummissjoni li l-kontrolli annwali ta’ inventarju fir-rigward tas-sena finanzjarja 2006 ma twettqux qabel it-30 ta’ Settembru 2006, tikkostitwixxi element li jista’ joħloq dubji serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ serje adegwata u effikaċi ta’ kontrolli li tippermetti li jiġi ggarantit li l-fondi jieħdu responsabbiltà biss għall-infiq relatat maz-zokkor effettivament preżenti fil-postijiet tal-ħżin. Ir-Repubblika Taljana ma pproduċiet ebda prova ta’ natura li tikkontradixxi din il-konstatazzjoni u għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova dettaljata u kompleta tal-eżistenza reali ta’ dawn il-kontrolli u tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq.

158    Għalhekk, il-Kummissjoni kellha raġun tqis li t-twettiq tardiv tal-kontrolli annwali tal-ħażniet taz-zokkor fis-sens tad-dispożizzjonijiet, meħuda flimkien, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, kif issostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006, kien jirrappreżenta riskju għall-fondi, riskju li ma setax jiġi kkumpensat permezz tal-kontrolli l-oħra invokati mill-awtoritajiet Taljani.

159    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-Repubblika Taljana li r-Regolament Nru 2148/96 “ma kinex jikkonċerna l-prodott ‘zokkor’”.

160    Kif issostni r-Repubblika Taljana, huwa tabilħaqq minnu li r-Regolament Nru 2148/96 oriġinarjament ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni li tispeċifika l-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika tal-ħażniet ta’ zokkor, billi dawn tal-aħħar ġew introdotti biss permezz tar-Regolament Nru 915/2006, li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2006 u li kien applikabbli għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti minn dan ir-regolament (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).

161    Madankollu, id-dispożizzjonijiet introdotti permezz tar-Regolament Nru 915/2006 jistabbilixxu l-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin f’dak li jirrigwarda z-zokkor, filwaqt li l-obbligu nnifsu li jitwettqu dawn il-kontrolli kien diġà ġie previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 f’dak li jirrigwarda l-prodotti agrikoli kollha mqiegħda f’ħażna ta’ intervent pubbliku. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq, l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni ma huwiex ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin taz-zokkor introdotti permezz tar-Regolament Nru 915/2006, iżda fuq it-twettiq tardiv tal-kontrolli annwali ta’ inventarju, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, kif issostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006.

162    Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Taljana ma tipprovax kif l-assenza tal-proċeduri ta’ spezzjoni fiżika tal-postijiet tal-ħżin, f’dak li jirrigwarda z-zokkor, jew l-introduzzjoni tagħhom permezz tar-Regolament Nru 915/2006 jispjegaw, fihom infushom, it-twettiq tardiv tal-kontrolli annwali ta’ inventarju f’dak li jirrigwarda dan il-prodott.

163    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, xejn ma kien iżomm lir-Repubblika Taljana milli timplementa proċeduri ta’ kontroll tal-postijiet tal-ħżin analogi għal dawk previsti għall-prodotti l-oħra, kif hija ssostni li għamlet f’dak li jirrigwarda tipi oħra ta’ kontrolli.

164    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jwettqu kontrolli adegwati għall-finijiet ta’ sistema effikaċi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza, anki jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tkunx iddefinixxiet b’mod eżawrjenti l-modalitajiet ta’ dawn il-kontrolli (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑206/08, EU:T:2012:33, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Minn dan isegwi li dan l-ilment ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

166    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-korrezzjoni applikata f’dan il-każ kienet sproporzjonata, għandu qabel xejn jiġi osservat li dan l-ilment ma jirrigwardax il-metodu li bih il-Kummissjoni waslet għall-ammont ta’ EUR 781 044 bħala l-applikazzjoni tal-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena finanzjarja 2006. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ssostni biss li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni l-emenda tardiva, f’Ġunju 2006, tas-sistema ta’ intervent fil-forma ta’ ħżin fis-settur taz-zokkor permezz tar-Regolament Nru 884/2006 u tar-Regolament Nru 915/2006, jiġifieri matul is-sena finanzjarja 2006. Hija tqis li l-korrezzjoni ta’ 5 % messha ġiet applikata l-iktar l-iktar għall-perijodu sussegwenti għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni messha wkoll ħadet inkunsiderazzjoni r-regoli tranżitorji li allegatament jinsabu f’dawn ir-regolamenti.

167    Issa kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni lmenti tat-tielet motiv, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 884/2006 u tar-Regolament Nru 915/2006 ma kellu ebda impatt fuq l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet Taljani f’dak li kien jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll ta’ inventarju, peress li l-imsemmija regolamenti ma emendawx l-obbligi li fir-rigward tagħhom ġew ikkonstatati nuqqasijiet f’dan il-każ (ara, b’mod partikolari, il-punti 127 u 161 iktar ’il fuq).

168    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-emenda tas-sistema inkwistjoni matul is-sena 2006 għandu jiġi miċħud.

169    Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-teħid ta’ responsabbiltà għall-infiq kollu sostnut jekk tikkonstata li ma jeżistux mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑318/02, EU:C:2005:104, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    F’dan il-każ, jidher li n-nuqqasijiet irrilevati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw it-twettiq tardiv tal-kontrolli li għandhom rwol importanti għad-determinazzjoni tar-regolarità tal-infiq, b’mod li seta’ jiġi raġonevolment konkluż li r-riskju ta’ telf għall-fondi kien sinjifikattiv. Konsegwentement, l-ammont li ma ġiex aċċettat mill-Kummissjoni, li huwa limitat għal 5 % tal-infiq ikkonċernat, ma jistax jitqies li huwa eċċessiv u sproporzjonat.

171    Minn dan isegwi li, billi imponiet, f’dan il-każ, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % tal-infiq inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li d-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli ta’ inventarju kien jikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

172    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

b)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

173    Skont ir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi ċ-ċaħda tal-proposta tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni fis-sens li l-korrezzjoni marbuta mat-twettiq tardiv ta’ kontrolli ta’ inventarju kellha tkun limitata għall-ispejjeż tal-ħżin li ġew iddikjarati bejn id-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006 u t-tmiem tas-sena finanzjarja 2006.

174    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-obbligi li jirrigwardaw il-kontrolli ta’ inventarju diġà kienu jinsabu fil-leġiżlazzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006 (ara l-punt 161 iktar ’il fuq). Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, dan ir-regolament tal-aħħar għalhekk ma introduċiex għall-ewwel darba l-obbligi li fir-rigward tagħhom ġew ikkonstatati nuqqasijiet f’dan il-każ. Konsegwentement, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 915/2006 ma jista’ jkollu ebda impatt fuq l-eżistenza tal-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jitwettqu l-kontrolli ta’ inventarju bħala tali.

175    Il-Kummissjoni spjegat tajjeb dan il-fatt matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fil-pożizzjoni finali tat-3 ta’ Jannar 2011 wara r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Hija semmietu wkoll fil-punt 6.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi.

176    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 72 iktar ’il fuq, fi kwalunkwe każ, l-opinjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni ma torbotx lill-Kummissjoni.

177    Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha titqies li hija suffiċjenti u dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

c)     Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 915/2006

178    Sussidjarjament għat-tielet u għar-raba’ motivi, ir-Repubblika Taljana tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 915/2006, sa fejn jintroduċi obbligu li jinżammu inventarji tal-ħażniet finali ta’ zokkor fi żmien madwar tliet xhur biss mit-terminu l-ġdid għall-preparazzjoni tal-inventarji. Skont ir-Repubblika Taljana, l-impożizzjoni, permezz ta’ regolament, ta’ aġir dwar fatti li seħħew fil-passat u l-penalizzazzjoni tal-ommissjoni ta’ dan l-aġir permezz tal-proċedura ta’ korrezzjoni finanzjarja jmorru kontra l-prinċipji invokati fil-kuntest tat-tielet motiv.

179    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

180    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ kull parti li tikkontesta b’mod inċidentali, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni individwali, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra, EU:C:1979:53, punti 39 sa 41, u tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, Ġabra, EU:T:2011:493, punt 206 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    Madankollu, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali taħt l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ deċiżjoni, hija ammissibbli biss meta jkun hemm rabta ta’ konnessjoni bejn l-att ikkontestat u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ partikolari li jkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenzi Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, EU:T:2011:493, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, Ġabra, EU:T:2013:404, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    F’dan il-każ, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tar-Regolament Nru 915/2006. Issa kif ġie rrilevat fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata fuq id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, peress li ma kkritikatx lill-awtoritajiet Taljani talli ma segwewx il-proċeduri speċifiċi ta’ spezzjonijiet fiżiċi introdotti permezz tal-imsemmi regolament, iżda fuq il-fatt li, fit-30 ta’ Settembru 2006, hija ma wettqitx il-kontrolli ta’ inventarju bħala tali, liema kontrolli kienu diġà previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3492/90, kif issostitwit, essenzjalment, mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 (ara wkoll il-punt 161 iktar ’il fuq).

183    Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija diretta kontra regolament li ma huwiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali u li ma għandu ebda rabta ġuridika diretta ma’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, hija għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

d)     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ prova u żnaturament tal-fatti

184    Fil-punt 6.1.3 tar-rapport ta’ sinteżi, fil-kuntest tal-ilment dwar it-twettiq tardiv tal-kontrolli ta’ inventarju u tar-riskju li dan iġib miegħu għall-fondi, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-127 000 tunnellata ta’ zokkor li ġew irtirati mill-ħażniet, mingħajr ma ġew ivverifikati jew imwieżna uffiċjalment, bejn it-30 ta’ Settembru 2006, id-data li fiha messhom twettqu l-kontrolli ta’ inventarju, u x-xahar ta’ Frar 2007, id-data tat-twettiq effettiv tagħhom.

185    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet tali konstatazzjoni b’ebda prova u għalhekk żnaturat il-fatti. Barra minn hekk, hija tispeċifika li dawn il-movimenti kienu relatati ma’ operazzjonijiet ta’ ħruġ tal-prodott.

186    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ibbażat il-konstatazzjoni dwar il-ħruġ tal-127 000 tunnellata ta’ zokkor fuq tabella tas-sistema “E-Faudit”, iddatata 30 ta’ Marzu 2007, li kienet ġiet ikkomunikata lilha mill-awtoritajiet Taljani.

187    Għandu jiġi kkonstatat li d-dokument inkwistjoni, prodott mill-Kummissjoni flimkien mat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, juri l-movimenti tal-ħażniet bejn Ottubru 2006 u Frar 2007. Mill-imsemmi dokument jirriżulta li l-kwantità ta’ zokkor preżenti fil-ħażniet fi tmiem ix-xahar ta’ Frar 2007 kienet iktar baxxa mill-kwantità ta’ referenza fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2006, b’ammont, b’mod partikolari, tal-127 000 tunnellata li nħarġu mill-ħażna ta’ intervent mingħajr moviment fiżiku.

188    Ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-veraċità tad-data li tinsab f’din it-tabella u ma ċaħditx li kienet intbagħtet lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva.

189    Minn dan isegwi li r-Repubblika Taljana tiżbalja meta ssostni li l-Kummissjoni żnaturat il-fatti u ma ppreżentatx motivi suffiċjenti dwar il-fatt li l-127 000 tunnellata inkwistjoni nħarġu mill-ħażna ta’ intervent mingħajr moviment fiżiku bejn Ottubru 2006 u Frar 2007, peress li l-prova f’dan ir-rigward ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani stess.

190    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-korrezzjoni ta’ 5 % applikata f’dan il-każ mill-Kummissjoni hija korrezzjoni b’rata fissa bbażata fuq il-fatt li t-twettiq tardiv tal-kontrolli annwali ta’ inventarju kien jesponi lill-fondi għal riskju ta’ dannu sa fejn ma setax jiġi eskluż li setgħu jiġu imputati lill-fondi l-ispejjeż finanzjarji u tal-ħżin inġustifikati, peress li jirrigwardaw kwantitajiet ta’ zokkor li kienu neqsin. Għalhekk dan ma huwiex il-każ ta’ korrezzjoni ta’ darba li ġiet applikata minħabba spejjeż konkreti u eżatti sostnuti mill-fondi, filwaqt li kwantità ta’ zokkor, b’mod partikolari, l-127 000 tunnellata inkwistjoni, kienet assenti mill-ħażniet.

191    Waqt is-seduta l-Kummissjoni kkonfermat li l-konstatazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ kwantità ta’ 127 000 tunnellata ta’ zokkor assenti mill-ħażniet mingħajr moviment fiżiku bejn Ottubru 2006 u Frar 2007 kien serviha sabiex turi l-konsegwenzi tat-twettiq tardiv tal-kontrolli ta’ inventarju, peress li, skont il-Kummissjoni, id-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli jirrappreżenta sors ċert ta’ riskju għall-fondi. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-kwantitajiet effettivament preżenti fil-postijiet tal-ħżin matul is-sena 2005/2006, li għalihom l-ispejjeż tal-ħżin ġew attribwiti lill-fondi għas-sena finanzjarja 2006, setgħu jkunu differenti mill-kwantitajiet preżenti fi Frar 2007, kif ikkonstatati wara l-kontrolli mwettqa f’dak il-mument tal-aħħar minn Agecontrol.

192    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

e)     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u assenza ta’ prova f’dak li jirrigwarda l-allegat riskju ta’ dannu għall-fondi, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju tal-effettività

193    Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-kontrolli kwalitattivi u kwantitattivi taz-zokkor mad-dħul u mal-ħruġ, li ma ġewx ikkritikati mill-Kummissjoni, ma jistgħux jipproduċu l-istess effettività bħall-inventarji hija nieqsa minn motivazzjoni.

194    Il-Kummissjoni lanqas ma ġabet il-prova, b’risposta għall-affermazzjonijiet li l-interessi tal-fondi kienu ġew ampjament protetti, tar-riskju konkret li għalih kienu esposti l-fondi u żnaturat il-fatti ddeterminati mid-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani insostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet.

195    Kif ġie kkonstatat fil-punt 158 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet li t-twettiq tardiv tal-kontrolli annwali ta’ inventarju tal-ħażniet ta’ zokkor seta’ jesponi lill-fondi għal riskju sinjifikattiv u li l-kontrolli l-oħra mwettaq mill-awtoritajiet Taljani fuq iz-zokkor maħżun ma kinux ta’ natura li jikkumpensaw għal dan ir-riskju.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inutli għar-Repubblika Taljana li ssostni li, f’dak li jirrigwarda l-infiq relatat mal-ħżin taz-zokkor matul is-sena finanzjarja 2006, il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ riskju għall-fondi. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-kontrolli annwali ta’ inventarju, b’mod partikolari permezz tal-ispezzjoni fiżika tal-ħażniet, kienu neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-preżenza effettiva fil-ħażniet tat-totalità tal-kwantitajiet tal-prodott elenkati fir-reġistru tal-ħażna u li huwa impona obbligi fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-obbligi li, għall-inqas darba fis-sena, iwettqu kontrolli tal-ħażniet permezz ta’ spezzjonijiet fiżiċi tal-postijiet tal-ħżin u li jippreparaw l-inventarju annwali matul kull sena finanzjarja. Bl-impożizzjoni ta’ tali obbligi, il-leġiżlatur qies impliċitament, iżda ċertament, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom kien iwassal awtomatikament għal riskju għall-fondi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑294/11, EU:T:2013:261, punt 131).

197    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ggarantiet l-effettività tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-obbligu li jitwettqu l-kontrolli annwali ta’ inventarju tal-ħażniet meta kkonstatat, f’dan il-każ, li l-obbligu li jitlestew il-kontrolli ta’ inventarju sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2006 ma kienx ġie osservat mill-awtoritajiet Taljani u meta applikat korrezzjoni f’dan ir-rigward. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni qieset ġustament li kien jeżisti riskju għall-fondi u hija speċifikat b’mod korrett il-portata tal-imsemmi riskju.

198    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, ladarba dan il-ksur jiġi pprovat, huwa l-Istat Membru li għandu jipprova, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu mill-ksur tar-regoli tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, T‑230/04, EU:T:2007:259, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Il-Greċja vs Il- Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, EU:T:2013:32, punt 330 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana ma humiex ta’ natura li jipprovaw tali żball.

199    Fl-aħħar nett, minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni spjegat suffiċjentement skont il-liġi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija kienet ibbażat il-korrezzjoni ta’ 5 % b’mod li r-Repubblika Taljana kienet f’pożizzjoni li tipprepara effettivament id-difiża tagħha u l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li twettaq l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata timmotiva iżjed il-konstatazzjoni li l-kontrolli l-oħra mwettqa mill-awtoritajiet Taljani fuq il-ħażniet ta’ zokkor ma setgħux jiggarantixxu l-esklużjoni tar-riskju għall-fondi marbut mat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tal-ħżin tal-prodott assenti mill-imħażen.

200    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud u, għalhekk, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

201    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

202    Peress li r-Repubblika Taljana tilfet fir-rigward tat-talbiet kollha tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2010 u tat-3 ta’ Jannar 2011

B –  Fuq il-mertu

1.  Kunsiderazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % li tirrigwarda l-infiq relatat maż-żieda ta’ 35 % fl-ispejjeż tal-ħżin għas-snin 2006, 2007, 2008 u 2009

a)  Fuq il-portata tal-ewwel motiv

b)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba n-nuqqas ta’ investigazzjoni, fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

Fuq il-kontrolli li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom iwettqu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

Fuq il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-implementazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1262/2001

c)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

3.  Fuq il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għas-sena 2006 minħabba l-kontrolli ta’ inventarju li saru tard

a)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Anness I tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, kif emendat bl-Anness tar-Regolament Nru 915/2006, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ tar-regoli, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ tar-regoli u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

–  Fuq ir-Regolament Nru 915/2006

–  Fuq ir-Regolament Nru 884/2006

Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 884/2006 u tal-Anness I tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2148/96, kif emendat bl-Anness tar-Regolament Nru 915/2006

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

b)  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

c)  Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 915/2006

d)  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ prova u żnaturament tal-fatti

e)  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u assenza ta’ prova f’dak li jirrigwarda l-allegat riskju ta’ dannu għall-fondi, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju tal-effettivitŕ

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.