Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fid-29 ta’ Marzu 2016 – Biedrība “Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība” vs Konkurences padome

(Kawża C-177/16)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Biedrība “Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība”

Konvenut: Konkurences padome

Domandi preliminari

Is-subparagrafu a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli f’tilwima li tirrigwarda tariffi stabbiliti minn soċjetà nazzjonali għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur meta din is-soċjetà tiġbor ukoll ir-remunerazzjoni għal xogħlijiet ta’ awturi barranin u fejn it-tariffi li hija stabbiliet jistgħu jiskoraġġixxu l-użu tal-imsemmija xogħlijiet fl-Istat Membru kkonċernat?

Il-kunċett ta’ prezzijiet inġusti użat fis-subparagrafu a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz ta’ pparagunar tal-prezzijiet (tariffi) mal-prezzijiet (tariffi) applikabbli fis-swieq ġirien tas-suq ikkonċernat; dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti u f’liema każijiet?

Il-kunċett ta’ prezzijiet inġusti użat fis-subparagrafu a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz tal-indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist, li jirriżulta mill-prodott gross domestiku, u dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti?

L-ipparagunar tat-tariffi għandu jsir fir-rigward ta’ kull taqsima tariffarja jew inkella fir-rigward tal-livell medju tat-tariffi?

Meta għandu jitqies li d-differenza bejn it-tariffi eżaminati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ prezzijiet (tariffi) inġusti użat fis-subparagrafu a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE hija kunsiderevoli b’tali mod li l-operatur ekonomiku li jkollu pożizzjoni dominanti għandu juri li t-tariffi tiegħu huma ġusti?

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-subparagrafu a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, liema informazzjoni tista’ tiġi raġonevolment mistennija mingħand l-operatur ekonomiku sabiex juri n-natura ġusta tat-tariffi tax-xogħol protett jekk il-prezz tal-kost tal-imsemmi xogħol ma jistax jiġi ddeterminat kif isir fil-każ ta’ prodotti materjali? Dawn huma biss l-ispejjeż amministrattivi tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur?

Fil-kuntest ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, mid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu esklużi r-remunerazzjonijiet imħallsa lill-awturi mill-imsemmija soċjetà?

____________