Language of document : ECLI:EU:C:2017:689

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Settembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kunċett ta’ ‘prezz inġust’ – Tariffi miġbura minn soċjetà nazzjonali għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur – Ipparagunar mar-rati mitluba fi Stati Membri oħra – Għażla tal-Istati ta’ riferiment – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-prezz – Kalkolu tal-multa”

Fil-Kawża C‑177/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība

vs

Konkurences padome,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība, minn U. Zeltiņš, S. Novicka u D. Silava-Tomsone, avukati,

–        għall-Gvern Latvjan, minn J. Treijs-Gigulis u I. Kalniņš kif ukoll minn G. Bambāne, I. Kucina u D. Pelše, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Lippstreu u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. H. S. Gijzen u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath kif ukoll minn I. Rubene u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība (aġenzija ta’ konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-komunikazzjoni/assoċjazzjoni Latvjana tal-awturi, il-Latvja) (iktar ’il quddiem l-“AKKA/LAA”) u Konkurences padome (kunsill tal-kompetizzjoni, il-Latvja) fir-rigward ta’ multa imposta minn din tal-aħħar lill-AKKA/LAA minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Ir-Relazzjoni bejn l-Artikolu [101 u 102 TFUE] u liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[…] Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE].”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jiddisponi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101 u 102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

[…]

–        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

[…]”

5        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Multi”, jistabbilixxi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

 Id-dritt Latvjan

6        L-Artikolu 13 tal-Konkurences likums (liġi tal-kompetizzjoni), tal-4 ta’ Ottubru 2001 (Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 151) għandu l-istess kliem tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

7        L-AKKA/LAA, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħlijiet mużikali, hija l-unika entità awtorizzata fil-Latvja sabiex toħroġ liċenzji bi ħlas għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet mużikali li hija tamministra d-drittijiet tal-awtur. Hija tiġbor it-tariffi li minnhom jitħallsu id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur Latvjani u, permezz ta’ kuntratti konklużi mas-soċjetajiet barranin għall-amministrazzjoni, dawk li permezz tagħhom id-detenturi tad-drittijiet barranin huma mħallsa. Fost dawn id-detenturi ta’ liċenzja tagħha hemm b’mod partikolari ħwienet u ċentri ta’ assistenza, bħala utenti ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2008, il-kunsill tal-kompetizzjoni impona multa fuq l-AKKA/LAA minħabba abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jirriżulta minn applikazzjoni ta’ rati eċċessivi. L-AKKA/LAA sussegwentement stabbilixxiet rati ġodda applikabbli mis-sena 2011. Fil-31 ta’ Mejju 2012, il-kunsill tal-kompetizzjoni beda proċedura ta’ eżami dwar ir-rati l-ġodda.

9        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kunsill tal-kompetizzjoni, fl-ewwel lok, ipparaguna r-rati applikati fil-Latvja għall-użu tax-xogħlijiet mużikali fil-ħwienet u fiċ-ċentri ta’ assistenza ma’ dawk applikati fil-Litwanja u fl-Estonja bħala Stati Membri ġirien u swieq ġirien. Il-kunsill tal-kompetizzjoni kkonstata li r-rati applikati fil-Latvja kienu ogħla minn dawk applikati fl-Estonja u, f’ħafna każijiet, minn dawk mitluba fil-Litwanja. Fil-fatt, filwaqt li f’dawn it-tliet Stati Membri, ir-rati huma stabbiliti skont id-daqs tal-ħanut jew iċ-ċentru ta’ assistenza kkonċernat, il-kunsill tal-kompetizzjoni sab li għal superfiċji li jvarjaw minn 81 m² sa 201‑300 m², ir-rati applikati fil-Latvja kienu bejn tnejn u tliet darbiet ogħla minn dawk applikati fiż-żewġ Stati Baltiċi l-oħra.

10      Fit-tieni lok, il-kunsill tal-kompetizzjoni, abbażi tal-indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist (iktar ’il quddiem l-“indiċi PPP”), għamel paragun mat-tariffi fis-seħħ f’għoxrin Stat Membru ieħor u kkonstata f’dan ir-rigward li r-rati li għandhom jitħallsu fil-Latvja jaqbżu b’50 % sa 100 % l-livell medju ta’ dawk mitluba f’dawn l-Istati Membri l-oħra. B’mod iktar partikolari, għall-ħwienet jew ċentri ta’ assistenza bi superfiċji ta’ 85.5 m² sa 140 m², kienu biss ir-rati applikati fir-Rumanija li kienu ogħla.

11      Wara li kkunsidra li t-tariffi fis-seħħ fil-Latvja, f’dawk il-partijiet fejn kienu b’mod sinjifikattiv iktar ogħla milli fl-Estonja u fil-Litwanja, ma kinux ġusti, il-kunsill tal-kompetizzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2013, impona fuq l-AKKA/LAA multa ta’ LVL 45 645.83 (lats Latvjani) (madwar EUR 32 080) għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont il-punt 4 tal-Artikolu 13(1) tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-kunsill tal-kompetizzjoni kkalkola l-ammont ta’ din il-multa abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-AKKA/LAA, fejn f’dan ir-rigward stima li r-remunerazzjonijiet li d-detenturi tad-drittijiet irċevew jikkostitwixxu parti integrali mid-dħul mill-bejgħ ta’ din is-soċjetà u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

12      L-AKKA/LAA adixxiet lill-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja) b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fejn invokat, essenzjalment, erba’ argumenti insostenn ta’ dan ir-rikors. L-ewwel nett, il-kunsill tal-kompetizzjoni kien essenzjalment irrestrinġa l-ipparagunar tar-rati applikabbli fil-Latvja għal dawk applikabbli fl-Istati ġirien, jiġifieri l-Estonja u l-Litwanja, filwaqt li fir-rigward tal-prodott gross domestiku kif ukoll tal-livell tal-prezzijiet, is-sitwazzjoni fil-Latvja hija iktar komparabbli ma’ dik tal-Bulgarija, tar-Rumanija, tal-Polonja u tal-Ungerija. It-tieni nett, il-kunsill tal-kompetizzjoni ma indikax b’mod komprensibbli l-metodu li bih kienu kkalkolati r-rati ta’ riferiment. It-tielet nett, il-kunsill tal-kompetizzjoni kkunsidra b’mod żbaljat li l-AKKA/LAA kellha tiġġustifika l-ammont tar-rati tagħha. Ir-raba’ nett, il-kunsill tal-kompetizzjoni ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-multa tal-AKKA/LAA, l-ammonti miġbura għar-remunerazzjoni tal-awturi, peress li dawn l-ammonti ma humiex parti mill-assi ta’ din is-soċjetà.

13      Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Frar 2015, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata. Huwa minnu li din il-qorti kkunsidrat li l-kunsill tal-kompetizzjoni ġustament kien ikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mill-AKKA/LAA. Bl-istess mod, hija qieset li l-paragun tar-rati għall-istess tip ta’ servizzi bejn il-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja kien iġġustifikat u li l-AKKA/LAA ma kinitx tat spjegazzjoni dwar għaliex ir-rati applikabbli fil-Latvja kienu b’mod sinjifikattiv iktar ogħla minn dawk applikabbli fl-Estonja u fil-Litwanja. Madankollu, peress li kienet iddeċidiet li l-kunsill tal-kompetizzjoni kien, għall-kalkolu tal-multa, indebitament ikkunsidra l-ammonti miġbura għar-remunerazzjoni tal-awturi, din il-qorti ordnat lill-kunsill tal-kompetizzjoni sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa f’terminu ta’ xahrejn mill-għoti tas-sentenza tagħha.

14      L-AKKA/LAA ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din is-sentenza peress li din ma tagħtix sodisfazzjon komplet. Min-naħa tiegħu il-kunsill tal-kompetizzjoni ppreżenta wkoll appell kontra din is-sentenza, peress li permezz ta’ din, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) kienet annullat id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-multa imposta.

15      Skont l-AKKA/LAA, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) ma kinitx ifformulat kriterji oġġettivi u verifikabbli li jiġġustifikaw li r-rati applikabbli fil-Latvja jistgħu jiġu pparagunati ma’ dawk tal-Estonja u tal-Litwanja. Għalhekk, din il-qorti bbażat ruħha mhux fuq kriterji ekonomiċi iżda fuq kriterji relatati mas-sitwazzjoni territorjali, storika u kultura komuni għal dawn l-Istati.

16      Issa, din is-soċjetà, b’mod partikolari, tikkontesta li l-prossimità ġeografika tal-Istati Baltiċi l-oħra tista’ tkun kriterju deċiżiv.

17      Il-kunsill tal-kompetizzjoni, min-naħa tiegħu, isostni li l-multa imposta hija konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, li fid-dritt tal-kompetizzjoni, “dħul mill-bejgħ” għandu jinftiehem bħala l-ammont totali tad-dħul li jirriżulta mill-attività ekonomika li, f’dan il-każ, tinkludi l-ammonti li l-AKKA/LAA rċeviet għar-remunerazzjoni tal-awturi.

18      L-Augstākā tiesa Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. L-ewwel nett, din il-qorti tistaqsi jekk l-attivitajiet tal-AKKA/LAA għandhomx effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u, għaldaqstant, jekk il-kawża prinċipali inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni nett, din il-qorti għandha dubji rigward il-metodu użat sabiex tiġi ddeterminata n-natura inġusta tal-prezz. It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-multa hija teżita b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk kienx hemm lok li wieħed jikkunsidra għal dan il-għan ir-remunerazzjonijiet intiżi għad-detenturi tad-drittijiet.

19      Dwar l-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata, il-kunsill tal-kompetizzjoni indika li l-AKKA/LAA kienet ukoll irċeviet tariffi għal xogħlijiet mużikali minn Stati Membri oħra u li għaldaqstant, il-prezzijiet inġusti kienu tali li jiddisswadu l-użu fil-Latvja ta’ xogħlijiet ta’ awturi minn Stati Membri oħra.

20      Fir-rigward tat-tieni punt, li jikkonċerna l-metodu għad-determinazzjoni tan-natura inġusta tal-prezzijiet, hija tikkunsidra, minn naħa, li meta r-rati mitluba fi Stat Membru jikkorrispondu għal multiplu tar-rati applikati fl-Istati Membri oħra, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326), din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, hija tosserva li għad hemm inċertezzi dwar l-iffissar tar-rati f’sitwazzjonijiet differenti għal dak ta’ din l-aħħar kawża.

21      F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-ipparagunar tar-rati applikabbli fil-Latvja ma’ dawk applikabbli fl-Estonja u fil-Litwanja huwiex suffiċjenti. Paragun hekk limitat jaf fl-istess ħin ikun kontroproduttiv fis-sens li s-soċjetajiet fl-Istati ġirien jistgħu, flimkien, jgħollu r-rati tagħhom mingħajr dan ma jkun perċettibbli. Fil-każ li tali mod ta’ paragun ma jkunx validu, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tipparaguna wkoll ir-rati fl-Istati Membri kollha aġġustati skont l-indiċi PPP.

22      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma l-kundizzjonijiet sabiex ir-rati jiġu kkunsidrati bħala “kunsiderevolment ogħla” fis-sens tal-punt 25 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326), u li l-impriża kkonċernata hija obbligata “tiġġustifika d-differenza abbażi tad-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat u dik prevalenti fl-Istati Membri l-oħra kollha”, fis-sens ta’ dan l-istess punt.

23      Fir-rigward tat-tielet punt, dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-qorti tar-rinviju tosserva li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn soċjeta għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur kienet imposta multa, għadha ma ġietx ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tinkludi l-ammonti rċevuti bħala remunerazzjoni għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur teħtieġ kjarifika.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment għall-affarijiet amministrattivi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      [Il-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli f’tilwima li tirrigwarda tariffi stabbiliti minn soċjetà nazzjonali għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur meta din is-soċjetà tiġbor ukoll ir-remunerazzjoni għal xogħlijiet ta’ awturi barranin u fejn it-tariffi li hija stabbiliet jistgħu jiskoraġġixxu l-użu tal-imsemmija xogħlijiet fl-Istat Membru kkonċernat?

(2)      Il-kunċett ta’ [‘]prezzijiet inġusti[’] użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz ta’ pparagunar tal-prezzijiet (tariffi) mal-prezzijiet (tariffi) applikabbli fis-swieq ġirien tas-suq ikkonċernat; dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti u f’liema każijiet?

(3)      Il-kunċett ta’ [‘]prezzijiet inġusti[’] użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz tal-indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist, li jirriżulta mill-prodott gross domestiku, u dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti?

(4)      L-ipparagunar tat-tariffi għandu jsir fir-rigward ta’ kull taqsima tariffarja jew inkella fir-rigward tal-livell medju tat-tariffi?

(5)      Meta għandu jitqies li d-differenza bejn it-tariffi eżaminati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ [‘]prezzijiet (tariffi) inġusti[’] użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE hija kunsiderevoli b’tali mod li l-operatur ekonomiku li jkollu pożizzjoni dominanti għandu juri li t-tariffi tiegħu huma ġusti?

(6)      Fil-kuntest tal-applikazzjoni [tal-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, liema informazzjoni tista’ tiġi raġonevolment mistennija mingħand l-operatur ekonomiku sabiex juri n-natura ġusta tat-tariffi tax-xogħol protett jekk il-prezz tal-kost tal-imsemmi xogħol ma jistax jiġi ddeterminat kif isir fil-każ ta’ prodotti materjali? Dawn huma biss l-ispejjeż amministrattivi tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur?

(7)      Fil-kuntest ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, mid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu esklużi r-remunerazzjonijiet imħallsa lill-awturi mill-imsemmija soċjetà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kummerċ bejn Stati Membri jistax jiġi affettwat mil-livell tat-tariffi ffissati minn soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, bħall-AKKA/LAA, sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 102 TFUE.

26      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jidhru fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandhom jieħdu bħala punt tat-tluq l-għan ta’ din il-kundizzjoni li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-qasam tad-dritt tal-Unjoni b’relazzjoni għal dak tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull akkordju jew prattika miftiehma li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Sabiex deċiżjoni, ftehim jew prattika tkun tista’ titqies li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jkun possibbli jiġi previst bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, abbażi ta’ sett ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, li huma jkunu jistgħu jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jinħoloq tħassib li jista’ jfixkel il-kisba ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun mhux sinjifikattiva (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet impliċitament li r-rati mitluba minn soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju jistgħu jipproduċu effett fuq il-kummerċ transkonfinali, b’tali mod li l-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli għal tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319; tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110).

29      Fil-fatt, il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat mill-prattiki tariffarji ta’ soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, bħall-AKKA/LAA, li għandha monopolju fl-Istat Membru tagħha u li tamministra, minbarra id-drittijiet tad-detenturi Latvjani, ukoll dawk ta’ detenturi barranin.

30      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għanda tkun li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat mil-livell tat-tariffi ffissati minn soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju u li tamministra wkoll id-drittijiet ta’ detenturi barranin, sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 102 TFUE.

 Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi

31      Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk huwiex xieraq, għall-finijiet ta’ eżami dwar jekk soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tapplikax prezzijiet inġusti fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, li tipparaguna r-rati tagħha ma’ dawk applikabbli fl-Istati ġirien kif ukoll dawk applikabbli fi Stati Membri oħra, korretti permezz tal-indiċi PPP, u min-naħa l-oħra, jekk dan il-paragun għandux isir fir-rigward ta’ kull grupp ta’ utenti jew fir-rigward tal-livell medju tat-tariffi.

32      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “impriża”, imsemmi fl-Artikolu 102 TFUE, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ma huwiex ikkontestat li l-attività tal-AKKA/LAA, li tikkonsisti fil-ġbir ta’ tariffi li minnhom jitħallsu l-awturi ta’ xogħlijiet mużikali, huwa servizz.

34      Barra minn hekk, soċjetà bħall-AKKA/LAA, li għandha monopolju fuq il-provvista ta’ tali servizz fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha pożizzjoni dominanti fuq parti sostanzjali tas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, l-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ dan l-artikolu jista’ jikkonsisti fil-prattika ta’ prezz eċċessiv mingħajr relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, dan jikkonċerna evalwazzjoni dwar jekk hemmx sproporzjon eċċessiv bejn l-ispejjeż effettivament sostnuti u l-prezz effettivament mitlub u, fl-affermattiv, eżami dwar jekk hemmx impożizzjoni ta’ prezz inġusti, kemm f’livell assolut u kemm meta pparagunat mal-prodotti kompetituri (sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 252).

37      Madankollu, hekk kif ġie rrilevat essenzjalment mill-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hekk kif sabet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 253), hemm metodi oħra għad-determinazzjoni tan-natura eventwalment eċċessiva ta’ prezz.

38      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, metodu bbażat fuq paragun tal-prezzijiet mitluba fl-Istat Membru kkonċernat għal dawk applikati fi Stati Membri oħra għandhom jitqiesu bħala validi. Fil-fatt, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, meta impriża li jkollha pożizzjoni dominanti timponi rati għas-servizzi li tipprovdi, li jkunu kunsiderevolment iktar ogħla minn dawk mitluba fi Stati Membri oħra, u meta jkun sar paragun fuq bażi konsistenti dwar il-livell tar-rati, dik id-differenza għandha titqies li tkun qiegħda turi abbuż minn pożizzjoni dominanti (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 38, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, punt 25).

39      Madankollu, minħabba l-fatt li fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti, ir-rati mitluba minn soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ Stat Membru kienu ġew ipparagunati ma’ dawk fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn ta’ dak iż-żmien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-paragun, bħal dak magħmul mill-kunsill tal-kompetizzjoni fil-kawża prinċipali bejn ir-rati applikati mill-AKKA/LAA fil-Latvja u dawk mitluba fil-Litwanja u fl-Estonja, imsaħħa bi paragun mar-rati mitluba fi Stati Membri oħra korretti permezz tal-indiċi PPP, huwiex rappreżentattiv b’mod suffiċjenti.

40      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li paragun ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li ma huwiex rappreżentattiv b’mod suffiċjenti sempliċement għaliex jinvolvi numru limitat ta’ Stati Membri.

41      Għall-kuntrarju, tali paragun jista’ jkun rilevanti, sakemm, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri ta’ riferiment huma magħżula skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli. Għalhekk, ma hemmx numru minimu ta’ swieq li għandhom jiġu pparagunati u l-għażla ta’ swieq simili adatti jiddependi fuq ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

42      Fost dawn il-kriterji jistgħu jiġu inklużi, b’mod partikolari, ix-xejriet ta’ konsum u elementi ekonomiċi oħra jew soċjokulturali, bħall-prodott domestiku gross per capita u l-wirt kulturali u storiku. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa r-rilevanza tal-kriterji applikati fil-kawża prinċipali, filwaqt li tqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

43      Fir-rigward tal-paragun tar-rati mitluba mis-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dawk mitluba minn soċjetajiet li jinsabu fil-bejn wieħed u ieħor għoxrin Stat Membru ieħor minbarra l-Estonja u l-Litwanja, tali paragun jista’ jaġixxi ta’ verifika tar-riżultati diġà miksuba permezz ta’ paragun li jinkludi numru iżgħar ta’ Stati Membri.

44      Sussegwentement, għandu jitfakkar li paragun bejn il-prezzijiet mitluba fl-Istat Membru kkonċernat u dawk applikati fi Stati Membri oħra, għandu jsir fuq bażi konsistenti (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 38, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, punt 25).

45      F’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fl-Istati ta’ riferiment magħżula, il-metodu ta’ kalkolu tar-rati, ibbażat fuq is-superfiċji tal-ħanut jew taċ-ċentru ta’ assistenza kkonċernat, huwiex simili għall-metodu ta’ kalkolu applikabbli fil-Latvja. Fil-każ li dan huwa l-każ, din il-qorti tkun tista’ tikkonkludi li l-bażi ta’ paragun hija konsistenti, sakemm madankollu l-indiċi PPP kien ġie inkorporat fil-paragun mar-rati li huma pprattikati fl-Istati Membri li fihom il-kundizzjonijiet ekonomiċi ma humiex simili għal dawk li jeżistu fil-Latvja.

46      Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hemm, b’mod ġenerali, differenzi sinjifikattivi bejn l-Istati Membri għal servizzi identiċi, b’dawn id-differenzi jkollhom rabta mill-qrib mad-differenza fil-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini, espressa mill-indiċi PPP. Il-kapaċità tal-operaturi ta’ ħwienet jew ta’ ċentri ta’ assistenza li jħallsu għas-servizzi tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija influwenzata mil-livell ta’ għajxien u mill-kapaċità ta’ akkwist. Għalhekk, il-paragun, għal servizz identiku, tar-rati fis-seħħ f’diversi Stati Membri li fihom il-livell ta’ għajxien ivarja neċessarjament jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-indiċi PPP.

47      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk għandhiex tipparaguna l-gruppi differenti ta’ utenti jew, għall-kuntrarju, ir-rata medja tal-gruppi kollha.

48      Hekk kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, it-termini “grupp ta’ utenti” jikkonċerna l-ħwienet u ċ-ċentri ta’ assistenza ta’ ċertu superfiċji. F’dan ir-rigward, jidher mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-interventi matul is-seduta li tista’ tiġi kkonstata diskrepanza fir-rati, b’mod partikolari, fi ħdan grupp speċifiku wieħed.

49      Hija l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata li għandha taffettwa l-paragun u li għandha tistabbilixxi l-qafas, peress li din għandha ċerta flessibbiltà u ma hemmx metodu adegwat wieħed biss. Bħala eżempju, wieħed jista’ jinnota li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier (395/87, EU:C:1989:319), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326), il-paragun kien ibbażat fuq it-tariffi miġbura fi Stati Membri differenti minn diskoteka b’ċerti karatteristiċi speċifiċi li fosthom kien hemm is-superfiċji.

50      Għalhekk, jista’ jsir paragun fuq grupp wieħed speċifiku jew iktar jekk hemm indikazzjonijiet li n-natura eventwalment eċċessiva tat-tariffi tkopri dawn il-gruppi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li, għall-finijiet ta’ eżami dwar jekk soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tapplikax prezzijiet inġusti fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, huwa xieraq li tipparaguna r-rati tagħha ma’ dawk applikabbli fl-Istati ġirien kif ukoll dawk applikabbli fi Stati Membri oħra, korretti permezz tal-indiċi PPP, sakemm l-Istati ta’ riferiment kienu ġew magħżula skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli u li l-bażi tal-paraguni affettwati hija konsistenti. Jista’ jsir paragun tar-rati mitluba fi grupp wieħed speċifiku jew iktar ta’ utenti jekk hemm indikazzjonijiet li n-natura eċċessiva tat-tariffi tkopri dawn il-gruppi.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

52      Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, minn liema punt id-differenza bejn ir-rati pparagunati għandu jiġi kkunsidrat bħala kunsiderevoli u, min-naħa l-oħra, liema provi għandhom jiġu prodotti mis-soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur sabiex tirribatti n-natura eċċessiva tar-rati.

53      Fil-fatt, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, meta impriża li jkollha pożizzjoni dominanti timponi rati għas-servizzi li tipprovdi, li jkunu kunsiderevolment iktar ogħla minn dawk mitluba fi Stati Membri oħra, u meta jkun sar paragun fuq bażi konsistenti dwar il-livell tar-rati, dik id-differenza għandha titqies li tkun qiegħda turi abbuż minn pożizzjoni dominanti (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 38, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, punt 25).

54      Issa f’dan il-każ, hekk kif indikat mill-qorti tar-rinviju, id-differenza bejn ir-rati mitluba fil-Latvja u dawk mitluba fl-Istati Membri l-oħra ta’ riferiment huwa inqas għoli mid-differenzi kkonstatati bejn it-tariffi ta’ ċerti Stati Membri fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier (395/87, EU:C:1989:319), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326). F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-kunsill tal-kompetizzjoni, għas-superfiċji li jvarjaw minn 81 m² sa 201‑300 m², ir-rati fil-Latvja kienu mill-inqas darbtejn ogħla minn dawk applikati fl-Estonja u fil-Litwanja. Fir-rigward tal-paragun affettwat mar-rati applikati fl-Istati Membri l-oħra msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, din il-qorti kkonstatat li r-rati applikabbli fil-Latvja jaqbżu b’50 % sa 100 % l-livell medju tar-rati tal-Unjoni, u ippreċiżat anki li, fir-rigward tat-tariffi dovuti għall-ispazji ta’ superfiċji ta’ 85.5 m² sa madwar 140 m², huma biss dawk mitluba fir-Rumanija li kienu ogħla mit-tariffi fis-seħħ fil-Latvja.

55      Madankollu, ma jistax jiġi dedott mis-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier (395/87, EU:C:1989:319), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326), li differenzi bħal dawn ikkonstatati fil-kawża prinċipali qatt ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kunsiderevoli”. Fil-fatt, ma hemm l-ebda limitu minimu li minnu rata għandha tkun ikkwalifikata bħala “kunsiderevolment iktar ogħla”, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ huma determinanti f’dan ir-rigward. Għalhekk, differenza bejn it-tariffi tista’ tiġi kklassifikata bħala “kunsiderevoli” jekk hija sinjifikattiva u persistenti fid-dawl tal-fatti, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-suq inkwistjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina.

56      Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenza għandha tkun ta’ ċerta importanza sabiex ir-rati kkonċernati jistgħu jkunu kklassifikati bħala “abbużivi”. Barra minn hekk, din id-differenza għandha tippersisti għal ċertu perijodu ta’ żmien u ma għandhiex tkun temporanja jew ta’ kull tant żmien.

57      Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li dawn l-elementi jikkostitwixxu biss indikazzjonijiet ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Is-soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandha l-possibbiltà tiġġustifika d-differenza billi tibbaża fuq differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat u dik prevalenti fl-Istati Membri l-oħra, inkluż fil-paragun (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 38, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, punt 25).

58      Sabiex tiġi ġġustifikata tali differenza, ċerti elementi jistgħu jiġu kkunsidrati, bħar-relazzjoni eżistenti bejn il-livell tat-tariffa u l-ammont effettivament imħallas lid-detenturi tad-drittijiet. Fil-fatt, meta l-proporzjon tad-dħul mit-tariffi imposti allokata għall-ispejjeż tal-ġbir, tal-amministrazzjoni u tat-tqassim, hija kunsiderevolment iktar għolja, milli għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, ma huwiex eskluż li huwa preċiżament in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni li jippermetti li jiġi spjegat il-piż amministrattiv u għaldaqstant ir-rata għolja tat-tariffi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 42, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326, punt 29).

59      F’dan il-każ, matul is-seduta l-AKKA/LAA stqarret li l-parti tal-ispejjeż tal-ġbir, tal-amministrazzjoni u tat-tqassim ma taqbiżx 20 % tal-ammont totali miġbur. Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, jekk dawn l-ispejjeż humiex mal-ewwel daqqa ta’ għajn mhux raġonevoli meta pparagunati mal-ammonti mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u, konsegwentement, bħala evidenza ta’ amministrazzjoni ineffettiva. Barra minn hekk, il-fatt li dawn l-ispejjeż huma ogħla minn dawk fl-Istati Membri ta’ riferiment jista’ jiġi spjegat mill-eżistenza ta’ elementi oġġettivi li jaffettwaw l-ispejjeż, bħal leġiżlazzjoni speċifika li ttaqqal il-ħidma tal-amministrazzjoni jew għandha karatteristiċi oħra speċifiċi għas-suq ikkonċernat.

60      Madankollu, jekk jiġi pprovat li r-remunerazzjonijiet imħallsa mill-AKKA/LAA lid-detenturi tad-drittijiet huma ogħla minn dawk imħallsa fl-Istati ta’ riferiment u li din id-differenza tista’ titqies bħala kunsiderevoli, hija l-AKKA/LAA li għandha tiġġustifika tali ċirkustanza. Din il-ġustifikazzjoni tista’ tinsab fl-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni ekwa li hija differenti minn dik ta’ Stati Membri oħra, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

61      Minn dan isegwi li r-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li d-differenza bejn ir-rati pparagunati għandha tiġi kkunsidrata bħala kunsiderevoli jekk din hija sinjifikattiva u persistenti. Tali differenza tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u hija s-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li hija f’pożizzjoni dominanti li għandha tipprova li l-prezzijiet tagħha huma ġusti billi tibbaża fuq elementi oġġettivi li jaffettwaw l-ispejjeż amministrattivi jew ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

 Fuq is-seba’ domanda

62      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn il-ksur imsemmi fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa stabbilit, ir-remunerazzjonijiet intiżi għad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu inklużi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernata.

63      Mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, jimponu multi, pieni jew kull forma oħra ta’ sanzjoni prevista mid-dritt nazzjonali tagħhom.

64      F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 102 TFUE fl-Unjoni sabiex tinkiseb applikazzjoni effettiva ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, applikabbli għall-multi imposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-każ ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma jorbotx lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, dawn tal-aħħar jistgħu, waqt li tkun qed teżamina d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont massimu tal-multa li din l-awtorità hija intitolata li timponi lil din l-impriża għall-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, tadotta approċċ li jkun konsistenti mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dħul mill-bejgħ” li jinsab f’dan l-Artikolu 23.

65      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan il-kunċett jirrigwarda l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi magħmula mill-impriża kkonċernata, li għalhekk tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punti 16 sa 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, hekk kif huwa indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, is-servizzi pprovduti mill-AKKA/LAA jikkonsistu fil-ġbir ta’ tariffi li minnhom jitħallsu l-awturi ta’ xogħlijiet mużikali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali, jekk il-parti ta’ dawn it-tariffi li tirrappreżenta r-remunerazzjonijiet imħallsa lil dawn l-awturi hijiex inkluża fil-valur tas-servizzi pprovduti mill-AKKA/LAA.

67      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi eżistenti, skont id-dritt nazzjonali, bejn l-AKKA/LAA, bħala intermedjarja, u d-detenturi tad-drittijiet, sabiex tiddetermina jekk jikkostitwixxux unità ekonomika. Jekk dan ikun il-każ, il-parti li tirrappreżenta r-remunerazzjonijiet intiżi għal dawn id-detenturi tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti mill-valur tas-servizz ipprovdut mill-AKKA/LAA.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timponi multa, hija għandha, bħal fil-każ ta’ kull sanzjoni imposta mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Nunes u de Matos, C‑186/98, EU:C:1999:376, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan ir-rigward, sabiex tiddetermina l-ammont finali tal-multa, huwa importanti wkoll li tikkunsidra l-fatt li l-kunsill tal-kompetizzjoni kien diġà impona l-ewwel multa lill-AKKA/LAA matul is-sena 2008, peress li din tal-aħħar ipprattikat prezzijiet inġusti, u li, fis-sena 2013, wara investigazzjoni ġdida, imponiet fuq din tal-aħħar, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni multa minħabba l-ksur tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

70      Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul globali tal-ksur, in-natura repetittiva tagħha kif ukoll il-kwistjoni jekk l-ewwel multa kinitx dissważiva biżżejjed sabiex tiżgura n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni imposta hekk kif imsemmi fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li fil-każ fejn il-ksur imsemmi fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa stabbilit, ir-remunerazzjonijiet intiżi għad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu inklużi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernata, sakemm dawn ir-remunerazzjonijiet jagħmlu parti mill-valur tas-servizzi pprovduti minn din is-soċjetà u li din l-inklużjoni hija neċessarja sabiex tiżgura n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni imposta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat mil-livell tat-tariffi ffissati minn soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju u li tamministra wkoll id-drittijiet ta’ detenturi barranin, sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 102 TFUE.

2)      Għall-finijiet ta’ eżami dwar jekk soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tapplikax prezzijiet inġusti fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, huwa xieraq li tipparaguna r-rati tagħha ma’ dawk applikabbli fl-Istati ġirien kif ukoll dawk applikabbli fi Stati Membri oħra, korretti permezz tal-indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist, sakemm l-Istati ta’ riferiment kienu ġew magħżula skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli u li l-bażi tal-paraguni affettwati hija konsistenti. Jista’ jsir paragun tar-rati mitluba fi grupp wieħed speċifiku jew iktar ta’ utenti jekk hemm indikazzjonijiet li n-natura eċċessiva tat-tariffi tkopri dawn il-gruppi.

3)      Id-differenza bejn ir-rati pparagunati għandha tiġi kkunsidrata bħala kunsiderevoli jekk din hija sinjifikattiva u persistenti. Tali differenza tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u hija s-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li hija f’pożizzjoni dominanti li għandha tipprova li l-prezzijiet tagħha huma ġusti billi tibbaża fuq elementi oġġettivi li jaffettwaw l-ispejjeż amministrattivi jew ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

4)      Fil-każ fejn il-ksur imsemmi fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa stabbilit, ir-remunerazzjonijiet intiżi għad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu inklużi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernata, sakemm dawn ir-remunerazzjonijiet jagħmlu parti mill-valur tas-servizzi pprovduti minn din is-soċjetà u li din l-inklużjoni hija neċessarja sabiex tiżgura n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni imposta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.