Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa - il-Latvja) – Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra - Latvijas Autoru apvienība vs Konkurences padome

(Kawża  = "n" "Kawża"  IF = "o" "Kawżi Magħquda" C-177/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kunċett ta’ ‘prezz inġust’ – Tariffi miġbura minn soċjetà nazzjonali għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur – Ipparagunar mar-rati mitluba fi Stati Membri oħra – Għażla tal-Istati ta’ riferiment – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-prezz – Kalkolu tal-multa)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra - Latvijas Autoru apvienība

Konvenut: Konkurences padome

Dispożittiv

Il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat mil-livell tat-tariffi ffissati minn soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju u li tamministra wkoll id-drittijiet ta’ detenturi barranin, sabiex ikun jista’ jiġi applikat l-Artikolu 102 TFUE.

Għall-finijiet ta’ eżami dwar jekk soċjeta għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tapplikax prezzijiet inġusti fis-sens tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, huwa xieraq li tipparaguna r-rati tagħha ma’ dawk applikabbli fl-Istati ġirien kif ukoll dawk applikabbli fi Stati Membri oħra, korretti permezz tal-indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist, sakemm l-Istati ta’ riferiment kienu ġew magħżula skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli u li l-bażi tal-paraguni affettwati hija konsistenti. Jista’ jsir paragun tar-rati mitluba fi grupp wieħed speċifiku jew iktar ta’ utenti jekk hemm indikazzjonijiet li n-natura eċċessiva tat-tariffi tkopri dawn il-gruppi.

Id-differenza bejn ir-rati pparagunati għandha tiġi kkunsidrata bħala kunsiderevoli jekk din hija sinjifikattiva u persistenti. Tali differenza tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u hija s-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li hija f’pożizzjoni dominanti li għandha tipprova li l-prezzijiet tagħha huma ġusti billi tibbaża fuq elementi oġġettivi li jaffettwaw l-ispejjeż amministrattivi jew ir-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

Fil-każ fejn il-ksur imsemmi fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa stabbilit, ir-remunerazzjonijiet intiżi għad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu inklużi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, fid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernata, sakemm dawn ir-remunerazzjonijiet jagħmlu parti mill-valur tas-servizzi pprovduti minn din is-soċjetà u li din l-inklużjoni hija neċessarja sabiex tiżgura n-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni imposta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

____________

1     ĠU C 200, 6.6.2016.