Language of document : ECLI:EU:T:2015:225

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

23 ta’ April 2015

Kawża T‑352/13 P

BX

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Kostituzzjoni ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi (AD) fil-grad 5 ta’ ċittadinanza Bulgara u Rumena fil-qasam tad-dritt — Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ma jidhirx isem ir-rikorrent fuq il-lista ta’ riżerva — Oneru tal-prova — Evalwazzjoni komparattiva — Ugwaljanza fit-trattament — Stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla — Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal — Żnaturament tal-fatti u tal-provi — Rikors għad-danni — Deċiżjoni fuq l-ispejjeż”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ April 2013, BX vs Il‑Kummissjoni (F‑88/11, ĠabraSP, EU:F:2013:51), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. BX għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Evalwazzjoni neċessarjament komparattiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27 u Anness III, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3)

4.      Rikors għal annullament — Motivi — Motiv ineffettiv — Kunċett

1.      Fil-kuntest ta’ appell, aggravju dirett kontra ċitazzjoni ġenerali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li sempliċement iqegħidha fid-dubju, mingħajr ma jfittex li jipprova kif din tikkostitwixxi żball ta’ liġi li tista’ taffettwa d-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

(ara l-punt 17)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-18 ta’ Marzu 1993, Il‑Parlament vs Frederiksen, C‑35/92 P, Ġabra, EU:C:1993:104, punt 31

2.      Kull kompetizzjoni għandha l-għan li jintgħażlu l-kandidati li jkunu l-iktar adegwati sabiex iwettqu l-funzjonijiet relatati mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u għalhekk huwa inevitabbli li l-Bordijiet tal-Għażla jeżaminaw il-merti rispettivi tal-kandidati u jmexxu l-eżamijiet b’mod li jintgħażlu biss dawk li jixirqilhom l-iktar.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ evalwazzjoni komparattiva għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jobbliga lill-Bord tal-Għażla jipparaguna l-prestazzjoni tal-kandidati sabiex jagħżel lil dawk li jkollhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, ta’ effiċjenza u ta’ integrità.

Jekk il-kandidat ma jkunx issodisfa r-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-eżami orali, il-paragun tal-evalwazzjoni tal-eżami orali tiegħu ma’ dik tal-kandidati l-oħra għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ma jibqax iktar neċessarju.

(ara l-punti 26, 29 u 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tad-9 ta’ Settembru 2003, Vranckx vs Il‑Kummissjoni, T‑293/02, ĠabraSP, EU:T:2003:224, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li Bord tal-Għażla kompost minn iktar minn erba’ membri għandu jinkludi mill-inqas żewġ membri ta’ kull sess, japplika biss meta l-Bord tal-Għażla jkun kompost minn iktar minn erba’ membri sħaħ.

Għaldaqstant, meta Bord tal-Għażla jkun kompost formalment minn iktar minn erba’ membri sħaħ, għandu jiġi żgurat li mhux biss il-membri sħaħ, iżda wkoll il-membri supplenti, ikunu jinkludu mill-inqas żewġ membri ta’ kull sess, b’mod li l-eventwali sostituzzjoni ta’ membru sħiħ tas-sess li ma jkunx irrappreżentat biżżejjed issir dejjem permezz ta’ membru supplenti tal-istess sess, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 74, 79 u 80)

4.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad motiv jew ilment bħala ineffettiv meta tikkonstata li ma huwiex tali, fil-każ li jkun fondat, li jagħti lok għall-annullament mitlub.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑50/08 P, ĠabraSP, EU:T:2009:457, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata