Language of document : ECLI:EU:T:2017:633

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

20 ta’ Settembru 2017 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva BADTORO – Trade marks tal-Unjoni Ewropea verbali u nazzjonali figurattiva preċedenti TORO – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Xebh tal-prodotti u tas-servizzi – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T-350/13,

Jordi Nogues, SL, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn J. Fernández Castellanos, J. Sanmartín Sanmartín u E. López Parés, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat inizjalment minn V. Melgar u J. Crespo Carrillo, sussegwentement minn Crespo Carillo, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Grupo Osborne, SA, stabbilita f’El Puerto de Santa María (Spanja), irrappreżentata minn J. M. Iglesias Monravá, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tas-16 ta’ April 2013 (Każ R 1446/2012-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Grupo Osborne u Jordi Nogues,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn M. van der Woude, President, I. Ulloa Rubio u A. Marcoulli (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2013,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat id-digriet ta’ sospensjoni tal-proċedura tat-18 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat l-ittra tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Marzu 2016 li permezz tagħha l-partijiet ġew informati li l-Qorti Ġenerali kienet ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 1 ta’ Alicante (Spanja) u li l-fażi bil-miktub tal-proċedura kienet ġiet magħluqa,

wara li rat it-talba għal tgħaqqid, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ta’ din il-kawża mal-Kawża T-386/15 u l-osservazzjonijiet tal-partijiet f’dan ir-rigward,

wara li rat id-deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2016 li rrifjutat li tgħaqqad lil din il-kawża mal-Kawża T-386/15,

wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

wara d-digriet tal-15 ta’ Frar 2017 li fetaħ mil-ġdid il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-1 u fis-6 ta’ Marzu 2017, rispettivament,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti, Jordi Nogues, SL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 25, 34 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 25: “Ilbies, xedd is-saqajn, xedd ir-ras”;

–        klassi 34: “Tabakk; oġġetti tat-titjip; sulfarini”;

–        klassi 35: “Servizzi ta’ importazzjoni; esportazzjoni; rappreżentazzjonijiet kummerċjali; bejgħ fi ħwienet u permezz ta’ netwerks tal-informatika globali ta’ kotba u oġġetti ta’ kartolerija, drapp, utensili u kontenituri għad-dar u għall-kċina, oġġetti ta’ dekorazzjoni, oġġetti tat-titjip u rigali; reklamar; ġestjoni tan-negozju; amministrazzjoni kummerċjali; xogħol tal-uffiċċju”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 9/2011, tal-14 ta’ Jannar 2011.

5        Fit-12 ta’ April 2011, l-intervenjenti, Grupo Osborne, SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti, ippreżentata fil-15 ta’ Lulju 2010 u rreġistrata fit-13 ta’ Diċembru 2010 taħt in-Numru 2939631, għal-“lajters u oġġetti tat-titjip”, inklużi fil-klassi 34, riprodotta hawnhekk:

Image not found

–        it-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti TORO, ippreżentata fit-13 ta’ Settembru 2002 u rreġistrata fil-5 ta’ Awwissu 2010 taħt in-Numru 2844264, għall-“ilbies, [għax-]xedd is-saqajn, [għax-]xedd ir-ras; [għaċ-]ċinturini”, inklużi fil-klassi 25;

–        it-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti TORO, ippreżentata fit-23 ta’ Ġunju 2000 u rreġistrata fit-3 ta’ Jannar 2007 taħt in-Numru 1722362, għas-“servizzi ta’ reklamar; [għall-]ġestjoni tan-negozju; [għall-]amministrazzjoni kummerċjali; [għax-]xogħol tal-uffiċċju; [għall-]bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel u xorb, ebda minn dawn is-servizzi u/jew prodotti ma joriġinaw jew huma relatati mal-barrin”, inklużi fil-klassi 35;

–        it-trade mark Spanjola verbali preċedenti EL TORO, ippreżentata fis-17 ta’ Ġunju 1998 u rreġistrata fit-8 ta’ Ottubru 2003 taħt in-Numru 2169043, għall-“ħwejjeġ prodotti għall-irġiel, għan-nisa jew għat-tfal u [għax-]xedd is-saqajn (bl-eċċezzjoni taż-żraben ortopediċi); [għax-]xedd ir-ras”, inklużi fil-klassi 25;

–        it-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti, ippreżentata fis-16 ta’ Marzu 2010 u rreġistrata fit-22 ta’ Ġunju 2010 taħt in-Numru 2919417, għal servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut fil-ħwienet u permezz tal-internet ta’ kull tip ta’ oġġetti”, inklużi fil-klassi 35, riprodotta hawnhekk:

Image not found

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta’ konfużjoni prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Fis-7 ta’ Ġunju 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Hija kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni għall-prodotti kollha previsti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni meta jitqiesu t-trade marks tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti Nri 2844264 u 1722362 u t-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti Nru 2939631.

9        Fl-1 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell imressaq mir-rikorrenti. B’mod partikolari, huwa qies li l-prodotti previsti mis-sinjali kunfliġġenti kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu. Barra minn hekk, fid-dawl tal-karattru distintiv normali tat-trade marks preċedenti, minkejja li diversi trade marks Spanjoli rreġistrati jinkludu l-kelma “toro”, tal-kobor tal-element komuni “toro”, li jiġġustifika l-eżistenza ta’ xebh fonetiku, kunċettwali u, sa ċertu punt, viżwali, u fl-assenza, fi kwalunkwe każ, ta’ koeżistenza paċifika stabbilita tas-sinjali kunfliġġenti fis-suq Spanjol, hija kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

12      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

14      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea.

15      Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi b’konnessjonijiet ekonomiċi. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti jkollu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ, b’mod partikolari, l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u x-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

16      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tas-sinjali kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

17      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      Barra minn hekk, meta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti hija estiża għall-Unjoni Ewropea kollha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tas-sinjali kunfliġġenti mill-konsumatur tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni f’dan it-territorju. Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi rrifjutata, huwa suffiċjenti li jkun hemm raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 f’parti mill-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata].

19      F’dan il-każ, fir-rigward tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 25 u 34 kienu indirizzati lejn il-pubbliku inġenerali u li s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 35 kienu indirizzati kemm lejn il-pubbliku inġenerali kif ukoll lejn pubbliku speċjalizzat. Minn dan huwa ddeduċa li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni kellha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tas-sinjali minn konsumatur medju li jappartjeni kemm għall-pubbliku inġenerali kif ukoll għal pubbliku speċjalizzat, b’mod partikolari konsumatur Spanjol sa fejn l-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq trade marks Spanjoli.

20      Din id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, għandha tiġi kkonfermata għall-istess raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

21      Fir-rigward tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti mis-sinjali kunfliġġenti, il-partijiet ġustament jaqblu sabiex jikkonkludu li l-prodotti u s-servizzi previsti fil-klassijiet 25 u 35 huma identiċi u li l-prodotti previsti fil-klassi 34 huma kemm identiċi kif ukoll jixxiebhu.

22      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati, fl-isfond tal-evalwazzjoni esposta mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti

23      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark b’mod globali u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jsir eżami tat-trade marks kunfliġġenti, fejn kull waħda titqies fl-intier tagħha, b’mod li ma jeskludix li l-impressjoni globali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C-193/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:539, punt 43).

25      Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm impressjoni globali ta’ xebh tas-sinjali kunfliġġenti bħala riżultat tal-koinċidenza verbali u kunċettwali tagħhom minħabba l-preżenza tat-terminu “toro”, li huwa faċilment rikonoxxibbli fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li, l-ewwel nett, jikkostitwixxi l-uniku komponent tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti u l-uniku element verbali tat-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti, it-tieni nett, jippreżenta karattru distintiv u, it-tielet nett, ma jokkupax pożizzjoni sekondarja fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fir-rigward tat-trade marks preċedenti purament verbali, il-Bord tal-Appell qies li x-xebh kien imsaħħaħ mill-fatt li t-terminu “toro” kien iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq l-elementi distintivi u dominanti tas-sinjali kunfliġġenti

26      Fil-każ ineżami, mill-punti 31, 32 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li, skont il-Bord tal-Appell, ebda wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jiddomina l-impressjoni viżwali tagħha, filwaqt li t-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti hija ddominata mill-element verbali “toro”. Kif intqal fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell qies ukoll li l-element verbali “toro” kien jokkupa pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

27      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell wettaq paragun frammentat u indebitu tas-sinjali kunfliġġenti. B’hekk huwa żnatura “t-totalità immaġinattiva” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni meta qies b’mod żbaljat li ebda element ma kien jiddomina l-impressjoni viżwali tagħha u li t-terminu “toro” ma kienx jokkupa post sekondarju, meta dan it-terminu jidher fl-aħħar tas-sinjal u huwa ppreċedut minn element grafiku oriġinali ta’ daqs kjarament ikbar li l-importanza tiegħu ma tistax tiġi sottovalutata. Hija ssostni wkoll li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C-120/04, EU:C:2005:594), meta l-fatti ineżami huma radikalment differenti, b’mod partikolari sa fejn it-terminu “toro” ma jidhirx b’mod awtonomu fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju ta’ paragun skont l-impressjoni globali.

28      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

29      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, minkejja li, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, tal-ewwel ikunu, bħala prinċipju, iktar distintivi minn tat-tieni, peress li l-konsumatur medju jirreferi iktar faċilment għall-prodotti inkwistjoni billi jsemmi l-isem tat-trade mark milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tagħha, dan ma jfissirx li l-elementi verbali ta’ trade mark għandhom dejjem jitqiesu li huma iktar distintivi mill-elementi figurattivi. Fil-fatt, fil-każ ta’ trade mark kumplessa, l-element figurattiv jista’ jżomm post ekwivalenti għal dak tal-element verbali [sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Monster Energy vs UASI – Balaguer (icexpresso + energy coffee), T-61/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:750, punt 37]. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element figurattiv u dawk tal-element verbali tat-trade mark ikkontestata kif ukoll il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, sabiex jiġi identifikat il-komponent dominanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2008, Inter-Ikea vs UASI – Waibel (idea), T-112/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:10, punt 49].

30      Fil-każ ineżami, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa disinn ta’ fantasija li jirrappreżenta toru bi qrun twil u b’ħarsa ta’ dispjaċir. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, id-daqs tiegħu fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, prominenti, jeċċedi b’mod sinjifikattiv dak tal-element verbali. It-tieni nett, l-element figurattiv huwa mqiegħed fuq l-element verbali. It-tielet nett, it-toru rrappreżentat huwa massiv, iswed u partikolarment oriġinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-fantasija u d-daqs tal-element figurattiv huma ta’ natura li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti lil hinn mill-element verbali, imqiegħed taħtu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha raġun ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda wieħed mill-elementi kkombinati tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kien jiddomina l-impressjoni viżwali. Konsegwentement, l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, inkluż it-terminu “toro”, jokkupa pożizzjoni sekondarja fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

31      Għaldaqstant, kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element verbali huwa riprodott f’ittri kbar. Minkejja d-daqs kbir tal-element figurattiv, l-element verbali huwa kjarament viżibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karattru dominanti tal-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistax irendi negliġibbli, fl-impressjoni globali tat-trade mark, l-element verbali “badtoro” [ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Kido vs UASI – Amberes (SCORPIONEXO), T-152/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:357, punt 66, u tat-23 ta’ April 2015, Iglotex vs UASI – Iglo Foods Group (IGLOTEX), T-282/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:226, punti 53 u 54].

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Bord tal-Appell tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C-120/04, EU:C:2005:594), għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza, għalkemm element komuni tas-sinjali kunfliġġenti ma għandux jitqies li jiddomina l-impressjoni globali, huwa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom, sa fejn dan jikkostitwixxi fih innifsu t-trade mark preċedenti u jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta b’mod partikolari minn dan l-element u li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn element komuni jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, l-impressjoni globali prodotta minn dan is-sinjal tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, minn tal-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, f’liema każ għandu jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, BGW, C-20/14, EU:C:2015:714, punt 38).

33      L-eżami ta’ jekk wieħed mill-elementi ta’ sinjal kompost għandux pożizzjoni distintiva awtonoma huwa għalhekk intiż sabiex jiddetermina liema minn dawn l-elementi huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti [ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Novomatic vs UASI – Simba Toys (African SIMBA), T-687/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:37, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata].

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li element ta’ sinjal kompost ma jżommx tali pożizzjoni distintiva awtonoma jekk dan l-element, flimkien mal-element jew l-elementi l-oħrajn tas-sinjal, meħuda globalment, jifforma unità li għandha sens differenti meta mqabbel mas-sens ta’ dawn l-elementi meħuda separatament (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bimbo vs UASI, C-591/12 P, EU:C:2014:305, punt 25).

35      Għandu wkoll jiġi rrilevat li, jekk il-konsumatur medju ġeneralment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa waħda u ma jipproċedix għal eżami tad-dettalji differenti tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fil-perċezzjoni ta’ sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali, li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li jixbhu kliem li huwa jaf [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2007, RESPICUR, T-256/04, EU:T:2007:46, punt 57, u tat-13 ta’ Frar 2008, Sanofi-Aventis vs UASI – GD Searle (ATURION), T-146/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:33, punt 58].

36      Fil-każ ineżami, kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku li jikkomunika bl-Ispanjol, kif ukoll il-parti mill-pubbliku tal-Unjoni li tifhem it-tifsira tal-kelma “toro”, tidentifika dan it-terminu fi ħdan l-element verbali. Issa, dan it-terminu huwa l-uniku komponent jew l-uniku element verbali tat-trade marks preċedenti invokati fl-oppożizzjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jokkupa, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, pożizzjoni sekondarja fis-sinjal.

38      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-terminu “toro” jinsab fl-aħħar tas-sinjal u huwa ppreċedut mit-terminu “bad”. Dwar dan il-punt, jista’ jitfakkar li l-konsumatur jagħti normalment iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, EU:T:2004:79, punt 81, u tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, EU:T:2005:102, punti 64 u 65].

39      Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita minn element verbali uniku, jiġifieri t-terminu “badtoro”, maħluq mill-tqegħid flimkien tat-termini “bad” u “toro”. Il-fatt li ma hemmx separazzjoni bejn iż-żewġ termini jsaħħaħ il-perċezzjoni unitarja tal-element verbali, li jinftiehem, tal-inqas minn parti mill-pubbliku li jikkomunika bl-Ispanjol u mill-pubbliku li jifhem it-terminu “toro”, bħala li jfisser “toru mqareb jew ħażin” [ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Procter & Gamble Manufacturing Cologne vs UASI – Natura Cosméticos (NATURAVIVA), T-107/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:551, punt 34]. F’dan is-sens, l-element verbali jirreferi speċifikament għar-rappreżentazzjoni fantasista ta’ toru, li, fid-dawl tal-predominanza tagħha fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u fid-dawl tas-singularità tagħha, kif indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi probabbilment l-element li l-pubbliku rilevanti jkollu t-tendenza li jirrikonoxxi u li jżomm fil-memorja, iktar milli l-annimal fih innifsu. Minn dan isegwi li l-element verbali “badtoro” għandu jitqies flimkien mal-element figurattiv, billi flimkien dawn jifformaw unità loġika li tmur lil hinn mis-sempliċi isem tal-annimal riprodott fit-trade marks preċedenti.

40      Konsegwentement, filwaqt li jitfakkar li l-konsumatur ġeneralment jipperċepixxi trade mark globalment u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li, ġeneralment, dan tal-aħħar ma jipperċepixxix b’mod awtonomu u lanqas ma jimmemorizza l-kelma “toro” fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-assenza ta’ attrazzjoni suffiċjenti ta’ din tal-aħħar [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Grupo Osborne vs UASI – Industria Licorera Quezalteca (TORO XL), T-169/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:261, punt 42]. Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha raġun issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li t-terminu “toro” kien iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

41      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li x-xebh tas-sinjali kunfliġġenti għandu jiġi evalwat.

 Fuq ix-xebh viżiv

42      Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, is-sinjali kunfliġġenti huma nieqsa mix-xebh viżiv.

43      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

44      Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell qies li, minħabba l-koinċidenza tal-element verbali “toro”, is-sinjali kunfliġġenti kellhom ċertu livell ta’ xebh, għalkemm baxx, meta titqies il-preżenza, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tal-element verbali “bad”, imqiegħed quddiem l-element verbali “toro”, u l-eżistenza ta’ differenzi bejn l-elementi figurattivi tagħhom jew l-assenza ta’ element figurattiv fit-trade marks preċedenti.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Bord tal-Appell telaq mill-premessa żbaljata li t-terminu “toro” ma kienx jokkupa pożizzjoni sekondarja. F’dan il-kuntest, huwa ta importanza partikolari lill-koinċidenza tat-terminu “toro” fis-sinjali kunfliġġenti, mingħajr ma ra qabel jekk il-pubbliku rilevanti setax jimmemorizza b’mod awtonomu t-terminu “toro” fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

46      Issa, minkejja li s-sinjali kunfliġġenti għandhom komuni t-terminu “toro”, huma għandhom ħafna differenzi. B’hekk, fir-rigward tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti TORO, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha struttura differenti ħafna. Fil-fatt, hija għandha element figurattiv dominanti, li jirrappreżenta toru tal-fantasija u oriġinali, flimkien ma’, fil-qiegħ tagħha, element verbali kompost mill-kelma “toro” ppreċeduta mill-grupp ta’ ittri “bad”, li flimkien jifformaw element verbali uniku.

47      Fir-rigward tat-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti, l-istruttura tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha wkoll differenzi ċari, billi l-ewwel waħda hija komposta minn element figurattiv u minn element verbali dominanti, imqiegħed fil-ġenb. Għall-kuntrarju, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn element figurattiv dominanti u minn element verbali sekondarju, li jinsab taħt. Barra minn hekk, minkejja li ż-żewġ elementi figurattivi jirrappreżentaw toru, dawn huma sostanzjalment differenti. Fil-fatt, it-trade mark Spanjola preċedenti tirrappreżenta s-siluwett iswed, klassiku u integru ta’ toru, mill-perspettiva tal-profil. Għall-kuntrarju, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa toru tal-fantasija, li jidher minn quddiem, ta’ kulur iswed. Huwa għandu tliet saqajn, għandu qrejjen u għajnejn, ta’ kulur abjad, prominenti. Finalment, is-sinjali invokati fl-oppożizzjoni huma parzjalment differenti fl-element verbali tagħhom.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jinkludu l-kelma “toro” għandu biss effett żgħir fil-paragun globali tagħhom, filwaqt li, kif intqal fil-punt 40 iktar ’il fuq, dan it-terminu ma għandux pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell. Dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li l-impressjoni viżwali taż-żewġ trade marks li għandhom l-istess element tista’ tkun differenti, b’mod partikolari meta l-paragun jikkonċerna, minn naħa, trade mark verbali, bħat-trade marks tal-Unjoni Ewropea preċedenti u, min-naħa l-oħra, trade mark kumplessa, bħat-trade mark li għalija saret l-applikazzjoni, komposta minn element figurattiv qawwi u minn element verbali parzjalment differenti, li jagħti impressjoni viżwali distinta biss tal-element “toro” [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Aktieselskabet af 21. november 2001 vs UASI – Parfums Givenchy (only givenchy), T-586/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:722, punt 33, u tas-17 ta’ Mejju 2013, Rocket Dog Brands vs UASI – Julius-K9 (JULIUS K9), T-231/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:264, punt 34].

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-differenzi dettaljati hawn fuq indikati bejn is-sinjali kunfliġġenti u fid-dawl tal-piż tal-elementi rispettivi tagħhom u tal-assenza ta’ pożizzjoni distintiva awtonoma tat-terminu “toro”, għandu jitqies li, globalment, dawn għandhom, bħala massimu, livell baxx ħafna ta’ xebh viżiv.

 Fuq ix-xebh fonetiku

50      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-preżenza tat-terminu “bad”, imqiegħed quddiem it-terminu “toro”, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li s-sinjali kunfliġġenti kienu fonetikament simili. Hija ssostni li dawn is-sinjali jinkludu numru ta’ ittri differenti, li l-istruttura tagħhom tinvolvi kadenza u suċċessjoni ta’ ħsejjes differenti u li t-terminu “badtoro” għandu ħoss barrani u ġdid għall-konsumaturi Spanjoli.

51      Dawn l-argumenti huma miċħuda mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

52      Dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali kunfliġġenti jiddistingwu ruħhom, mill-perspettiva fonetika, permezz tas-sillaba addizzjonali “bad”, iżda għandhom komuni għal xulxin iż-żewġ sillabi “to” u “ro”. F’dan il-kuntest, is-suċċessjoni tal-ittri “d” u “t”, barranija għall-pubbliku Spanjol, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi evitat li l-impressjoni fonetika globali tas-sinjali kunfliġġenti jkollha, fid-dawl tal-konkordanza tat-terminu “toro”, relazzjoni ta’ xebh ta’ livell medju, kif ġustament qies il-Bord tal-Appell.

 Fuq ix-xebh kunċettwali

53      Fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li, kuntrarjament għat-trade marks preċedenti li għalihom it-terminu “toro” kien jirreferi għall-annimal, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkomunika idea “kumplessa” li tinkludi maskot li jagħti lill-pubbliku messaġġ universali ta’ sfida u ta’ ribelljoni bħal ismu, ikkostitwit min-neoloġiżmu “badtoro”. Skont ir-rikorrenti, it-termini “bad” u “toro” huma għalhekk inseparabbli.

54      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

55      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, xebh kunċettwali joħroġ mill-fatt li żewġ trade marks jużaw immaġini li jaqblu fil-kontenut semantiku tagħhom [sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, EU:C:1997:528, punt 24, u tal-21 ta’ April 2010, Peek & Cloppenburg u van Graaf vs UASI – Queen Sirikit Institute of Sericulture (Thai Silk), T-361/08, EU:T:2010:152, punt 63].

56      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, prinċipalment, fuq il-preżenza fis-sinjali kunfliġġenti tat-terminu “toro”. Fil-fatt, huwa qies li, għal din ir-raġuni, dawn is-sinjali kienu parzjalment identiċi fil-livell kunċettwali għall-pubbliku li kien jifhem it-tifsira tal-kelma “toro”, indipendentement minn jekk it-terminu “bad” jinftihemx. Huwa rrileva, sussidjarjament, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tikkoinċidi wkoll mat-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti minħabba d-disinn grafiku tagħha li jirrappreżenta toru. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, għall-pubbliku li jifhem it-tifsira tat-terminu “toro”, is-sinjali kunfliġġenti għandhom xebh sinjifikattiv. Mill-banda l-oħra, il-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku li ma jifhimx is-sens tal-kelma “toro” jipperċepixxi s-sinjali kunfliġġenti bħala li ma jixxiebhux, jew li huma differenti fil-każ li jkun jifhem it-tifsira tal-kelma “bad”.

57      Hemm lok, qabelxejn, li jitfakkar li dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq il-premessa żbaljata tan-natura mhux sekondarja tat-terminu “toro” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-fatt li l-Bord tal-Appell qies li, għall-pubbliku li ma jifhimx it-terminu “toro”, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti huma pperċepiti bħala li ma jixxiebhux meta kull waħda minnhom tinkludi r-rappreżentazzjoni ta’ toru jenfasizza l-importanza partikolari mogħtija lill-koinċidenza tat-terminu “toro” fiż-żewġ sinjali.

58      F’dan il-kuntest, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat, bħalma rrileva l-Bord tal-Appell, li, għall-pubbliku li ma jifhimx it-tifsira tat-terminu “toro”, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandha ebda xebh kunċettwali mat-trade marks tal-Unjoni Ewropea verbali preċedenti TORO.

59      Fir-rigward tal-pubbliku Spanjol jew tal-pubbliku li jifhem it-tifsira tal-kelma “toro”, kif intqal fil-punt 36 iktar ’il fuq, dan jidentifika l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li huwa kompost, minn naħa, mit-terminu jew mill-grupp ta’ ittri “bad” u, min-naħa l-oħra, mit-terminu “toro”, jiġifieri d-denominazzjoni eżatta tal-annimal bl-Ispanjol. B’hekk, dan it-terminu tal-aħħar huwa pperċepit minn dan il-pubbliku bħala riferiment għall-annimal imsemmi u, skont il-każijiet, irrappreżentat fit-trade marks preċedenti, li huwa ta’ natura li jqarreb is-sinjali kunfliġġenti mill-perspettiva kunċettwali.

60      Madankollu, minkejja li dan ir-riferiment komuni għall-kunċett ta’ toru joħroġ mis-sinjali kunfliġġenti, it-toru rrappreżentat fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jidher iktar, kif issostni r-rikorrenti, bħala maskot jew persunaġġ differenti mill-annimal sempliċement imsemmi jew irrappreżentat fit-trade marks preċedenti. B’hekk, kuntrarjament għad-denominazzjoni “toro” u għas-siluwett klassiku tat-toru rrappreżentat fit-trade mark figurattiva preċedenti, it-toru tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa umanizzat, partikolarment permezz ta’ għajnejh, li, kif sostniet ir-rikorrenti, jikkomunikaw atitudni ta’ ħażen jew sfida. Barra minn hekk, l-annimal huwa rrappreżentat b’mod ferm fantasista, bi qrejjen ta’ daqs kbir u tliet saqajn biss. Fid-dawl tal-espressjoni tat-toru kif irrappreżentat, l-element verbali “badtoro” seta’ jiġi pperċepit bħala l-isem ta’ dan il-persunaġġ.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, meqjusa flimkien, l-element figurattiv u l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkomunikaw kunċett li jmur lil hinn mill-kunċett klassiku tat-toru, bħala annimal. Għaldaqstant, ix-xebh kunċettwali bejn it-trade marks għandu jiġi rrelattivizzat, billi dan għandu jitqies, bħala massimu, ta’ livell medju, u mhux daqstant sinjifikattiv daqs kemm il-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li hu.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-Bord tal-Appell ibbaża l-analiżi tiegħu tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-konstatazzjoni żbaljata tal-karattru mhux dominanti tal-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni billi ssopravaluta l-effett, fuq il-pubbliku, tal-preżenza, fiż-żewġ sinjali, tat-terminu “toro”. F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li l-element figurattiv, minħabba l-predominanza tiegħu u s-singularità tiegħu, huwa l-element li jattira l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u, min-naħa l-oħra, li t-terminu “toro” ma għandux pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi konkluż li s-sinjali kunfliġġenti għandhom livell baxx ħafna ta’ xebh viżiv, livell medju ta’ xebh fonetiku u ċertu livell ta’ xebh kunċettwali. Konsegwentement, il-livell ta’ xebh globali bejn is-sinjali inkwistjoni huwa baxx [ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Annco vs UASI – Freche et fils (ANN TAYLOR LOFT), T-385/09, EU:T:2011:49, punt 38].

63      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell żbalja meta qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

64      Hemm lok li jitfakkar li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta, b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks ikunu suffiċjentement għolja [sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, EU:T:2002:261, punt 45, u tal-11 ta’ Jannar 2013, Kokomarina vs UASI – Euro Shoe Group (interdit de me gronder IDMG), T-568/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:5, punt 48].

65      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata jkollu biss rarament il-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn id-diversi trade marks, iżda għandu jibbaża ruħu fuq l-immaġini mhux perfetta li huwa jkun żamm fil-memorja tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, EU:C:1999:323, punt 26).

66      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, billi ssostni li huwa naqas li jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv attenwat tat-trade marks preċedenti meta t-terminu “toro” jirreferi għall-annimal hekk ippreżentat, b’mod partikolari fi Spanja fejn it-toru huwa simbolu nazzjonali, li ma jistax ikun is-suġġett ta’ dritt esklużiv mogħti lil operatur wieħed. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-karattru “intrinsikament distintiv ħafna” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fid-dawl tal-oriġinalità tagħha u tal-fatt, li jista’ jiġi kklassifikat bħala magħruf, li kemm ir-rappreżentanza grafika kif ukoll l-isem tal-persunaġġ maħluq mir-rikorrenti huma suġġetti għal protezzjoni intellettwali. Barra minn hekk, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni d-drawwiet magħrufa tal-konsum tal-pubbliku rilevanti. Finalment, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenzi mogħtija mill-qrati Spanjoli tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, fl-aħħar lok, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017 mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja).

67      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-impressjoni globali tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti u tal-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn dawn is-sinjali, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni, inkluża probabbiltà ta’ assoċjazzjoni, kienet inevitabbli.

68      Dwar dan il-punt, għandu jitfakkar li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma identiċi jew jixxiebhu, iżda, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, is-sinjali kunfliġġenti għandhom biss livell baxx ta’ xebh globali.

69      Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sinjali kunfliġġenti, id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali li jeżistu bejniethom, li jirriżultaw mill-predominanza u mill-karattru fantasista tat-toru rrappreżentat u mit-terminu “bad”, li jippreċedi t-terminu “toro” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif ukoll l-unità loġika li toħroġ mill-elementi verbali u figurattivi pperċepiti flimkien huma suffiċjenti sabiex jitqies li, fil-preżenza tal-imsemmija sinjali, il-pubbliku rilevanti ma jistabbilixxix rabta bejniethom, filwaqt li la l-element figurattiv dominanti u lanqas l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jikkoinċidu mal-element uniku jew ma’ wieħed mill-elementi tat-trade marks preċedenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi previsti, huwa ftit probabbli li dawn, taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikunu jidhru f’għajnejn il-konsumaturi bħala li ġejjin mill-impriża proprjetarja tat-trade marks preċedenti jew minn impriża ekonomikament marbuta ma’ din tal-aħħar [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI – Bodegas Peñalba López (Torre Albéniz), T-287/06, EU:T:2008:602, punt 74].

70      Konsegwentement, u mingħajr ħtieġa li tippronunzja ruħha fuq l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti, għandu jintlaqa’ l-motiv dedott mill-fatt li, billi rrikonoxxa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, l-EUIPO injora d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

72      Fil-każ ineżami, peress illi l-EUIPO tilef u r-rikorrenti ma talbitx li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

73      Barra minn hekk, l-intervenjenti, li tilfet il-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-16 ta’ April 2013 (Kawża R 1446/20122) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Jordi Nogues, SL.


3)      Grupo Osborne, SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Van der Woude

Ulloa Rubio

Marcoulli

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2017.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.