Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2011 - Cemex et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-292/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Cemex S.A.B. de C.V. (Monterrey, il-Messiku), New Sunward Holding BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), Cemex España, SA (Madrid, Spanja), CEMEX Deutschland AG (Düsseldorf, il-Ġermanja), Cemex UK (Egham, ir-Renju Unit), CEMEX Czech Operations s.r.o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka), Cemex France Gestion (Rungis, Franza), CEMEX Austria AG (Langenzersdorf, l-Awstrija) (rappreżentant: J. Folguera Crespo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2001; sussidjarjament, tannulla parzjalment din id-dispożizzjoni, waqt li teżenta lir-rikorrenti mill-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-mistoqsijiet tal-Anness I tad-Deċiżjoni sa fejn dawn imorru lil hinn mil-limiti tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea imposti fuq il-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, adottata fir-rigward tal-Każ COMP/39.520 - Siment u prodotti reletati mas-siment.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

F'dan ir-rigward, huwa ddikjarat li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti stabbiliti permezz ta' din id-dispożizzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżerċizzju tal-poteri tagħha, billi anki talbet għal informazzjoni, li l-Kummissjoni hija konxja li ma hijiex fil-pussess tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, it-talba teħtieġ lir-rikorrenti mhux biss jipprovdu, iżda wkoll jipproċessaw miljuni ta' data ta' kontenut ekonomiku, biex b'hekk jiġi ttrasferit lilhom l-kompitu ta' investigazzjoni li l-Kummissjoni għandha.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tirrikjedi l-provvista ta' informazzjoni li ma hijiex meħtieġa għall-investigazzjoni ta' prattiki allegatament restrittivi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata: din hija informazzjoni mhux relatata mal-għan tal-investigazzjoni, jew informazzjoni pubblika, informazzjoni li diġà hija pprovduta bi tweġiba għal talbiet preċedenti, jew ukoll xogħol ta' pproċessar ta' data.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

F'dan ir-rigward, huwa allegat li l-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti jipprovdu informazzjoni, li l-ġbir u l-ipproċessar tagħha, minbarra li ma kienx meħtieġ f'ħafna każijiet, huwa ta' piż eċċessiv u sproporzjonat, barra minn hekk bl-impożizzjoni ta' terminu notevolment qasir sabiex tingħata risposta u li ċaħdet it-talbiet għal estensjonijiet tat-terminu.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed il-bżonn u l-proporzjonalità tal-informazzjoni meħtieġa.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, sa fejn it-termini tad-deċiżjoni kkontestata huma nieqsa minn ċertezza u preċiżjoni.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1/1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea.

-    F'dan ir-rigward, huwa ddikjarat li l-Kummissjoni rrifjutat li tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lis-sussidjarji destinatarji ta' din id-deċiżjoni fil-lingwa tal-Istati Membri li għall-ġurisdizzjoni tagħhom dawn huma suġġetti, u b'hekk rendiet deliberatament iktar diffiċli il-ġbir ta' data.

____________