Language of document : ECLI:EU:C:2017:359

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(c) – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar online – Trasportatur bl-ajru li informa fiż-żmien lill-aġent tal-ivvjaġġar dwar bidla fil-ħin tat-titjira – Aġent tal-ivvjaġġar li kkomunika l-imsemmija informazzjoni lil passiġġier permezz tal-posta elettronika għaxart ijiem qabel it-titjira”

Fil-Kawża C-302/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Noord-Nederland (qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-tramuntana), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Bas Jacob Adriaan Krijgsman

vs

Surinaamse Luchtvaart Maatschappij NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Surinaamse Luchtvaart Maatschappij NV, minn A. J. F. Gonesh, advocaat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u M.‑L. Kitamura, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Yerrell u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(l)(c) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bas Jacob Adriaan Krijgsman u Surinaamse Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “SLM”), trasportatur bl-ajru, fir-rigward tar-rifjut min-naħa tiegħu li jagħti kumpens lil B. J. A. Krijgsman għall-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 261/2004

3        Il-premessi 1, 7 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(7)      Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetà, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

[…]

(12)      Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tat-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ raġonevoli, sabiex il-passiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

[…]”

5        L-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament jippreċiża:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

6        L-Artikolu 5(1) u (4) tal-istess regolament huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

c)      jkollhom id-dritt għal kumpens mit-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm‑il darba:

i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat;

[…]

4.      L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tat-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

7        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jippreċiża li:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

c)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

8        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Fis-sit internet www.gate1.nl (iktar ’il quddiem is-“sit Gate 1”), B. J. A. Krijgsman għamel riżervazzjoni għal titjira bir-ritorn Amsterdam Schiphol (il-Pajjiżi l-Baxxi)-Paramaribo (is-Suriname), operata minn SLM. It-tluq tal-ewwel titjira kien previst fl-14 ta’ Novembru 2014 fit-15:15.

10      Fid-9 ta’ Ottubru 2014, SLM informat lis-sit Gate 1 dwar il-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira.

11      Fl-4 ta’ Novembru 2014, B. J. A. Krijgsman irċieva posta elettronika mis-sit Gate 1 li kienet tinformah li t-titjira tiegħu issa kienet prevista għall-15 ta’ Novembru 2014 fit-15:15.

12      Fl-20 ta’ Diċembru 2014, B. J. A. Krijgsman talab kumpens lil SLM f’dan ir-rigward, liema talba ġiet miċħuda, fil-5 ta’ Marzu 2015, minħabba li l-informazzjoni dwar il-bidla fid-data tat-tluq kienet ġiet ikkomunikata lis-sit Gate 1, fid-9 ta’ Ottubru 2014.

13      Fit-12 ta’ Ġunju 2015, is-sit Gate 1 informa lil B. J. A. Krijgsman li kien qed jiċħad kull responsabbiltà għad-dannu li għalih intalab iħallas kumpens għar-raġunijiet li, essenzjalment, qabel kollox, il-mandat tiegħu kien limitat għall-konklużjoni ta’ kuntratti bejn passiġġieri u trasportaturi bl-ajru, sussegwentement, li għaldaqstant huwa ma kienx responsabbli għal bidliet fil-ħinijiet imwettqa minn trasportatur bl-ajru u, fl-aħħar nett, li r-responsabbiltà li l-passiġġieri jiġu informati f’sitwazzjoni bħal din kienet taqa’ fuq it-trasportatur bl-ajru, li lilu kien ġie kkomunikat, fil-fajl ta’ riżervazzjoni, l-indirizz elettroniku tal-passiġġier.

14      Fit-12 ta’ Ġunju 2015, B. J. A. Krijgsman, mill-ġdid, talab minn SLM il-ħlas tas-somma f’daqqa ta’ EUR 600 imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004. Din it-talba ġiet miċħuda fit-3 ta’ Settembru 2015.

15      Sussegwentement, B. J. A. Krijgsman adixxa r-rechtbank Noord-Nederland (qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-tramuntana) sabiex jikseb il-kundanna, b’deċiżjoni eżekuttiva għal kull dispożizzjoni, ta’ SLM għall-ħlas tal-imsemmi ammont.

16      SLM tikkontesta din it-talba. Hija ssostni, qabel kollox, li B. J. A. Krijgsman kien ikkonkluda kuntratt ta’ vvjaġġar ma’ aġent tal-ivvjaġġar. Sussegwentement, hija tenfasizza li l-aġenti tal-ivvjaġġar kollha li jikkummerċjalizzaw il-biljetti tagħha, inkluż is-sit Gate 1, ġew informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira tal-14 ta’ Novembru 2014. Fl-aħħar nett, hija tosserva li hija użanza li t-trasportaturi bl-ajru jikkomunikaw l-informazzjoni tagħhom relatata mat-titjiriet lill-aġenti tal-ivvjaġġar li kkonkludew il-kuntratt ta’ vvjaġġar u ta’ trasport f’isem il-passiġġieri, fejn dawn l-aġenti għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni lill-passiġġieri. Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn SLM lis-sit Gate 1, fid-9 ta’ Ottubru 2014, B. J. A. Krijgsman għandu jitqies li ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu iktar minn ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst għaliha.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament Nru 261/2004 ma jispeċifikax il-modalitajiet li skonthom it-trasportatur bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira fl-ipoteżi ta’ kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar jew ta’ sit internet.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Nederland (qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-tramuntana) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Liema rekwiżiti (ta’ forma jew ta’ sostanza) l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tissodisfa meta l-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż bl-intermedjazzjoni ta’ aġent tal-ivvjaġġar jew meta r-reservazzjoni tkun saret permezz ta’ sit internet?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, passiġġier li xtara, permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar online, biljett fuq titjira operata minn SLM, jitlob minn dan it-trasportatur bl-ajru l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba li ma kienx ġie informat bil-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst.

20      Madankollu huwa paċifiku, skont din id-deċiżjoni, li, iktar minn ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst tat-titjira kkonċernata, l-imsemmi trasportatur bl-ajru informa lill-aġenzija tal-ivvjaġġar online dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira kkunsidrata, iżda li dan l-aġent informa lir-rikorrent fil-kawża prinċipali biss għaxart ijiem qabel il-ħin tat-tluq previst. F’dan ir-rigward, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni li huwa kkontesta l-modalitajiet ta’ din l-informazzjoni u n-natura effettiva tagħha.

21      B’hekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur bl-ajru effettiv għandux iħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira li fir-rigward tagħha ma ngħatatx informazzjoni lill-passiġġier mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, inkluż meta dan it-trasportatur ikun informa b’din il-kanċellazzjoni, mill-inqas ġimagħtejn qabel dan il-ħin, lill-aġent tal-ivvjaġġar li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż mal-passiġġier ikkonċernat u fejn dan tal-aħħar ma jkunx ġie informat minn dan l-aġent f’dan it-terminu ta’ żmien.

22      L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjara li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mit-trasportatur bl-ajru effettiv konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm dawn ma jiġux informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst.

23      Konformement mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 261/2004, it-trasportatur bl-ajru effettiv għandu l-oneru li jipprova li informa lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata kif ukoll it-termini ta’ żmien li fihom huwa għamel dan.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, hekk kif osservaw il-Gvern Franċiż, Awstrijak u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-formulazzjoni ċara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, peress li t-trasportatur bl-ajru effettiv ma huwiex f’pożizzjoni li jipprova li l-passiġġier ikkonċernat ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu iktar minn ġimagħtejn qabel il-ħin ta’ tluq previst, huwa għandu jħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet.

26      Kuntrarjament għal dak li ssostni SLM, interpretazzjoni bħal din ma hijiex biss valida meta l-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż direttament bejn il-passiġġier ikkonċernat u t-trasportatur bl-ajru, iżda wkoll meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż permezz ta’ terzi, bħal, fil-każ tal-kawża prinċipali, aġenzija tal-ivvjaġġar online.

27      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mill-premessi 7 u 12 tiegħu, it-trasportatur bl-ajru effettiv li jopera jew li għandu l-intenzjoni li jopera titjira biss huwa obbligat għall-kumpens tal-passiġġieri minħabba nuqqasijiet għall-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(c) tiegħu.

28      Interpretazzjoni bħal din biss tista’ tissodisfa l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri msemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, li tiggarantixxi li l-passiġġier li t-titjira tiegħu ġiet irriżervata permezz ta’ terzi qabel ma ġiet ikkanċellata jkun f’pożizzjoni li jidentifika lid-debitur tal-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

29      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi osservat li l-obbligi li għandu t-trasportatur bl-ajru effettiv skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, lil kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi t-terzi, hekk kif inhu previst fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Dan l-artikolu jippreċiża, b’mod partikolari, li r-Regolament Nru 261/2004 bl-ebda mod ma jillimita d-dritt tat-trasportatur bl-ajru effetti milli jitlob kumpens għad-danni lil organizzatur ta’ vjaġġi jew lil persuna oħra li magħha t-trasportatur bl-ajru effettiv ikkonkluda kuntratt.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur bl-ajru effettiv għandu l-obbligu jħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira li fir-rigward tagħha ma ngħatatx informazzjoni lill-passiġġier mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, inkluż meta dan it-trasportatur ikun informa b’din il-kanċellazzjoni, mill-inqas ġimagħtejn qabel dan il-ħin, lill-aġent tal-ivvjaġġar li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż mal-passiġġier ikkonċernat u fejn dan tal-aħħar ma jkunx ġie informat minn dan l-aġent f’dan it-terminu ta’ żmien.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur bl-ajru effettiv għandu l-obbligu jħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira li fir-rigward tagħha ma ngħatatx informazzjoni lill-passiġġier mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, inkluż meta dan it-trasportatur ikun informa b’din il-kanċellazzjoni, mill-inqas ġimagħtejn qabel dan il-ħin, lill-aġent tal-ivvjaġġar li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż mal-passiġġier ikkonċernat u fejn dan tal-aħħar ma jkunx ġie informat minn dan l-aġent f’dan it-terminu ta’ żmien.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.