Language of document : ECLI:EU:C:2021:412

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑20 ta’ Mejju 2021 (1)

Kawża C136/20

Proċeduri kriminali

kontra

LU

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa miz-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2005/214/ĠAI – Rikonoxximent reċiproku ta’ sanzjonijiet pekunjarji – Artikolu 5(1) – Ksur relatat ma’ ‘kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq’ – Portata tal-ksur – Sanzjoni pekunjarja imposta mill-Istat emittenti fuq il-proprjetarju tal-vettura minħabba ksur tal-obbligu ta’ identifikazzjoni tas-sewwieq issuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku – Artikolu 7(1) – Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Portata u modalitajiet tal-istħarriġ tal-Istat ta’ eżekuzzjoni dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur”






I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja tispjega sa fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru (2) tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi deċiżjoni ta’ kundanna għal sanzjoni pekunjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor (3) meta hija tikkunsidra li l-ksur imwettaq f’dan l-aħħar Stat ma jaqax fil-lista ta’ ksur li għalih il‑leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214, eskluda l‑verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att.

2.        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ proċedura dwar ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-awtorità kompetenti Ungeriża ta’ sanzjoni pekunjarja imposta kontra waħda miċ-ċittadini tagħha, LU, mill‑awtorità kompetenti Awstrijaka. Din is-sanzjoni kienet ġiet imposta minħabba li LU, bħala proprjetarja ta’ vettura involuta fit-twettiq ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ma osservatx l-obbligu tagħha li tidentifika lis-sewwieq issuspettat li wettaq dan il-ksur. Minkejja li l-awtorità kompetenti Awstrijaka tikkunsidra li l-ksur ta’ dan l-obbligu ta’ identifikazzjoni huwa ksur relatat ma’ “kondotta li tikser ir‑regolamenti tat-traffiku tat-triq” fis-sens tat-tlieta u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li għalih il‑verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att hija eskluża, l-awtorità kompetenti Ungeriża ssostni, min-naħa tagħha, li l-imsemmi ksur ma jistax jingħata tali klassifikazzjoni.

3.        Id-domandi magħmula miz-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija) huma intiżi, essenzjalment, sabiex tiġi stabbilita l-portata u l-modalitajiet tal-istħarriġ li għandha twettaq l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni meta tikkunsidra li t-talba għal rikonoxximent u għal eżekuzzjoni tas-sanzjoni pekunjarja li qiegħda tressqilha l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti hija vvizzjata bi żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fis-sens tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Dawn id-domandi jagħtu wkoll l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-assenza ta’ definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ dan il-ksur u f’kuntest fejn ma hemm l-ebda uniformità tar-regolamenti tat-traffiku tat‑triq fl-Unjoni Ewropea.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni meta l-ksur, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, ma jaqax bħala ksur jew fil-kategorija ta’ ksur li għaliha l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti tirreferi fiċ‑ċertifikat mehmuż ma’ din id-deċiżjoni, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Madankollu, qabelxejn, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni indikata fl-Artikolu 7(3) tal‑imsemmija deċiżjoni qafas.

5.        Nistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li t-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur relatat ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” ikopri aġir li bih il-proprjetarju ta’ vettura jirrifjuta li jidentifika lis-sewwieq li huwa ssuspettat li wettaq ksur tar‑regolamenti tat-traffiku.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214

6.        Il-premessi 1, 2 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jistipulaw:

“(1)      Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2)      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[…]

(4)      Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq.”

7.        L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jiddisponi:

“1.      Deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat kif previst f’dan l-Artikolu, jista’ jiġi trasmess lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew id-dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha.

2.      Iċ-ċertifikat, li l-formola standard għalih tinsab fl-Anness, għandu jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu għandu jiġi ċertifikat bħala preċiż, mill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti.”

8.        It-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) ta’ din id‑deċiżjoni qafas jipprevedu, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

“1.      Ir-reati li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta’ l-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

–        kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, inklużi l-ksur tar-regolamenti dwar il-ħinijiet ta’ sewqan u ta’ mistrieħ u tar-regolamenti dwar merkanzija perikoluża,

[…]

3.      Fir-rigward ta’ reati oħra mhux koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel li r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjoni tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-deċiżjoni tkun relatata ma’ kondotta li tikkostitwixxi reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostitwenti jew mil-mod kif inhi deskritta.”

9.        L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, intitolat “Rikonoxximent u esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

10.      L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ esekuzzjoni”, jistipula:

“1.      L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jesegwixxu d-deċiżjoni jekk iċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 4 mhuwiex prodott, mhuwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad-deċiżjoni.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta li tirrikonoxxi u li tesegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li:

[…]

b)      f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3), id-deċiżjoni tikkonċerna atti li ma jikkostitwixxux reat skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

[…]

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2(ċ) u (g), qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

B.      Id-dritt Awstrijak

11.      L-Artikolu 103 tal-Kraftfahrgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Vetturi bil-Mutur) (4), tat‑23 ta’ Ġunju 1967, dwar l-obbligi tal-proprjetarju tal‑vettura, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-awtorità tista’ titlob informazzjoni dwar l-identità tal-persuna li, f’mument partikolari, tkun saqet vettura identifikata bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħha […] jew li tkun ipparkjat il-vettura […] l-aħħar f’post preċiż qabel mument partikolari. Din l-informazzjoni, li għandha tinkludi l-isem u l-indirizz tal-persuna kkonċernata, għandha tiġi kkomunikata mid-detentur tar-reġistrazzjoni […]; jekk dan id‑detentur ma jkunx f’pożizzjoni li jikkomunika din l-informazzjoni, huwa obbligat jinnomina l-persuna li tista’ tagħmel dan u li, għalhekk, hija d-destinatarja tal-obbligu ta’ informazzjoni; l-informazzjoni pprovduta mill-persuna marbuta bl-obbligu ta’ informazzjoni ma teżentax lill-awtorità milli tivverifika din l-informazzjoni meta dan jidher neċessarju fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ. L-informazzjoni għandha tintbagħat immedjatament u, f’każ ta’ talba bil-miktub, fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika […]”

12.      L-Artikolu 134(1) tal-KFG 1967, dwar id-“[d]ispożizzjonijiet kriminali”, huwa redatt kif ġej:

“Kull min jikser din il-liġi federali […] iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa sa massimu ta’ EUR 5 000 u, f’każ li din ma tkunx tista’ tiġi mħallsa, għal piena ta’ priġunerija sa massimu ta’ sitt ġimgħat […]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018 (5), li saret finali fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-Bezirkshauptmannschaft Weiz (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Weiz, l-Awstrija) imponiet fuq LU, ċittadina Ungeriża, sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 80. Din is-sanzjoni ġiet imposta għaliex LU, bħala proprjetarja ta’ vettura rreġistrata fl-Ungerija, ma rrispondietx, fit-terminu ta’ ġimagħtejn preskritt mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, għat-talba ta’ din l-awtorità amministrattiva sabiex tidentifika s-sewwieq tal-vettura tagħha, issuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

14.      Fis‑27 ta’ Jannar 2020, skont id-Deċiżjoni Qafas 2005/214, l‑Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Weiz ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija wkoll l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, talba għal rikonoxximent u għal eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018, flimkien maċ-ċertifikat previst bl-Artikolu 4 ta’ din id‑deċiżjoni qafas. Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan iċ-ċertifikat, il-ksur imwettaq minn LU kien ikklassifikat bħala “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” fis-sens tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il‑kundizzjonijiet sabiex id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018 tiġi rrikonoxxuta u eżegwita abbażi ta’ dan l-artikolu humiex issodisfatti. Hija tikkunsidra li l-klassifikazzjoni użata mill-awtorità kompetenti tal‑Istat emittenti tal-aġir inkwistjoni toħroġ minn interpretazzjoni “wiesgħa żżejjed” tad-dritt tal-Unjoni. L-aġir li għalih LU allegatament instabet ħatja kien jikkostitwixxi rifjut li tikkonforma ruħha ma’ talba tal-awtoritajiet nazzjonali u ma għandux jiġi kklassifikat bħala aġir li għalih il-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att hija eskluża, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iz-Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2005/214] għandha tiġi interpretata fis-sens li, ladarba l-Istat […] emittenti jkun ikklassifika l-aġir issanzjonat taħt waħda mill-klassifikazzjonijiet elenkati fil-lista prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istat […] ta’ eżekuzzjoni ma jkollux iktar marġni diskrezzjonali li permezz tiegħu huwa jkun jista’ jirrifjuta l-eżekuzzjoni u għandu għalhekk jipproċedi bl-eżekuzzjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva, l-awtorità tal-Istat […] ta’ eżekuzzjoni tista’ tqis li l-klassifikazzjoni tal-aġir li tkun saret mill-Istat […] emittenti fid-deċiżjoni tiegħu ma tkunx tikkorrispondi għar-reat li jinsab fil-lista hawn fuq imsemmija?”

16.      Il-Gvern Ungeriż, Ċek, Spanjol u dak Awstrijak kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

17.      Bi qbil mal-Imħallef Relatur ġie deċiż li jsiru xi mistoqsijiet, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għalihom l-istess partijiet wieġbu bil-miktub fit-terminu preskritt.

IV.    Analiżi

18.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega jekk u, skont il-każ, sa fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni meta tikkunsidra li l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti rreferiet b’mod żbaljat, fiċ-ċertifikat mehmuż ma’ din id‑deċiżjoni, għal waħda mill-kategoriji ta’ ksur indikati fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li għalihom il-verifikazzjoni tal‑kriminalità doppja tal-att hija eskluża.

19.      Dawn id-domandi oriġinaw mill-kawża bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni dwar l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat‑traffiku tat-triq”, imsemmi fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

20.      L-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti tikkunsidra li l-ksur minn proprjetarju ta’ vettura tal-obbligu li għandu li jidentifika lis-sewwieq issuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku jaqa’ taħt dan il-kunċett. Fid-dritt Awstrijak dan il-ksur jikkostitwixxi reat tal-Kodiċi tat-Triq. Għall-kuntrarju, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti tagħti interpretazzjoni “wiesgħa żżejjed” tad-dritt tal-Unjoni, peress li tali ksur ma jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett. Fl-opinjoni tagħha, id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018 ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 u tirrigwarda ksur ieħor fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’tali mod li tista’ tissuġġetta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni għall‑kundizzjoni li għandu jiġi ssodisfatt il-kriterju tal-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att.

21.      Din il-kawża tirriżulta mill-kuntest partikolari ħafna li fih taqa’ l‑kawża prinċipali. Effettivament, differenti minn ksur ieħor elenkat fl‑Artikolu 5(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il-ksur relatat ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” ma huwiex iddefinit fid-dritt tal-Unjoni u lanqas kien is-suġġett ta’ approċċ komuni bejn l‑Istati Membri.

22.      Għall-finijiet tal-analiżi tad-domandi magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet li fihom l‑awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tiżgura li r-reat ikkunsidrat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u, jekk ikun il-każ, tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata. F’dan il‑kuntest, nipproponi li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 7(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, dan l-artikolu jirreferi espressament għall-eżempju msemmi, fl-opinjoni tiegħi, mill-qorti tar‑rinviju, li fih l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li ċ-ċertifikat mehmuż mad-deċiżjoni kkontestata, li jirriproduċi l-lista ta’ 39 reat li jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ma jikkorrispondix ma’ din id-deċiżjoni.

23.      Sussegwentement, fit-tieni lok, ser nistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir‑regolamenti tat‑traffiku tat-triq” imsemmi fit-tlieta u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214.

A.      Il-portata tal-istħarriġ tal-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni

24.      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (6).

1.      It-termini tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

25.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju, ma jipprovdi l-ebda risposta dwar in-natura tal-istħarriġ li tista’ twettaq l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi żgurat li r-reat, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni u ma jikkostitwixxix reat ieħor fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

26.      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu l-għan, kif jindika t-titolu tiegħu, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑deċiżjoni qafas. Fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, il‑leġiżlatur tal-Unjoni jelenka l-ksur li jwassal għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, mingħajr l-verifikazzjoni tal‑kriminalità doppja tal-att, u jispeċifika li d-definizzjoni ta’ dan il-ksur hija prevista mid-dritt tal-Istat emittenti (7). Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Istat emittenti jirregola għalhekk l‑elementi tar-responsabbiltà kriminali, b’mod partikolari s-sanzjoni applikabbli u l-entità prevista minn din is-sanzjoni (8).

27.      Fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, il-leġiżlatur tal‑Unjoni jipprevedi li l-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att tista’ tintalab għall-ksur l-ieħor minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

28.      In-natura tal-istħarriġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ twettaq għalhekk ma hijiex espliċitament indikata.

2.      L-istruttura u l-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

29.      L-eżami tal-istruttura u tal-għanijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 7(1) u (3) tagħha (9), jippermetti li tiġi stabbilita l-portata tal‑istħarriġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ twettaq sabiex tivverifika li r-reat inkwistjoni, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, jaqa’ f’waħda minn dawn il-kategoriji ta’ ksur imsemmija fl‑Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

30.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu effikaċi ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni transkonfinali ta’ deċiżjonijiet li jimponu b’mod finali sanzjoni pekunjarja fuq persuna fiżika jew ġuridika wara t-twettiq ta’ wieħed mill-ksur elenkat fl-Artikolu 5 tagħha (10). Din id-deċiżjoni qafas hija intiża, mingħajr ma tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar id-dritt kriminali, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas‑sanzjonijiet pekunjarji fi ħdan dawn l-Istati bis-saħħa tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (11).

31.      Dan il-prinċipju jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm ċivili kif ukoll kriminali (12), u jimplika, bis-saħħa tal‑Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li l-awtorità kompetenti tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni hija, bħala regola, obbligata li tieħu mingħajr dewmien u mingħajr ebda formalità oħra meħtieġa, il-miżuri kollha neċessarji għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni “li ġiet trasmessa skond l‑Artikolu 4” ta’ din id-deċiżjoni qafas, sakemm ma “ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7” tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

32.      Nirrileva li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jirrikjedi, min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, li tikkomunika mal-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni deċiżjoni konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/2014 u, min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li tibda, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni qafas, proċedura ta’ konsultazzjoni qabel ma tapplika raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

a)      L-istħarriġ tal-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni firrigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

33.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha tehmeż ċertifikat mad-deċiżjoni tagħha. Dan iċ-ċertifikat huwa formola standard li tinsab fl-anness ta’ din id-deċiżjoni qafas. Huwa fih taqsimiet differenti li għandhom jiġu mimlija minn din l-awtorità. Dawn it-taqsimiet jippermettulha tagħti l‑informazzjoni formali minima dwar b’mod partikolari l-awtorità tal‑Istat emittenti li tkun tat id-deċiżjoni u dik li għandha l-kompetenza għall-eżekuzzjoni tagħha, il-persuna fiżika jew ġuridika li rċeviet is‑sanzjoni pekunjarja u indikazzjonijiet dwar in-natura tad-deċiżjoni u tal-ksur imwettaq.

34.      Għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, għandu jsir riferiment b’mod partikolari għall-informazzjoni mitluba fil-punti 2 sa 4 tat-taqsima (g) tal‑imsemmi ċertifikat, li hija intitolata “Id-deċiżjoni li timponi penali finanzjarja”.

35.      Konformement mal-punt 2 tat-taqsima (g) taċ-ċertifikat li jinsab fl-anness tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti hija obbligata, minn naħa, tagħti fil-qosor il-fatti u tiddeskrivi ċ‑ċirkustanzi li fihom ir-reat ġie mwettaq, inkluż il-ħin u l-post tar-reat, u, min-naħa l-oħra, tindika n-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tar-reat kif ukoll id-dispożizzjoni statutorja jew kodiċi statutorju applikabbli li abbażi ta’ dan ingħatat id-deċiżjoni, u t-test ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi mehmuż ma dan iċ-ċertifikat (13).

36.      Il-punt 3 ta’ din it-taqsima jirrigwarda r-reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. L-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha, effettivament, tikkonferma jekk il-ksur, kif iddefinit fid-dritt nazzjonali tagħha, “jikkostitwixxix” reat li jaqa’ fil-lista stabbilita f’dan l-artikolu, billi jiġu mmarkati l-każ jew il-każijiet korrispondenti (14). Il-leġiżlatur tal‑Unjoni jirriproduċi, f’dan il-kuntest, il-lista ta’ 39 ksur elenkat fl‑Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

37.      Il-punt 4 tal-imsemmija taqsima, għall-kuntrarju, huwa ddedikat għall-ksur l-ieħor li ma jaqax fil-lista stabbilita mil-leġiżlatur tal‑Unjoni fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas u li għalih l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti hija obbligata tagħti deskrizzjoni kompleta.

38.      Konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, iċ-ċertifikat għandu jkun iffirmat u l-informazzjoni li jkun fih għandha tkun iċċertifikata korretta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti.

39.      Dan l-approċċ strett u rigoruż fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-ksur inkwistjoni għandu jkun il-bażi tal-fiduċja reċiproka, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, fejn din il‑fiduċja teskludi l-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att għal ksur partikolarment serju. L-informazzjoni li ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas ikun fih għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni twettaq stħarriġ tad-deċiżjoni b’tali mod li tiżgura eżekuzzjoni tajba u, b’mod partikolari, tiżgura li din ġiet adottata minn awtorità kompetenti u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija deċiżjoni qafas. Huwa f’dan il-kuntest, li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tivverifika, fir-rigward tal‑informazzjoni li ġiet mibgħuta lilha, jekk id-deċiżjoni inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, b’tali mod li l-verifikazzjoni tal‑kriminalità doppja tal-att hija eskluża, jew f’dak kopert mill‑Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas. Madankollu, dan huwa stħarriġ ristrett li għandu, jekk ikun il-każ, ikun akkumpanjat mill‑konsultazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti.

40.      Jekk iċ-ċertifikat jiġi prodott, jekk ikun komplet u jekk jikkorrispondi mad-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tirrikonoxxi u teżegwixxi din id-deċiżjoni, mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra, u għandha tieħu mingħajr dewmien il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni tirrikonoxxi b’hekk l-imsemmija deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq iċ-ċertifikat mibgħut mill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti li juri l-legalità tagħha u n-natura eżekuttiva tagħha.

41.      Għall-kuntrarju, jekk iċ-ċertifikat ma jiġix prodott, jekk ma jkunx komplet jew jekk “ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad‑deċiżjoni”, mill-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ mbagħad tirrifjuta li tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni (15).

42.      Minn naħa, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa l‑konformità taċ-ċertifikat mar-rekwiżiti mitluba fid-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u tislet il-konsegwenzi ta’ eventwali irregolarità ta’ dan tal-aħħar. Fuq dan il-punt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli f’idejn din l‑awtorità l-possibbiltà li tirrifjuta jew le r-rikonoxximent jew l‑eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, minkejja d-difetti li bihom iċ-ċertifikat ikun ivvizzjat.

43.      Minn naħa l-oħra, id-difetti msemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl‑Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirrigwardaw il-każijiet li fihom l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas billi naqset milli tehmeż iċ-ċertifikat, tikkompletah jew tipproduċi ċertifikat li “b’mod evidenti” ma jikkorrispondix mad-deċiżjoni. L-użu tal-avverbju “b’mod evidenti” fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas juri, fl-opinjoni tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita r-raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni għall‑eżistenza ta’ żball evidenti li bih ikun ivvizzjat iċ-ċertifikat, u dan fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandu jkollhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll tar‑rekwiżiti ta’ effikaċja, rapidità u faċilità tal-mekkaniżmu li huwa jfittex li jistabbilixxi.

44.      L-aħħar eżempju msemmi mil-leġiżlatur tal-Unjoni jkopri, fl‑opinjoni tiegħi, sitwazzjoni bħal dik imsemmija fit-tieni domanda preliminari fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tikkunsidra li l-ksur inkwistjoni, kif ġie ddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, ma jikkorrispondix mal-ksur li għalih l-awtorità kompetenti tal‑Istat emittenti tirreferi sabiex timplimenta l-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur hija żbaljata.

45.      Fl-opinjoni tiegħi, dan l-istħarriġ ristrett għandu jippermetti lill‑awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tivverifika, abbażi tal‑informazzjoni mibgħuta, li l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ma hijiex qiegħda titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, minkejja li l-ksur inkwistjoni, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, ma jaqax b’mod evidenti mal-ksur li għalih il-leġiżlatur tal-Unjoni jeskludi l‑verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att u jikkostitwixxi, għall‑kuntrarju, ksur ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Qabelxejn, dan jirrigwarda, li tiġi ssalvagwardjata l-osservanza tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, filwaqt li tiġi żgurata klassifikazzjoni ġuridika korretta tal-ksur bir-riskju, jekk le, li tinkiser il-fiduċja reċiproka u b’hekk ma jintlaħaqx l-għan imsemmi mill-imsemmija deċiżjoni qafas.

46.      Il-punti 2 u 3 tat-taqsima (g) taċ-ċertifikat li jinsab anness mad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 jippermettu li jsir dan l-istħarriġ, peress li għandhom jagħtu dettalji dwar il-ksur għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, infakkar li, dan il‑punt 2 jitlob b’mod espliċitu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ksur li għalih tapplika s-sanzjoni u deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom ir-reat jew ir-reati ġew imwettqa, kif ukoll informazzjoni dwar in-“[n]atura u [l-]klassifikazzjoni legali tar-reat(i) u d-dispożizzjoni jew [il-]kodiċi statutorja/u applikabbli”.

47.      L-istħarriġ li twettaq l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni huwa ffaċilitat iktar meta l-ksur li wassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja jikkorrispondi ma’ aġir preċiż inkriminat fl‑ordnijiet ġuridiċi nazzjonali kollha, bħall-istupru msemmi fit-tmienja u għoxrin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, jew ma’ ksur jew kategorija ta’ ksur li hija ddefinita fid-dritt tal-Unjoni minn regoli minimi jew li kienet is-suġġett ta’ approċċ komuni bejn l-Istati Membri.

48.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ksur li jwassal għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mingħajr il-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 huma, bħala regola, ir-riflessjoni tal‑forom prinċipali tal-kriminalità. Il-parti l-kbira fosthom huma s‑suġġett ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal‑parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, li hija ddefinita fl‑Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI (16), tar-reati terroristiċi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva (UE) 2017/541 (17), tat‑traffikar tal-bnedmin, iddefinit fl‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2011/36/UE (18), tal-pedopornografija u tar‑reati marbuta ma’ abbużi sesswali, iddefiniti fl-Artikoli 2 u 3 tad‑Direttiva 2011/93/UE (19), tat-traffikar ta’ drogi u ta’ sustanzi psikotropiċi, iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI (20), tal-frodi, iddefinit fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva (UE) 2017/1371 (21), tal-iffaċilitar ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati, iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90/KE (22), tar-reati kontra l-ambjent, iddefiniti fl-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2008/99/KE (23), jew inkella tat-traffikar ta’ beni kulturali (24).

49.      F’dawn l-eżempji, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ b’mod iktar faċli u rapidu tistabbilixxi jekk ir-reat, kif rifless fil‑fatti u kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti – li t-test tiegħu huwa mehmuż mad-deċiżjoni –, jikkorrispondix mal-ksur jew mal-kategorija ta’ ksur li għalihom tirreferi l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jew ma’ ksur ieħor li jaqa’ taħt l-eżempju msemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ din id‑deċiżjoni qafas.

50.      Għall-kuntrarju, dan l-istħarriġ, anki jekk huwa ristrett, jista’ jkun iktar delikat meta l-ksur jew il-kategorija ta’ ksur li għalihom tirreferi l‑awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ma humiex iddefiniti fid‑dritt tal-Unjoni. Kif jien indikajt, din il-kawża hija eżempju ta’ dan.

51.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, naħseb li d-dmir ta’ konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jagħmel ħafna sens.

b)      Il-proċedura ta’ konsultazzjoni mill-awtorità kompetenti talIstat ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

52.      Skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, fil-każ fejn, b’mod partikolari, iċ-ċertifikat ma jiġix prodott, ma huwiex komplet jew ma jikkorrispondix b’mod evidenti mad-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tikkonsulta mal‑awtorità kompetenti tal-Istat emittenti. Hija għandha twettaq din il‑proċedura bi kwalunkwe mezzi xierqa u titlob mingħajr dewmien l‑informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix u li ma teżegwixxix din id-deċiżjoni (25). Il-leġiżlatur tal-Unjoni juri b’hekk ir-rieda tiegħu li jistabbilixxi djalogu kostruttiv bejn dawn l‑awtoritajiet b’mod li jippermetti l-korrezzjoni tal-iżbalji li bihom ikun ivvizzjat iċ-ċertifikat mehmuż mad-deċiżjoni. Jiena naħseb li, f’każ bħal dan inkwistjoni, dan id-djalogu għandu jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti kemm li tikkorreġi t-taqsima li għaliha hija tagħmel riferiment b’mod żbaljat, kif ukoll li tikkomunika informazzjoni kumplimentari li tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tevalwa aħjar sa fejn ir-reat, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, jaqa’ fit-taqsima li għaliha sar riferiment fiċ-ċertifikat mehmuż mad-deċiżjoni.

53.      Huwa biss fi tmiem din il-konsultazzjoni preliminari li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun imbagħad tista’ tevalwa, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, jekk għandhiex tirrikonoxxi jew le d-deċiżjoni li ġiet ikkomunikata lilha.

54.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni meta l-ksur, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat emittenti, ma huwiex ksur jew ma jaqax fil-kategorija ta’ ksur li għaliha l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti tirreferi fiċ-ċertifikat mehmuż ma’ din id-deċiżjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas. L-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi l-imsemmija deċiżjoni ħlief fejn il‑proċedura ta’ konsultazzjoni mibdija preċedentement abbażi tal‑Artikolu 7(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas ma ppermettietx li jiġi kkorreġut l-iżball li bih hija vvizzjata l-istess deċiżjoni.

B.      L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kondotta li tikser irregolamenti tat-traffiku tat-triq” imsemmi fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

55.      Infakkar li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja joriġinaw mit-tilwima bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir‑regolamenti tat-traffiku tat-triq” imsemmi fit-tlieta u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 li għalih il-verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att hija eskluża.

56.      Sa fejn dan il-ksur ma huwiex iddefinit mid-dritt sekondarju tal‑Unjoni (26), jidhirli essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu din l‑okkażjoni sabiex tinterpreta t-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, u dan jippermetti lill-qorti tar-rinviju tistabbilixxi sa fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

57.      Din il-kawża turi, fir-realtà, it-tħassib li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ikkomunika kmieni ferm fl-okkażjoni tax‑xogħlijiet relatati mal-Kodiċi tat-Triq u tar-Reġistru tal-Karozzi Ewropew (27). Dan irrileva li “id-Deċiżjoni Qafas [2005/214] timplika u tirrikjedi li r-regoli tat-traffiku tat-triq fl-Ewropa jkunu uniformi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (28), u din l-uniformità hija neċessarja sabiex “tiġi evitata sitwazzjoni fejn dak li jikkostitwixxi ksur fi Stat ma jkunx ksur fi Stat ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (29). B’hekk, fl‑osservazzjonijiet tagħhom, l-Istati Membri huma maqsuma dwar l‑interpretazzjoni tal‑kunċett użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214. Filwaqt li l‑Gvern Ungeriż u dak Ċek isostnu li, essenzjalment, ir-reat ta’ “nuqqas ta’ denunċja tas-sewwieq tal-vettura” ma jinsabx fost dawk li għalihom jirreferi dan l-artikolu, il-Gvern Spanjol u dak Awstrijak kif ukoll il‑Kummissjoni jqisu, għall-kuntrarju, li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt ir-“regolamenti tat-traffiku tat‑triq” fis-sens ta’ dan l-artikolu.

1.      It-termini tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 u l-istruttura li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni

58.      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li hemm diverġenzi bejn il‑verżjonijiet lingwistiċi differenti tat-tlieta u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

59.      Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi, fil-verżjoni bil‑lingwa Franċiża ta’ dan l-artikolu għall-“kondotta li tikser ir‑regolamenti tat-traffiku tat-triq” (30), il-verżjoni bil-lingwa Slovena tirreferi għall-“kondotta li tikser ir-regolamenti tas-sigurtà fit-triq” (31) (“ravnanja, ki so v nasprotju s predpisi o varnosti v prometu”), filwaqt li l-verżjonijiet fil-lingwa Taljana (“infrazioni al codice della strada”) u Pollakka (“naruszenie przepisów ruchu drogowego”) jirreferu għal reati li jiksru l-“Kodiċi tat-Triq” (32).

60.      L-ewwel, nikkonstata li l-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jikkorrispondu mal-verżjoni fil-lingwa Franċiża, u huma biss il-verżjoni fil-lingwa Slovena, li tirreferi biss għar-regolamenti tas‑sigurtà fit-triq, u dik fil-lingwa Taljana u dik Pollakka, li jirreferu biss għar-reati kontra l-Kodiċi tat-Triq. Il-verżjonijiet fil‑lingwa Spanjola (“conducta contraria a la legislación de tráfico”), Ġermaniża (“gegen die den Straßenverkehr regelnden Vorschriften verstoßende Verhaltensweise”), Griega (“symperiforá pou paraviázei kanonismoús odikís kykloforías”), Ingliża (“conduct which infringes road traffic regulations”), Litwana (“elgesys, pažeidžiantis kelių eismo taisykles”), Ungeriża (“olyan magatartás, amely sérti a közúti közlekedés szabályait”), kif ukoll Slovakka (“správanie porušujúce pravidlá cestnej premávky”) jirreferu għalhekk għall-aġir kontra r-regoli jew ir‑regolamenti tat-traffiku tat-triq.

61.      It-tieni, nirrileva li l-verżjoni fil-lingwa Franċiża tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 toriġina mit‑termini użati fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni fi proċeduri kontra reati ta’ traffiku fit-triq u tal-infurzar ta’ penalitajiet finanzjarji imposti fir-rigward ta’ dawn, approvat bid-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat‑28 ta’ April 1999 (33), ftehim li ġie integrat fil-Ftehim ta’ Schengen (34).

62.      L-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim jiddefinixxi “[r]eat ta’ traffiku fit‑triq” bħala “imġieba li tikser regolamenti tat-traffiku fit-triq u li titqies bħala reat kriminali jew amministrattiv, inkluż ksur ta’ regolamenti li għandhom x’jaqsmu mas-siegħat tas-sewqan u ma’ perjodi ta’ serħan u ta’ regolamenti dwar oġġetti perikolużi” (35). Il-verżjonijiet fil-lingwa Taljana, Pollakka u Slovena ma humiex differenti minn verżjonijiet oħrajn lingwistiċi tal-Artikolu 1 tal-imsemmi ftehim u jiddefinixxu reat ta’ traffiku tat-triq bħala l-att jew l-imġiba kontra r-regolamenti tat‑traffiku tat-triq (36).

63.      Minn dan nikkonkludi li bl-użu, fit-tlieta u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, tal-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għal “reati tat-traffiku tat-triq”.

64.      Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat bit-termini tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, li fiha l-leġiżlatur jindika li din id‑deċiżjoni qafas “għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati tat-traffiku tat-triq” (37).

65.      Għalhekk jiena ma naqbilx mal-perspettiva espressa mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li essenzjalment, l-imġiba msemmija fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandha tiġi limitata għal dawk li jippreġudikaw is‑sigurtà fit-triq. It-termini użati kemm f’dan l-artikolu kif ukoll fil‑premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni qafas juru b’mod ċar ir-rieda tal‑leġiżlatur tal-Unjoni li ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi artikolu biss għall-ksur tar-regoli jew tar‑regolamenti tas-sigurtà fit-triq, kif inhu l-każ fil-qafas tad‑Direttiva 2015/413, iżda li jestendih għar-regoli kollha li jirregolaw it-traffiku tat-triq, indipendentement min-natura tal-kliem li jintużaw fihom.

66.      Dawn it-terminu jippermettu li tiġi kkunsidrata d-diversità tal‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar it-traffiku tat-triq fl-Unjoni kemm fir-rigward tal-forma kif ukoll tal-mertu.

67.      Dwar il-forma, ir-regoli relatati mat-traffiku tat-triq ma humiex neċessarjament miġbura f’kodiċi speċifiku, bħall-Kodiċi tat-Triq (38), iżda jistgħu jiġu kkodifikati f’testi differenti leġiżlattivi u regolamentarji, bħalma huwa l-każ fil-Ġermanja (39).

68.      Dwar il-mertu, ir-regoli tat-traffiku tat-triq jippreżentaw differenzi kbar bejn l-Istati Membri, u dan minkejja l-armonizzazzjoni li seħħet diġà permezz ta’ ftehim internazzjonali (40). Jista’ faċilment jiġi kkonstatat li s‑sinjali fit-triq, ir-rekwiżiti relatati mal-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan (41), il-limiti ta’ veloċità jew inkella l-alkoħol jistgħu jkunu differenti skont l-Istati Membri (42). Il-KESE b’hekk irrileva li, “minkejja li hemm differenzi sinjifikattivi sempliċement bil-mod kif regoli bażiċi tat‑traffiku huma fformulati, is-sitwazzjoni hija iktar gravi fir-rigward tal‑interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri differenti, sitwazzjoni li hija r-riżultat mhux biss ta’ evalwazzjonijiet differenti fir‑rigward tal-ksur iżda wkoll minħabba sensiela ta’ sanzjonijiet differenti applikabbli għalihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (43). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal‑Ġustizzja, fis‑sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji) (44) fakkret li r-reati relatati ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” ma humiex suġġetti għal trattament uniformi fid-diversi Stati Membri, u wħud minnhom ikklassifikawhom bħala reati amministrattivi filwaqt li oħrajn iqisuhom bħala reati kriminali (45).

69.      Ir-regoli tat-traffiku tat-triq ikopru kemm l-użu tat-toroq pubbliċi u s-sinjali tagħhom kif ukoll l-obbligi li għandhom il-proprjetarji tal‑vetturi (proċedura ta’ reġistrazzjoni, ksib ta’ assigurazzjoni tar‑responsabbiltà ċivili, eċċ.) u s-sewwieqa (liċenzja tas-sewqan, osservanza tar-regoli tas-sinjali u tas-sigurtà fit-triq, eċċ.) kif ukoll is‑sanzjoni applikabbli f’każ ta’ ksur ta’ dawn l-obbligi. Il-kunċett ta’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” użat fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għalhekk jista’ jkopri diversi aġir kif ukoll ksur li l-elementi kostitwenti tagħhom jistgħu jvarjaw skont l-Istati Membri.

70.      B’hekk, minkejja li l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet tiegħu jsostni li l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha l-obbligu li tapplika d-dritt kif ukoll li tinterpreta u tikklassifika l-aġir li jaqa’ fil‑kategoriji ta’ ksur imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 bl-iktar mod restrittiv possibbli, xorta jibqa’ l-fatt li r‑regolamenti tat-traffiku tat-triq li għalihom jirreferi l-leġiżlatur fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhom kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna. Il-kunċett ta’ “regolamenti tat-traffiku tat‑triq” huwa differenti minn kunċetti oħra msemmija fl-istess artikolu, li jirreferu għal aġir preċiż, bħas-serq organizzat, it-traffiku ta’ organi, il‑frodi b’għemil qarrieqi jew inkella l-ħtif illegali ta’ ajruplani.

71.      F’dan il-kuntest, naħseb li l-obbligu li għandu l-proprjetarju ta’ vettura li jidentifika lill-persuna li hija ssuspettata li wettqet ksur tar‑regolamenti tat-traffiku jaqa’ taħt regolament tat-traffiku tat-triq u li l-ksur ta’ dan l-obbligu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

72.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni stipulata fl-Artikolu 103 tal‑KFG 1967 għandha l-għan li tiddefinixxi “Obbligu tad-detentur tar‑reġistrazzjoni ta’ vettura jew ta’ karru”. Fi kliem ieħor, huwa minħabba l-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-vettura identifikata bħala li kienet involuta fit-twettiq ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku li l‑proprjetarju tal-vettura għandu jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tas-sewwieq. Mill-Artikolu 134(1) tal-KFG 1967 dwar “[d]ispożizzjonijiet kriminali” jirriżulta li kwalunkwe persuna li tikser dan l-obbligu twettaq reat amministrattiv, issanzjonat b’multa u, f’każ ta’ impossibbiltà li tinġabar din il-multa, b’piena ta’ priġunerija. F’din il‑kawża, is-sanzjoni pekunjarja kienet ogħla mil-limitu stabbilit fl‑Artikolu 7(2)(h) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

73.      Obbligu simili jeżisti fi Stati Membri oħra, bħal Franza (46) jew il‑Belġju (47).

74.      L-identifikazzjoni tas-sewwieq ta’ vettura għandha l-għan li tiżgura l-ordni u l-kontroll tat-traffiku tat-triq, kif jenfasizza l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu. Dan l-obbligu għandu, fl-opinjoni tiegħi, l-istess għan bħal dak li għandu l-proprjetarju tal‑vettura li jwaħħal pjanċa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vettura tiegħu, intiża sabiex tistabbilixxi l-identità tiegħu.

75.      Din l-identifikazzjoni hija essenzjali għall-finijiet tal‑implimentazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura jew tar-responsabbiltà kriminali tas-sewwieq. Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni, huwa biss is-sewwieq li huwa responsabbli kriminalment għal ksur li huwa jwettaq waqt is-sewqan ta’ vettura. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi identifikat b’ismu sabiex ikun akkużat bit-twettiq ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku u għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Kif juru l-miżuri adottati fil-qafas tad-Direttiva 2015/413, din l-identifikazzjoni hija essenzjali meta l-ksur imwettaq jirrigwarda ċertu ksur tar-regolamenti tat-traffiku, fosthom il-veloċità eċċessiva, is‑sewqan fi stat ta’ intossikazzjoni jew inkella li tibqa’ għaddej meta d-dwal tat-traffiku jindikaw aħmar (48). Kif jindika l-Gvern Awstrijak fir-risposta tiegħu għall‑mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża prinċipali, hemm suspett li s-sewwieq saq b’veloċità eċċessiva fis-sens tal‑Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva. Għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (49), il-Qorti tal-Ġustizza ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2015/413 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw, fi spirtu ta’ koperazzjoni leali, l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar ir-reati ta’ sigurtà fit-triq imsemmija fl-Artikolu 2 tagħha, sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, meta l-imsemmija reati jkunu twettqu fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun irreġistrata l-vettura inkwistjoni u li b’hekk jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id‑direttiva li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-utenti kollha tat-triq fl-Unjoni (50). Għal dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni jimplika li d-data pprovduta mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni, f’dan il-każ l-Istat ta’ eżekuzzjoni, jippermetti li jiġi identifikat mhux biss id-detentur tar‑reġistrazzjoni ta’ vettura iżda wkoll il-persuna li hija responsabbli skont id-dritt nazzjonali f’każ ta’ reat kontra r-regolamenti tat-traffiku, sabiex tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tal-eventwali sanzjonijiet pekunjarji (51).

76.      Dan l-obbligu ta’ identifikazzjoni tas-sewwieq jippermetti, barra minn hekk, li jiġu riżolti diffikultajiet prattiċi u tekniċi speċifiċi għas‑settur tat-traffiku tat-triq. Fil-fatt, skont in-natura tar-reat jew il‑metodu ta’ stħarriġ użat, l-imputazzjoni tal-ksur tar-regolamenti tat‑traffiku tqajjem xi diffikultajiet.

77.      Il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku huma partikolari għaliex ħafna drabi jkun diffiċli għall-awtoritajiet tal-pulizija li jidentifikaw b’ċertezza s-sewwieq fl-assenza ta’ kuntatt dirett miegħu, b’mod partikolari meta l‑konstatazzjoni tal-ksur isseħħ mingħajr ma jitwaqqaf is-sewwieq, bħall‑ipparkjar illegali, u anki meta dan jiġi rreġistrat awtomatikament bil-kameras, bħall-veloċità eċċessiva, li minnha toriġina din il-kawża (52). Dan wassal sabiex ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Franċiża, jimponu preżunzjoni ta’ responsabbiltà kontra d-detentur taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni minħabba ksur kontra r-regolamenti dwar l-ipparkjar ta’ vetturi jew dwar il-ħlasijiet tal-pedaġġi li jinvolvu biss il-ħlas ta’ multa (53).

78.      L-obbligu fuq il-proprjetarju tal-vettura li jidentifika lis-sewwieq tagħha meta jitwettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku huwa għalhekk għodda li tippermetti lill-Istati Membri jtejbu l‑mezzi li huma għandhom fl-istadju tal-investigazzjoni relatata ma’ tali ksur, filwaqt li tippermettilhom jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall‑identifikazzjoni tal-awtur ta’ dan ir-reat u għalhekk għall‑prevenzjoni tiegħu.

79.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-ksur ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi ksur li għandu għan u elementi kostituttivi tiegħu stess u ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ksur anċillari”, kif isostni l-Gvern Ungeriż.

80.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mit-termini tal-Ftehim tal‑11 ta’ Ottubru 2012 iffirmat bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir‑Repubblika tal-Kroazja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija li jiffaċilita r-repressjoni transkonfinali ta’ ksur tar-regolamenti tat‑traffiku (54). Nispjega li, skont l‑Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, din ma tippreġudikax l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim sakemm dan jippermetti li l-applikazzjoni tmur lil hinn minn dak dispost fiha u jgħin fis-simplifikazzjoni jew sabiex jiffaċilita iktar il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tas-sanzjoni pekunjarja. Huwa veru li, kif indika l-Gvern Awstrijak, l-imsemmi ftehim ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża għaliex, min-naħa tiegħu, daħal fis-seħħ, fit‑28 ta’ Awwissu 2018. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, fl‑opinjoni tiegħi, interessanti. Fil-fatt, kemm l-Istat emittenti kif ukoll l‑Istat ta’ eżekuzzjoni hawnhekk huma partijiet fi ftehim li għandu l-għan speċifiku, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tiegħu, li jistabbilixxi kooperazzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni transkonfinali tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti minħabba t-twettiq ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

81.      Konformement mal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim tal‑11 ta’ Ottubru 2012, il-“ksur tar-regolamenti tat-traffiku” jinkludi mhux biss il-ksur fil-qasam tas‑sigurtà fit-triq imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2015/413 (55), iżda wkoll il-ksur relatat ma’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tad-detentur jew tal‑proprjetarju tal-vettura jew ta’ kwalunkwe persuna oħra ssuspettata li wettqet ksur tar-regolamenti tat-traffiku, jekk dan il-ksur huwa previst fid-dritt tal-Istat li fit-territorju tiegħu ġie mwettaq il-ksur. B’hekk mill-Artikolu 1(2) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-kooperazzjoni li għandhom l-Istati kontraenti tkopri l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti b’mod partikolari minħabba l-assenza ta’ kooperazzjoni tal-proprjetarju tal-vettura, vettura li kienet implikata fit-twettiq ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

82.      L-interpretazzjoni li nirrakkomanda hija sostnuta wkoll mill‑ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, fis-sentenza Weh vs L‑Awstrija (56), din iddistingwixxiet b’mod ċar, fil-qasam tal-ksur tar-regolamenti tat-traffiku, bejn is-sanzjoni imposta fuq il‑proprjetarju ta’ vettura li ma żvelax l-identità tas-sewwieq responsabbli mit-twettiq ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku, u dan bi ksur tal‑obbligu li huwa għandu taħt l-Artikolu 103(2) tal-KFG 1967, u s‑sanzjoni li seta’ jkun suġġett għaliha minħabba t-twettiq tal-ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

83.      Konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, nikkunsidra li obbligu bħal dak inkwistjoni, li bis-saħħa tiegħu l-proprjetarju ta’ vettura huwa obbligat jiżvela l-identità tas-sewwieq issuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku, hija regola li tirregola t‑traffiku tat-triq fis-sens tat-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 u li l-ksur ta’ dan l-obbligu huwa kklassifikat bħala “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

84.      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.

2.      L-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214

85.      Id-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandha l-għan li tippermetti l‑infurzar l-iktar effikaċi ta’ ksur, b’mod partikolari ta’ regolamenti tat‑traffiku, billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.

86.      Mill-premessi 2 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 jirriżulta li l‑kooperazzjoni li hija tistabbilixxi għandha l-għan li tippermetti applikazzjoni aħjar tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq il-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor minħabba l-kummissjoni ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Dan il-ksur għandu dimensjoni transkonfinali u jista’ jkun partikolarment serju. L-għan huwa għalhekk li jiġi żgurat l-infurzar l-iktar effikaċi ta’ dan il-ksur, li, minħabba l-effett dissważiv tiegħu, għandu wkoll jinċentiva lis‑sewwieqa sabiex josservaw ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq tal-Istati Membri li jgħaddu minnhom.

87.      F’dan il-kuntest, jekk il-ksur bħal dak inkwistjoni, relatat mal-ksur tal-obbligu ta’ identifikazzjoni tas-sewwieq issuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku tat-triq, jiġi eskluż mill-ksur tar-regolamenti tat-traffiku msemmija fit-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214, jidhirli li jkun qiegħed jikkomprometti t‑twettiq ta’ dan l-għan.

88.      Fil-fatt, tali esklużjoni tirriskja li twassal sabiex l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ma jkollhiex il-possibbiltà li tissanzjona l‑proprjetarju ta’ vettura meta din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor. Dan iwassal sabiex ma jkunx hemm ugwaljanza fit‑trattament, iżda wkoll, fuq kollox, sabiex l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti ma jkollhiex il-possibbiltà li takkuża u tissanzjona lis‑sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor li jkunu wettqu ksur tar-regolamenti tat-traffiku fit-territorju tal-Istat emittenti, minkejja li dawn tal-aħħar jistgħu jippreżentaw riskju għal utenti oħra tat-triq fl-Unjoni.

89.      Ċertament, ksur bħal dak inkwistjoni, relatat mal-ksur tal-obbligu ta’ identifikazzjoni tas-sewwieq, jikkostitwixxi, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ksur minuri peress li ma jinvolvix danni materjali u lanqas vittmi tat-triq. Madankollu, l-effett kumulattiv tiegħu fuq it-territorju tal-Unjoni jidhirli li għandu importanza kbira u s-sanzjoni tiegħu hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regolamenti tat-traffiku fi spazju mingħajr fruntieri interni. Fil-fatt, l-obbligu ta’ identifikazzjoni inkwistjoni japplika jkun xi jkun il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku mwettqa mis-sewwieq tal-vettura. Jista’ jkun ksur tar-regolamenti tat‑traffiku minuri, bħall-ipparkjar illegali, anki jekk, fir-rigward ta’ tali ksur, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi d-deċiżjoni jekk is-sanzjoni pekunjarja hija inqas jew tammonta għal EUR 70 (57). Jista’ jkun ukoll ksur iktar gravi, bħal li tibqa’ għaddej meta d-dwal tat-traffiku jindikaw aħmar jew veloċità eċċessiva, li minnu oriġinat din il-kawża. Dan l-aġir huwa r-riflessjoni tal-esperjenzi ta’ kuljum li jseħħu fit-territorju kollu tal-Unjoni. Li tipprevjeni lill-Istat emittenti mill-mezzi sabiex jakkuża u jissanzjona tali aġir minħabba l-fatt li l-vettura inkwistjoni hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor jidhirli li huwa inkompatibbli mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il‑kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.

90.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li t-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li ksur relatat ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” ikopri aġir li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ vettura jirrifjuta li jidentifika lis-sewwieq li huwa ssuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

V.      Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula miz‑Zalaegerszegi Járásbíróság (il-Qorti Distrettwali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214/JAI tal-Kunsill tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi deċiżjoni meta l-ksur, kif iddefinit fid-dritt tal-Istat Membru emittenti, ma jaqax bħala ksur jew fil-kategorija ta’ ksur li għaliha l‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru emittenti tirreferi fiċ‑ċertifikat mehmuż ma’ din id-deċiżjoni, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi l-imsemmija deċiżjoni ħlief fejn il-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa preċedentement abbażi tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas ma ppermettietx li jiġi kkorreġut l-iżball li bih hija vvizzjata l-istess deċiżjoni.

2)      It-tlieta u tletin inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ksur relatat ma’ “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” ikopri aġir li bih il-proprjetarju ta’ vettura jirrifjuta li jidentifika lis-sewwieq li huwa ssuspettat li wettaq ksur tar-regolamenti tat-traffiku.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ eżekuzzjoni ” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal‑24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2006, L 159M, p. 256).


3      Iktar ’il quddiem l-“Istat emittenti” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.


4      BGBl. 267/1967, iktar ’il quddiem il-“KFG 1967”.


5      Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2018”.


6      Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Kriminalità doppja) (C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑10 ta’ Marzu 2021, Staatliches Amt für Landwirtschaft und Umwelt Mittleres Mecklenburg (C‑365/19, EU:C:2021:189, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 44).


8      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 44).


9      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, (Mandat ta’ arrest Ewropew – Kriminalità doppja) (C‑717/18, EU:C:2020:142, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara l-Artikoli 1 u 6, kif ukoll il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, kif ukoll is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li dawn jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, ET (C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 17)).


12      Ara l-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214.


13      Ara t-taqsima (k) tal-imsemmi ċertifikat.


14      Fil-każ fejn il-ksur jaqa’ fil-kategorija ta’ reati msemmija fid-disgħa u tletin inċiż tal‑Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214 (“reati stabbiliti mill-Istat emittenti u ntiżi sabiex jimplimentaw l-obbligi assunti permezz ta’ strumenti adottati taħt it-Trattat tal-KE jew taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE”), li hija partikolarment wiesgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni jitlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti jindika b’eżattezza d-dispożizzjonijiet tal-istrument adottat abbażi tat-trattat li huma relatati mal-ksur.


15      It-test intitolat “Inizjattiva tar-Renju Unit, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju tal-Isvezja fid-dawl tal-adozzjoni mill-Kunsill ta’ Deċiżjoni Qafas dwar l-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sanzjonijiet pekunjarji” (ĠU 2001, C 278, p. 4), tat‑12 ta’ Settembru 2001, fl-Artikolu 4(1) jistipula: “L-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li ma teżegwixxix id-deċiżjoni jekk iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 2 ma huwiex prodott jew jekk l-informazzjoni li tinsab f’dan iċ-ċertifikat ma hijiex kompleta jew hija manifestament ineżatta.”


16      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42).


17      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6).


18      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1).


19      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7).


20      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU 2006, L 153M, p. 9).


21      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29).


22      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64). Ara, ukoll, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat‑28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 61).


23      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar il‑protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2008, L 328, p. 28). Ara, ukoll, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/667/ĠAI tat‑12 ta’ Lulju 2005 għat‑tisħiħ tal-qafas tal-liġi kriminali għall-infurzar tal-liġi kontra t-tniġġis minn bastimenti (ĠU 2005, L 255, p. 164).


24      Ara proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l‑importazzjoni ta’ beni kulturali (COM(2017) 375 final).


25      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 44).


26      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huma biss ċerti aspetti tar-regolamenti tat-traffiku li fil-verità ġew armonizzati mid-dritt tal-Unjoni: il-liċenzja tas-sewqan (Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18)), l-użu taċ‑ċintorini tas-sigurtà (Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE tas‑16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu mandatorju taċ‑ċintorini tas-sigurtà f’vetturi ta’ inqas minn 3.5 tunnellati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 353), kif emendata bid-Direttiva 2003/20/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 277)), l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224)), l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit‑toroq (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2015/413 tal‑11 ta’ Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni dwar reati tat‑traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU 2015, L 68, p. 9)).


27      Ara l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq il-“Kodiċi tat-Triq u tar-Reġistru tal-Karozzi Ewropew” tad‑29 ta’ Jannar 2004 (ĠU 2005, C 157, p. 34), iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal-KESE fuq il-Kodiċi tat-Triq Ewropew”.


28      Ara l-Opinjoni tal-KESE fuq il-Kodiċi tat-Triq Ewropew (punt 5.3(a)).


29      Ara l-Opinjoni tal-KESE fuq il-Kodiċi tat-Triq Ewropew (punt 6.7).


30      Enfasi miżjuda minni.


31      Enfasi miżjuda minni.


32      Il-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-punt 3 tat-taqsima (g) taċ-ċertifikat anness mad‑Deċiżjoni Qafas 2005/214 issemmi wkoll “kondotta li tikser ir-regolamenti tat‑traffiku tat-triq”.


33      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 390.


34      Ara, f’dan ir-rigward, Jekewitz, J., “L’initiative de la République fédérale d’Allemagne relative à la coopération dans le cadre des procédures relatives aux infractions routières et à l’exécution des sanctions pécuniaires y relatives”, La reconnaissance mutuelle des décisions judiciaires pénales dans l’Union européenne, Edizzjonijiet tal-Università ta’ Brussell, Brussell, p. 133 sa 139, b’mod partikolari p. 137.


35      Enfasi miżjuda minni.


36      Il-verżjoni fil-lingwa Taljana tistipula “Atto contrario alle norme che regolano la circolazione stradale”, dik fil-lingwa Pollakka “Zachowanie naruszające przepisy o ruchu drogowym” u dik fil-lingwa Slovena “vedenje, s katerim se krši prometne predpise”.


37      Enfasi miżjuda minni.


38      Fil-Belġju, din il-leġiżlazzjoni ma tiħux il-forma ta’ kodiċi, iżda hija ddefinita bid‑Digriet Irjali li jirrigwarda regolament ġenerali dwar il-pulizija tat-traffiku tat‑triq u l-użu tat-triq pubblika tal‑1 ta’ Diċembru 1975 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Diċembru 1975, p. 15627), kif emendat reċentement bid-digriet tal-Gvern tal-Vlaanderen tal‑15 ta’ Jannar 2021 (Moniteur belge tal‑4 ta’ Frar 2021, p. 8401).


39      Il-leġiżlazzjoni dwar it-traffiku tat-triq fil-Ġermanja hija magħmula minn diversi liġijiet, b’mod partikolari l-iStraßenverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Traffiku tat-Triq), tat‑3 ta’ Mejju 1909, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑5 ta’ Marzu 2003 (BGBl. 2003 I, p. 310, rettifika p. 919), kif emendata reċentement bil-Liġi tas‑26 ta’ Novembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 2575), u bl-iStraßenverkehrs-Ordnung (il-Kodiċi tat-Triq) tas‑6 ta’ Marzu 2013 (BGBl. 2013 I, p. 367), kif emendata reċentement bid-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 3047), li fihom ir-regoli bażiċi dwar it-traffiku tat-triq, kif ukoll bil-Personenbeförderungsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport tal-Persuni) tal‑21 ta’ Marzu 1961 fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑8 ta’ Awwissu 1990 (BGBl. 1990 I, p. 1690) u emendata reċentement bil-Liġi tat‑3 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 2694), u bl-iStraßenverkehrs-Zulassungs-Ordnung (il-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur) tas‑26 ta’ April 2012 (BGBl. 2012 I, p. 679), kif emendat reċentement bid-digriet tas‑26 ta’ Novembru 2019 (BGBl. 2019 I, p. 2015) li jirregola l-proċedura tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-assigurazzjoni mandatorja u fih regoli applikabbli għall-kostruzzjoni u l-użu tal-vetturi.


40      Ara, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Traffiku ta’ Vetturi bil-Mutur, iffirmata f’Pariġi fl‑24 ta’ April 1926, il-Konvenzjoni dwar it‑Traffiku tat-Triq, iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Settembru 1949, u l-Konvenzjoni dwar it-Traffiku tat-Triq, iffirmata fi Vjenna fit‑8 ta’ Novembru 1968. Ara, f’dan ir‑rigward, l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Kodiċi tat-Triq Ewropew (punt 3).


41      Ara l-Opinjoni tal-KESE fuq il-Kodiċi tat-Triq Ewropew (punt 4).


42      Pereżempju, kundizzjonijiet ta’ skwalifika tas-sewqan jew ta’ rtirar tal-liċenzja tas‑sewqan: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2012, Vinkov (C‑27/11, EU:C:2012:326), u tat‑23 ta’ April 2015, Aykul (C‑260/13, EU:C:2015:257).


43      Opinjoni tal-KESE fuq il-Kodiċi tat-Triq Ewropew (punt 4.5).


44      C‑671/18, EU:C:2019:1054.


45      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji) (C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑43/12, EU:C:2013:534, punt 38), li fihom huwa rrileva li l-elementi li jikkostitwixxu ksur kontra r-regolamenti tat-traffiku msemmija fil-qafas tad-Direttiva 2011/82/UE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ reati tat-traffiku relatati mas‑sikurezza fit-toroq (ĠU 2011, L 288, p. 1), li ġiet issostitwita bid‑Direttiva 2015/413, lanqas ma huma armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni, peress li dawn huma ddeterminati mill-Istati Membri, bl-istess mod bħas-sanzjonijiet applikabbli għal tali ksur.


46      Ara l-Artikolu L121‑6 tal-Kodiċi tat-Triq li jistabbilixxi r-reat ta’ nuqqas ta’ żvelar tas-sewwieq meta l-proprjetarju ta’ vettura huwa persuna ġuridika.


47      Ara l-Artikolu 67a tal-Liġi dwar il-Pulizija tat-Traffiku tas‑16 ta’ Marzu 1968 (Moniteur belge tas‑27 ta’ Marzu 1968, p. 3146), kif emendata bil-Liġi tat‑8 ta’ Mejju 2019 (Moniteur belge tat‑22 ta’ Awwissu 2019, p. 80518), li jinsab fit‑Titolu V, intitolat “Proċedura kriminali, ordni ta’ pagament u proċedura ġudizzjarja ċivili”, b’mod partikolari fil-Kapitolu IVa, intitolat “Identifikazzjoni tal‑persuna li wettqet ir-reat”.


48      L-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa impost irrispettivament minn xi jkun ir-reat tat-traffiku mwettaq, peress li l-leġiżlatur Awstrijak isemmi l-identità tal-persuna li “saqet” jew “ipparkjat” il-vettura f’mument partikolari.


49      C‑183/18, EU:C:2020:153.


50      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 54).


51      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas (C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 55).


52      Ara t-tielet premessa tal-ftehim iċċitat fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara l-Artikolu L121‑2 tal-Kodiċi tat-Triq.


54      Iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑11 ta’ Ottubru 2012”.


55      Wara l-annullament tad-Direttiva 2011/82 mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298), minħabba bażi legali żbaljata, din ġiet issostitwita bid‑Direttiva 2015/413 li l-kontenut tagħha huwa identiku għad-Direttiva 2011/82.


56      Qorti EDB, 8 ta’ April 2004, Weh vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2004:0408JUD003854497, punti 52 sa 56. Ara, ukoll, Qorti EDB, 24 ta’ Marzu 2005, Rieg vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2005:0324JUD006320700, punti 31 u 32.


57      Skont l-Artikolu 7(2)(h) tad-Deċiżjoni Qafas 2005/214, l-awtorità kompetenti tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi d-deċiżjoni jekk jiġi stabbilit li s-sanzjoni pekunjarja hija inqas minn EUR 70 jew għal ammont ekwivalenti.