Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Lörrach (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Marzu 2023 – Proċeduri ta’ suċċessjoni P. M. J. T., testatur

(Kawża C-187/23, Albausy 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Lörrach

Partijiet fil-kawża prinċipali

Partijiet interessati: E. V. G.-T., P. T., F. T., G. T.

Domandi preliminari

Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll kontestazzjonijiet imqajma fil-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni stess, li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-qorti, u li għalhekk ma jkoprix biss kontestazzjonijiet imqajma fi proċeduri differenti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ anki jekk il-kontestazzjonijiet ikunu tqajmu fi proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda jkunu diġà ġew eżaminati fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ wirt taħt id-dritt Ġermaniż?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kontestazzjonijiet kollha, anki jekk ma jkunux ġew issostanzjati u ma tkun ġiet prodotta ebda prova formali tal-fatti invokati?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: B’liema forma għandha l-qorti tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiċħad il-kontestazzjonijiet u toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju li ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.

1     ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140.