Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)
Kawża C‑187/23 [Albausy] (i)
E. V. G.-T.
bl‑intervent ta’:
P. T.,
F. T.,
G. T.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 650/2012 —Ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni — Oppożizzjoni mressqa fil-proċedura għall-ħruġ”
1. Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2) għandu l-għan li jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’suċċessjonijiet causa mortis li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali.
2. B’dan il-għan, ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq għas-suq intern Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (3) u jirregola b’mod dettaljat is-sistema tal-ħruġ u l-effetti tiegħu. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, l-eredi, il-legatarji, l-eżekuturi ta’ testmenti u l-amministraturi patrimonjali jistgħu faċilment juru l-istatus tagħhom, jew id-drittijiet jew setgħat tagħhom, fi kwalunkwe Stat Membru.
3. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joriġina mill-fatt li l-konjuġi tal-mejjet, li tqis li hija l-benefiċjarja unika ta’ suċċessjoni testamentarja, titlob lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Quddiem din l-istess awtorità, u fl-istess proċedura, it-tifel u n-neputijiet tal-mejjet jopponu l-validità tat-testment ippreżentat. Tqum il-kwistjoni dwar kif din l-oppożizzjoni taffettwa l-ħruġ taċ-ċertifikat.
4. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domandi preliminari oħra li jirrigwardaw dan it-tip ta’ ċertifikat (4), però l-ebda waħda ma kienet tqajjem id-dubji mqajma f’din il-kawża, li għandha tindirizzahom biss jekk tqis ir-rinviju ammissibbli.
I. Il‑kuntest ġuridiku. Id‑dritt tal‑Unjoni
A. Ir‑Regolament Nru 650/2012
5. L-Artikolu 62 (“Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”), fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprevedi:
“1. Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (iktar ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69”.
6. L-Artikolu 63 (“Fini taċ-Ċertifikat”), jipprovdi:
“1. Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.
2. Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:
a) l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;
b) l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;
c) is-setgħat tal-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat biex tkun l-eżekutur jew l-amministratur tal-patrimonju”.
7. Skont l-Artikolu 64 (“Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat”):
“Iċ-Ċertifikat għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. L-awtorità emittenti għandha tkun:
a) qorti kif definit fl-Artikolu 3(2); jew
b) awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni”.
8. Fl-Artikolu 65 (“Applikazzjoni għal Ċertifikat”), il-punt l tal-paragrafu 3 jaqra kif ġej:
“L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b’din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):
[...]
l) dikjarazzjoni li tgħid li sa fejn jaf l-applikant, ma hemm l-ebda tilwima pendenti rigward l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati”.
9. L-Artikolu 66 (“Eżami tal-applikazzjoni”) jindika:
“1. Meta tirċievi l-applikazzjoni l-awtorità emittenti għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti u evidenza oħra pprovduti mill-applikant. Hija għandha twettaq l-inkjesti meħtieġa għal dik il-verifika minn jeddha fejn dan ikun previst jew awtorizzat mil-liġi tagħha proprja jew għandha tistieden lill-applikant jipprovdi kwalunkwe evidenza oħra li hija tqis meħtieġa.
[...]
4. L-awtorità emittenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinforma lill-benefiċjarji dwar l-applikazzjoni għal Ċertifikat. Hija għandha, jekk ikun meħtieġ għall-istabbiliment tal-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, tisma’ lil kwalunkwe persuna involuta u kwalunkwe eżekutur jew amministratur u tagħmel avviżi pubbliċi bil-għan li tingħata l-opportunità lil benefiċjarji possibbli biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom.
[...]”.
10. Skont l-Artikolu 67 (“Ħruġ taċ-Ċertifikat”):
“1. L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).
L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b’mod partikolari jekk:
a) l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati; jew
b) iċ-Ċertifikat ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi.
[...]”.
11. L-Artikolu 69 (“Effetti taċ-Ċertifikat”) jistabbilixxi:
“1. Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.
2. Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.
3. Kwalunkwe persuna li, waqt li taġixxi abbażi tal-informazzjoni ċċertifikata f’Ċertifikat, tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà lil persuna msemmija fiċ-Ċertifikat kif awtorizzata biex taċċetta ħlas jew proprjetà għandha tiġi meqjusa li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna li għandha l-awtorità li taċċetta ħlas jew proprjetà, dment li ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.
4. Fejn persuna msemmija fiċ-Ċertifikat hija awtorizzata tiddisponi minn proprjetà fis-suċċessjoni tiddisponi minn tali proprjetà favur persuna oħra, dik il-persuna l-oħra għandha, jekk taġixxi fuq il-bażi tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, titqies li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna bl-awtorità li tiddisponi mill-proprjetà kkonċernata, dment li din ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.
5. Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2)”.
B. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 (5)
12. L-Artikolu 1(5) jipprovdi:
“Il-formola li trid tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 5 bħala l-Formola V”.
13. Fl-aħħar parti tal-Formola V tal-Anness 5 hemm indikat li l-awtorità se tiċċertifika “li, fil-mument tal-istabbiliment taċ-ċertifikat, l-ebda wieħed mill-elementi inklużi fih ma kienu kkontestati mill-benefiċjarji”.
II. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
14. P. T., ċittadin Franċiż u li kellu l-aħħar domiċilju fil-Ġermanja, miet fil‑15 ta’ Settembru 2021.
15. Fit‑23 ta’ Novembru 2021, E.V.G.-T., mart P. T. fl-epoka tal-mewt tiegħu, talbet lill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja) Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li fih kellha tidher bħala eredi unika (6).
16. Għal dan il-għan hija ppreżentat testment, iffirmat bl-idejn miż-żewġ konjuġi, bil-kontenut segwenti:
“Testment konġunt
Aħna, il-konjuġi E. G.‑T., imwielda fi [...] u P. T., imwieled fi [...], it-tnejn residenti [...], niddikjaraw is-segwenti:
1) Ma aħniex marbutin b’dispożizzjonijiet preċedenti fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni u ma adottajna ebda dispożizzjoni tas-suċċessjoni. Bħala miżura ta’ prekawzjoni, nirrevokaw id-dispożizzjonijiet kollha li setgħu kienu adottati minna preċedentement unilateralment jew konġuntivament.
2) Ninnominaw lil xulxin l-uniċi eredi ta’ xulxin. Din in-nomina ta’ eredi hija reċiproka u għandha effett vinkolanti. Barra minn hekk, il-konjuġi superstiti ma huwiex marbut b’din id-dispożizzjoni. Huwa liberu li jorganizza s-suċċessjoni proprja tiegħu, anki qabel il-mewt tal-konjuġi predefunt, però fil-każ biss li jsir il-konjuġi superstiti.
3) Aħna t-tnejn nirrisjedu fil-Ġermanja u rridu li tapplika l-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, li nistabbilixxu bħala l-liġi applikabbli fil-kuntest tal-għażla tal-liġi, sa fejn dan ikun ammissibbli. Din id-dispożizzjoni hija reċiproka.
R., fit‑23 ta’ Lulju 2020. E. G.-T. Din hija wkoll il-volontà tiegħi. P. T.”
17. Huwa paċifiku li jeżisti testment iktar antik, miktub bl-idejn u ffirmat mit-testatur, li kien jipprovdi:
“Jien, P. M. J. T., imwieled fi [...] f’ A., u residenti fi [...] Spanja, nirrevoka d-dispożizzjonijiet testamentarji preċedenti kollha. Niddelega l-kwota disponibbli tal-eredità tiegħi liż-żewġ neputijiet tiegħi, ulied P., N. A. J. T., imwieled fi [...], u J N. J. T., imwieled fi [...]. Din għandha tinqasam f’partijiet ugwali bejniethom. Ninnomina lit-tifel tiegħi P., u lilu biss, sabiex jorganizza l-funeral tiegħi b’quddiesa Gregorjana u d-difna tiegħi fi [...] Spanja. Magħmul f’A., fil‑31 ta’ Mejju 2001. Dan huwa t-testment tiegħi. P. T.”
18. E.V.G.-T. tqis ruħha l-unika eredi ta’ P. T. abbażi tat-testment tat‑23 ta’ Lulju 2020. Għall-kuntrarju, it-tifel u n-neputijiet ta’ P. T. jargumentaw li dan it-testment ma huwiex validu, peress li t-testatur ma kienx kapaċi jagħmlu meta ġie redatt u l-firma ma hijiex tiegħu.
19. Skont il-qorti tar-rinviju, it-testatur kien għadu kapaċi jagħmel testment (7), u li f’dak ippreżentat hemm il-firma tiegħu (8).
20. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach) tqis li l-ħruġ taċ-ċertifikat jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, u għalhekk issospendiet il-proċedura (9) u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
“1) Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll kontestazzjonijiet imqajma fil-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni stess, li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-qorti, u li għalhekk ma jkoprix biss kontestazzjonijiet imqajma fi proċeduri differenti?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ anki jekk il-kontestazzjonijiet ikunu tqajmu fi proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda jkunu diġà ġew eżaminati fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ wirt taħt id-dritt Ġermaniż?
3) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kontestazzjonijiet kollha, anki jekk ma jkunux ġew issostanzjati u ma tkun ġiet prodotta ebda prova formali tal-fatti invokati?
4) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: B’liema forma għandha l-qorti tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiċħad il-kontestazzjonijiet u toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni?”
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
21. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2023.
22. Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, flimkien ma’ E.V.G.-T., dehru fis-seduta li nżammet fil‑31 ta’ Jannar 2024.
IV. Analiżi
23. Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-funzjoni tal-awtorità li toħroġ Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni, u dwar il-portata tal-kompetenzi ta’ din l-awtorità, fil-kuntest tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012.
A. Ammissibbiltà tar-rinviju preliminari
24. Il-Gvern Spanjol isostni li r-rinviju ma huwiex ammissibbli, peress li l-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jimplikax l-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, kif jeħtieġ l-Artikolu 267 TFUE (10).
25. L-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq jekk issirx minn “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jaġixxu preċiżament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom (11).
26. Sabiex jiġi stabbilit jekk korp partikolari jissodisfax din il-kundizzjoni doppja, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fost fatturi oħra, “n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk kawża hijiex pendenti quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar huwiex mitlub li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” (12).
27. Fl-assenza ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-korp tar-rinviju ma jistax jiġi kkunsidrat li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja, anki jekk jissodisfa l-bqija ta’ dak stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13).
28. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-indikazzjonijiet li r-Regolament Nru 650/2012 jagħti dwar iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u l-attività involuta fil-ħruġ tiegħu. Minn dawn l-indikazzjonijiet jista’ jiġi dedott, għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, li l-awtorità li toħroġ ċertifikat b’applikazzjoni tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012 ma tadottax, anki jekk tkun qorti, deċiżjoni fi tmiem ta’ proċedura li tiġi konkluża b’deċiżjoni ġudizzjarja.
1. Skop u effetti taċ‑Ċertifikat Ewropew tas‑Suċċessjoni
29. Ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u jagħtih sistema uniformi u awtonoma fir-rigward ta’ ċertifikati nazzjonali simili. Din is-sistema hija differenti wkoll minn dik prevista mir-Regolament stess għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u atti awtentiċi (14).
30. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jservi lil dawk li, bħala eredi, legatarji, eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi patrimonjali, jeħtieġu li jinvokaw, fi Stat Membru ieħor, dan l-istatus, jew jeżerċitaw id-drittijiet jew is-setgħat tagħhom bħala tali (15). Madankollu, l-użu tiegħu ma huwiex obbligatorju (16).
31. Sabiex jissodisfa din il-ħtieġa, iċ-ċertifikat jipproduċi l-effetti li ġejjin, identiċi fl-Unjoni kollha (17):
– Iservi bħala prova (18) tal-elementi li jinkludi (19). Permezz tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat, id-detentur tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet jew setgħat tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru, mingħajr il-possibbiltà li jintalab prova addizzjonali. Huwa preżunt li l-istatus indikat fiċ-ċertifikat, kif ukoll id-drittijiet jew is-setgħat espressi fih, huma tali u kif jinsabu fih (20).
– Jipproteġi lil terzi persuni li jagħmlu tranżazzjonijiet mal-persuni indikati fiċ-ċertifikat u li, abbażi tal-informazzjoni kkonstatata fih, jagħmlu ħlas, jgħaddu proprjetà, jakkwistaw jew jirċievu proprjetà tas-suċċessjoni, “dment li ma [jkunux jafu] li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma [jkunux jafu] b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja” (21).
– Huwa validu għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà tas-suċċessjoni, bil-limiti li jindika r-Regolament Nru 650/2012 stess u li interpretat il-Qorti tal-Ġustizzja (22).
32. Iċ-ċertifikat ma għandux, fih innifsu, konsegwenzi oħra: b’mod partikolari, ma għandux l-effettività legali vinkolanti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (23). Il-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 tiċċara wkoll li ma jgħoddx bħala titolu eżekuttiv.
33. L-assenza ta’ effettività legali vinkolanti tidher ukoll fis-sistema ta’ ċirkolazzjoni taċ-ċertifikat fi Stati Membri oħra minbarra dak emittenti. Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012 ma jistabbilixxix li jista’ jew għandu jiġi “rrikonoxxut” (24). Skont l-Artikolu 69(1) “għandu jipproduċi l-effetti tiegħu” mingħajr ebda proċedura (25). Litteralment, ma hemm ebda raġuni ta’ oppożizzjoni għal din iċ-ċirkolazzjoni (26).
2. Attività tal‑awtorità li toħroġ iċ‑ċertifikat fil‑kuntest tal‑Artikolu 67 tar‑Regolament Nru 650/2012.
34. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità għandha toħroġ iċ-ċertifikat mingħajr dewmien “meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti [...]”. Il-ħruġ iseħħ wara l-eżami (tal-applikazzjoni) li r-Regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 66.
35. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtorità għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet, kif ukoll id-dokumenti u provi oħra prodotti mill-applikant għaċ-ċertifikat (27).
36. Għal dan il-għan, l-istess Artikolu 66: i) jirreferi għas-setgħat li għandha din l-awtorità, mogħtija mill-ordinament legali tagħha stess (28); ii) jagħtiha oħrajn (29); u iii) jimponilha direttament l-obbligu li tieħu passi li jirrendu pubblika (limitatament għal ċerti destinatarji) l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat (30).
37. B’rabta ma’ dan l-obbligu, l-awtorità għandha “tisma’ lil kwalunkwe persuna involuta u kwalunkwe eżekutur jew amministratur u tagħmel avviżi pubbliċi bil-għan li tingħata l-opportunità lil benefiċjarji possibbli biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom”, jekk tqis li dan huwa neċessarju sabiex tikkonferma aspetti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom hija mitluba (31).
38. Jekk, fit-tmiem tal-eżami ta’ dawn l-elementi kollha, l-awtorità tikkunsidra li l-elementi li ser jiġu inklużi fiċ-ċertifikat ġew stabbiliti, hija għandha toħorġu “mingħajr dewmien”, skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
39. Għall-kuntrarju, jekk l-awtorità emittenti jkollha dubji dwar dawn l-elementi, hija ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat. Il-kontenut tiegħu ma jkunx ġie stabbilit, u għalhekk ma jkunx jista’ jipproduċi l-effetti previsti fl-Artikolu 69 tar-Regolament. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, dan lanqas għandu jinħareġ jekk l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati (32).
40. Il-funzjoni tal-awtorità emittenti ma hijiex sempliċement passiva: ma tikkonsistix fil-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ fatti jew espressjonijiet ta’ volontà għal trasferiment mekkaniku f’formola ad hoc. Hija għandha l-obbligu li tikkonferma r-realtà tal-affermazzjonijiet tal-applikant, fid-dawl tal-provi li dan jipproduċi, u jekk ikun il-każ, ta’ informazzjoni oħra li din l-awtorità stess tiġbor jew li tiġi kkomunikata lilha minn persuni oħra interessati fis-suċċessjoni (33).
41. Mill-banda l-oħra, ma hijiex l-awtorità mitluba ċ-ċertifikat li tiddeċiedi jew tiddetermina d-drittijiet jew setgħat tal-applikanti, jew tal-persuni interessati fis-suċċessjoni, sabiex issolvi l-eventwali tilwim ta’ bejniethom rigward aspetti sostantivi.
42. Dan peress li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI (“Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jagħtux din il-kompetenza (34) lill-awtoritajiet emittenti nazzjonali taċ-ċertifikat. Fil-kuntest tal-Artikolu 67, ma jistax jitqies li l-ordinamenti legali nazzjonali għandhom il-possibbiltà li, billi jikkumplimentaw dan ir-regolament, jagħtu lil dawn l-awtoritajiet il-funzjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim. Din l-attribuzzjoni, mingħajr l-akkumpanjament tar-regoli proċedurali, tkun inkoerenti mal-volontà li tinħoloq sistema awtonoma u uniformi permezz tal-ħruġ taċ-ċertifikat (35).
43. Kieku l-awtorità emittenti kellha din il-kompetenza (li tiddeċiedi dwar tilwim), l-attività tagħha tagħti lok għal “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, fuq disinn tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iċ-ċertifikat ma għandux il-konsegwenzi legali vinkolanti li huma tipiċi għal deċiżjoni ġudizzjarja.
3. Paragun ma’ ċertifikati previsti fi strumenti oħra għall‑kooperazzjoni ġudizzjarja
44. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex komparabbli maċ-ċertifikati previsti fi strumenti oħra għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali, li fir-rigward tagħhom saru u ġew riżolti rinviji oħra għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba ġew esklużi d-dubji dwar l-ammissibbiltà tagħhom.
45. Fir-rigward tat-titolu eżekuttiv Ewropew (36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew jidher, [...] mhux bħala proċedura distinta mill-proċedura ġudizzjarja preċedenti, iżda bħala l-aħħar fażi ta’ din, neċessarju sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħha, li tippermetti lill-kreditur li jipproċedi għall-irkupru tad-debitu tiegħu” (37).
46. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew tikkostitwixxi, għalhekk, att ta’ natura ġudizzjarja, u l-qorti nazzjonali responsabbli minnha “għandha s-setgħa li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja” (38).
47. L-istess japplika għaċ-ċertifikat previst mill-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (39) li jiżgura ċ-ċirkolazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru fi Stati oħrajn. Il-funzjoni tal-korp li joħorġu “tagħmel parti mill-kontinwità tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, billi tiżgura l-effikaċja sħiħa tagħha, sa fejn, fl-assenza ta’ ċertifikazzjoni, deċiżjoni ma tkunx tista’ tiċċirkola liberament fiż-żona ġudizzjarja Ewropea” (40).
48. Il-proċedura intiża għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha natura ġudizzjarja, b’tali mod li qorti nazzjonali adita fil-kuntest ta’ tali proċedura għandha s-setgħa li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari (41).
49. Għall-kuntrarju, il-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, kif spjegajt, ma jinkludix eżerċizzju ta’ setgħa ġudizzjarja u lanqas jirriżulta f’deċiżjoni ta’ din in-natura (ġudizzjarja) b’effett legali vinkolanti.
50. Is-sitwazzjoni ma tinbidilx meta ċ-ċertifikat jinkludi fil-paragrafi tiegħu l-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (preċedenti) dwar il-mertu tas-suċċessjoni. Anki f’dan il-każ, iċ-ċertifikat ma huwiex fażi oħra tal-proċedura ġudizzjarja li fiha ngħatat id-deċiżjoni dwar il-mertu.
51. Finalment, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex id-dokument li permezz tiegħu tiġi trażmessa d-deċiżjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, bħal passaport għaċ-ċirkolazzjoni fi Stati Membri oħra, għall-finijiet tar-rikonoxximent u jekk ikun il-każ, għall-eżekuzzjoni tagħha. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-attestazzjoni tal-Artikolu 46(3)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, flimkien ma’ formola ad hoc (il-formola I, stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014) (42).
52. Fil-qosor, iċ-ċertifikat għandu effetti fl-Istati Membri l-oħra minbarra dak emittenti mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura, u mingħajr il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni jew kontroll. Jekk jinkludi d-deċiżjoni mogħtija f’tilwima, din id-deċiżjoni tibbenefika, permezz taċ-ċertifikat, minn sistema ta’ rikonoxximent mhux biss differenti minn dik prevista fil-Kapitolu IV, iżda wkoll ipprivileġġjata, li l-eżistenza parallela tagħha ma hija mħabbra mkien u lanqas għandha tiġi ġġustifikata (43).
4. Effett tal‑karatteristiċi taċ‑Ċertifikat Ewropew tas‑Suċċessjoni fuq l‑ammissibbiltà tar‑rinviju għal deċiżjoni preliminari
53. L-awtorità li, skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012, toħroġ ċertifikat, tikkonstata ċerti elementi partikolari dwar is-suċċessjoni, ladarba twettaq l-eżami li jimponi fuqha l-Artikolu 66 tal-istess strument.
54. Il-konvinzjoni tal-awtorità emittenti hija bbażata fuq ir-realtà tal-informazzjoni li jiddikjara l-applikant u fuq il-korrispondenza tagħha mal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Però din l-awtorità, kif diġà esponejt, ma għandhiex is-setgħa, f’dan il-kuntest, ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li jqum fir-rigward tal-mertu tas-suċċessjoni (44).
55. Ladarba l-awtorità emittenti taċ-ċertifikat ma tistax tagħti drittijiet jew setgħat fi proċedura li twassal għal deċiżjoni li għandha effett legali vinkolanti, hija ma teżerċitax, f’dan il-qasam, funzjonijiet ġudizzjarji (45).
56. Mingħajr preġudizzju għall-preċedenti, kif jindika l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, il-korp emittenti taċ-ċertifikat jista’ jkun “qorti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) u kif ukoll awtorità oħra li, skont id-dritt nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni (46).
57. Il-fatt li l-awtorità emittenti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tkun, eventwalment, qorti, ma jagħtix lil din tal-aħħar setgħat ġudizzjarji meta toħorġu. Korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru jista’ jwettaq, fil-kuntest tal-funzjonijiet strettament ġudizzjarji tiegħu, oħrajn ta’ natura mhux ġudizzjarja. Fil-kuntest ta’ dawn tal-aħħar huwa ma jistax iressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari (47).
58. Ir-riferiment għal din l-awtorità “oħra” jidhirli li jindika li l-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012) ma jinkludix l-eżerċizzju ta’ setgħa ġudizzjarja. Altrimenti l-indikazzjoni separata ta’ din l-awtorità ma tkunx neċessarja, peress li l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament diġà jikklassifika bħala qrati l-awtoritajiet li formalment ma għandhomx setgħa ġudizzjarja, meta jwettqu l-funzjonijiet ġudizzjarji (48).
59. Ma għandux iwassal għal konfużjoni l-fatt li l-Artikolu 64 (“Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat”) tar-Regolament Nru 650/2012 jirreferi għall-Artikoli 4, 7, 10 u 11 tal-istess test. Ir-riferiment għall-kompetenza ma jiddefinixxix in-natura (ġudizzjarja jew le) tal-intervent tal-awtorità emittenti (49): huwa jiċċara biss minn fejn u mingħand min għandu jintalab iċ-ċertifikat (50).
60. Fl-aħħar nett, din l-opinjoni hija kkorroborata mis-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023 (51), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li n-nutara Spanjoli jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika bħala qrati għax joħorġu Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni (52).
61. Fid-dawl tal-preċedenti, nikkunsidra li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dan, ser nipproponi risposta għad-domandi preliminari li sarulha.
B. L‑ewwel domanda preliminari
62. Il-qorti tar-rinviju hija interessata fl-interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 sabiex tiddetermina, fil-qosor, jekk dan jirreferix għall-kontestazzjonijiet imqajma fi proċedura differenti minn dik tal-ħruġ taċ-ċertifikat, jew jekk jinkludix ukoll dawk li, fil-kuntest tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat stess, isiru minn persuni interessati fis-suċċessjoni. F’dan l-aħħar każ, tixtieq tkun taf jekk hijiex l-awtorità emittenti li għandha teżamina dawn il-kontestazzjonijiet.
63. Id-domanda preliminari saret f’tilwima li fiha, kif diġà ngħad, it-tifel u n-neputijiet tat-testatur jopponu element ewlieni tas-suċċessjoni (il-validità tat-testment stess). Fil-fehma tiegħi, din l-oppożizzjoni twassal għall-applikazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 u ma huwiex possibbli li jinħareġ iċ-ċertifikat.
64. Din l-impossibbiltà hija kkorroborata mill-fatt li fil-formola li għandha tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, l-awtorità emittenti għandha tikkonstata, b’mod obbligatorju, li ebda wieħed mill-elementi tagħha ma kien ikkontestat.
65. Nammetti li ma tistax tingħata risposta inekwivoka għall-ewwel domanda preliminari abbażi tal-formulazzjoni tat-test biss, peress li ma jippreċiżax l-istanza li quddiemha għandhom jiġu kkontestati l-aspetti li jridu jiġu ċċertifikati (53) u l-verżjonijiet lingwistiċi jawtorizzaw interpretazzjonijiet differenti:
– uħud jissuġġerixxu li l-kontestazzjoni (oġġezzjoni) tkun pendenti fil-mument li fih jintalab iċ-ċertifikat, li jindika li dan iseħħ fi proċedura oħra (54);
– oħrajn jagħtu x’jifhem li l-kontestazzjoni tirriżulta mit-talba għaċ-ċertifikat u fl-istess istanza (55).
66. L-analiżi sistematika titfa’ iktar dawl. Mill-qari konġunt tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) u tal-Artikolu 65(3)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jiġi dedott li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tkopri, qabelxejn, it-tilwim imsemmi fl-Artikolu 65, jiġifieri, tilwim pendenti quddiem istanzi oħra (56).
67. Huwa tal-istess sens il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1), li jkopri deċiżjonijiet barranin għall-proċedura intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat. Wieħed jista’ raġonevolment iqis li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jinkludu dawk li jaffettwaw l-elementi proprji taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni ulterjuri.
68. Fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, nimmilita li nikkunsidra li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandu jinkludi, wkoll, il-kontestazzjonijiet imqajma quddiem l-awtorità emittenti, peress li, inkella, din tkun tista’ toħroġ iċ-ċertifikat u tinkludi elementi “li ma jkunux ġew stabbiliti”, għall-kuntrarju ta’ dak li teħtieġ din id-dispożizzjoni (57).
69. Il-paragun tal-formulazzjoni tal-Artikolu 65(3)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 (li jirreferi għall-ineżistenza ta’ “ebda tilwima pendenti rigward l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati”) ma’ dik tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) li tuża, b’mod ġenerali, termini iktar wiesgħa, jidhirli li huwa argument addizzjonali f’dan l-istess sens (58).
70. Anki l-iskop tar-Regolament Nru 650/2012, b’mod ġenerali, u dak taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, b’mod partikolari, isostnu interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) li tinkludi l-kontestazzjonijiet imqajma matul il-proċedura intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat.
71. Iċ-ċertifikat jinħoloq bil-għan li jippromwovi r-riżoluzzjoni ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali [...] b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv” (59). B’dan il-mod, jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ “ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali” (60).
72. Sabiex jilħaq dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti liċ-ċertifikat l-effetti legali deskritti preċedentement, li japplikaw fi Stati Membri oħra minbarra dak emittenti mingħajr issuġġettar għal xi proċedura jew kontroll.
73. Fl-opinjoni tiegħi, in-natura ta’ dawn l-effetti, li ma humiex marbutin biss mal-iffaċilitar lill-persuni direttament interessati ta’ azzjonijiet dwar suċċessjoni transkonfinali, iżda wkoll mal-protezzjoni ta’ terzi u ċ-ċertezza tat-tranżazzjonijiet legali fl-Unjoni kollha, tipprekludi interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 li tillimitah għat-tilwim pendenti fil-kuntest tal-proċedura miftuħa għall-ħruġ taċ-ċertifikat.
74. Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex dwar il-possibbiltà li l-awtorità mitluba tapplika l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012 tistax teżamina l-kontestazzjonijiet imqajma minn benefiċjarji eventwali oħra tas-suċċessjoni (61), iżda, pjuttost, dwar x’għandha tagħmel meta dawn il-kontestazzjonijiet ikunu ta’ natura li, fir-realtà, jikkontestaw elementi essenzjali tas-suċċessjoni (bħal f’dan il-każ, fejn eredi eventwali oħra jikkontestaw il-validità tat-testment olografiku li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat).
75. Diġà esponejt li, f’din l-ipoteżi, l-awtorità nazzjonali, sempliċement, ma tistax toħroġ iċ-ċertifikat (62). Insostni li l-istess soluzzjoni tirriżulta mill-kontenut tal-Formola V prevista fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, li fiha l-awtorità emittenti għandha tiddikjara li ebda wieħed mill-elementi taċ-ċertifikat ma kien ikkontestat.
76. L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi li, fil-kuntest tal-verifiki previsti għall-ħruġ taċ-ċertifikat, l-awtorità emittenti li hija mitluba toħorġu ser tinforma lill-persuni partikolari dwar l-applikazzjoni, u tismagħhom, jekk tqis li huwa neċessarju sabiex tistabbilixxi dak li għandu jiġi ċċertifikat minnha.
77. Jekk l-għażla li tisma’ lil dawn il-persuni interessati tirriżulta fiċ-ċaħda min-naħa tagħhom (bħal f’dan il-każ) tal-validità ta’ element bażiku taċ-ċertifikat, l-awtorità emittenti ma tkunx tista’ tipproċedi bil-ħruġ tiegħu. Loġikament, u kif ser nispjega fl-analiżi tat-tielet domanda preliminari, din iċ-ċaħda għandu jkollha ċerta bażi sabiex tipproduċi l-effett ta’ ostakolu previst fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 (63).
C. It‑tieni domanda preliminari
78. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità emittenti tistax toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “anki jekk il-kontestazzjonijiet ikunu tqajmu fi proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda jkunu diġà ġew eżaminati fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ wirt taħt id-dritt Ġermaniż?”.
79. Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta toħroġ mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprojbixxi l-ħruġ ta’ ċertifikat jekk “ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi [li ser ikunu ċċertifikati]”.
80. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti tiċħad it-talba għal ċertifikat jekk fih ikollha tinkludi dikjarazzjonijiet inkompatibbli ma’ dak deċiż jew iddikjarat f’deċiżjoni preċedenti. Għall-kuntrarju, jekk ma jkunx hemm din l-inkompatibbiltà, id-deċiżjoni preċedenti ma tkunx ta’ ostakolu għall-ħruġ taċ-ċertifikat (64).
81. Fid-dawl tal-kontenut ċar tar-regola, kif ukoll il-pożizzjoni sistematika tagħha, id-“deċiżjoni” li għaliha jirreferi l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 hija att li l-kontenut tiegħu huwa impost, b’mod forzat, fuq dik l-awtorità (65). Fi kliem ieħor, l-awtorità emittenti ma tistax tmur kontra l-elementi, relatati mal-kontenut taċ-ċertifikat, li diġà ġew deċiżi f’deċiżjoni preċedenti li taffettwa dawn l-istess elementi.
82. Id-deċiżjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni tipprevali, konsegwentement, fuq il-ġudizzju tal-awtorità emittenti fir-rigward tal-aspetti li għandha tinkludi fiċ-ċertifikat.
83. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tkun finali skont id-dritt nazzjonali (66).
84. Il-ħtieġa ta’ natura definittiva ma tirriżultax espressament mill-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, naħseb li tista’ tiġi dedotta minn fatturi oħra:
– mill-punt (a) tal-istess artikolu, li jipprojbixxi l-ħruġ taċ-ċertifikat dwar elementi li huma kkontestati; u
– mir-rekwiżit previst fl-Artikolu 65(3)(l) li jiġi ddikjarat, fl-applikazzjoni għaċ-ċertifikat, li ma hemmx tilwim pendenti dwar aspetti li hija mitluba ċ-ċertifikazzjoni tagħhom.
85. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, f’din il-kawża, il-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tistax tirriżulta f’“deċiżjoni” skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 (67).
D. It‑tielet domanda preliminari
86. Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hux kull kontestazzjoni, inkluż dik mhux sostanzjata, tiġġustifika r-rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat fid-dawl tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
87. Din l-aħħar dispożizzjoni hija siekta fir-rigward tan-natura ta’ dawk il-kontestazzjonijiet. Għalhekk, jiġi dedott, li bħala prinċipju, l-awtorità emittenti għandha tevalwa kull kontestazzjoni tal-elementi taċ-ċertifikat min-naħa tal-persuni interessati jew benefiċjarji tas-suċċessjoni.
88. Issa, jekk il-kontestazzjoni ma tkunx ibbażata fuq ebda bażi serja u għalhekk hija nieqsa minn kwalunkwe saħħa ta’ konvinzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa diffiċli li din tipprekludi lill-awtorità emittenti milli tistabbilixxi l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, fis-sens tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.
89. Ir-rifjut li jinħareġ id-dokument minħabba kontestazzjoni, mingħajr ebda argument minimu, ta’ element essenzjali taċ-ċertifikat, jista’ jfixkel il-proċedura mingħajr raġuni reali, u jċaħħad indebitament lill-eredi, legatarji, eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi patrimonjali minn strument effikaċi fir-riżoluzzjoni ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali.
90. Mill-banda l-oħra, il-kontestazzjoni tista’ tkun xierqa sabiex tissuġġerixxi lil din l-awtorità r-rilevanza ta’ investigazzjonijiet ulterjuri, skont l-Artikolu 66(1) tal-istess regolament, għar-ratifika tal-informazzjoni u dikjarazzjonijiet tal-applikant. Jekk dan huwiex il-każ, jista’ jiġi kkonstatat biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali.
E. Ir‑raba’ domanda preliminari
91. Il-qorti tar-rinviju tagħmel ir-raba’ domanda preliminari tagħha fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, b’konformità ma’ dak li nipproponi, tagħti risposta affermattiva lill-ewwel domanda, ma jkunx hemm lok li tagħti deċiżjoni fuq ir-raba’ waħda. Ser nindirizza, fi kwalunkwe każ, l-analiżi ta’ din tal-aħħar.
92. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’liema forma għandha tagħti r-raġunijiet li jwassluha tiċħad il-kontestazzjonijiet u toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
93. Infakkar li l-awtorità emittenti għandha tuża b’mod obbligatorju l-Formola V prevista fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 (68). L-użu ta’ din il-formola jippermetti li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ fi Stat Membru jkun identifikat immedjatament bħala tali f’kull Stat Membru ieħor.
94. L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi l-informazzjoni li, imqiegħda fil-paragrafi korrispondenti tal-formola, għandha tidher fiċ-ċertifikat innifsu. Il-kontenut tiegħu jista’ jvarja skont l-għanijiet li għalihom jinħareġ (69).
95. Il-formola V ma tipprevedix l-indikazzjoni tar-raġunament li abbażi tiegħu l-awtorità emittenti tikkunsidra li dak li hija tiċċertifika ġie stabbilit. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx essenzjali li ċ-ċertifikat jagħti dan ir-raġunament sabiex jissodisfa l-għan tiegħu (70).
96. L-eredi, il-legatarju, l-amministratur jew l-eżekutur tal-patrimonju li jinqdew biċ-ċertifikat ma għandhom (u lanqas jistgħu, fir-realtà) (71) jannettu ebda dokument ieħor mal-formola (72).
97. Din is-sistema hija koerenti mal-attività preċedenti għaċ-ċertifikat, u mal-effetti li dan jipproduċi fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali. B’applikazzjoni tal-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità emittenti ma tiddeċidix dwar il-mertu tas-suċċessjoni, iżda tadotta deċiżjoni mmotivata li hija tinkludi fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għar-rikonoxximent tagħha fl-Istati Membri l-oħra (73).
V. Konklużjoni
98. Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja).
Sussidjarjament, nipproponi li r-risposta lil din il-qorti tkun f’dan is-sens:
“Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
L-awtorità li hija mitluba toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandha tevalwa l-kontestazzjonijiet imqajma fil-proċedura għall-ħruġ mill-persuni interessati fis-suċċessjoni, sabiex tistabbilixxi l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati.
Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ jekk jinkludi elementi li jirriżultaw li ma humiex konformi ma’ deċiżjoni finali preċedenti.
Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ meta fil-proċedura intiża għall-ħruġ tiegħu jiġi kkontestat element ewlieni tas-suċċessjoni stess, bħall-validità ta’ testment, jekk din il-kontestazzjoni tkun minimament fondata skont il-liġi applikabbli.
Fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-awtorità emittenti ma hijiex obbligata tagħti r-raġunijiet li wassluha toħorġu”.