Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2014 – Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-219/14)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Regione autonoma della Sardegna (rappreżentanti: T. Ledda, S. Sau, G. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, totalment u parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata sa fejn:

il-Kummissjoni kklassifikat il-kumpens imħallas għas-servizz pubbliku skont il-liġi reġjonali Nru 15, tas-7 ta’ Awwissu 2012, u l-kontribuzzjoni ta’ kapital approvat mil-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Saremar fil-15 ta’ Ġunju 2012 bħala għajnuna mill-Istat;

ikkunsidrat li dawn il-miżuri kienu inkompatibbli mas-suq intern, u ordnat l-irkupru tagħhom;

tiddikjara, skont l-Artikolu 277 TFUE, illegali u inapplikabbli l-Artikolu 4(f) tad-Deċiżjoni 2012/21/UE u l-punt 9 tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (2011);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-22 ta’ Jannar 2014, dwar il-miżuri ta’ għajnuna SA.32014 (2011/C), SA.32015 (2011/C), SA.32016 (2011/C) li r-Regione Sardegna implementat favur Saremar. Din id-deċiżjoni tiddikjara li tmur kontra s-suq intern l-għajnuna li r-rikorrenti tat lil Saremar sabiex tiżgura l-provvista ta’ servizz ta’ interess ġenerali fit-trasport ta’ kabotaġġ bejn Sardegna u l-kontinent, imwettaq fl-2011-2012, intiż sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun l-aċċessibbiltà ekonomika għall-utenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

Il-konvenuta kisret l-Artikolu 106(2), [TFUE] peress li wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, sa fejn, minbarra li ddefiniet b’mod mhux eżatt l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ Saremar, hija ma llimitatx ruħha li twettaq sempliċi żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda interveniet fuq il-mertu tad-deċiżjonijiet tal-Istat Membru, u b’hekk indaħlet fl-għażliet tiegħu ta’ politika ekonomika u soċjali;Il-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikolu 106(2) TFUE billi kkunsidrat li, f’dan il-każ, ma ġewx issodisfatti r-rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza Altmark. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, billi kkunsidrat, inter alia, li s-suq kellu garanziji xierqa u suffiċjenti sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku ddefiniti mir-Regione;Il-konvenuta kisret ukoll l-Artikolu 106(2) TFUE u d-Deċiżjonijiet Nri 2005/824/KE u 2012/21/UE, wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha sa fejn (i) ikkunsidrat li d-Deċiżjoni 2005/824/KE ma kinitx applikabbli ratione temporis u sa fejn (ii) fi kwalunkwe każ, ikkonkludiet li l-prinċipji stabbiliti permezz tad-deċiżjonijiet invokati ma ġewx osservati f’dan il-każ; Il-konvenuta kisret l-Artikolu 106(2) TFUE, wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha sa fejn ikklassifikat il-kumpannija Sare

mar bħala impriża f’diffikultà, fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà;Il-konvenuta kisret l-Artikolu 106(2) TFUE peress li wettqet evalwazzjoni żbaljata fil-fatt u fid-dritt, sa fejn qieset li l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal- miżura prevista fir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (2011) ma ġewx i

ssodisfatti;Fl-aħħar nett, il-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, u wettqet evalwazzjoni żbaljata fil-fatt u fid-dritt tan-natura tar-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija Saremar magħmula mir-Regione Sardegna, peress li kkunsidrat li din kienet toħloq vantaġġ għal Saremar u kienet, f’kull każ, mhux konformi mal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq.