Language of document : ECLI:EU:T:2017:267

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

6 ta’ April 2017 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Trasport marittimu – Kumpens ta’ servizz pubbliku – Żieda tal-kapital – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Stralċ tar-rikorrenti – Locus standi in judicio – Żamma tal-interess ġuridiku – Assenza ta’ nuqqas ta’ lok għall-għoti ta’ deċiżjoni – Kunċett ta’ għajnuna – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kriterju ta’ investitur privat – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Żball ta’ liġi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni 2011/21/UE – Linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku – Sentenza Altmark”

Fil-Kawża T-220/14,

Saremar – Sardegna Regionale Marittima SpA, stabbilita f’Cagliari (l-Italja), irrappreżentata minn G. M. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avukati,

rikorrent/i,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, D. Grespan, u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Compagnia Italiana di Navigazione SpA, stabbilita f’Napoli (l-Italja), inizjalment irrappreżentata minn F. Sciaudone, R. Sciaudone, D. Fioretti u A. Neri, sussegwentement minn M. Merola, B. Carnevale u M. Toniolo, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9101 finali, tat-22 ta’ Jannar 2014, li tikkonċerna l-miżuri ta’ għajnuna SA.32014 (2011/C), SA.32015 (2011/C) u SA.32016 (2011/C), implementati mir-reġjun awtonomu ta’ Sardegna favur Saremar, sa fejn din id-deċiżjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat miżura ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku u żieda tal-kapital, iddikjarat dawn il-miżuri inkompatibbli mas-suq internet u ordnat l-irkupru tagħhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza(1)

[omissis]

 Id-dritt

1.     Fuq il-locus standi in judicio ta’ Saremar

43      Preliminarjament, mill-ispjegazzjonijiet u mid-dokumenti pprovduti lill-Qorti Ġenerali mill-partijiet fil-11 u fid-29 ta’ Lulju 2016 jirriżulta li, fl-impossibbiltà li tirrestitwixxi l-parti tal-għajnuna kontenzjuża diġà mħallsa, Saremar talbet li tiġi ammessa fil-proċedura ta’ ftehim mal-kredituri fl-isfond tal-istralċ tagħha, liema ftehim mal-kredituri ġie approvat mit-Tribunale di Cagliari (qorti ta’ Cagliari, l-Italja) fit-22 ta’ Lulju 2015. Saremar temmet kull attività sa mill-31 ta’ Marzu 2016 u tinsab fi stadju avvanzat tal-fażi ta’ likwidazzjoni, sa fejn il-kredituri pprivileġġjati kollha ġew issodisfatti u sa fejn, skont din il-kumpannija stess, huwa previst, fix-xhur suċċessivi, li jsir l-ewwel tqassim sostanzjali bejn il-kredituri ordinarji.

44      Issa, skont id-dritt nazzjonali u l-proċedura applikabbli, kumpannija fi stralċ tista’ titlef il-locus standi in judicio, tal-inqas f’isimha proprja. Barra minn dan, ir-rikorrenti tindika hija stess li dan jista’ jkun il-każ fid-dritt Taljan. Ċertament, fis-seduta u fil-kuntest tal-ittra tagħha tad-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni sostniet biss li l-istralċ tar-rikorrenti jpoġġi f’dubju l-interess ġuridiku tagħha, iżda mhux li dan l-istralċ ipoġġi f’dubju l-locus standi in judicio tagħha. Madankollu, sa fejn l-eventwali telf tal-locus standi in judicio tar-rikorrenti jkun jirrendi mingħajr skop il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tagħha, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk hija kkonservatx l-imsemmi locus standi in judicio fil-pendenzi tal-kawża.

45      F’dan ir-rigward, għalkemm, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, li jinsab fl-Artikolu 263(4) TFUE, ma jikkoinċidix neċessarjament ma’ dawk ta’ ordinamenti ġuridiċi oħrajn tal-Istati Membri, madankollu jirriżulta mill-ġurisprudenza li dan il-kunċett jimplika, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ personalità ġuridika kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz u ta’ locus standi in judicio rikonoxxut minn dak id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1959, Nold vs L-Awtorità l-Għolja, 18/57, EU:C:1959:6; tat-28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il-Kummissjoni, 135/81, EU:C:1982:371, punt 10; tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, EU:C:2007:32, punt 114, u d-digriet tal-24 ta’ Novembru 2009, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni, C-281/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:728, punt 22). B’hekk, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, partikolarment meta r-rekwiżiti sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu jimponu dan, li tista’ tiġi ammessa l-ammissibbiltà ta’ rikors ta’ entità li ma jkollhiex locus standi in judicio skont id-dritt nazzjonali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, EU:C:2007:32, punti 109 sa 114). Barra minn hekk, dan il-locus standi in judicio għandu jipperdura pendente lite (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T-136/05, EU:T:2007:295, punti 25 sa 27, u tal-21 ta’ Marzu 2012, Marine Harvest Norway u Alsaker Fjordbruk vs Il-Kunsill, T-113/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:135, punti 27 sa 29). L-eżistenza ta’ personalità ġuridika u l-locus standi in judicio għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt nazzjonali rilevanti (sentenza tas-27 ta’ Novembru 1984, Bensider et vs Il-Kummissjoni, 50/84, EU:C:1984:365, punt 7, u d-digriet tat-3 ta’ April 2008, Landtag Schleswig-Holstein vs Il-Kummissjoni, T-236/06, EU:T:2008:91, punt 22).

46      F’dan il-każ, mill-ittra ta’ Saremar tad-29 ta’ Lulju 2016 jirriżulta li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), kumpannija li tkun suġġetta għal proċedura ta’ ftehim mal-kredituri tippreżerva d-dritt li teżerċitaha f’isimha proprju azzjonijiet ġudizzjarji u li tipparteċipa f’kawżi bil-għan li tipproteġi l-patrimonju tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti inkludiet ma’ din l-ittra, ittra tal-istralċjarji tagħha tas-26 ta’ Lulju 2016 li tikkonferma li l-mandat tal-konsulenti tagħha f’dan ir-rikors kien għadu validu. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minkejja l-istralċ, Saremar ma tilfitx il-locus standi in judicio tagħha fil-pendenzi tal-kawża.

2.     Fuq l-eċċezzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni

47      Il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-istralċ pendenti ta’ Saremar, l-interess ġuridiku ta’ din tal-aħħar ma baqax jeżisti fil-pendenzi tal-kawża. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-istralċ ta’ Saremar jinsab fi stadju avvanzat u jaf jintemm qabel l-għoti tas-sentenza odjerna. Barra minn hekk, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti stess, hija ma tkunx tista’ iktar twettaq attività ekonomika, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u hija eżentata, minħabba f’dan, mill-obbligu li tirrestitwixxi l-għajnuna. Fl-aħħar, l-interess tal-kredituri ta’ Saremar li l-ammont tal-għajnuna kkontestata jiġi eskluż mill-passiv ta’ din il-kumpannija huwa distint mill-interess li tkompli bl-attività tagħha. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tindika li tali karenza ta’ interess ġuridiku għandha twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan il-każ.

48      Min-naħa tagħha, b’risposta għal dawn l-argumenti, Saremar issostni li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali fir-rigward tagħha, sa fejn dan jirriżulta fit-tnaqqis tal-passiv suġġett għall-ftehim mal-kredituri ta’ iktar minn il-11 miljun euro, li kien jippermetti il-ħlas integru tal-kredituri kollha.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali u prevalenti għal kull azzjoni ġudizzjarja (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li teżisti distinzjoni netta bejn id-dritt għal azzjoni għal annullament mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mill-Istati Membri, imsemmi fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, u dak tal-persuni fiżiċi u legali, imsemmi fir-raba’ paragrafu tieħu. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal azzjoni, fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, la huwa kkundizzjonat għall-ġustifikazzjoni tal-locus standi tagħhom u lanqas għall-interess ġuridiku tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T-443/08 u T-455/08, EU:T:2011:117, punt 64, u d-digriet tad-19 ta’ Frar 2013, Provincie Groningen et vs Il-Kummissjoni, T-15/12 et T-16/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:74, punti 42 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għall-kuntrarju, id-dritt għal azzjoni tal-persuni fiżiċi u legali msemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ssubordinat, minn naħa, għall-kundizzjoni li jiġi rrikonoxxut li dawn għandhom il-locus standi, jiġifieri, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li l-azzjoni tagħhom tkun tikkonċerna att huma d-destinatarji tiegħu jew att li jikkonċernahom direttament u individwalment jew li tkun tikkonċerna att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt għal azzjoni huwa ssubordinat għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku fl-istadju tal-preżentata ta’ rikors, fatt li jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà distinta mil-locus standi. Bl-istess mod bħall-iskop tal-kawża, dan l-interess ġuridiku għandu jipperdura sal-prolazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punti 57 u 59 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina ex officio kemm fl-istadju tal-preżentata tar-rikors sabiex tivverifika l-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll pendente lite sabiex tivverifika jekk ikunx għad hemm li tiġi deċiża l-kawża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-36/10, EU:T:2011:124, punt 46 u l- ġurisprudenza ċċitata).

53      Tali interess ġuridiku jippreżumi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’, permezz tiegħu stess, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bir-riżultat tiegħu jagħti benefiċċju lill-persuna li tkun ippreżentatu (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55). Barra minn hekk, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali u ma jistax ikun jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikors odjern jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà mfakkra fil-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq kemm fil-livell tal-locus standi tar-rikorrenti kif ukoll ta’ dak tal-eżistenza tal-interess ġuridiku tagħha fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

55      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interess ġuridiku, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, id-deċiżjoni kontestata kienet tippreġudika lir-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat inkompatibbli u illegali għajnuna li kienet tibbenefika minnha ir-rikorrenti u ordnat l-irkupru tagħha. Fil-fatt, sempliċiment permezz ta’ dan, id-deċiżjoni kkontestata biddlet is-sitwazzjoni legali ta’ din il-kumpannija, li, sa mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kellhiex iktar dritt tibbenefika minn din l-għajnuna u kellha bħala prinċipju taħseb sabiex tirrestitwixxiha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, ACEA vs Il-Kummissjoni, C-319/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:857, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għandu jiġi kkonstatat li l-istralċ ta’ Saremar ma kellux l-effett li jpoġġu f’dubju, fil-pendenzi tal-kawża, l-interess ġuridiku tagħha kif iddefinit fil-punt 55 iktar ’il fuq.

57      Fil-fatt, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma tħassritx jew ġiet irtirata b’tali mod li r-rikors odjern għad għandu skop (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 48).

58      Sussegwentement, l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata ma sarux nulli u bla effett sempliċiment bl-istralċ ta’ Saremar.

59      Fil-fatt, fl-ewwel lok, minħabba din id-deċiżjoni, ir-RAS ma għadx għandha dritt tħallas lil Saremar il-parti taż-żieda tal-kapital kontenzjuża li, kif jirriżulta mill-verbal tal-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Saremar tal-11 ta’ Lulju 2012 anness mar-rikors, peress li din l-awtorità pubblika ma kinitx għadha ħallset minħabba n-notifika ta’ din it-tranżazzjoni lill-Kummissjoni. Issa, l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li tiġi eskluża l-possibbiltà li, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, din il-parti taż-żieda tal-kapital ikkontestata, li Saremar kellha d-dritt li tibbenefika minnha, tiġi integrata fil-patrimonju tar-rikorrenti.

60      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-parti mill-għajnuna kontenzjuża li kienet diġà tħallset mir-RAS lil Saremar, minn ġurisprudenza stabbilta jirriżulta li s-sempliċi ċirkustanza li l-impriża tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment, b’mod partikolari meta din il-proċedura twassal għall-istralċ tal-impriża, ma tikkontestax il-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna. Fil-fatt, f’tali każ, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni naxxenti mill-għajnuna mħallsa illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jitwettqu bir-reġistrazzjoni fil-passiv tal-impriża fi stralċ ta’ obbligazzjoni marbuta mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il-Kummissjoni, T-81/07 sa T-83/07, EU:T:2009:237, punti 192 u 193 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna kkontestata kellha, tal-inqas, tinżamm fil-passiv ta’ Saremar, b’tali mod li, anki jekk jiġi preżunt li ma tistax titħallas lura lir-RAS, xorta waħda ma tkunx tifforma parti mill-patrimonju tagħha.

61      Konsegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-istralċ ta’ Saremar ma jpoġġix f’dubju il-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 55 iktar ’il fuq li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jipprovdi benefiċċju lir-rikorrenti, peress li permezz tagħha neċessarjament tinbidel is-sitwazzjoni legali ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-għajnuna kkontestata. Barra minn hekk, dan l-annullament ikollu wkoll l-effett li jtejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tagħha b’mod sinjifikattiv, peress li l-għajnuna kkontestata tista’ tiġi integrata mill-ġdid fil-patrimonju tagħha. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-analiżi huwa kkonfermat bis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni (T-415/05, T-416/05 u T-423/05, EU:T:2010:386), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kumpanniji fi stralċ, li kienu ħallsu lura l-għajnuna inkwistjoni f’dawn il-kawżi, kien għad għandhom interess ġuridiku peress li, f’każ ta’ annullament, ir-Repubblika Ellenika tkun obbligata li tħallashom lura l-ammonti rrimborsati, li jiġu rreġistrati fl-attiv tal-karti tal-bilanċ rispettivi tal-istralċ (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T-415/05, T-416/05 u T-423/05, EU:T:2010:386, punt 62).

62      Jeħtieġ li jiżdied li sal-lum, il-Qorti Ġenerali ma ġietx informata bit-tmiem tal-istralċ ta’ Saremar.

63      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li Saremar għad għandha interess ġuridiku fil-kuntest tal-kawża odjerna u li konsegwentement, hemm lok li tingħata deċiżjoni.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Saremar– Sardegna Regionale Marittima SpA hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Compagnia Italiana di Navigazione SpA.

Gratsias

Kancheva

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ April 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.