Language of document : ECLI:EU:T:2017:267

Kawża T-220/14

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Saremar – Sardegna Regionale Marittima SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Trasport marittimu – Kumpens ta’ servizz pubbliku – Żieda tal-kapital – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Stralċ tar-rikorrenti – Locus standi in judicio – Żamma tal-interess ġuridiku – Assenza ta’ nuqqas ta’ lok għall-għoti ta’ deċiżjoni – Kunċett ta’ għajnuna – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kriterju ta’ investitur privat – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Żball ta’ liġi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni 2011/21/UE – Linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku – Sentenza Altmark”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ April 2017

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Persuna ġuridika – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ personalità ġuridika u ta’ locus standi in judicio – Eżami fid-dawl tad-dritt nbazzjonali applikabbli

(Artikolu 263 TFUE, ir-raba’ paragrafu)

2.      Rikors għal annullament – Rikors tal-Isati Membri, tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà mhux suġġetta għall-prova ta’ interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE, it-tieni paragrafu)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors a’ impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Stralċ tar-rikorrenti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108 TFUE u Artikolu 263 TFUE, ir-raba’ paragrafu)

4.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

1.      Għalkemm il-kunċett ta’ persuna ġuridika, li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jikkoinċidix neċessarjament ma’ dawk ta’ ordinamenti ġuridiċi oħrajn tal-Istati Membri, madankollu dan il-kunċett jimplika, bħala prinċipju, l-eżistenza ta’ personalità ġuridika kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz u ta’ locus standi in judicio rikonoxxut minn dak id-dritt. B’hekk, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, partikolarment meta r-rekwiżiti sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkunu jimponu dan, li tista’ tiġi ammessa l-ammissibbiltà ta’ rikors ta’ entità li ma jkollhiex locus standi in judicio skont id-dritt nazzjonali partikolari. L-eżistenza ta’ personalità ġuridika u l-locus standi in judicio għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt nazzjonali rilevanti.

(ara l-punt 45)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 50)

3.      Id-dritt għal azzjoni tal-persuni fiżiċi u legali previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263  huwa ssubordinat għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, fatt li jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà distinta mill-locus standi. Bl-istess mod bħall-iskop tal-kawża, dan l-interess ġuridiku għandu jipperdura sal-prolazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu.

Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn benefiċċjarja ta’ għajnuna mill-Istat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna bħala inkompatibbli u illegali u li tordna l-irkupru tagħha, l-imsemmija deċiżjoni, b’dan il-fatt waħdieni, tibddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, li, sa mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kienx għad għandha dritt li tibbenefika minn din l-għajnuna u li kellha taħseb, bħala prinċipju, li kellha tħallasha lura. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-istralċ tar-rikorrenti fil-pendenzi tal-kawża, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx imħassra jew irtirata, b’tali mod li l-rikors jibqa’ wieħed bi skop. Barra minn hekk, l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata ma sarux nulli u bla effett sempliċiment bl-istralċ tar-rikorrenti. Fil-fatt is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment, b’mod partikolari meta din il-proċedura twassal għall-istralċ ta’ din tal-aħħar, ma tikkontestax il-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna. Fil-fatt, f’tali każ, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni naxxenti mill-għajnuna mħallsa illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jitwettqu bir-reġistrazzjoni fil-passiv tal-impriża fi stralċ ta’ obbligazzjoni marbuta mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata.

Konsegwentement, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna kkontestata kellha, tal-inqas, tinżamm fil-passiv tar-rikorrenti, b’tali mod li, anki jekk jiġi preżunt li ma tistax titħallas lura, xorta waħda ma tkunx tifforma parti mill-patrimonju tar-rikorrenti. Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ikollu l-effett li jtejjeb is-sitwazzjoni legali tagħha b’mod sinjifikattiv, peress li l-għajnuna kkontestata tista’ tiġi integrata mill-ġdid fil-patrimonju tagħha.

(ara l-punti 51, 53, 55-58, 60, 61)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 52)