Language of document : ECLI:EU:T:2017:266

Kawża T-219/14

Regione autonoma della Sardegna

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Trasport marittimu – Kumpens ta’ servizz pubbliku – Żieda tal-kapital – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Stralċ tal-impriża benefiċjarja – Żamma tal-interess ġuridiku – Assenza ta’ nuqqas ta’ lok għall-għoti ta’ deċiżjoni – Kunċett ta’ għajnuna – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kriterju ta’ investitur privat – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Żball ta’ liġi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Deċiżjoni 2011/21/UE – Linji gwida li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku – Sentenza Altmark”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ April 02017

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Locus standi – Kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva – Inammissibbiltà tar-rikors fil-każ li waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta

(Artikolu 263 TFUE, paragrafu 4)

2.      Rikors għal annullament – Rikors tal-Istati Membri, tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà mhux suġġetta għall-prova ta’ interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE, paragrafu 2)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Rikors ippreżentat mill-entità infra-statali li tat l-għajnuna – Stralċ tal-benefiċċjarju – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108 TFUE u 263 TFUE, paragrafu 4)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Rikors tal-entità infra-statali destinatarja tad-deċiżjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108 TFUE u 263 TFUE, paragrafu 4)

5.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Evalwazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rekwiżiti analogi għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv – Formulazzjoni mhux preċiża ta’ lment – Inammissibbiltà

[Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ)]

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Neċessità li jiġu esposti l-fatti u l-premssi legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni – Assenza ta’ rekwiżit ta’ motivazzjoni speċifika għal kull element imqajjem mill-persuni kkonċernati

(Artikolu 107(1) TFUE u 296 TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li li tpoġġi lill-persuni kkonċernati, u b’hekk lill-entitajiet infra-statali li jagħti l-għajnuna, f’initimazzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom – Esklużjoni tal-persuni kkonċernati mill-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 108(2) TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sosnuti minn impriża – Distinzjoni bejn l-eżami Altmark, intiż sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna, u l-eżami tal-Artikolu 106(2) TFUE, li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern

(Artikolu 106(2) TFUE u 107(1) TFUE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sosnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark

(Artikolu 107(1) TFUE)

11.    Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti – Stħarriġ tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 106(2) TFUE u 107(1) TFUE)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sosnuti minn impriża – It-tieni kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark – Eżami tal-kundizzjoni marbuta mal-istabbiliment b’mod oġġettiv u trasparenti tal-parametri użati għall-kalkolu tal-kumpens – Miżura ta’ kumpens moħtija ulterjorment – Klassifikazzjoni tal-kumpens bħala servizz pubbliku – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE –Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prattika preċedenti – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sosnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark – Natura kumulattiva

(Artikolu 107(1) TFUE)

15.    Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni bbażata fuq diversi punti ta’ raġunament, li kollha huma suffiċjenti sabiex id-dispożittiv ikun ibbażat fuqhom – Annullament ta’ deċiżjoni bħal din – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE)

16.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Kunċett ta’ għoti

(Artikolu 107(1) TFUE)

17.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Linji gwida adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Natura ġuridika – Regoli indikattivi ta’ tmexxija li jimplikaw l-eliminazzjoni awtomatika tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

[Artikolu 107(3)(c) TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2004/C 244/02]

18.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ impriża f’diffikultà – Linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà – Impriża f’diffikultà – Kunċett

[Artikolu 107(3)(c) TFUE; Avviż tal-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 9]

19.    Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Kriterji – Applikazzjoni għall-għajnuna maħsuba sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ impriża f’diffikultà – Esklużjoni

[Artikolu 106(2) TFUE u 107(3) TFUE; Deċiżjoni tal-Kummission 2012/21; Avviż tal-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 9]

20.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Kontribuzzjoni ta’ kapital – Stat azzjonist ta’ impriża – Stat li jaġixxi bħala setgħa pubblika – Distinzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat – Elementi ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 42)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 43)

3.      Id-dritt għal azzjoni tal-persuni fiżiċi u legali previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ssubordinat għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku fl-istadju tal-preżentata tar-rikors, fatt li jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà distinta mill-locus standi. Bl-istess mod bħas-suġġett tar-rikors, dan l-interess ġuridiku għandu jissussisti sal-prolazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu.

Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn entità infra-statali kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mogħtija mill-imsemmija entità bħala inkompatibbli u illegali u tordna l-irkupru tagħha, tali deċiżjoni tippreġudika lir-rikorrenti sa fejn hija tista’ tikseb benefiċċju mill-annullament tagħha. Fil-fatt, sempliċiment b’dan l-annullament, il-konsegwenzi legali ta’ din id-deċiżjoni fuq il-validità tal-atti tar-rikorrenti li jagħtu l-għajnuna kontenzjuża u l-obbligi naxxenti minnha, jiġifieri il-projbizzjoni tal-implementazzjoni ta’ dawn l-atti u l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, kienu jieqfu awtomatikament li japplikaw għaliha u s-sitwazzjoni legali tagħha kienet neċessarjament tinbidel

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-istralċ tal-benefiċċjarja fil-pendenzi tal-kawża, peress li d-deċiżjoni kkontestata la tħassret u lanqas ma ġiet irtirata, b’tali mod li r-rikors għad għandu skop. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tkompli tipproduċi effetti legali fir-rigward tar-rikorrenti, liema effetti ma sarux nulli u bla effett sempliċiment minħabba l-istralċ tal-benefiċċjarja tal-għajnuna. Fil-fatt, is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża tkun suġġetta għal proċedura ta’ falliment, b’mod partikolari meta din il-proċedura twassal għall-istralċ ta’ dan tal-aħħar, ma tikkontestax il-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, f’tali każ, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u l-eliminazzjoni tad-distorzjoni tal-kompetizzjoni naxxenti mill-għajnuna mħallsa illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jitwettqu bir-reġistrazzjoni fil-passiv tal-impriża fi stralċ ta’ obbligazzjoni marbuta mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tibqa’, tal-inqas, obbligata li tiżgura li l-krediti li hija għandha fir-rigward tal-benefiċċjarja abbażi tal-parti diġà mħallsa tal-għajnuna kontenzjuża jiġu rreġistrati fil-passiv ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċjarja setgħetx tkompli l-attività ekonomika tagħha u, konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhiex interess fit-tkomplija ta’ din l-attività ma jinċidux fuq il-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Bl-istess mod, peress li ma huwiex fil-kwalità tagħha ta’ kreditur tal-benefiċċjarja, iżda fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika dispensatriċi tal-għajnuna kontenzjuża li r-rikorrenti għandha dritt tippreżenta r-rikors, ma għandha l-ebda effett iċ-ċirkustanza li hija ma għandhiex interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata bħala kreditur tal-benefiċċjarja, minħabba l-istralċ ta’ din tal-aħħar.

(aral-punti 45, 50, 56-58, 60, 63, 64)

4.      Fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ entità infra-statali ta’ Stat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà u l-legalità ta’ għajnuna mogħtija minn dak tal-Istat, din tal-aħħar tista’ titqies bħala ikkonċernata direttament u individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, f’ċerti ċirkustanzi. Minn naħa, din l-entità għandha titqies bħala kkonċernata direttament, meta d-deċiżjoni kkontestata tkun tista’ tinċidi direttament fuq l-atti li jagħtu l-għajnuna kontenzjuża li hija tkun adottat kif ukoll fuq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-irkupru ta’ din l-għajnuna, u l-awtoritajiet nazzjonali li lilhom tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata ma jkollhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, din l-entità għandha titqies bħala kkonċernata individwalment, dment li hija tkun l-awtur tal-att jew atti previsti mid-deċiżjoni kkontestata u dment li din tal-aħħar tkun timpediha milli teżerċita kif trid hi, il-kompetenzi tagħha b’tali mod li l-interess tagħha li tikkontesta din id-deċiżjoni huwa għalhekk distint minn dak tal-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punt 47)

5.      Ma huwiex kompitu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-qrati tal-Unjoni, li jiddeċiedu fuq it-tqassim tal-kompetenzi li jsir mir-regoli istituzzjonali tad-dritt intern bejn l-entitajiet differenti nazzjonali u fuq l-obbligi imposti fuqhom rispettivament. Għaldaqstant, argument ibbażat fuq l-inkompetenza allegata ta’ entità infra-statali sabiex tagħti għajnuna mill-Istat ma jistax jintlaqa’.

(ara l-punti 52, 65)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 75, 76)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78, 79, 220)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 86)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt  89)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 91-94)

11.    L-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesa’ mhux biss fir-rigward tad-definizzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku, iżda wkoll fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens tal-ispejjeż ta’ dak is-servizz pubbliku. B’hekk fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI), il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tiddeċiedi fuq il-portata tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li jkunu jinkombu lill-amministratur pubbliku, b’mod partikolari fuq il-livell tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-servizz, u lanqas fuq l-opportunità tal-għażla politika magħmula, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effiċjenza ekonomika tal-amministratur pubbliku.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesa’ hekk rikonoxxuta favur dawn l-awtoritajiet ma tistax tkun illimitata. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, din is-setgħa diskrezzjonali wiesa’ ma għandhiex twaqqaf lill-Kummissjoni milli tivverifika jekk tistax tingħata d-deroga mill-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat prevista minn dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE sabiex tiddetermina l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura statali li hija kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. B’hekk, il-qorti tal-Unjoni, billi tistħarreġ il-legalità tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri u dik tal-Kummissjoni tista’ tiġi llimitata bid-direttivi u d-deċiżjonijiet li din l-istituzzjoni hija kompetenti li tadotta abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 101, 136-139)

12.    B’mod partikolari, huwa proprju minħabba l-fatt li din id-determinazzjoni tal-kumpens tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku ma hija suġġetta biss għall-iskrutinju limitat tal-istituzzjonijiet, li t-tieni kundizzjoni Altmark tirrikjedi li l-istituzzjonijiet ikunu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-eżistenza ta’ parametri oġġettivi u trasparenti stabbiliti minn qabel, liema parametri għandhom jiġu speċifikati b’mod li jiġi eskluż kull użu abbużiv mill-Istat Membru mill-kunċett ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkollu l-effett li jagħti lill-amministratur pubbliku vantaġġ ekonomiku fil-forma ta’ kumpens. B’hekk, din il-kundizzjoni tħalli lill-Istati Membri bil-libertà li jagħżlu huma l-modalitajiet prattiċi sabiex jiżguraw l-osservanza tagħha, dment li l-modalitajiet tal-istabbiliment tal-parametri tal-kalkolu tal-kumpens jkunu oġġettivi u trasparenti. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dan l-għan għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fid-dawl tagħhom jiġu ddeterminati dawn il-parametri.

F’dan ir-rigward, miżura ta’ kumpens mogħtija ulterjorment lil impriża fid-dawl tal-iżbilanċi ta’ ġestjoni naxxenti minn din l-attività, ma tistax titqies bħala kumpens ta’ servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark. Fil-fatt, sa fejn tali kumpens ma kienx previst minn qabel, dan ma setgħax jiġi kkalkolat, kif tirrikjedi t-tieni kundizzjoni Altmark, abbażi ta’ parametri oġġettivi u trasparenti ddefiniti minn qabel.

(ara l-punti 102, 103, 108)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 113, 200)

14.    Għalkemm dawn il-kundizzjonijiet, elaborati fis-sentenza Altmark jippreżentaw ċerta interdipendenza, xorta jibqa’ minnu wkoll li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti lkoll b’mod distint sabiex il-miżura ta’ kumpens kontenzjuża tevita li tiġi kklassifikata bħala għajnuna. Fid-dawl tan-natura kumulattiva u awtonoma tal-kundizzjonijiet Altmark, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina l-kundizzjonijiet kollha jekk hija tikkonstata li waħda minnhom ma hijiex issodisfatta u li, konsegwentement, il-miżura kontenzjuża għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni wettqet ġustament tali konstatazzjoni, in-natura possibbilment żbaljata tal-evalwazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ waħda jew iktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tistax, bħala prinċipju, twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 119, 124)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 122)

16.    Għajnuna mill-Istat għandha titqies bħala mogħtija meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu adottaw att legalment vinkolanti li permezz tiegħu jintrabtu li jħallsu l-għajnuna inkwistjoni jew meta d-dritt li tiġi rċevuta dik l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji applikabbli

(ara l-punt 142)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 177)

18.    Mill-punt 9 tal-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża f’diffikultà huwa kunċett oġġettiv li għandu jiġi evalwat unikament fid-dawl ta’ indizji konkreti tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża inkwistjoni, li jkunu juru li din tal-aħħar hija inkapaċi li twaqqaf telf li jwassalha, fl-assenza ta’ intervent estern mis-setgħat pubbliċi, għall-mewt ekonomiku kważi ċert fi żmien qasir jew medju. Konsegwentement, l-oriġini tal-iżbilanċi ta’ din l-impriża, b’mod partikolari marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku, ma tistax tikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża hijiex f’diffikultà jew le.

(ara l-punti 178, 184)

19.    Sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jkun il-każ li, fl-assenza tad-drittijiet jew tas-sussidji kontenzjużi, ma setgħux jitwettqu missjonijiet partikolari imposti fuq l-impriża jew inkella li ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet jew sussidji tkun neċessarja sabiex tippermetti lill-persuna intitolata għalihom tirrealizza l-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li lilha jkunu ngħataw f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli. Konsegwentement, sabiex id-deroga prevista minn dik id-dispożizzjoni tkun applikabbli, huwa neċessarju li s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-impriża benfiċjenti mill-imsemmija drittijiet jew sussidji fil-mument li fih dawn jingħataw tkun effettivament tpoġġiha f’pożizzjoni li tkun tista’ twettaq il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku imposti fuqha. Fil-każ kuntrarju, id-deroga prevista mill-Artikolu 106(2) TFUE tista’ tiġi mċaħħda minn kull effett utli u, għaldaqstant, mill-ġustifikazzjoni, b’tali mod li ma jkunx jista’ jiġi evitat ir-riskji tal-użu abbużiv min-naħa tal-Istati Membri mill-kunċett ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Issa, impriża f’diffikultà fis-sens ta’ dawn il-linji gwida hija mhedda mill-eżistenza tagħha stess, bejn wieħed u ieħor fuq medda qasira jew medja ta’ żmien, b’tali mod li ma tistax titqies li hija f’pożizzjoni li twettaq b’mod adegwat il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li huma fdati lilha, peress li l-vijabbiltà tagħha ma hijiex assigurata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sussidju mogħti lil tali impriża f’diffikultà bil-ħsieb li jiġu kkumpensati l-iżbilanċi naxxenti mill-eżekuzzjoni tal-imsemmija missjonijiet ta’ servizz pubbliku ma jistax jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 106(2) TFUE, iżda biss, fejn xieraq, minn dik prevista mill-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, li jirrikjedu b’mod partikolari n-natura strettament proporzjonata tal-kumpens għall-inkarigi ta’ servizz pubbliku, dan il-kumpens ma jippermettix li jiġi żgurat it-twettiq ta’ missjonijiet korrispondenti, minħabba diffikultajiet li kellha taffaċċja l-impriża. Għall-kuntrarju, tali kumpens jista’ jkun ta’ natura li jikkontribwixxi għar-ritorn tal-vijabbiltà tal-impriża kkonċernata, dment li jiġu osservati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, kif sanċiti fil-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni. B’hekk, id-deroga mill-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista minn din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat tippreżerva l-effett utli tagħha u, konsegwentement, il-ġustifikazzjoni tagħha.

Bl-istess mod, għajnuna mogħtija lil impriża fdata b’missjoni ta’ servizz pubbliku f’diffikultà ma tistax, għal raġuni iktar qawwija, tiġi awtorizzata fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2012/21 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li mid-definizzjoni tagħha stess tista’ tikkonċerna biss kumpens ta’ servizz pubbliku li huwa risaput li jissodisfa dawn l-għanijiet. Għall-istess raġunijiet, il-kumpens ta’ servizz pubbliku li hija applikabbli għalih id-Deċiżjoni 2012/21 ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-għajnuna mogħtija lil fornituri ta’ servizz pubbliku f’diffikultà.

(ara l-punti 194-196, 199)

20.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 226, 227, 235)