Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013 – ClientEarth u PAN Europe vs EFSA

(Kawża T-214/11) 1

[“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Isem tal-esperti li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ gwida dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandha tiġi mehmuża mat-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ sustanzi attivi li jinsabu f’dawn il-prodotti – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Obbligu ta’ motivazzjoni”]

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit); u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Kirch, avukat)

Konvenuta: L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (rappreżentant: D. Detken, aġent)

Intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment P. Oliver, P. Ondrůšek u C. ten Dam, sussegwentement P. Oliver, P. Ondrůšek u B. Martenczuk, aġenti)

Suġġett

Inizjalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tal-10 ta’ Frar 2011, li tirrifjuta talba għall-aċċess, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), għal ċerti dokumenti tax-xogħol li jikkonċernaw gwida, ippreparata mill-EFSA, għall-attenzjoni tal-awturi ta’ talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u sussegwentement talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tat-12 ta’ Diċembru 2011, li tirtira d-deċiżjoni preċedenti u li tagħti aċċess lir-rikorrenti għall-informazzjoni kollha mitluba, bl-eċċezzjoni ta’ isem l-esperti esterni li għamlu xi osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ gwida.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

ClientEarth u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom, kull waħda minnhom, ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

____________

1 ĠU C 179, 18.06.2011.