Language of document : ECLI:EU:T:2014:958

Kawża T‑228/12 AJ

DD

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Għajnuna legali — Talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors għal annullament — Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-10 ta’ Novembru 2014

Proċedura ġudizzjarja — Talba għal għajnuna legali bla ħlas — Kundizzjonijiet għall-għoti — Talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors kontra atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi kontra l-persuna li tressaq it-talba — Ammissjoni — Assenza ta’ produzzjoni, mill-persuna li tressaq it-talba, ta’ awtorizzazzjoni għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati — Assenza ta’ effett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 94(1) u 96(3)) Regolament tal-Kunsill Nru 765/2006, Artikolu 3(1)

Iċ-ċaħda ta’ talba għal għajnuna legali għas-sempliċi raġuni li l-persuna li tressaqha ma pproduċietx l-awtorizzazzjoni mingħand awtorità nazzjonali, prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 765/2006, dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja, meta t-talba għal għajnuna legali tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt fundamentali li huwa d-dritt għal rimedju effettiv.

Fil-fatt, il-miżuri restrittivi għandhom jiġu applikati mingħajr ma l-persuni li l-fondi tagħhom ikunu ġew iffriżati jiġu mċaħħda minn aċċess effettiv għall-ġustizzja, b’mod partikolari meta l-kwistjoni tkun li tiġi kkontestata l-legalità tal-atti li jkunu imponew dawn l-istess miżuri restrittivi. B’hekk, sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni koerenti tar-Regoli tal-Proċedura u tar-Regolament Nru 765/2006, il-Qorti Ġenerali hija fl-istess ħin obbligata, minn naħa, li tagħti għajnuna legali lil kull persuna li tressaq talba elenkata fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 et seq tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex b’hekk ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ dawn ir-Regoli, u, min-naħa l-oħra, li tiżgura li l-għajnuna legali mogħtija ser tintuża biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ avukat tal-persuna li tressaq it-talba u ma hijiex ser tippreġudika l-għan tal-miżura restrittiva stabbilita, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 765/2006.

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiggarantixxi li għajnuna legali ser tintuża biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ avukat tal-persuna li tressaq it-talba. Minn naħa, fl-Artikolu 94(1) tar-Regoli tal-Proċedura huma biss l-ispejjeż ta’ avukat li jissemmew bħala spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tiffissa minn qabel l-ammont tal-għajnuna legali, tindika biss limitu massimu li bħala prinċipju ma jistax jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarji tal-avukat. Fl-aħħar nett, skont il-prassi normali tagħha, il-Qorti Ġenerali tħallas l-ammont ikkalkolat b’dan il-mod direttament lill-avukat innominat, b’tali mod li l-persuna li tressaq it-talba ma jkollhiex il-possibbiltà li tagħmel użu ħażin mill-għajnuna legali billi tużaha għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom tkun ingħatat. Fir-rigward tal-avukat, dan huwa obbligat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 765/2006 li ma jittrasferixxix, parzjalment jew kompletament, lill-persuna li tressaq it-talba r-remunerazzjoni mogħtija lilu, bħalma huwa pprojbit ukoll, b’mod iktar ġenerali, milli jqiegħed direttament jew indirettament fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħha.

(ara l-punti 26, 30, 32-36)