Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ April 2022 minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2022 fil-Kawża T-616/18, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-255/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellant: Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (rappreżentanti: K. Karasiewicz, radca prawny, T. Kaźmierczak, adwokat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Republbika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja, Gazprom PJSC, Gazprom export LLC, Overgas Inc.

Talbiet

tannulla s-sentenza fl-intier tagħha;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea fl-intier tagħha;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 1/2003”), permezz ta’:

l-interpetazzjoni żbaljata tiegħu flimkien mal-punt 127 tal-Avviż dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, li wasslet lill-Qorti Ġenerali tqis b’mod żbaljat li l-Kumissjoni ma wettqet ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji;

sensiela ta’ distorsjonijiet manifesti tal-fatti, li wasslu lill-Qorti Ġenerali tapplika b’mod inkorrett l-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003, u bħala konsegwenza ta’ dak il-ksur, tqis b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji;

nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali li, fil-kuntest tad-diskrezzjoni ġuridika tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li taġixxi b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u billi teħodhom inkunsiderazzjoni, peress li l-azzjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u lanqas ma jistgħu jwasslu għal riżultat li jkun imur kontra dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji.

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 194 TFUE permezz tal-interpretazzjoni żbaljata tiegħu, u konsegwentement in-nuqqas ta’ applikazzjoni b’mod inkorrett min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li wassal biex l-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003 u l-Artikolu 194 TFUE jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom.

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament 1/2003 permezz tal-interpretazzjoni żbaljata, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” fl-evalwazzjoni tal-mod ta’ kif il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi fil-kuntest tal-eżami tal-adegwatezza tal-impenji, li wassal għall-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji;

Żball ta’ liġi li jikkonsisti fil-ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 1/2003 minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tiegħu b’rabta ma’:

l-indikazzjoni mill-Qorti Ġenerali, bħala bażi għall-bidu mill-ġdid tal-proċedura ta’ ksur ta’ impenn li l-kontenut tiegħu ma jirriżultax mill-kontenut tad-dispożittiv tad-deċiżjoni, jiġifieri l-parti legalment vinkolanti tad-deċiżjoni fil-Każ AT.39816 – Il-Provvisti tal-Gass Upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

l-indikazzjoni mill-Qorti Ġenerali, bħala bażi għall-bidu mill-ġdid tal-proċedura, tal-fatti li ma kinux jikkostitwixxu l-bażi għad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq u ma kinux marbuta mas-suġġett tagħha, li wasslet lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni żbaljata li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-impenji; barra minn hekk PGNiG issostni li kemm il-ksur ta’ hawn fuq kollu f’daqqa, kif ukoll kull wieħed minnhom waħdu, kellhom effett deċiżiv fuq il-kontenut tas-sentenza u għaldaqstant kull wieħed mill-imsemmija ksur għandu jwassal, waħdu, għall-annullament tas-sentenza.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.