Language of document : ECLI:EU:C:2024:466

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C255/22 P

Orlen S.A., li kienet Polski Koncern Naftowy Orlen S.A., li kienet Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A.

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji individwali offruti minn impriża – Rikors għal annullament – Adegwatezza tal-impenji fid-dawl tat-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni identifikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Natura tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni – Rinunzja tal-Kummissjoni milli teżiġi impenji li jikkonċernaw ċertu tħassib inizjali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni – Artikolu 194 TFUE – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika – Applikabbiltà”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, Orlen S.A. (iktar ’il quddiem “Orlen” jew l-“appellanti”), aventi kawża ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ Frar 2022, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (Impenji ta’ Gazprom) (T‑616/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:43), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3106 final tal‑24 ta’ Mejju 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant) (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Din id-deċiżjoni rrendiet vinkolanti l-impenji mressqa minn Gazprom PJSC u Gazprom export LLC (iktar ’il quddiem, flimkien “Gazprom”) u għalqet il-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, li eżaminat, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE, il-konformità ta’ ċerti prattiki ta’ Gazprom li jaffettwaw is-settur tal-gass f’ċerti pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (iktar ’il quddiem il-“PEĊL”), jiġifieri fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja.

2.        B’mod parallel, appell inċidentali, intiż ukoll sabiex jinkiseb l-annullament tas-sentenza appellata, ġie ppreżentat minn Overgas Inc., intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn ta’ Orlen (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti” u l-“appellanti fl-appell inċidentali”).

3.        Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kontenzjuż imqajjem mid-deċiżjonijiet li jirrendu impenji vinkolanti għall-impriżi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3). Għalkemm din il-kawża tqajjem il-kwistjoni diġà magħrufa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, abbażi ta’ dan l-Artikolu 9, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija tqajjem, ukoll, il-kwistjonijiet, iktar ġodda, minn naħa, tal-konformità ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-imsemmi Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament mal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194 TFUE u, min-naħa l-oħra, tar-regoli proċedurali li jirregolaw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari rigward l-eventwali assenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal oġġezzjoni waħda jew iktar matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tal-istess Artikolu 9.

4.        Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffukaw fuq l-analiżi tat-tielet parti tal-ewwel aggravju kif ukoll tat-tieni u tat-tielet aggravju, li jirrigwardaw, essenzjalment, iż-żewġ kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Dawn il-konklużjonijiet ser jipprovdu wkoll xi preċiżazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jinsab fiċ-ċentru tal-ewwel parti tat-tielet aggravju kif ukoll tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali.

II.    Ilkuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Rabta”, huwa fformulat kif ġej:

“Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm u l-impriża konċernata toffri rabta li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

6.        Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża huma esposti fil-punti 1 sa 36 tas-sentenza appellata, u, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet ristretti, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod segwenti.

A.      Ilproċedura amministrattiva

7.        Matul il-perijodu bejn is-snin 2011 u 2015, il-Kummissjoni ħadet diversi miżuri bil-għan li tinvestiga l-funzjonament tas-swieq tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. B’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, hija indirizzat talbiet għal informazzjoni lil diversi operaturi fis-suq, b’mod partikolari lil Gazprom u lil ċerti klijenti minn tagħha, fosthom l-appellanti, u pproċediet bi spezzjonijiet, inkluż fil-bini ta’ din tal-aħħar matul is-sena 2011 (4).

8.        F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni fetħet formalment, fil‑31 ta’ Awwissu 2012, proċedura bil-għan li tadotta, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (5), deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

9.        Fit‑22 ta’ April 2015, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004, bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“DO”) lil Gazprom, li fiha kienet ikkonkludiet, b’mod preliminari, li Gazprom kellha pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tal-provvista ta’ gass bl-ingrossa upstream fil-PEĊL ikkonċernati u li hija kienet qiegħda tabbuża minn din il-pożizzjoni billi tuża strateġija antikompetittiva għall-finijiet li tifframmenta u tiżola dawn is-swieq u, għaldaqstant, sabiex tipprekludi l-moviment liberu tal-gass f’dawn il-pajjiżi, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

10.      Skont il-Kummissjoni, l-istrateġija ta’ Gazprom kienet tkopri tliet sensiliet ta’ prattiki antikompetittivi li jaffettwaw lill-klijenti tagħha fil-PEĊL ikkonċernati u l-kuntratti tagħhom konklużi magħha.

11.      L-ewwel nett, Gazprom imponiet restrizzjonijiet territorjali fil-kuntest tal-kuntratti tagħha ta’ provvista ta’ gass ma’ bejjiegħa bl-ingrossa kif ukoll ma’ ċerti klijenti industrijali fil-PEĊL ikkonċernati, restrizzjonijiet li jirriżultaw minn klawżoli kuntrattwali, li jipprojbixxu l-esportazzjoni barra mit-territorju tal-kunsinna jew li jobbligaw l-użu f’territorju partikolari tal-gass ipprovdut. Barra minn hekk, Gazprom użat miżuri oħra li jipprekludu l-flussi transkonfinali ta’ gass.

12.      It-tieni nett, dawn ir-restrizzjonijiet territorjali ppermettew lil Gazprom tħaddan politika tariffarja żleali f’ħamsa mill-PEĊL ikkonċernati, jiġifieri l-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja, billi imponiet prezzijiet eċċessivi inkwantu kienu deċiżament ħafna ogħla mil-livell tal-ispejjeż tagħha jew ta’ ċerti prezzijiet ikkunsidrati li huma prezzijiet ta’ referenza.

13.      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-Bulgarija u l-Polonja, Gazprom issuġġettat il-provvisti ta’gass tagħha għall-ksib ta’ ċerti garanziji, min-naħa tal-bejjiegħa bl-ingrossa, dwar infrastrutturi tat-trasport tal-gass. Dawn il-garanziji kienu jirrigwardaw, minn naħa, investimenti mill-bejjiegħ bl-ingrossa Bulgaru fil-proġett tal-pajp tal-gass South Stream, u min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni mill-bejjiegħ bl-ingrossa Pollakk, jiġifieri l-appellanti, tat-tisħiħ tal-kontroll ta’ Gazprom fuq il-ġestjoni tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, wieħed mill-pajpijiet tal-gass li jgħaddi mill-Polonja (iktar ’il quddiem l-“oġġezzjonijiet Yamal”).

14.      Fid‑29 ta’ Settembru 2015, Gazprom wieġbet għad-DO billi kkontestat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress mill-Kummissjoni, u sussegwentement instemgħet, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, waqt seduta li nżammet fil‑15 ta’ Diċembru 2015. Fl‑14 ta’ Frar 2017, filwaqt li kompliet tikkontesta t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jinsab fid-DO, Gazprom, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ippreżentat abbozz formali ta’ impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji inizjali”) li kien ippreċedut minn proposti informali ta’ impenji.

15.      Fis‑16 ta’ Marzu 2017, bil-għan li tiġbor l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fuq l-impenji inizjali, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ippubblikat komunikazzjoni b’sunt tal-Każ AT.39816 kif ukoll is-sustanza tal-kontenut tal-impenji inizjali.

16.      Fil‑15 ta’ Marzu 2018, wara li rċeviet il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fuq l-impenji inizjali, Gazprom ippreżentat abbozz emendat ta’ impenji (iktar ’il quddiem l-“impenji finali”).

17.      Fl‑24 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha ġew annessi l-impenji finali. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija approvat dawn l-impenji u rrendiethom vinkolanti u b’hekk għalqet il-proċedura amministrattiva billi kkonkludiet li ma kienx għad hemm lok li taġixxi f’dak li jirrigwarda l-prattiki potenzjalment abbużivi inizjalment identifikati fid-DO.

B.      Fuq iddeċiżjoni kontenzjuża

18.      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni preliminari tal-prattiki ta’ Gazprom, qabel ma ppreżentat l-impenji inizjali, ir-riżultati tal-konsultazzjoni tas-suq kif ukoll l-impenji finali. Sussegwentement, hija esponiet l-evalwazzjoni tagħha fuq l-impenji finali u r-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidrahom sodisfaċenti fid-dawl tat-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni.

1.      Fuq levalwazzjoni preliminari talprattiki inkwistjoni

19.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni preliminari tal-prattiki inkwistjoni, fit-Taqsima 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddefinixxiet bħala swieq rilevanti s-swieq nazzjonali ta’ provvista ta’ gass bl-ingrossa upstream. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat ukoll li Gazprom kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti fil-PEĊL ikkonċernati.

20.      Skont il-Kummissjoni, Gazprom setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, billi użat strateġija antikompetittiva intiża li tipprekludi l-moviment liberu tal-gass fil-PEĊL ikkonċernati u, b’dan il-mod, li tiżola s-swieq rilevanti ta’ dawn il-pajjiżi. B’mod iktar speċifiku, hija qieset li din l-istrateġija kienet tkopri tliet gruppi ta’ prattiki antikompetittivi li jikkorrispondu essenzjalment għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fid-DO (6).

21.      F’dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet Yamal, għalkemm, fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq, uħud mill-partijiet ikkonċernati kienu rrilevaw l-assenza ta’ impenji li jirrimedjaw dawn l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, wara li wettqet investigazzjoni ulterjuri, it-tħassib preliminari tagħha dwar il-kompetizzjoni ma kienx ġie kkonfermat. Minn naħa, hija indikat li l-Uffiċċju li Jirregola l-Enerġija Pollakk kien ikkonkluda li l-ġestjonarju tan-network indipendenti tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal kien jeżerċita kontroll deċiżiv fuq id-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ investimenti dwar din is-sezzjoni kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tagħhom, u li Gazprom ma kinitx fil-pożizzjoni li tibblokka deċiżjonijiet li jikkonċernaw dan il-pajp tal-gass. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrelevat in-natura intergovernattiva tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet attivi fis-settur tal-gass fil-Polonja, b’mod partikolari fir-rigward tal-kostruzzjoni u tal-ġestjoni tas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal, u kkonkludiet li din iċ-ċirkustanza setgħet, fil-parti l-kbira, iddeterminat l-aġir tal-partijiet ikkonċernati.

2.      Fuq ilkontenut talimpenji finali

22.      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-impenji finali, annessi mad-deċiżjoni kontenzjuża, li huma intiżi li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, dawn tal-aħħar jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

23.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-impenji li jirrigwardaw it-tħassib dwar ir-restrizzjonijiet territorjali, Gazprom, qabelxejn, intrabtet, essenzjalment, li tneħħi, mill-kuntratti ta’ provvista ta’ gass konklużi mal-klijenti tagħha stabbiliti fil-PEĊL ikkonċernati, il-klawżoli kollha li jipprojbixxu jew jostakolaw, direttament jew indirettament, il-moviment liberu tal-gass bejn dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, sabiex tippermetti fluss ta’ gass bejn, min-naħa, il-Bulgarija u l-pajjiżi Baltiċi u, min-naħa l-oħra, il-PEĊL ikkonċernati l-oħra, minkejja l-iżolament infrastrutturali ta’ dawk tal-ewwel, Gazprom intrabtet li tieħu miżuri sabiex tagħti lill-klijenti kkonċernati l-possibbiltà li jitolbu li l-volumi kollha ta’ gass kuntrattwali tagħhom, jew parti minnhom, li jiġu pprovduti f’ċerti postijiet ta’ kunsinna fl-Ungerija, fil-Polonja u fis-Slovakkja jiġu kkunsinnati f’post ieħor ta’ kunsinna fil-Bulgarija jew fil-pajjiżi Baltiċi. Wara l-konsultazzjoni tas-suq, Gazprom, fl-impenji finali tagħha, b’mod partikolari, saħħet il-proposta tagħha fir-rigward tal-modifika tal-postijiet ta’ kunsinna.

24.      It-tieni nett, fir-rigward tal-impenji li jirrigwardaw it-tħassib dwar il-prezzijiet, Gazprom intrabtet li tintroduċi klawżoli ġodda jew li timmodifika dawk eżistenti fil-kuntratti mal-klijenti kkonċernati tagħha fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fil-Polonja.

25.      It-tielet nett, fir-rigward tal-impenji li jirrigwardaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni relatat mal-fatt li l-provvista tal-gass bi prezz partikolari hija suġġetta għall-ksib, min-naħa tal-bejjiegħ bl-ingrossa Bulgaru, ta’ garanzija li tikkonċerna investimenti fil-proġett tal-pajp tal-gass South Stream, Gazprom intrabtet li tippermetti lill-imsieħba Bulgari involuti f’dan il-proġett li jirtiraw minn dan il-proġett mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà ċivili tagħhom u mingħajr ma tirkupra t-tnaqqis fil-prezz tal-gass li hija kienet ikkonċediet bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi proġett.

3.      Fuq levalwazzjoni u l-implimentazzjoni talimpenji finali

26.      Fit-tielet u fl-aħħar lok, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenji finali indikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, essenzjalment, ikkonkludiet li l-impenji finali kienu effikaċi u neċessarji, mingħajr ma kienu sproporzjonati, sabiex jindirizzaw it-tħassib tagħha dwar il-kompetizzjoni, filwaqt li indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-iżviluppi fis-swieq tal-gass sa min-notifika tad-DO. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrendi l-impenji finali vinkolanti, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

C.      Fuq lilment dwar loġġezzjonijiet Yamal

27.      B’mod parallel mal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni u li tat lok għad-deċiżjoni kontenzjuża, fid‑9 ta’ Marzu 2017, l-appellanti, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004, ressqet ilment li bih iddenunzjat l-allegati prattiki abbużivi min-naħa ta’ Gazprom (7). Dawn il-prattiki, li jissovrapponu, fil-parti l-kbira tagħhom, fuq it-tħassib dwar il-kompetizzjoni diġà espost fid-DO, kienu jinkludu b’mod partikolari allegazzjonijiet dwar abbużi mwettqa minn Gazprom marbuta mas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal.

28.      Peress li qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet wieġbet għat-tħassib tal-appellanti u li din id-deċiżjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-konsultazzjoni tas-suq fil-Każ AT.40497, il-Kummissjoni, fis‑17 ta’ April 2019, adottat id-Deċiżjoni C(2019) 3003 final, li tiċħad l-ilment (Każ AT.40497 – Prezzijiet tal-gass Pollakki).

29.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2019, l-appellanti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, irreġistrata bin-numru tal-Kawża T‑399/19.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

30.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ottubru 2018, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat sitt motivi bbażati, essenzjalment, fir-rigward tal-ewwel tlieta, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta aċċettat impenji finali insuffiċjenti u inadegwati, u, fir-rigward tar-raba’ motiv, fuq ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 7 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża tmur kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea u sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett negattiv ta’ din id-deċiżjoni fuq is-suq Ewropew tal-provvista tal-gass. Il-ħames motiv kien jirrigwarda d-diskriminazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni bejn il-klijenti ta’ Gazprom attivi fl-Istati Membri tal-Ewropa tal-Punent u dawk attivi fil-PEĊL ikkonċernati. Is-sitt motiv kien jirrigwarda l-ksur mill-Kummissjoni tal-għan li jinsab fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-limiti tas-setgħat tagħha fil-ġestjoni tal-proċedura amministrattiva.

31.      Fit‑2 ta’ Frar 2022, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata li ċaħdet dawn il-motivi kollha u, għaldaqstant, ir-rikors għal annullament kollu kemm hu.

V.      Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet talpartijiet

32.      Fit‑8 ta’ April 2022, l-appellanti ppreżentat appell mis-sentenza appellata. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża; sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti f’din l-istanza u għal dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

33.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem erba’ aggravji, ibbażati, fir-rigward tal-ewwel aggravju, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fir-rigward tat-tieni aggravju, fuq ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tat-tielet aggravju, fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” waqt l-eżami tagħha tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi relatati mal-analiżi tan-natura adegwata tal-impenji u fir-rigward tar-raba’ aggravju, fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tal-istess regolament.

34.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Min-naħa tagħhom, Overgas u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell.

35.      Fit‑3 ta’ Awwissu 2022, Overgas ippreżentat appell inċidentali billi talbet l-annullament tas-sentenza appellata u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni, sostnuta minn Gazprom, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali u tikkundanna lil Overgas għall-ispejjeż ta’ dan l-appell. Min-naħa tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali u tannulla s-sentenza appellata.

VI.    Analiżi

36.      Din il-kawża tqajjem prinċipalment il-kwistjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, ta’ dawk meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. B’mod iktar partikolari, l-eżami tal-aggravji tal-appell u dawk tal-appell inċidentali ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar tliet kwistjonijiet prinċipali:

–        l-ewwel waħda dwar ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194 TFUE u deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi indirizzat tħassib dwar il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE (B);

–        it-tieni waħda li tirrigwarda t-trattament proċedurali ta’ DO fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament li, bħala prinċipju, ma teħtieġx il-preżenza tagħha (C);

–        it-tielet waħda li tirrigwarda l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati abbażi tal-Artikolu 9 tal-istess regolament (8) u, konsegwentement, il-mod kif jiġi interpretat il-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (D).

37.      Qabel ma nwettaq l-analiżi tal-ewwel żewġ kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi (9), jidhirli li huwa utli li nfakkar fil-qosor il-kuntest ġuridiku li fih jidħol l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u li nifformula l-osservazzjonijiet preliminari li ġejjin (A).

A.      Osservazzjonijiet preliminari

38.      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-mekkaniżmu introdott mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa ispirat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u huwa intiż li jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni billi jipprovdi soluzzjoni iktar mgħaġġla għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, minflok ma din taġixxi permezz ta’ konstatazzjoni formali ta’ ksur (10). Għaldaqstant, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (li jfittex li jtemm il-ksur ikkonstatat), fil-kuntest tal-proċedura rregolata mill-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikkonstata u li tikklassifika l-ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami u għall‑eventwali aċċettazzjoni tal-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li hija tkun identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha u fid-dawl tal-għanijiet li tfittex li tilħaq (11).

39.      Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’, fil-kuntest tal-aċċettazzjoni ta’ impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn hija tkun mitluba tagħmel analiżi prospettiva li teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi ekonomiċi sabiex tevalwa l-adegwatezza tal-impenji offruti mill-impriża inkwistjoni (12). Għaldaqstant, il-kriterju xieraq, fid-dawl tat-tħassib tal-Kummissjoni kif espress fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, huwa jekk l-impenji humiex ta’ natura suffiċjenti sabiex jindirizzaw l-imsemmi tħassib b’mod adegwat mingħajr ma l-Kummissjoni tkun marbuta tfittex hija stess soluzzjonijiet inqas rigorużi jew iktar moderati mill-impenji li jkunu ġew proposti lilha (13).

40.      Għandu jiġi indikat, fit-tielet lok, li, f’dak li jirrigwarda n-natura u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, il-fatt li l-Kummissjoni jkollha marġni ta’ evalwazzjoni fil-qasam ekonomiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, tal-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003, jiġġustifika li l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ impenji jkun limitat għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (14). Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ li twettaq fuq tali sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni billi tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha stess ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi (15).

41.      Madankollu, kif irrilevat repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-oqsma li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet kumplessi, bħad-dritt tal-kompetizzjoni, il-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni tgawdi ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa minn dik l-istituzzjoni, tad-data ta’ natura ekonomika (16). Skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-konsistenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-intier tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (17).

42.      Minn dan isegwi li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għalhekk huwa bbażat fuq il-verifika mill-qorti tal-Unjoni tan-natura suffiċjenti tal-impenji sabiex jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri l-gravità tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni, il-portata tiegħu u l-interess ta’ terzi (18).

43.      Għandu jiġi rrilevat, fir-raba’ u fl-aħħar lok, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija relattivament limitata (19) u tirrigwarda prinċipalment l-analiżi tan-natura adegwata u suffiċjenti tal-impenji, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (20), kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni u l-protezzjoni tal-interessi tal-partijiet terzi fl-aċċettazzjoni tal-impenji mill-Kummissjoni (21).

B.      Fuq irrelazzjoni talprinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit flArtikolu 194 TFUE ma’ deċiżjoni meħuda skont lArtikolu 9 tarRegolament Nru 1/2003 (ittielet parti talewwel aggravju u ttieni aggravju)

44.      Kemm permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha kif ukoll permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-natura adegwata tal-impenji billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li l-Artikolu 194 TFUE jfittex li jilħaq, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

45.      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 194 TFUE li tmur kontra l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja (C‑848/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja”, EU:C:2021:598), u li ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn kull effett utli fir-rigward tal-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni intiża li timplimenta kemm l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni fis-sens wiesa’ kif ukoll dawk marbuta mal-funzjonament tajjeb tas-suq tal-enerġija tal-Unjoni.

46.      F’tali kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk, meta pproċediet kif għamlet, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi kif tissuġġerixxi l-appellanti. Qabel ma nieħu pożizzjoni dwar l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, jidhirli li huwa utli li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 194 TFUE kif ukoll dwar l-interazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mal-analiżi dwar il-kompetizzjoni li l-Kummissjoni hija mitluba twettaq fil-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

1.      Fuq ilprinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u linterazzjoni tiegħu maddritt talkompetizzjoni

47.      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 7 TFUE, l-Unjoni hija obbligata tiżgura li jkun hemm koerenza bejn id-diversi politiki u azzjonijiet tagħha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet kollha tagħha u tikkonforma ruħha mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi.

48.      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 194 TFUE, li din id-dispożizzjoni telenka, fil-paragrafu 1 tagħha, l-għanijiet prinċipali li tfittex li tilħaq il-politika tal-enerġija tal-Unjoni, inkluż dak tas-solidarjetà enerġetika (22). F’dan ir-rigward, mis-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja jirriżulta li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika huwa l-bażi ta’, u jinkorpora, l-għanijiet kollha elenkati fl-Artikolu 194(1)(a) sa (d) TFUE li l-politika tal-enerġija tal-Unjoni tfittex li tilħaq billi jiġborhom u jagħtihom koerenza (23) u li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż mill-Kummissjoni taħt din il-politika, għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom evalwata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika (24).

49.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 69, speċifikat ukoll li dan il-prinċipju “għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u, b’mod partikolari, ta’ dak tal-gass naturali, billi jiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li jimplika mhux biss li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta dawn iseħħu, iżda wkoll li jiġu adottati miżuri intiżi li jipprevjenu s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi”. Għal dan il-għan, huwa “neċessarju li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskji għall-interessi enerġetiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u b’mod partikolari għas-sigurtà tal-provvista enerġetika”.

50.      It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għanijiet li jfittxu li jilħqu dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE għandhom, jekk iċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. L-analiżi dwar il-kompetizzjoni għaldaqstant timponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tal-eżami tal-effetti fl-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti f’dan ir-rigward (25).

51.      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-proċedura segwita fl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tkun obbligata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tagħha u meta ċ-ċirkustanzi tal-kawża hekk jeħtieġu, tieħu inkunsiderazzjoni għanijiet li jfittxu li jilħqu dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE b’mod partikolari sabiex tikkonkludi, provviżorjament, li ma jkunux inkisru r-regoli tal-kompetizzjoni (26).

52.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkonferma jekk dan huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda mhux il-konstatazzjoni ta’ aġir problematiku mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni iżda l-eżami tal-impenji mill-Kummissjoni u l-mod li bih kunsiderazzjonijiet li ma humiex marbuta mad-dritt tal-kompetizzjoni, bħal f’dan il-każ, il-prinċipji u l-għanijiet li l-Artikolu 194 TFUE jfittex li jilħaq għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni li twassal għall-aċċettazzjoni ta’ impenji abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

2.      Fuq itteħid inkunsiderazzjoni talArtikolu 194 TFUE filkuntest ta’ deċiżjoni adottata abbażi talArtikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003

53.      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-impenji, il-Qorti Ġenerali segwiet il-mudell ta’ evalwazzjoni klassiku li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif deskritt fil-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi fakkret fil-punt 420 tas-sentenza appellata li r-rwol tal-Kummissjoni (u, a fortiori, dak tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni) huwa li tiżgura li l-impenji huma suffiċjenti sabiex jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni kkonstatat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri l-gravità ta’ dan it-tħassib, il-portata tiegħu u l-interess ta’ terzi (27).

54.      Fit-tieni lok, għalkemm, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tirreferix espressament għall-prinċipju ta’ sigurtà enerġetika fl-analiżi tal-impenji assunti minn Gazprom, hija rrilevat espliċitament li l-impenji meħuda wara proċedura bbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 “ma [jistgħux] iwasslu għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattati” (28). Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali għaldaqstant iddeċidiet, minn naħa, li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni kienet limitata mill-obbligu li taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u rrikonoxxiet, min-naħa l-oħra, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tivverifika jekk l-impenji bħala tali kinux jiksru dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, inkluż l-Artikolu 194(1) TFUE.

55.      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 422 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li l-impenji assunti minn Gazprom kienu suffiċjenti u adegwati fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni kkonstatat, hija “ma kinitx obbligata, għall-finijet li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, li tinvestiga iktar fuq il-prattiki ta’ Gazprom, u lanqas li teżiġi impenji iktar vinkolanti min-naħa ta’ din tal-aħħar”. Dik il-qorti għaldaqstant ikkonkludiet li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-“eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-għanijiet fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika li jiġu imposti fuq il-Kummissjoni tali obbligi pożittivi”.

56.      Nikkondividi din il-perspettiva.

57.      Fil-fatt, il-fatt li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni hija limitata mill-obbligu tagħha li taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati huwa rifless, essenzjalment, f’obbligu impost fuq din l-istituzzjoni meta taġixxi fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li tivverifika li impenji li hija jkollha l-intenzjoni li taċċetta u li hija tqis li jistgħu jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni fformulat mill-Kummissjoni ma jkunux ta’ natura li jiksru dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE, inkluż, f’dan il-każ, l-Artikolu 194 TFUE.

58.      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax taċċetta impenji li jirriskjaw li jwasslu għal ksur tal-Artikolu 194 TFUE u għaldaqstant jipperikolaw l-għanijiet li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni jfittxu li jilħqu, minkejja l-fatt li dawn l-impenji jistgħu jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fis-suq ikkonċernat (29). Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, meta taġixxi bħala regolatur tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1/2003, għandha l-kompetenza li timponi obbligi indipendenti u li jmorru lil hinn minn dawk intiżi li jirrimedjaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni kkonstatati matul l-investigazzjoni (u li jkunu mmotivati minn politiki differenti minn dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni) billi fuq din il-bażi teżiġi impenji iktar vinkolanti.

59.      Ghalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 422 tas-sentenza appellata, irrifjutat li tassimila l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika mal-impożizzjoni ta’ obbligi pożittivi imputabbli lil din tal-aħħar, li jmorru lil hinn mill-qafas tal-oġġezzjonijiet imqajma kontra Gazprom jew mal-impożizzjoni ta’ obbligi iktar vinkolanti.

60.      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, billi tammetti kemm fil-kuntest tal-appell tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma għandux jiġi assimilat mal-impożizzjoni ta’ obbligi pożittivi li jmorru lil hinn mill-qafas tal-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, l-appellanti ma tidhirx li qiegħda tikkontesta l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali fil-punt 422 tas-sentenza appellata. Issa, għalkemm l-appellanti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, hija ma tindikax b’mod ċar kif id-deċiżjoni kontenzjuża jew is-sentenza appellata jippreġudikaw l-għanijiet speċifiċi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u lanqas kif l-impenji jiksru din id-dispożizzjoni jew, bħala tali, imorru kontra l-prinċipju ta’ sigurtà enerġetika. Fil-fatt, din il-parti tillimita ruħha li tfakkar l-importanza ta’ dan il-prinċipju u li tikkonstata li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kienu obbligati jeħduh inkunsiderazzjoni fl-eżami tagħhom tal-impenji assunti minn Gazprom mingħajr ma hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-kuntest analitiku u l-interpretazzjoni eżatta li l-Kummissjoni messha adottat u kif din tal-aħħar setgħet waslet għal konklużjoni differenti minn dik li waslu għaliha l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali.

61.      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 423 u 424 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża u dawn l-impenji ma jipprekludux li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-Istati Membru jaġixxu b’mezzi oħra sabiex jindirizzaw il-problemi identifikati mill-appellanti (30). Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li barra minn hekk għandhom kompetenzi paralleli għal dawk tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija u li għalhekk huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, fl-aħjar pożizzjoni, sabiex jintervjenu bil-għan li jemendaw il-leġiżlazzjoni f’dan is-settur jew, jekk ikun il-każ, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-enerġija (31).

62.      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, sa fejn l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kinitx issanzjonat lill-Kummissjoni talli ma kinitx immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kontenzjuża fuq il-kwistjoni tal-konformità tagħha mal-Artikolu 194(1) TFUE, din l-oġġezzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-fatt li dik l-istituzzjoni ma rreferietx espressament għall-Artikolu 194 TFUE u għall-għanijiet li din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq ma jistax jiġi interpretat bħala rifjut jew nuqqas min-naħa ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-qasam tal-enerġija. Kif ġie rrilevat, ġustament, mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 427 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li hija tesponi sistematikament ir-raġunijiet li għalihom deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet speċifiċi kollha tat-Trattati li, mingħajr ma jikkostitwixxu l-bażi legali tal-att inkwistjoni, ikollhom possibbilment rabta mal-kuntest fattwali u ġuridiku li jinkwadra dan l-att.

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, nipproponi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju jiġu miċħuda bħala infondati.

C.      Fuq ittrattament proċedurali ta’ DO filkuntest talproċedura prevista flArtikolu 9 tarRegolament Nru 1/2003

64.      It-tieni kwistjoni, li għandha tiġi kkunsidrata fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi, tirrigwarda t-trattament proċedurali ta’ DO fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, li għandhom jitfakkru fil-qosor.

1.      Fuq lapproċċ adottat millQorti Ġenerali

65.      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet inizjalment fetħet proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, minħabba l-allegat ksur ta’ dan l-artikolu tal-aħħar minn Gazprom fis-swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, ħaġa li kienet tippreżupponi t-trażmissjoni ta’ DO (32). F’dan il-każ, il-komunikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni wasslet lil Gazprom sabiex tipproponi impenji lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-impenji finali approvati permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienu jinkludu ebda riferiment għall-oġġezzjonijiet Yamal, peress li dawn tal-aħħar, għalkemm kienu jidhru inizjalment fid-DO, kienu ġew irrinunzjati mill-Kummissjoni matul il-proċedura minħabba li t-tħassib preliminari tagħha dwar il-kompetizzjoni ma kienx ġie kkonfermat (33).

66.      Fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, kienet ikkritikat lill-Kummissjoni għar-rinunzja għall-oġġezzjonijiet Yamal, u, bħala korollarju, għall-assenza ta’ impenji li jirrigwardaw dawn l-oġġezzjonijiet (34). Barra minn hekk, dawn il-partijiet qiesu li, kuntrarjament għall-approċċ segwit mill-Kummissjoni, din tal-aħħar kienet obbligata tiġġustifika l-assenza ta’ impenn(impenji) li jindirizza(w) l-oġġezzjonijiet Yamal.

67.      Għalkemm il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti fir-rigward tal-fondatezza tar-rinunzja għall-oġġezzjonijiet inizjali dwar il-pajp tal-gass Yamal u l-assenza ta’ impenn(impenji) li jirrigwarda(w) dawn l-oġġezzjonijiet billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, hija qieset, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li “fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u, b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni preliminari riveduta, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 impona fuq il-Kummissjoni, b’kuntrast ma’ dak li din issostni, li jkollha raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal” (35). Hija madankollu qieset, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi esponiet, fil-punt 138 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx imponiet impenji li jindirizzaw l-oġġezzjonijiet Yamal.

68.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, madankollu ssostni li l-iżball imwettaq minn din tal-aħħar ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament, anki parzjali, tas-sentenza appellata, peress li dan l-iżball jivvizzja biss il-motivi tas-sentenza, filwaqt li d-dispożittiv tagħha huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet ġuridiċi oħra. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandha ssir biss sostituzzjoni tal-motivi sa fejn huwa xieraq.

2.      Fuq irregoli ġenerali li jirregolaw ittrattament proċedurali ta’ DO filkuntest tarRegolament Nru 1/2003

69.      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-DO tikkostitwixxi stadju formali tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni dwar l-allegat ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jippreċedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli. Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kif stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, id-DO tikkonsisti f’att ta’ natura proċedurali u preparatorja li jillimita s-suġġett tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar tinforma bil-miktub lill-impriża kkonċernata bl-oġġezzjonijiet imqajma kontriha (36).

70.      Bħala stadju preliminari tal-proċedura, it-trażmissjoni ta’ DO bl-ebda mod ma tippreġudika l-eżitu ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Huwa għalhekk inerenti għan-natura tad-DO li tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi magħmula fid-DO u li għalhekk huwa perfettament leġittimu għaliha li tirrinunzja għal ċerti oġġezzjonijiet, li, għaldaqstant, ma jistgħux iktar, mid-definizzjoni tagħhom stess, ikunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni kontenzjuża (37).

71.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa mis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (38), li, min-natura u mill-effetti legali tagħha, DO ma tistax titqies li hija deċiżjoni fis-sens tal‑Artikolu 263 TFUE li tista’ twassal għal rikors għal annullament (39). Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li huma biss miżuri li jiddeterminaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura inkwistjoni b’esklużjoni tal-miżuri intermedji intiżi li jippreparaw id-deċiżjoni finali li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, billi l-miżuri finali huma l-uniċi li jistgħu jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-impriżi kkonċernati minn din l-investigazzjoni (40).

72.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, id-drittijiet rispettivi tal-partijiet involuti fil-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta d-drittijiet ta’ terzi, din il-proċedura tikkonċerna prinċipalment lill-impriża li fil-konfront tagħha tmexxiet l-investigazzjoni, billi barra minn hekk din tal-aħħar hija l-unika destinatarja tad-DO (u, sussegwentement, tad-deċiżjoni finali). Id-DO għaldaqstant tikkostitwixxi garanzija proċedurali fundamentali li l-għan tagħha huwa li tinforma lil din il-parti bl-oġġezzjonijiet allegati fil-konfront tagħha sabiex tippermettilha teżerċita d-dritt tad-difiża tagħha (41).

73.      Għaldaqstant, għalkemm it-trażmissjoni ta’ DO supplimentari hija meħtieġa meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tikkonstata oġġezzjonijiet ġodda, li ma kinux koperti mid-DO inizjali, sabiex jiġu ggarantiti u protetti d-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata billi din tingħata l-possibbiltà li twieġeb formalment għall-provi ġodda mqajma (42), ma jeżisti ebda obbligu ta’ dan it-tip fil-każ oppost fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tirrinunzja għal wieħed jew iktar mill-oġġezzjonijiet (43). Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju għall-Kummissjoni li timmotiva fid-deċiżjoni finali r-rinunzja għal oġġezzjonijiet li jinsabu fid-DO inizjali (44).

3.      Fuq ittrattament proċedurali ta’ DO filkuntest talproċedura prevista flArtikolu 9 tarRegolament Nru 1/2003

74.      F’dak li jirrigwarda l-proċedura tal-impenji, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-impenji offruti mill-partijiet għandhom ikunu ta’ natura li jindirizzaw it-tħassib li jidher fl-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni.

75.      Fil-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, id-DO ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni preliminari (45) u qieset, fil-punt 83 ta’ dik is-sentenza, li, fl-assenza ta’ evalwazzjoni preliminari rriveduta li tikkonferma r-rinunzja għall-oġġezzjonijiet Yamal, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 kien jimponi fuq il-Kummissjoni li timmotiva l-assenza ta’ impenji li jirrigwardaw dawn l-oġġezzjonijiet (46).

76.      Għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi, fil-fatt, rabta bejn l-impenji u l-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni, sa fejn dawn tal-aħħar huma intiżi li jindirizzaw it-tħassib li jinsab f’din l-evalwazzjoni, jibqa’ l-fatt li l-approċċ sostnut mill-Qorti Ġenerali jidher li huwa diffiċli li jiġi rrikonċiljat kemm mat-test tar-Regolament Nru 1/2003 (47) kif ukoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal smigħ imfakkar fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

77.      L-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni ta’ obbligu li jikkonsisti f’li tindirizza dokument supplimentari lid-destinatarju tad-deċiżjoni dwar l-impenji, bejn in-notifika tad-DO u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, tkun tindika, kif issostni l-Kummissjoni, formaliżmu eċċessiv, li kieku d-dokument kien jindika biss li l-Kummissjoni rrinunzjat għal kull oġġezzjoni. Minbarra l-fatt li tali inizjattiva ma hijiex neċessarja sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet proċedurali tal-impriża kkonċernata, dan ma jippreżenta ebda interess għaliha (48). Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 tqiegħed ukoll inkwistjoni l-klassifikazzjoni tad-DO bħala dokument preparatorju filwaqt li hija, min-natura tagħha, provviżorja u tirriskja li tirrendi ineffettiva, f’ċerti ċirkustanzi, il-proċedura tal-impenji kif tirrikonoxxi l-Qorti Ġenerali stess fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata (49).

78.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal smigħ, imfakkar fil-punti 72 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li motivazzjoni supplimentari tar-raġunijiet li għalihom, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni finali, ma żżommx parti mill-oġġezzjonijiet espressi preċedentement fid-DO ma hijiex meħtieġa. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jimponi biss fuq din l-istituzzjoni li tesponi b’mod ċar u inekwivoku, il-punti ta’ fatt u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wassluha sabiex tikkonstata li l-impenji kienu suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni kkonstatat fi tmiem il-proċedura amministrattiva magħluqa bl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun obbligata tispjega l-eventwali differenzi li jeżistu meta mqabbla mal-evalwazzjonijiet provviżorji li hija fformulat fid-DO (50).

79.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-assenza kemm ta’ evalwazzjoni preliminari riveduta kif ukoll tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni tar-rinunzja għall-oġġezzjonijiet Yamal u l-assenza ta’ impenji li jirrigwardaw dawn tal-aħħar ma tistax, barra minn hekk, tkun ta’ natura li taffettwa d-drittijiet proċedurali ta’ terzi (51).

80.      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, Gazprom biss tista’ tiġi kklassifikata bħala “parti kkonċernata” fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003, billi l-oħrajn kollha, inkluża l-appellanti, għandhom biss drittijiet proċedurali iktar ristretti minn “terz interessat” (52). Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, l-uniku destinatarju tal-evalwazzjoni preliminari evokata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 (irrispettivament minn jekk tiħux il-forma ta’ DO jew ta’ dokument ieħor) huwa l-impriża kkonċernata mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni, billi din l-evalwazzjoni sservi ta’ bażi għaliha sabiex tevalwa l-opportunità li tipproponi impenji xierqa li jirrimedjaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni u tippermettilha tiddefinixxi dawn l-impenji aħjar (53). Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 1/2003 jew Nru 773/2004 ma timponi fuq il-Kummissjoni li tinforma formalment lill-partijiet terzi interessati meta hija tirrinunzja, matul il-proċedura, għal ċerti oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ impriża kkonċernata.

81.      Għandu jiġi kkonstatat, ukoll, li, f’dak li jirrigwarda l-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkomunikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO lill-appellanti li, barra minn hekk, instemgħet bħala parti interessata fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni tas-suq prevista fl-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li din il-konsultazzjoni hija kundizzjoni preliminari sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrendi l-impenji vinkolanti permezz ta’ deċiżjoni (54). Barra minn hekk, l-appellanti kkontestat id-deċiżjoni kontenzjuża abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, inkluż f’dak li jirrigwarda r-rinunzja għall-oġġezzjonijiet Yamal u l-assenza ta’ impenji li jikkonċernawhom (55).

82.      Il-fatt li d-DO ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni preliminari f’dan il-każ fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konstatazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament u lanqas, barra minn hekk, l-interpretazzjoni magħmula dwar dan mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġġustifika li DO tiġi ttrattata b’mod differenti skont jekk din tal-aħħar isservix ta’ bażi għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 7 jew tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament (56).

83.      Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni, jekk tqis li dan huwa neċessarju fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ, milli tesponi l-motivi li għalihom hija tkun iddeċidiet li tirrinunzja għal oġġezzjoni u milli timmotiva l-assenza ta’ impenji li jirrigwardaw din l-oġġezzjoni kif hija għamlet fil-punti 184 u 185 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għalkemm tali obbligu la jirriżulta espliċitament mir-Regolamenti Nru 1/2003 jew Nru 773/2004 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif il-Kummissjoni rrilevat waqt is-seduta, jista’ jiġġustifika tali approċċ fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (57).

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ sostnut mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li skontu l-Kummissjoni hija obbligata timmodifika l-portata tad-DO li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni preliminari qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (inkluż fil-każ tar-rinunzja għal oġġezzjoni) jew, jekk ikun il-każ, timmotiva r-rinunzja għal oġġezzjonijiet li ma jiġux ikkonstatati f’din tal-aħħar huwa żbaljat.

85.      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jkunu jinkludu ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jkun jidher li huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ liġi, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok, meta ċerti kundizzjonijiet jkunu ssodisfatti, li ssir sostituzzjoni tal-motivi (58). Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi hija ammissibbli meta tikkostitwixxi difiża kontra aggravju mqajjem mill-appellant (59). Issa, f’dan il-każ, fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal ikkontribwixxa għall-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kumissjoni li ma kienx ġie ssanzjonat mill-Qorti Ġenerali, b’mod li teżisti rabta suffiċjenti bejn dan l-aggravju u t-talba għal sostituzzjoni tal-motivi mressqa mill-Kummissjoni li għandha tiġi aċċettata f’din il-kawża.

86.      Għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li l-istħarriġ ġudizzjarju intiż sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni ammettietx ġustament li l-impenji kienu jikkorrispondu mat-tħassib li hija kienet qajmet għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib li l-Kummissjoni tkun għadha żżomm fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura u mhux it-tħassib li hija setgħet irrinunzjat għalih wara li semgħet lill-impriża kkonċernata u ħadet konjizzjoni tal-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward (60). Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni kif espost fid-DO ma jistax jintuża bħala kriterju għall-eżami tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (inkluża deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003). Kif ġie spjegat fil-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, interpretazzjoni oħra, li tikkonsisti li jitqies li l-Kummissjoni hija marbuta bit-tħassib preliminari tagħha, kif espress fid-DO, tmur kontra d-dritt għal smigħ tad-destinatarju, u b’mod partikolari kontra l-funzjoni nnifisha tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

87.      Għalhekk għandha tiġi miċħuda parti kbira mill-argumenti li l-appellanti żviluppat insostenn tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju kif ukoll tat-tielet aggravju li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li n-natura adegwata tal-impenji offruti minn Gazprom għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fid-DO.

D.      Fuq listħarriġ millQorti Ġenerali tależistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (lewwel parti tattielet aggravju)

88.      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-assenza ta’ analiżi globali tan-natura adegwata tal-impenji min-naħa tal-Qorti Ġenerali twassal għal interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Skontha, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq eżami globali, minn naħa, taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, u b’mod partikolari tad-diversi impenji u oġġezzjonijiet imqajma kontra tagħhom, indipendentement mill-analiżi individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom u, min-naħa l-oħra, tal-effett kumulattiv tal-irregolaritajiet (jew żbalji mhux manifesti) kollha li l-Qorti Ġenerali stess kienet identifikat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tan-natura adegwata tal-impenji.

89.      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li huwa r-rikorrent li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 li għandu jipprova li din tal-aħħar wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni (61). Issa, għalkemm l-appellanti tillimita ruħha li tafferma b’mod astratt li analiżi globali twassal għal riżultat differenti minn dak li waslet għalih il-Qorti Ġenerali, jibqa’ l-fatt li din il-parti ma tipproduċix il-prova ta’ dan iżda fuq kollox li hija ma tipprovax l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali (62).

90.      Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, la mid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas mis-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali rrinunzjaw milli jwettqu analiżi globali tal-impenji assunti minn Gazprom.

91.      Għandu jiġi osservat, qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, li l-approċċ globali li din tal-aħħar adottat fil-kuntest tal-eżami tal-impenji huwa kkonfermat mill-premessi 160 sa 164 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Sussegwentement, għandu wkoll jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li l-għażla ta’ din l-istituzzjoni li tippreżenta b’mod iddettaljat il-proporzjonalità ta’ kull impenn meta mqabbel mat-tħassib ikkonstatat minn din tal-aħħar, ma tistax tqiegħed fid-dubju l-approċċ globali tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tad-diversi prattiki antikompetittivi kkonstatati mill-Kummissjoni u tan-natura kumplessa u teknika tas-swieq ikkonċernati, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli fittxet li tirrimedja għall-istrateġija antikompetittiva ta’ Gazprom billi pproċediet b’mod gradwali, permezz ta’ miżuri li jirrimedjaw speċifikament kull waħda minn dawn il-prattiki, sabiex tinnewtralizza l-imsemmija strateġija (63). Dan ma jfissirx li, billi pprodeċiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni kienet irrinunzjat milli twettaq analiżi globali.

92.      L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, sa fejn mill-punti 195 sa 202 u 310 sa 319, rispettivament, tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni globali kemm tal-impenji tariffarji kif ukoll ta’ dawk li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ kunsinna (li jagħmlu parti mill-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali), għandu jiġi kkonstatat li, wara li, fil-punti 322 sa 397 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-oġġezzjonijiet invokati mill-appellanti, minn Overgas, mir-Repubblika tal-Litwanja u mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-effikaċja tagħhom u l-proporzjonalità tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 398 tas-sentenza appellata, li, anki meta meħuda flimkien, dawn l-oġġezzjonijiet ma jwasslux sabiex jiġi konkluż li jeżisti żball manifest.

93.      Kuntrarjament għall-kritiki fformulati mill-appellanti li ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li r-riżultat ta’ analiżi globali ma jistax ikun differenti minn dak li jirriżulta mill-analiżi ta’ kull wieħed mill-oġġezzjonijiet meħuda individwalment, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa nieqes minn żball ta’ liġi.

94.      Fil-fatt, sa fejn, wara evalwazzjoni individwali u ddettaljata ta’ kull waħda mill-oġġezzjonijiet mogħtija mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali ma tikkonstata ebda żball fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tikkonferma n-natura adegwata tal-impenji meta mqabbla mat-tħassib dwar il-kompetizzjoni kkonstatat minnha, evalwazzjoni globali ta’ dawn l-impenji ma tistax twassal għal riżultat differenti minn dak qabel l-analiżi individwali tagħhom, u inqas u inqas għall-konstatazzjoni ta’ żball manifest. Minn dan isegwi li żball manifest ta’ evalwazzjoni kunċettwalment jista’ jeżisti biss li kieku l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat in-natura inadegwata ta’ mill-inqas wieħed mill-impenji aċċettati mill-Kummissjoni li tista’ tqajjem dubju wkoll rigward l-impenji oħra li kieku kien ġie pprovat li dawn tal-aħħar kellhom rabta bejniethom. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni.

95.      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li skontu, billi injorat l-effett kumulattiv tal-iżbalji kollha li l-Qorti Ġenerali identifikat fl-evalwazzjoni tal-impenji, din tal-aħħar wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni”.

96.      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-natura adegwata tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ kunsinna, il-Qorti Ġenerali fil-fatt irrilevat ċerti irregolaritajiet li jivvizzjaw l-evalwazzjoni ta’ dawn l-impenji mill-Kummissjoni, mingħajr madankollu ma qieset li dawn iċ-ċirkustanzi huma ta’ natura li jkollhom xi effett fuq l-effettività tal-imsemmija impenji. Għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jikkritikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab, b’mod partikolari, fil-punti 295, 358 u 362 tad-deċiżjoni kontenzjuża, jirrigwardaw iktar l-approċċ metodoloġiku adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha milli l-insuffiċjenza tal-impenji.

97.      Għandu jitfakkar ukoll li l-konstatazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni timplika, kif jindika isimha, l-eżistenza, mhux ta’ xi irregolarità jew ommissjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iżda ta’ żball li jkun ta’ natura li jilħaq ċertu livell ta’ gravità li jista’ jqiegħed fid-dubju l-fondatezza tal-analiżi li hija tkun wettqet u, għaldaqstant, il-legalità nnifisha ta’ deċiżjoni li hija tkun adottat. Minn dan isegwi li l-istħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni għalhekk ma jfittixx li l-analiżi tal-Kummissjoni tkun nieqsa minn kwalunkwe irregolarità, billi hija ngħatat ċertu marġni ta’ evalwazzjoni, sakemm il-livell ta’ dak li huwa manifest ma jinqabiżx (64).

98.      Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn l-irregolaritajiet ma kinux iqiegħdu fid-dubju n-natura adegwata tal-impenji jew il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu Orlen u Overgas, ma jeżisti ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li kumulu ta’ żbalji minuri wassal (meħuda) flimkien għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li ma kienx hemm żball manifest f’dan ir-rigward.

VII. Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, bħala infondati, it-tielet parti tal-ewwel aggravju, it-tieni aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2018, C 258, p. 6. Il-verżjoni kkonsolidata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (disponibbli bl-Ingliż biss) hija disponibbli fl-indirizz li ġej: https://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/39816/39816_10148_3.pdf.


3      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


4      Il-proċedura amministrattiva li tikkorrispondi għal din l-investigazzjoni ġiet irreġistrata bir-referenza “Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant” (iktar ’il quddiem il-“Każ AT.39816”).


5      Regolament tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


6      Ara l-punti 10 sa 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Il-proċedura amministrattiva li tikkorrispondi għal din l-investigazzjoni ġiet irreġistrata bir-referenza “Każ AT.40497 – Prezzijiet tal-gass Pollakki”.


8      Il-kwistjoni li tirrigwarda l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi.


9      Dawn il-konklużjonijiet iqajmu wkoll, fil-punti 88 sa 97 tagħha, xi osservazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li ġie ddibattut waqt is-seduta u li jinsab fil-qofol tal-ewwel parti tat-tielet aggravju.


10      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alrosa”, EU:C:2010:377, punt 35).


11      Ara s-sentenza Alrosa, punt 41.


12      Ara s-sentenza Alrosa, punt 94.


13      Ara s-sentenza Alrosa, punt 61.


14      Ara s-sentenza Alrosa, punt 42 u b’analoġija s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 124).


15      Ara s-sentenzi Alrosa, punti 60 u 67, tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46); u, b’analoġija, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 145).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kumissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 126) u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni (C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54); tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 59) u tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54).


18      Ara s-sentenza Alrosa, punti 60 sa 67.


19      Sal-lum, tressqu ħames kawżi biss quddiem il-qrati tal-Unjoni, f’rikorsi ta’ partijiet terzi kollha kontra deċiżjonijiet adottati mil-Kummissjoni. Ara, f’dan is-sens, iż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Alrosa u Canal +, kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Frar 2014, CEEES u Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio vs Il‑Kummissjoni (T‑342/11, EU:T:2014:60); tal‑15 ta’ Settembru 2016, Morningstar vs Il‑Kummissjoni (T‑76/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Morningstar”, EU:T:2016:481) u tat‑2 ta’ Frar 2022, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (Ċaħda ta’ lment) (T‑399/19, EU:T:2022:44).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alrosa, punti 60 sa 67.


21      Ara s-sentenza Canal +, punti 121 u 122.


22      Fost dawn l-għanijiet hemm b’mod partikolari dawk intiżi li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija.


23      Sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, punti 43 u 47.


24      Sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, punt 44.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni (6/72, EU:C:1973:22, punt 24) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi Albany (C‑67/96, C‑115/97 u C‑219/97, EU:C:1999:28, punt 179).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Canal +, punti 46 sa 54.


27      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi b’mod partikolari għall-punti 40 u 41 tas-sentenza Alrosa u għall-punt 45 tas-sentenza Morningstar.


28      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabel, fil-punt 418 tas-sentenza appellata, li “[s]kont l-Artikolu 7 TFUE, l-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b’kont meħud tal-għanijiet kollha tagħha u skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi. [...] jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 914(1) TFUE, jiġifieri b’mod partikolari l-għanijiet li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija”.


29      L-istess japplika fil-każ oppost sa fejn impenn li jkun konformi mal-prinċipju ta’ sigurtà enerġetika iżda li ma jindirizzax b’mod suffiċjenti u adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni evidentement ma jistax jiġi aċċettat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.


30      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003.


31      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li abbażi tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), l-awtoritajiet nazzjonali ngħataw kompetenzi speċifiċi sabiex jippromwovu u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 424 tas-sentenza appellata, id-Direttiva (UE) 2019/962 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ April 2019, li temenda d-Direttiva 2009/73 (ĠU 2019, L 117, p. 1), hija intiża b’mod partikolari, skont il-premessa 3 tagħha, li tindirizza l-ostakoli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni, qabel l-adozzjoni tagħha, tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi.


32      Ara l-punti 6 sa 13 tas-sentenza appellata.


33      Ara l-punt 138 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


34      Dan l-ilment huma mressaq fil-kuntest tat-tielet aggravju, li fih l-appellanti, dejjem sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-abbandun tal-imsemmija oġġezzjonijiet ikkontribwixxa għall-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u li ma kienx ġie ssanzjonat mill-Qorti Ġenerali.


35      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-iżball “kien jinsab fil-fatt fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, peress li, anki jekk dawn l-oġġezzjonijiet ma kinux jissemmew fl-Artikolu 1, li jrendu vinkolanti l-impenji finali, huma kienu jinsabu koperti mill-Artikolu 2 li jikkonkludi li ma għadx hemm lok ta’ azzjoni fil-Każ AT.39816”.


36      Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat‑TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6, iktar ’il quddiem l-“Aħjar Prattiki”), b’mod partikolari, punt 81.


37      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 63), u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 66).


38      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264).


39      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punti 10 sa 12).


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 10).


41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, li meta ddefinixxa d-dritt għal smigħ, il-leġiżlatur tal-Unjoni intenzjonalment introduċa, fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fl-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament Nru 773/2004, gradazzjoni bejn id-diversi persuni li jistgħu jkunu involuti f’forma jew oħra fi proċedura għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Id-drittijiet tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva (imsejħa wkoll “partijiet ikkonċernati”) huma iktar estensivi mid-drittijiet ta’ terzi li, għalkemm ikollhom interess fl-eżitu tal-proċedura, ma jkunux huma stess destinatarji tad-deċiżjoni li ser tiġi adottata mill-Kummissjoni. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 173).


42      L-istess japplika, bħala prinċipju, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li timmodifika b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat. Ara, f’dan is-sens, l-Aħjar Prattiki, punti 109 u 110.


43      Fil-fatt, tali obbligu la jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas mill-Aħjar Prattiki u inqas u inqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.


44      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 192 u 193); u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 66).


45      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jispeċifikax ir-rekwiżiti formali u sostantivi li għandha tissodisfa l-evalwazzjoni preliminari, mill-punt 121 tal-Aħjar Prattiki jirriżulta li dan id-dokument għandu jiġbor fil-qosor il-fatti prinċipali tal-każ u jidentifika l-problemi relatati mal-kompetizzjoni li jiġġustifikaw deċiżjoni li teżiġi li l-ksur jintemm. Barra minn hekk, il-punt 123 tal-Aħjar Prattiki jispeċifika li, f’ċerti każijiet, id-DO tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni preliminari peress li din tinkludi sommarju tal-fatti prinċipali kif ukoll evalwazzjoni tal-problemi relatati mal-kompetizzjoni kkonstatati.


46      Dan minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet fakkret, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata, li d-DO huwa dokument provviżorju u preparatorju kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw minnu fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ jew l-obbligu ta’ motivazzjoni.


47      Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ma tipprevedi r-reviżjoni tal-evalwazzjoni preliminari mwettqa mill-Kummissjoni meta din tiddeċiedi li tirrinunzja għal oġġezzjoni, billi, barra minn hekk, l-espressjoni stess ta’ “evalwazzjoni preliminari riveduta” ma jinsabx f’dan ir-regolament, u lanqas fir-Regolament Nru 773/2004.


48      Fil-fatt, din il-kumpannija ma għandha ebda interess li tikkontesta tali approċċ.


49      Il-Qorti Ġenerali tirrileva, ġustament, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistgħux jimplikaw li kull tħassib dwar il-kompetizzjoni espost f’evalwazzjoni preliminari, inkluż meta tali evalwazzjoni tieħu l-forma ta’ DO, għandu neċessarjament jiġi indirizzat fl-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati.


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Morningstar, punti 100 u 101 u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata) f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.


51      Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-approċċ sostnut, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, ma jidhirx li huwa mmotivat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi.


52      Ara s-sentenza Alrosa, punt 91 u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punti 172 sa 175).


53      Ara l-punt 122 tal-Aħjar Prattiki.


54      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li fl-istqarrija għall-istampa li takkumpanja l-avviż ta’ konsultazzjoni tas-suq li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni kienet esprimiet l-intenzjoni tagħha li ma tikkonstatax l-oġġezzjonijiet Yamal fid-dawl tal-elementi tal-investigazzjoni li waslulha wara t-trażmissjoni tad-DO.


55      Kif ġie speċifikat fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod parallel mal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni u li wasslet għad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti għamlet użu wkoll mill-possibbiltà li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004 jagħtiha li tressaq ilment li jirrigwarda b’mod partikolari allegazzjonijiet dwar abbużi ta’ Gazprom marbuta mas-sezzjoni Pollakka tal-pajp tal-gass Yamal.


56      Kif jirriżulta mill-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, tiġġustifika d-differenzi li jeżistu bejn id-DO u d-deċiżjoni li tikkonstata ksur li tagħlaq il-proċedura amministrattiva u b’mod partikolari timmotiva r-rinunzja għal oġġezzjonijiet inizjalment ikkonstatati fid-DO iżda li ma jiġux riprodotti f’din id-deċiżjoni.


57      Il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta li, peress li l-partijiet interessati kienu staqsewha dwar l-assenza ta’ impenji li jirrigwardaw l-pajp tal-gass Yamal, hija inkludiet, konformement mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, il-motivi li għalihom it-tħassib preliminari tagħha ma kienx ġie kkonfermat.


58      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et (C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 264 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 159) u tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni  (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 61).


60      Fl-aħħar mill-aħħar, l-att ikkontestat huwa tabilħaqq id-deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mhux id-DO.


61      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 107).


62      Fil-fatt, jidher, li, taħt kopertura tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ċerti argumenti mressqa mill-appellanti huma intiżi, fir-realtà, għal eżami mill-ġdid tal-kunsiderazzjonijiet tal-fatti.


63      Ara, f’dan is-sens, il-punt 309 tas-sentenza appellata.


64      Ara, f’dan is-sens, it-talbiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:292, punt 37).