Language of document : ECLI:EU:C:2020:256

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑2 ta’ April 2020 (1)

Kawża C648/18

Autoritatea Naţională de Reglementare în Domeniul Energiei (ANRE)

vs

Societatea de Producere a Energiei Electrice în Hidrocentrale Hidroelectrica SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tad-Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Domanda preliminari — Suq intern tal-elettriku — Artikolu 35 TFUE — Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Esportazzjoni tal-elettriku — Miżura nazzjonali li timponi lill-produtturi tal-elettriku l-obbligu li jikkummerċjalizzaw l-elettriku kollu prodott esklużivament permezz ta’ suq nazzjonali kompetittiv u ċċentralizzat”






1.        L-awtorità regolatorja Rumena ppenalizzat lil impriża talli esportat lejn l-Ungerija parti mill-enerġija elettrika li tipproduċi mingħajr ma offrietha qabel fis-suq nazzjonali permezz ta’ pjattaforma ċċentralizzata ta’ negozjar, bħalma, kif affermat l-istess awtorità, teżiġi l-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.        It-Tribunalul București (il-Qorti tad-Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikata f’dawn it-termini tinvolvix restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni jew miżura li għandha effett ekwivalenti u jekk hijiex, għaldaqstant, inkompatibbli mal-Artikolu 35 TFUE.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2009/72/KE (2)

3.        Id-Direttiva 2009/72 tinkludi dawn il-premessi:

“[…]

(3)      Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq [f’suq intern] miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

[…]

(25)      Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija hija element essenzjali tas-sikurezza pubblika u hija għalhekk intrinsikament marbuta mat-tħaddim effiċjenti tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea tal-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri. […] Swieq tal-elettriku funzjonanti u b’mod partikolari n-netwerks u assi oħra assoċjati mal-provvista tal-elettriku huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività tal-ekonomija u għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni. […]

[…]

(51)      L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizzi għandha tkun responsabilità ċentrali tal-intrapriżi tal-elettriku. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-Komunità, il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jewmill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

[…]”

4.        L-Artikolu 3(1) (“Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”), jinkludi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom”.

5.        L-Artikolu 4 (“Sorveljanza tas-sigurtà tal-provvista”) jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sorveljanza ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista. Fejn l-Istati Membri jikkunsidraw li dan huwa adatt jistgħu jiddelegaw dan il-kompitu lill-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 35. Dik is-sorveljanza għandha, b’mod partikolari, tkopri l-bilanċ tal-provvista u d-domanda fis-suq nazzjonali, il-livell ta’ domanda mistenni fil-futur u l-kapaċità addizzjonali maħsuba li tkun qed tiġi ppjanata jew li tkun f’fażi ta’ kostruzzjoni, u l-kwalità u l-livell tal-manutenzjoni tan-netwerks, kif ukoll miżuri li jkopru domanda għolja u biex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ nuqqasijiet min-naħa ta’ fornituri wieħed jew aktar. […]”.

6.        L-Artikolu 36 (“Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”) jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

a)      il-promozzjoni, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija, l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħrajn u l-Kummissjoni, ta’ suq intern fl-elettriku li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fi ħdan il-Komunità, u ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Komunità kif ukoll li jkunu żgurati kondizzjonijiet adegwati għat-tħaddim effettiv u affidabbli tan-netwerks tal-enerġija, meta jitqiesu l-objettivi fuq medda twila ta’ żmien;

b)      l-iżvilupp ta’ swieq reġjonali kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb fil-Komunità sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fil-punt (a);

c)      l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-elettriku bejn l-Istati Membri, inkluż l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet adatti ta’ trasmissjoni transkonfinali biex tiġi sodisfatta d-domanda u tittejjeb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali li jistgħu jiffaċilitaw il-flussi tal-elettriku fil-Komunità;

[…]”.

7.        Bis-saħħa tal-Artikolu 37 (“Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”):

“1.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

c)      kooperazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji ta’ dawk l-Istati Membri u mal-Aġenzija;

[…]

i)      jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku;

j)      jissorveljaw il-livell u l-effettività ta’ ftuħ tas-suq u ta’ kompetizzjoni […]

[…]”.

8.        L-Artikolu 38 (“Reġim regolatorju għal kwistjonijiet transkonfinali”) huwa redatt kif ġej:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw mill-qrib u jikkonsultaw flimkien, u għandhom jipprovdu lil xulxin u lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom taħt din id-Direttiva. Fir-rigward tal-informazzjoni li tiġi skambjata, l-awtorità riċeventi għandha tiżgura l-istess livell ta’ kunfidenzjalità bħal dik meħtieġa mill-awtorità mittenti l-informazzjoni kkonċernata.

[…]

3.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom id-dritt li jikkonkludu ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ xulxin sabiex titħeġġeġ il-koperazzjoni regolatorja.

[…]”.

2.      Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (3)

9.        L-Artikolu 1(1) (“Suġġett, ambitu u relazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni”) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jipprojbixxu prattiċi abbużivi li jaffettwaw is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa li huma koerenti mar-regoli applikabbli fis-swieq finanzjarji u mal-funzjonament korrett ta’ dawk is-swieq bl-ingrossa filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Huwa jipprovdi għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija […], b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u filwaqt li jitqiesu l-interazzjonijiet bejn l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet u s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa”.

3.      Ir-Regolament (UE) 2015/1222 (4)

10.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) (“Nomina ta’ NEMOs fil-każ ta’ monopolju ġuridiku nazzjonali għal servizzi ta’ nnegozjar”) jiddikjara:

“Jekk diġà jkun jeżisti monopolju ġuridiku nazzjonali li jeskludi n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed għal servizzi ta’ nnegozjar tal-ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata fi Stat Membru jew fiż-żona tal-offerti tal-Istat Membru fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat irid jinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u jista’ jirrifjuta n-nomina ta’ iktar minn NEMO wieħed f’żona tal-offerti”.

B.      Id-dritt nazzjonali

 Liġi Nru 123/2012 dwar l-enerġija elettrika u l-gassijiet naturali (5)

11.      L-Artikolu 2(c), jipprovdi:

“L-attivitajiet fil-qasam tal-enerġija elettrika u tal-enerġija termali ikkoġenerata għandhom jitwettqu sabiex jinkisbu l-għanijiet fundamentali li ġejjin: il-ħolqien u l-garanzija tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija elettrika miftuħa għall-kompetizzjoni”.

12.      L-Artikolu 2(h), jindika:

“It-titjib tal-kompetittività tas-suq intern tal-enerġija elettrika u l-parteċipazzjoni attiva fl-iffurmar kemm tas-suq reġjonali kif ukoll tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea u fl-iżvilupp tal-iskambji transkonfinali”.

13.      Il-punt 49 tal-Artikolu 3 jiddefinixxi s-“suq iċċentralizzat” b’dan il-mod:

“Qafas organizzat għat-twettiq ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika bejn diversi operaturi ekonomiċi, bil-parteċipazzjoni tal-operatur tas-suq tal-enerġija elettrika jew mill-operatur tat-trasport u s-sistema, abbażi ta’ regoli speċifiċi approvati mill-awtorità kompetenti”.

14.      Skont l-Artikolu 20(1):

“Is-suq tal-enerġija elettrika għandu jkun magħmul kemm mis-suq irregolat kif ukoll mis-suq miftuħ għall-kompetizzjoni, u l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika għandha titwettaq bl-ingrossa jew bl-imnut”.

15.      B’riferiment għall-Artikolu 23(1):

“Il-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika għandha ssir fis-suq kompetittiv b’mod trasparenti, pubbliku, iċċentralizzat u mhux diskriminatorju”.

16.      L-Artikolu 28(c), jipprovdi:

“Il-produtturi għandhom prinċipalment l-obbligi li ġejjin: li jwettqu l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika u tas-servizzi teknoloġiċi tas-sistema fis-suq irregolat u fis-suq kompetittiv b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju”.

II.    Il-kawża u d-domanda preliminari

17.      Is-Societatea de Producere a Energiei Electrice în Hidrocentrale Hidroelectrica SA (iktar ’il quddiem “Hidroelectrica”) hija kumpannija Rumena rregolata mid-dritt privat li l-assi tagħha jappartjenu fil-biċċa l-kbira tagħhom lill-Istat. L-għanijiet tagħha, inter alia, jinkludu t-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika u hija d-detentur ta’ liċenzji għall-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija elettrika.

18.      Hidroelectrica hija wkoll detentur ta’ liċenzja ta’ trading maħruġa mill-awtorità regolatorja tal-Ungerija.

19.      Wara li kisbet din il-liċenzja, minn Diċembru 2014 din il-kumpannija kkonkludiet kuntratti għall-bejgħ tal-enerġija elettrika permezz ta’ pjattaforma ċċentralizzata Ungeriża ta’ kummerċjalizzazzjoni, suq li jinsab fost dawk irrikonoxxuti mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (iktar ’il quddiem, l-“Aġenzija”) għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji fil-qasam tal-enerġija.

20.      Fil‑11 ta’ Mejju 2015, l-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei (l-Awtorità Nazzjonali Regolatorja fil-Qasam tal-Enerġija, iktar ’il quddiem, l-“ANRE”) innotifikat lil Hidroelectrica dwar l-impożizzjoni ta’ multa ta’ 50 000 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 10 426) “minħabba li ma offrietx b’mod trasparenti l-enerġija elettrika kollha disponibbli fis-suq kompetittiv tal-enerġija elettrika tar-Rumanija u minħabba li esportat parti mill-enerġija elettrika li pproduċiet lejn is-suq tal-enerġija elettrika tal-Ungerija, b’tali mod li kisret il-leġiżlazzjoni fis-seħħ”.

21.      L-ANRE bbażat is-sanzjoni tagħha fuq l-Artikolu 23(1) u fuq l-Artikolu 28(c) tal-Liġi Nru 123/2012, billi interpretathom fis-sens li l-obbligu tal-produtturi nazzjonali li joffru l-enerġija elettrika kollha disponibbli b’mod pubbliku u mhux diskriminatorju f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni jeħtieġ li dan għandhom jagħmluh permezz tal-pjattaformi Opcom SA (jiġifieri fis-suq nazzjonali ċċentralizzat tal-enerġija elettrika tar-Rumanija) (6).

22.      Fir-Rumanija, skont l-ANRE, produttur ma għandux dritt li jesporta direttament l-enerġija elettrika lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Din l-imġiba tikser il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, b’mod impliċitu, l-eżiġenzi marbuta mal-liċenzja tal-produzzjoni, u tiġi ssanzjonata permezz ta’multa amministrattiva.

23.      Hidroelectrica kkontestat is-sanzjoni quddiem il-Judecătorie Sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Settur 1 ta’ Bukarest, ir-Rumanija) billi invokat in-nullità tagħha minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-oġġetti. B’mod partikolari, hija sostniet li l-ANRE kienet interpretat l-Artikolu 23(1) tal-Liġi Nru 123/2012 f’termini li jmorru kontra t-teoriji tal-Consiliul Concurenței (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) u dawk preċedenti għalihom.

24.      B’kunsiderazzjoni għad-domanda ta’ Hidroelectrica fl-ewwel istanza, l-ANRE appellat quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tad-Distrett ta’ Bukarest), li għamlet din id-domanda preliminari:

“L-Artikolu 35 TFUE jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 28(c) tal-[Liġi Nru 123/2012] li abbażi tagħha l-produtturi tal-elettriku fir-Rumanija huma meħtieġa jikkumerċjalizzaw l-elettriku kollu prodott minnhom esklużivament f’suq kompetittiv iċċentralizzat fir-Rumanija, ladarba huwa possibbli li l-enerġija tiġi esportata, mhux direttament, iżda permezz ta’ kumpanniji kummerċjali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ottubru 2018. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-ANRE, mill-Gvern tar-Rumanija u mill-Kummissjoni.

26.      Waqt is-seduta pubblika tat‑23 ta’ Jannar 2020, dehru l-ANRE, Hidroelectrica, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

27.      L-ANRE poġġiet f’dubju l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari peress li fil-fehma tagħha l-qorti tar-rinviju ma tqajjimx dubji fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda minflok tqabbel dan tal-aħħar ma’ interpretazzjoni speċifika ta’ liġi nazzjonali. Hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tipparteċipa f’dibattitu dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ regola ta’ dritt nazzjonali (7).

28.      Fil-fatti li wasslu għall-kawża hemm interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 123/2012 li ma hijiex uniformi. L-ANRE twettaq qari tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 28(c) tal-Liġi Nru 123/2012, li f’konformità magħha l-kummerċjalizzazzjoni kollha bl-ingrossa tal-enerġija elettrika għandha titwettaq esklużivament fil-pjattaformi ta’ Opcom. Madankollu, skont id-digriet tar-rinviju, qrati oħra Rumeni jaslu għal konklużjonijiet differenti (8).

29.      Il-qorti tal-ewwel istanza aċċettat interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li wassluha sabiex tilqa’ r-rikors ta’ Hidroelectrica. Fl-appell, l-ANRE tinsisti, min-naħa l-oħra, fuq interpretazzjoni stretta, li l-aċċettazzjoni tagħha timplika l-legalità tas-sanzjoni imposta (9).

30.      L-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tiġi evalwata. L-għan tal-qorti tar-rinviju ma huwiex li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Liġi Nru 123/2012 billi tiċċara liema miż-żewġ linji ermenewtiċi eżistenti hija dik korretta mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali. Dak li jiġri huwa li, wara li tiġi adottata waħda minn dawn l-interpretazzjonijiet kontenzjużi (dik “restrittiva”), ikun hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

31.      Id-domanda preliminari hija limitata sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 35 TFUE jipprekludix is-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika li tirriżulta mill-interpretazzjoni restrittiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi d-dibattitu intern dwar l-aqwa interpretazzjoni tal-legalità nazzjonali. Dak li għandha tagħmel, billi titqies bħala bażi l-leġiżlazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju (10), huwa li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni (issa, tal-Artikolu 35 TFUE), u għaldaqstant li tiżgura interpretazzjoni uniformi tagħha li torbot lill-awtoritajiet kollha u l-qrati tal-Istati Membri kollha (11).

B.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 35 TFUE

32.      Il-Gvern Rumen u l-ANRE jsostnu li, minħabba l-armonizzazzjoni leġiżlattiva mwettqa mir-Regolament 2015/1222 ma jistax jiġi applikat l-Artikolu 35 TFUE.

33.      F’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, “meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju” (12).

34.      Madankollu, mingħajr il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk ir-Regolament 2015/1222 jarmonizzax il-kwistjoni b’mod eżawrjenti, għandu jiġi kkonstatat li dan daħal fis-seħħ fis‑26 ta’ Lulju 2015 filwaqt li l-fatti li taw lok għas-sanzjoni seħħew bejn Diċembru 2014 u Frar 2015. Dan ir-regolament ma japplikax għalihom ratione temporis.

35.      Fi kwalunkwe każ, lanqas ma japplika ratione materiae, peress li, bħalma indikat Hidroelectrica fis-seduta, il-monopolju li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna biss lis-swieq għal żmien qasir (swieq ta’ kuljum u tal-istess ġurnata) u mhux lis-swieq kontenzjużi (kummerċjalizzazzjoni fuq żmien medju u fit-tul u kuntratti bilaterali).

36.      Bħalma indikat il-Kummissjoni (13), id-Direttiva 2009/72, bħala r-regola prinċipali tas-suq intern tal-elettriku, ma tinvolvix armonizzazzjoni sħiħa. B’mod partikolari, ma fihiex regoli speċifiċi fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku.

37.      Fl-assenza ta’ din l-armonizzazzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku fis-swieq tal-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-Trattati. Infakkar li l-enerġija elettrika hija merkanzija għall-finijiet tal-Artikoli 34 TFUE u 35 TFUE (14).

C.      Fuq il-mertu

38.      Skont l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali aċċettata mill-qorti tar-rinviju, il-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika bl-ingrossa għandha titwettaq fuq pjattaforma ċċentralizzata fir-Rumanija, mingħajr ma l-produtturi jkunu jistgħu jesportaw din l-enerġija direttament lejn swieq ta’ Stat Membru ieħor.

39.      Mid-digriet tar-rinviju huwa dedott li l-Liġi Nru 123/2012 ma timpedixxix b’mod assolut l-esportazzjoni tal-enerġija elettrika. Din il-projbizzjoni tapplika għall-ġeneraturi li għandhom neċessarjament ibigħu l-produzzjoni tagħhom fis-suq nazzjonali ċċentralizzat. Min-naħa l-oħra, bħalma ġie kkonfermat fis-seduta, l-intermedjarji (traders) li jixtru din l-enerġija f’dan is-suq sussegwentement jistgħu jesportawha lejn Stati Membri oħra (15).

40.      Minkejja li kien is-suġġett ta’ dibattitu estensiv matul is-seduta, nibża’ li kien impossibbli li wieħed jieħu idea tajba tal-karatteristiċi tas-suq Rumen tal-elettriku li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika. Madankollu, fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna din il-proċedura, jidher li hemm ċertu qbil dwar il-punti li ġejjin:

–        il-produtturi bl-ingrossa għandhom l-obbligu li joperaw permezz ta’ Opcom, pjattaforma fejn għandhom jinnegozjaw l-elettriku kollu li jiġġeneraw;

–        dawn il-produtturi ma jistgħux, għaldaqstant, jikkonkludu kuntratti fuq żmien medju u fit-tul sabiex jesportaw lejn Stati Membri oħra l-enerġija elettrika li jiġġeneraw u lanqas ma jista’ jkollhom aċċess għas-swieq iċċentralizzati ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra;

–        huwa possibbli li jiġu konklużi kuntratti bilaterali ta’ esportazzjoni biss permezz ta’ intermedjarji (traders) li jkunu kisbu l-enerġija elettrika preċedentement fis-suq bl-ingrossa.

–        dawn ir-restrizzjonijiet ma jseħħux fis-suq għal żmien qasir (ta’ kuljum u tal-istess jum), li l-volum ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu ikun iktar baxx minn dak tas-suq bl-ingrossa.

41.      F’din il-kawża hija kkontestata, bħalma diġà ngħad, sanzjoni li ġiet imposta fuq Hidroelectrica minħabba li esportat enerġija elettrika barra mill-pjattaforma ta’ Opcom, f’konformità mal-interpretazzjoni tal-liġi Rumena sostnuta mill-ANRE.

1.      L-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-esportazzjoni

42.      Għandu jiġi ċċarat, l-ewwel nett, jekk il-projbizzjoni tal-fatt li aġent ekonomiku li jipproduċi l-elettriku fir-Rumanija jesportah lejn Stat Membru ieħor, mingħajr ma jgħaddi minn pjattaforma stabbilita mil-liġi nazzjonali, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni “l-miżuri nazzjonali li għandhom bħala għan jew effett li jillimitaw speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni u li jistabbilixxi wkoll trattament differenti bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu, b’mod li jagħti vantaġġ partikolari lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq domestiku tal-Istat ikkonċernat, bi preġudizzju għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħra” (16).

44.      Il-Liġi Nru 123/2012, kif interpretata mill-ANRE, tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni diretta (mingħajr l-intermedjazzjoni tal-pjattaformi ta’ Opcom) bejn il-produtturi tal-enerġija elettrika Rumeni u l-klijenti potenzjali tagħhom fi Stat Membru ieħor.

45.      Għalkemm din il-projbizzjoni tapplika wkoll għall-produtturi tal-enerġija elettrika maħsuba għall-konsum domestiku, hija t-teorija tal-Qorti tal-Ġustizzja li “miżura nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha attivi fit-territorju nazzjonali li taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 TFUE” (17).

46.      Il-Kummissjoni ssostni li dan huwa l-każ f’din il-kawża, fehma li jiena nikkondividi. Ir-regola nazzjonali għandha effett dissważiv fuq l-esportazzjonijiet u ma tittrattax bl-istess mod is-suq nazzjonali ċċentralizzat li huwa ġestit minn Opcom, u s-swieq simili tal-elettriku fil-kumplament tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk is-sistema Rumena taġġusta lilha nnifisha verament għall-mudell deskritt mill-partijiet matul is-seduta, il-Kummissjoni tqis li s-sistema inkwistjoni tkun tinvolvi diskriminazzjoni diretta mhux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (18).

47.      Fl-aħħar nett il-Gvern Rumen jaċċetta l-effett restrittiv allegat mill-Kummissjoni. Huwa jargumenta li l-esportazzjoni tal-elettriku permezz ta’ kuntratti bilaterali u barra mill-pjattaforma ċċentralizzata “timplika t-tnaqqis tal-elettriku disponibbli sabiex ikopri l-kurva tal-konsum domestiku, li impliċitament iwassal għall-ħtieġa li tiġi koperta permezz ta’ importazzjonijiet” (19).

48.      Dan l-argument jiżvela li l-għan tal-miżura leġiżlattiva (jew wieħed mill-għanijiet) huwa li l-esportazzjoni tal-enerġija elettrika tkun suġġetta għall-kundizzjoni preċedenti li jiġi ssodisfatt il-konsum domestiku. B’dan il-mod tiġi rrikonoxxuta mingħajr ambigwitajiet ir-restrizzjoni imposta fuq il-produtturi nazzjonali biex ikollhom aċċess għas-suq barrani, peress li huma pprojbiti, fit-termini spjegati iktar ’il fuq, milli jwettqu esportazzjoni diretta.

49.      Din il-preskrizzjoni hija għaldaqstant stabbilita fost dawk li, skont is-sentenza Gysbrechts u Santurel Inter, għandhom “bħala għan jew effett li jillimitaw speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni” (20). Anki jekk tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju għall-aġenti ekonomiċi kollha li jiġġeneraw l-enerġija elettrika, din “taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali” preċiżament minħabba li tagħti prijorità lill-provvista nazzjonali u, f’dan is-sens, tipprivileġġaha għad-detriment tal-kummerċ barrani.

2.      Ġustifikazzjonijiet eventwali tar-restrizzjoni nnotifikata

50.      Miżura restrittiva tista’ tiġi ġġustifikata kemm bis-saħħa tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE kif ukoll bis-saħħa tar-rekwiżiti imperattivi bbażati fuq l-interess ġenerali, sakemm il-miżura tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex (21).

a)      Is-sodisfazzjon ta’ raġuni jew rekwiżit ġustifikattivi

51.      Hija ġurisprudenza stabbilita li għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-projbizzjonijiet li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija (22).

52.      Fid-digriet tar-rinviju ma tissemma qatt il-ġustifikazzjoni eventwali tal-Liġi Nru 123/2012.

53.      Madankollu ma hemm ebda problema li jiġi ammess li, bħalma tifhem il-Kummissjoni u bħalma jikkonferma l-Gvern Rumen (23), l-intenzjoni tal-leġiżlatur setgħet kienet li jiżgura li l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika bl-ingrossa fis-suq kompetittiv titwettaq b’mod pubbliku u ċċentralizzat, skont il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, u b’hekk jiġi eskluż il-bejgħ bilaterali u mhux trasparenti bejn il-produtturi u l-operaturi ekonomiċi l-oħra (24).

54.      Il-Gvern Rumen iżid tieni ġustifikazzjoni ma’ din il-ġustifikazzjoni, evalwata fil-garanzija ta’ provvista ta’ enerġija elettrika, kif ukoll tielet ġustifikazzjoni: il-protezzjoni tal-konsumaturi.

55.      Fil-fatt, huwa jinvoka l-għan li tiġi ssalvagwardjata, favur il-konsumaturi, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, billi jagħmel riferiment għall-premessa 51 tad-Direttiva 2009/72, li tagħmel riferiment għall-interessi tal-konsumaturi bħala interessi li għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-direttiva (25).

56.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Rumen jenfasizza li l-esportazzjoni tal-enerġija permezz ta’ kuntratti bilaterali tinvolvi “t-tnaqqis tal-elettriku disponibbli sabiex tiġi koperta l-kurva tal-konsum domestiku” u tkun teħtieġ, fejn ikun xieraq, l-importazzjoni tal-enerġija elettrika biż-żieda konsegwenti tal-prezzijiet (26).

57.      Għaldaqstant jista’ jkun hemm qbil li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża huma, minn naħa, it-trasparenza tas-suq tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata l-provvista xierqa tal-enerġija elettrika għall-konsum domestiku.

58.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni fis-sens li l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet (il-garanzija li l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku titwettaq b’mod trasparenti) jista’ jiġi kklassifikat taħt “rekwiżiti obbligatorji fl-interess ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xierqa sabiex tiġġustifika restrizzjoni eventwali għall-esportazzjoni.

59.      Fir-rigward tat-tieni għan, skont il-ġurisprudenza, il-protezzjoni tal-provvista tal-enerġija tiġi integrata b’mod naturali fost il-ġustifikazzjonijiet għar-raġunijiet ta’ sigurtà pubblika msemmija fl-Artikolu 36 TFUE (27). Fl-Artikolu 194(1)(b) TFUE, il-leġiżlatur ewlieni tal-Unjoni jidentifika l-garanzija tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bħala wieħed mill-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni (28).

60.      Madankollu, huwa l-Istat Membru li għandu juri li l-leġiżlazzjoni li tirriżulta minn dawn il-ġustifikazzjonijiet hija neċessarja u xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija u hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jinkisbu permezz ta’ projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet ta’ firxa inqas jew li jaffettwaw inqas il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (29).

b)      In-natura neċessarja u xierqa tal-miżura kontenzjuża

61.      Iċ-ċentralizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika bl-ingrossa fuq pjattaforma waħda tista’, fl-astratt, tkun xierqa kemm sabiex tippreżerva l-provvista tal-konsum nazzjonali kif ukoll sabiex tiżgura t-trasparenza ta’ din il-kummerċjalizzazzjoni.

62.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, minħabba l-karatteristiċi ta’ din il-pjattaforma (ġestita minn operatur maħtur mill-awtoritajiet nazzjonali), iċ-ċentralizzazzjoni ġewwa fiha tal-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika: a) tikkostitwixxi mezz xieraq, rilevanti u effikaċi sabiex tiġi żgurata l-provvista domestika; u b) tiżgura kundizzjonijiet suffiċjenti ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni.

63.      Fil-qafas tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru, għandhom ikollhom magħhom il-provi xierqa jew analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu” (30).

c)      In-natura proporzjonata tar-restrizzjoni

64.      Fil-fehma tiegħi, anki li kieku kellu jkun aċċettat li ċ-ċentralizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni imposta (skont l-interpretazzjoni tal-ANRE) mil-Liġi Nru 123/2012 hija xierqa sabiex jinkiseb l-għan leġittimu mistenni, din il-preskrizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, peress li jistgħu jkunu previsti miżuri inqas restrittivi tal-libertà garantita mill-Artikolu 35 TFUE.

1)      Fir-rigward tat-trasparenza

65.      Fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata t-trasparenza, nikkondividi bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni: mingħajr ma naslu fl-estrem li tiġi pprojbita l-esportazzjoni diretta lejn Stati Membri oħra barra mill-pjattaforma ċċentralizzata, huwa possibbli li jintużaw l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jiġbru flimkien l-Artikoli 36 sa 38 tad-Direttiva 2009/72.

66.      Wieħed mill-obbligi ta’ dawn l-awtoritajiet regolatorji huwa, sa fejn huwa ta’ interess hawnhekk, dak li “jissorveljaw il-livell ta’ trasparenza, inkluż tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa, [kif ukoll] jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-elettriku” (31).

67.      L-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet regolatorji huma mmirati lejn “il-promozzjoni […] ta’ suq intern fl-elettriku li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli […] u ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Komunità kif ukoll li jkunu żgurati kondizzjonijiet adegwati għat-tħaddim effettiv u affidabbli tan-netwerks tal-enerġija, meta jitqiesu l-objettivi fuq medda twila ta’ żmien”, dejjem “f’koperazzjoni mill-qrib […] [ma]l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħrajn” (32).

68.      Id-dmir ta’ kooperazzjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2009/72: l-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw, inter alia, biex “jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ arranġamenti operattivi sabiex tkun possibbli l-aħjar ġestjoni tan-network, jiġu promossi skambji konġunti tal-elettriku u l-allokazzjoni ta’ kapaċità transkonfinali, u sabiex ikun possibbli livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni […], sabiex jitħalla lok għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u t-titjib tas-sigurtà tal-provvista, bla ma jkun hemm diskriminazzjoni bejn l-intrapriżi tal-forniment fi Stati Membri differenti” (33).

69.      F’dan il-kuntest, xejn ma jipprekludi li, bħalma targumenta l-Kummissjoni, l-ANRE tħejji lista tal-pjattaformi ta’ negozjar affidabbli, jiġifieri, kapaċi li jiżguraw kummerċjalizzazzjoni trasparenti u nondiskriminatorja. Tista’ tkun valida għal dan il-kompitu:

–        tal-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2009/72, dwar il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni reċiproka ta’ dawn l-awtoritajiet, li tipprevedi l-provvista reċiproka ta’ “kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jaqdu l-kompiti tagħhom”; u

–        tas-setgħa mogħtija lil dawn l-awtoritajiet mit-Taqsima 3 tal-istess dispożizzjoni, sabiex “jikkonkludu ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ xulxin sabiex titħeġġeġ il-koperazzjoni regolatorja”.

70.      Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 1227/2011, li għandu l-għan li jiżgura l-garanzija tal-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, ifassal mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji li jistgħu jkunu utli:

–        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tiegħu jindika li “[l]-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkooperaw f’livell reġjonali u mal-Aġenzija biex jitwettaq il-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa”. Kif previst fit-Taqsima 1 tal-istess dispożizzjoni, b’hekk jistgħu “[…] [jivverifikaw] l-attività ta’ negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa sabiex tiskopri [jiskopru] u tipprevjeni [jipprevjenu] negozjar ibbażat fuq informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq” (34).

–        L-Artikolu 9 tiegħu jipprevedi l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew tal-parteċipanti fis-suq, fejn għandha tiġi rreġistrata l-informazzjoni l-iktar rilevanti tat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa, inkluż, b’mod konformi mal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, “l-identifikazzjoni preċiża tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa mixtrija u mibjugħa, il-prezz u l-kwantità miftiehma, id-dati u l-kalendarju tal-eżekuzzjoni, il-partijiet involuti fit-tranżazzjoni u l-benefiċjarji tat-tranżazzjoni u kull informazzjoni rilevanti oħra”. Dan ir-reġistru, konformi mat-Taqsima 3 tal-istess Artikolu 9, għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

71.      Għaldaqstant, nifhem li t-trasparenza tista’ tintlaħaq mingħajr ma jiġi impost l-obbligu li l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku bl-ingrossa titwettaq biss fuq pjattaformi ġestiti minn operatur nazzjonali wieħed, jiġifieri, li jiġu esklużi l-pjattaformi ta’ Stati Membri oħra li jiżguraw kundizzjonijiet identitiċi ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni.

72.      Fil-fatt jeżistu strumenti regolatorji suffiċjenti sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tas-suq tal-elettriku mingħajr il-ħtieġa li wieħed jistenna, bħalma sostniet l-ANRE matul is-seduta, l-armonizzazzjoni sħiħa tas-settur.

2)      Fir-rigward tal-garanzija tal-provvista

73.      Fir-rigward tal-garanzija tal-provvista tal-konsum nazzjonali tal-enerġija, nemmen ukoll li huwa essenzjali li l-produtturi jkunu pprojbiti, b’mod ġenerali, li jesportaw l-elettriku direttament barra mill-pjattaforma ġestita minn Opcom, meta huma possibbli miżuri inqas radikali.

74.      Diġà kkonfermajt li peress li l-enerġija hija element strateġiku fundamentali għall-Istati Membri l-garanzija tal-provvista regolari tagħhom tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali kbir.

75.      Madankollu, “provvista regolari” ma tfissirx neċessarjament “provvista bl-aqwa prezz”. U dan jidher li huwa l-veru skop tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża li, skont il-Gvern Rumen, timmira li tevita ż-żieda fil-prezzijiet inerenti fil-ħtieġa li tiġi importata l-enerġija elettrika (35).

76.      Li kieku l-kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi jew kummerċjali jkunu jistgħu jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-esportazzjoni diretta, ikun jitqiegħed f’dubju l-prinċipju tas-suq intern innifsu. Id-differenza hija li f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jirriżultaw minn ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jinvokaw raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u interess ġenerali sabiex jipprekludu l-esportazzjoni tal-enerġija elettrika. Madankollu, il-fatt li dan isir b’mod sistematiku, mingħajr skop ieħor ħlief dak li tiġi evitata l-kompetizzjoni libera u jinkiseb prezz aħjar għall-konsum domestiku, ikun imur lil hinn, fil-fehma tiegħi, mir-raġunijiet leġittimi ta’ restrizzjoni awtorizzati mill-Artikolu 36 TFUE jew mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni jew il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti.

77.      Bħalma ġie enfasizzat fis-seduta, Hidroelectrica ma tikkontestax il-punt li għandha tissodisfa d-dispożizzjonijiet legali li jeħtiġuha żżomm disponibbli kwantità speċifika ta’ enerġija elettrika, preċiżament sabiex tippreżerva l-provvista nazzjonali. Dak li tippretendi huwa li tkun tista’ tinnegozja l-kumplament tal-elettriku li tipproduċi, kemm permezz ta’ kuntratti bilaterali, kif ukoll fi swieq oħra minbarra l-pjattaforma ċċentralizzata ta’ Opcom.

78.      Jekk dan huwa minnu, il-projbizzjoni assoluta ta’ esportazzjoni tal-enerġija elettrika mhux strettament essenzjali għall-garanzija minima tal-provvista tirriżulta li hija waħda sproporzjonata.

79.      Barra minn hekk, ma jidhirx li huwa koerenti ħafna mal-imsemmi għan li l-intermedjarji (traders) jistgħu jixtru l-enerġija elettrika f’dan is-suq bl-ingrossa sabiex, sussegwentement, u mingħajr restrizzjonijiet simili għal dawk imposti fuq il-produtturi, jesportawha lejn Stati Membri oħra.

80.      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, bħalma jipprovdi r-Regolament 2015/1222, is-sigurtà tal-provvista “hija marbuta intrinsikament mal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fl-elettriku u l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku iżolati tal-Istati Membri” (36).

81.      F’dan l-istess kuntest, il-premessa 44 tad-Direttiva 2009/72 tista’ tinqara fis-sens li l-garanzija tas-sigurtà tal-provvista timplika s-sorveljanza tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fl-Istati Membri differenti, iżda mingħajr ma wieħed jinżamm fuq dan il-livell, jirriżulta li huwa neċessarju li din is-sorveljanza “tkun segwita b’rapport dwar is-sitwazzjoni fil-livell Komunitarju, b’kont meħud tal-kapaċità ta’ interkonettività bejn iż-żoni”.

82.      L-esportazzjoni/importazzjoni tal-elettriku bejn l-Istati Membri huma, għaldaqstant, element fundamentali għall-garanzija tal-provvista kemm f’kull Stat Membru kif ukoll fl-Unjoni fl-intier tagħha. Fl-aħħar nett, din tikkonċerna salvagwardja li tikkunsidra b’mod ugwali d-dimensjonijiet nazzjonali u dawk Ewropej tas-suq tal-elettriku għall-finijiet tas-sigurtà tal-provvista fiż-żewġ livelli, liema fatt jippermetti li jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tas-suq intern bir-riżorsi tas-suq tal-Unjoni.

V.      Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qortii tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tad-Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:

“L-Artikolu 35 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, billi tistabbilixxi l-obbligu li fi pjattaforma waħda ġestita minn operatur maħtur mill-awtoritajiet nazzjonali tiġi ċċentralizzata l-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika bl-ingrossa, tipprojbixxi lill-produtturi li jesportawha direttament lejn Stati Membri.

Din il-miżura ma tistax tiġi ġġustifikata, b’mod ġenerali, abbażi tar-raġunijiet ta’ trasparenza jew ta’ sigurtà tal-provvista meta dawn tal-aħħar jikkunsidraw raġunijiet ta’ natura ekonomika dwar iż-żieda tal-prezzijiet li jirriżultaw wara l-importazzjoni eventwali tal-enerġija elettrika”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


3      Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU 2011, L 326, p. 1).


4      Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).


5      Liġi Nru 123/2012 dwar l-enerġija elettrika u l-gassijiet naturali (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 123/2012”).


6      Fit‑13 ta’ Frar 2015, l-ANRE ppubblikat fis-sit internet tagħha stqarrija intitolata “Interpretazzjoni tal-ANRE tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi [Nru 123/2012] fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni tal-enerġija elettrika mill-produtturi”. Fir-rigward tal-Artikoli 23 u 28 tal-Liġi Nru 123/2012, f’din l-istqarrija ġie ddikjarat, hekk kif inhu miġbur fid-digriet tar-rinviju, li, “skont l-interpretazzjoni tal-ANRE, l-enerġija elettrika kollha disponibbli għandha tiġi offruta b’mod trasparenti, pubbliku, mhux diskriminatorju u ċċentralizzat fuq il-pjattaformi Opcom”, jiġifieri, fis-suq iċċentralizzat tal-enerġija elettrika tar-Rumanija. Bi qbil mal-Kummissjoni, l-istqarrija kompliet tikkonferma li “produttur jista’ joħloq kumpannija kummerċjali fir-Rumanija jew f’pajjiż ieħor, iżda din il-kumpannija tista’ tikseb biss l-elettriku prodott mill-produttur jekk, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’wieħed mis-sistemi tan-negozjar ġestiti minn Opcom fejn jipparteċipa wkoll il-produttur, il-kuntratt jingħata għall-offerta tiegħu jew għal offerta simili” (punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni).


7      Punt 1(6) tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ANRE.


8      Il-punt 6 tad-digriet tar-rinviju jagħmel riferiment għal sentenza maħruġa mill-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bukarest, li fiha din tiżgura li t-“twettiq ta’ kummerċjalizzazzjoni barra mill-pjattaformi ċċentralizzati ta’ Opcom ma jikkostitwixxix neċessarjament ksur tal-Artikolu 23(1) tal-Liġi [Nru 123/2012]”.


9      Fil-konfront ta’ din l-interpretazzjoni, li l-Kummissjoni ssejjaħ bħala “restrittiva” (punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), ma hemmx nuqqas min-naħa ta’ min jippreferi interpretazzjoni “wiesgħa” (punt 21 tal-istess osservazzjonijiet bil-miktub) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Anki l-awtorità Rumena tal-kompetizzjoni esprimiet ruħha favur din tal-aħħar f’rapport tal‑25 ta’ Frar 2015. Fid-digriet tar-rinviju hija traskritta parti minn dan ir-rapport, bħalma huwa allegat minn Hidroelectrica, li “l-Liġi Nru 123/2012 […], li tobbliga lill-parteċipanti fis-suq jikkonkludu kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa biss fis-swieq iċċentralizzati, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-produtturi tal-enerġija elettrika jistgħu jwettqu direttament (jew permezz ta’ kumpanniji tal-grupp tagħhom) bejgħ maħsub għall-esportazzjoni”.


10      Il-funzjoni tad-definizzjoni tal-fatti u tas-sistema regolatorja li fiha tidħol id-domanda preliminari hija esklużiva għall-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicio, C‑260/07, EU:C:2009:215, punt 29. Dan huwa irrispettivament mill-fatt li l-interpretazzjoni aċċettata mill-qorti tar-rinviju tista’ finalment tiġi kkontradetta mill-istanzi ġudizzjarji superjuri, li għalihom huwa xieraq li tiġi armonizzata l-ġurisprudenza dwar il-legalità nazzjonali. Jekk dan ikun il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura tista’ ma tkunx suffiċjenti sabiex jitneħħew dubji eventwali dwar il-kompatibbiltà ma’ dan id-dritt, li tqajmu b’riżultat tal-interpretazzjoni l-ġdida tad-dispożizzjoni legali nazzjonali. Madankollu, ser tkompli tiġi applikata l-interpretazzjoni awtorizzata tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest fattwali u regolatorju li rriżultat f’din id-domanda preliminari.


11      Interpretazzjoni li, barra minn hekk, ma tistax issir għalxejn iżda dejjem fil-kuntest ta’ tilwima ġenwina (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 18) u, għaldaqstant, b’rabta mal-applikazzjoni tar-regoli li r-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwima għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.


12      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Punti 25 sa 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


14      Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tas‑27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 28).


15      Il-Gvern Rumen jistqarr li l-livell ta’ esportazzjoni tal-elettriku mir-Rumanija fis-snin 2014 u 2016 kien ta’ 8 200 GWh u 8 587 GWh, rispettivament (punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


16      Is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, (C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 40) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Gysbrechts u Santurel Inter”). Teorija li, bħalma jindika l-Gvern Rumen, tmur lura għas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 1979, Groenveld (15/79, EU:C:1979:253, punt 7).


17      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, ZPT (C‑518/16, EU:C:2018:126, punt 43) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza ZTP”).


18      Il-produtturi Rumeni tal-elettriku huma mċaħħda milli jirrikorru għas-swieq ta’ Stati Membri oħra, kemm jekk ikunu ċċentralizzati, jew kif ukoll permezz ta’ kuntratti bilaterali, u għaldaqstant huma pprojbiti milli jkollhom aċċess għal numru ogħla ta’ xerrejja potenzjali u li jinnegozjaw kundizzjonijiet ta’ bejgħ iktar favorevoli (pereżempju fir-rigward tal-prezzijiet jew il-perjodi ta’ kunsinna).


19      Punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen.


20      Sentenza Gysbrechts u Santurel Inter, punt 40.


21      Sentenza Gysbrechts u Santurel Inter, punt 45


22      Inter alia, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punti 53 u 54) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Scotch Whisky Association”).


23      Punt 36 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


24      Punt 42 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. L-għan tal-Liġi Nru 123/2012 għaldaqstant ikun li tiżgura t-trasparenza u l-integrità tas-suq, billi tevita negozjar dirett li jista’ jqajjem suspetti fl-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ kompetizzjoni li huwa karatteristika ta’ pjattaforma ċċentralizzata u rregolata.


25      Punt 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen.


26      Loc. ult. cit., punt 41.


27      Il-Gvern Rumen jinvoka s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campul Oil et (72/83, EU:C:1984:256), fejn fil-punt 34 huwa spjegat li, “minħabba l-importanza eċċezzjonali tagħhom bħala sors tal-enerġija fl-ekonomija moderna, il-prodotti petrolifiċi huma essenzjali għall-eżistenza ta’ Stat inkwantu jiddependu minnhom il-funzjonament, mhux tal-ekonomija tiegħu biss iżda wkoll tal-istituzzjonijiet u s-servizzi pubbliċi essenzjali kollha tiegħu, inkluża s-sopravivenza tal-poplu tiegħu. Għaldaqstant, l-interruzzjoni tal-provvista ta’ prodotti petrolifiċi u r-riskji li jirriżultaw minnha għall-eżistenza ta’ Stat jistgħu jaffettwaw serjament is-sigurtà pubblika tiegħu li huwa mħares mill-Artikolu 36”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


28      Il-premessa 5 tad-Direttiva 2009/72 tipprevedi li “[i]l-[p]rovvista sigura ta’ elettriku hija ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea, għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli għall-bidla fil-klima, kif ukoll sabiex titkattar il-kompetittivitá fi ħdan is-suq intern […]”.


29      Sentenzi Scotch Whisky Association, punti 37 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tat‑22 ta’ Ġunju 2017, EON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 90).


30      SentenzaScotch Whisky Association, punt 54.


31      Artikolu 37(1)(i), tad-Direttiva 2009/72.


32      Artikolu 36(a), tad-Direttiva 2009/72.


33      Artikolu 38(2)(a) tad-Direttiva 2009/72.


34      Dan il-kompitu jiġi ffaċilitat bil-fatt li, skont it-Taqsima 2 tal-imsemmi Artikolu 7, “l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti miżmuma mill-Aġenzija”.


35      Punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen.


36      Premessa 2 tar-Regolament 2015/1222.