Language of document : ECLI:EU:T:2013:403

Kawża T‑24/11

Bank Refah Kargaran

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata, li sadanittant ġiet revokata — Ammissibbiltà ta’ talbiet ġodda — Limiti — Atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati

2.      Proċedura ġudizzjarja — Atti li jħassru u li jissostitwixxu fil-mori tal-kawża l-atti kkontestati — Talba mressqa fil-mori tal-kawża biex it-talbiet għal annullament jiġu adattati — Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet fundamentali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi — Inklużjoni — Responsabbiltà tal-Istat terz għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu — Assenza ta’ effett

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu biex il-motivazzjoni tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata — Limiti — Sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom — Motiv uniku li ma jinvolvix preċiżazzjonijiet dwar ir-relazzjoni żgurata mir-rikorrent għal tranżazzjonijiet bankarji illegali — Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 24(3); Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3) Nru 961/2010, Artikolu 36(3) u Nru 267/2012, Artikolu 46(3))

5.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Annullament f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinvolvu miżuri restrittivi identiċi — Riskju ta’ dannu serju għaċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel minn dawn l-atti sakemm jidħol fis-seħħ l-effett tal-annullament tat-tieni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Anness II; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Anness IX)

6.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Dħul fis-seħħ tal-effett tal-annullament ta’ regolament mill-iskadenza tat-terminu tal-appell jew miċ-ċaħda tiegħu — Applikazzjoni ta’ dan it-terminu mad-dħul fis-seħħ tal-effett tal-annullament tad-deċiżjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 u l-Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Anness II; Regolamenti tal-Kunsill Nru 961/2010, Anness VIII, Nru 1245/2011 u Nru 267/2012, Anness IX)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31, 32)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47, 49)

3.      La l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas it-Trattati ma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeskludu l-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa dispożizzjoni proċedurali li ma hijiex applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li Stat firmatarju ta’ din il-Konvenzjoni jkun rikorrent u konvenut fl-istess ħin quddiem l-imsemmija qorti. Barra minn hekk, il-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu stess huwa irrilevanti fir-rigward tal-portata tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ dan l-istess Stat fit-territorju ta’ Stati terzi. Fl-aħħar nett, la l-fatt li Stat għandu l-parti l-kbira tal-kapital ta’ persuna ġuridika, u lanqas il-fatt li s-servizzi bankarji pprovduti minn dan tal-aħħar huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ Stat ma jagħtu lil dawn l-attivitajiet il-kwalità ta’ servizz pubbliku u ma jimplikawx li tali persuna ġuridika tipparteċipa fit-twettiq tas-setgħa pubblika.

(ara l-punti 57, 59, 61, 65)

4.      Sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, motiv uniku li jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ entitajiet li jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari li kellha bħala effett l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti, fejn il-motiv huwa li r-rikorrent intuża biex twettqu tranżazzjonijiet bankarji ta’ persuna ġuridika oħra diġà inkluża f’tali listi u li hija wkoll is-suġġett ta’ tali miżuri restrittivi, ma huwiex preċiż biżżejjed, inkwantu la jispeċifika xi tfisser il-kelma wettaq, la għal liema tranżazzjonijiet ta’ dan il-bank r-rikorrent serva bħala trażmettitur, u lanqas favur liema terzi l-imsemmija tranżazzjonijiet kellhom finalment ikunu ta’ benefiċċju.

(ara l-punti 72, 73, 77, 80)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86, 89, 90)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 87, 88)