Language of document : ECLI:EU:T:2016:495

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Settembru 2016 (*)

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi – Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi T‑353/14 u T‑17/15,

Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir‑Repubblika tal‑Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u V. Čepaitė, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑17/15,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment, fil-Kawżi T‑353/14 u T‑17/15, minn J. Currall u G. Gattinara kif ukoll, fil-Kawża T‑17/15, minn F. Simonetti, sussegwentement minn M. Gattinara u F. Simonetti, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawża T‑353/14, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (ĠU 2014, C 74 A, p. 4), u, fil-Kawża T‑17/15, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (ĠU 2014, C 391 A, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huwa organu interistituzzjonali, maħluq bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2002/620/KE, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat [...] tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal‑25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46). Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), fil-verżjoni tagħhom li tippreċedi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), l-istituzzjonijiet firmatarji ta’ din id-deċiżjoni fdaw, permezz tal-Artikolu 2(1) tagħha, lill-EPSO bl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ selezzjoni mogħtija, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-awtoritajiet tagħhom vestiti bis-setgħa tal-ħatra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni, l-EPSO jista’ jeżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu (1) meta dawn jingħataw lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti minn jew skont it-Trattati, meta huwa jiġi hekk mitlub minn dawn tal-aħħar. L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni jipprevedi li, filwaqt li, skont l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talbiet u l-ilmenti marbuta mal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-EPSO għandhom isiru lilu, kull rikors f’dawn l-oqsma għandu jkun dirett kontra l-Kummissjoni Ewropea.

2        Fl‑1 ta’ Marzu 2014, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 60 A, p. 1) ir-regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”).

3        Fil-punt 1.3 tar-regoli ġenerali, intitolat “Eliġġibiltà”, hemm indikat, taħt it-titolu “Għarfien tal-lingwi”, dan li ġej:

“Skont il-kompetizzjoni, tkun mitlub li turi l-għarfien tiegħek tal-lingwi uffiċjali tal-UE. Bħala regola ġenerali, tkun teħtieġ għarfien sħiħ ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra iżda, madankollu, l-avviż tal-kompetizzjoni jista’ jimponi rekwiżiti aktar stretti (dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-profili tal-lingwisti). Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, l-għażla tat-tieni lingwa normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż”.

4        Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 tar-regoli ġenerali, huwa speċifikat li “[w]ara s-sentenza mogħtija mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fil-Kawża C‑566/10 P, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni Ewropea] għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għaliex jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għal numru żgħir ta’ lingwi uffiċjali tal-UE”.

5        Fl-istess punt 1.3 tar-regoli ġenerali, barra minn hekk, huwa indikat dan li ġej:

“Meta jorganizza kompetizzjonijiet miftuħa, l-EPSO japplika l-‘Linji Gwida dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO’ adottat mill-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni fil‑15 ta’ Mejju 2013.

Għal ħafna żmien ilha l-prassi li jintużaw l-aktar l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet tal-UE u dawn huma wkoll il-lingwi użati l-aktar ta’ spiss fil-komunikazzjoni mad-dinja esterna u meta jiġu ttrattati każijiet.

L-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu immedjatament jistgħu jiffunzjonaw u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

Biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati kollha, kulħadd — inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta — huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet jevalwaw il-ħila tal-kandidati sabiex ikunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg. Xejn minn dan ma jaffettwa l-possibiltà ta’ taħriġ fil-lingwi aktar tard sabiex il-membri tal-persunal ikunu jistgħu jaħdmu fit-tielet lingwa, kif mitlub mill-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

[...]”

6        Il-linji gwida msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq huma annessi mar-regoli ġenerali (Anness 2), bħalma jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8 ta’ dawn tal-aħħar.

7        Fil-punt 2.1.4 tar-regoli ġenerali, intitolat “Imla l-applikazzjoni onlajn tiegħek”, huwa speċifikat li “[i]l-partijiet kollha tal-formola ta’ applikazzjoni onlajn, inkluż it-‘talent screener’, iridu jimtlew bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni”.

8        Fil-punt 3.1.1 tar-regoli ġenerali, intitolat “EPSO: komunikazzjoni mal-kandidati”, il-paragrafu (1) jindika dan li ġej:

“Ir-riżultati u l-konvokazzjonijiet tiegħek kollha jiġu kkomunikati lilek biss permezz tal-kont EPSO tiegħek bl-Ingliż, bil-Franċiż, jew bil-Ġermaniż.”

9        Il-punt 3.1.2 tar-regoli ġenerali, intitolat “Kandidati: komunikazzjoni mal-EPSO” huwa fformulat kif ġej:

“Qabel ma tikkuntattja lill-EPSO l-ewwel iċċekkja li tkun qrajt bir-reqqa l-informazzjoni kollha fl-avviż tal-kompetizzjoni, f’dawn ir-regoli ġenerali, u fil-websajt tal-EPSO inklużi l-‘Mistoqsijiet Frekwenti’ [...].

Dettalji ta’ kuntatt jistgħu jinstabu fuq il-websajt [...]. Fil-korrispondenza kollha dwar applikazzjoni, il-kandidati jridu jikkwotaw isimhom kif mogħti fl-applikazzjoni tagħhom, in-numru tal-kompetizzjoni u n-numru tal-applikazzjoni tagħhom.

L-EPSO jagħti attenzjoni kbira sabiex japplika l-prinċipji tal-kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba [...]. Madankollu, skont dawn l-istess prinċipji, l-EPSO jirriżerva d-dritt li jwaqqaf kull korrispondenza jekk dik li tasallu mingħand il-kandidati tkun repetittiva, abbużiva, u/jew irrilevanti.”

10      Fil-punt 4 tal-kodiċi dwar mġiba amministrattiva tajba għall-persunal tal-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku, anness mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/633/KE, KEFA, Euratom, tas‑17 ta’ Settembru 2000, li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tagħha (ĠU 2000, L 267, p. 63), li hemm riferiment għalih fil-punt 9 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba”), huwa speċifikat, taħt it-titolu “Korrispondenza”, dan li ġej:

“Skont l-Artikolu 24 (l-eks Artikolu 21 TKE) 1 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha twieġeb għall-ittri fil-lingwa tal-ittra mibgħuta lilha, sakemm din l-ittra nkitbet f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni..”

11      L-Anness 2 tar-regoli ġenerali, intitolat “Linji gwida ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO” (iktar ’il quddiem il-“linji gwida ġenerali”) jindika dan li ġej:

“Huwa kkonfermat li, bħala regola ġenerali, l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO jkun kif ġej:

–        L-elementi stabbli fis-sit tal-internet tal-EPSO jkunu fil-lingwi uffiċjali kollha,

–        L-avviżi tal-kompetizzjonijiet, inklużi l-kompetizzjonijiet għal-lingwisti u l-kompetizzjonijiet relatati mat-tkabbir, kif ukoll ir-regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha,

–        It-testijiet li ġejjin ikunu fil-lingwi uffiċjali kollha:

–        Testijiet tal-ammissjoni (raġunament verbali u numeriku),

–        Testijiet tal-komprensjoni tal-lingwa għall-kompetizzjonijiet tat-tradutturi,

–        Testijiet preliminari tat-traduzzjoni għall-kompetizzjonijiet tal-ġuristi-lingwisti,

–        Testijiet intermedji tal-interpretazzjoni (fuq il-kompjuter) għall-kompetizzjonijiet tal-interpreti,

–        Testijiet tal-kompetenza (traduzzjoni jew interpretazzjoni) għall-kompetizzjonijiet tal-lingwisti.

–        [...]

–        Iċ-ċentri ta’ evalwazzjoni jsiru biss fit-tieni lingwa tal-kandidat, magħżula minn fost l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.

Bl-istess mod, is-sejħiet għall-espressjonijiet ta’ interess għall-proċeduri tal-għażla għall-persunal kuntrattwali organizzati mill-Uffiċċju jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha.

Bosta fatturi jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa.

L-ewwel nett, l-interessi tas-servizz jitolbu li r-rekluti l-ġodda jkunu jistgħu jkunu immedjatament operattivi u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati fil-qasam jew ir-rwol kopert mill-kompetizzjoni.

L-Ingliż, il-Franċiż, u l-Ġermaniż huma l-lingwi l-aktar użati fl-istituzzjonijiet. Tradizzjonalment, dawn huma l-lingwi użati fil-laqgħat tal-membri tal-istituzzjonijiet. Huma wkoll il-lingwi l-aktar użati ta’ sikwit għall-komunikazzjoni kemm interna kif ukoll esterna. Dan huwa ppruvat mill-istatistika dwar il-lingwi sors tat-testi tradotti mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet.

Fid-dawl tal-ħtiġijiet lingwistiċi reali tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-komunikazzjoni interna u esterna, kriterju tal-għażla skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi, li għandu jiġi ttestjat permezz ta’ simulazzjoni ta’ sitwazzjoni realistika tax-xogħol. L-għarfien tat-tielet lingwa kif stipulat fl-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax ikun sostitut għall-għarfien ta’ waħda mit-tliet lingwi fiż-żmien tar-reklutaġġ.

It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-lingwi għall-istadji sussegwenti tal-kompetizzjonijiet hija ġġustifikata min-natura tat-testi involuti. F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet iddeċidew li jimmodifikaw il-proċeduri tal-għażla billi introduċew mill-2010 ’l quddiem metodi ta’ evalwazzjoni bbażati fuq il-kompetenzi sabiex ikunu jistgħu jipprevedu aħjar jekk il-kandidati humiex kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Korp sostanzjali ta’ riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. Bħala l-aktar mezz ta’ evalwazzjoni effettiv, huma użati madwar id-dinja. Fid-dawl tat-tul tal-karrieri u l-grad ta’ mobilità fl-istituzzjonijiet, dan it-tip ta’ evalwazzjoni huwa kruċjali. Bl-għajnuna ta’ qafas tal-kompetenza ddefinit mill-awtoritajiet tal-ħatra, numru ta’ eżerċizzji addattati huma magħżula sabiex jiġu evalwati l-kompetenzi mfittxija. Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu evalwati b’mod ġust u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu titlob, b’mod partikolari, li ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jsir f'lingwa komuni jew, f’ċerti ċirkostanzi, fil-lingwa waħda ewlenija tal-kompetizzjoni. Fl-ewwel każ, il-lingwa komuni trid tintgħażel minn fost il-lingwi li huwa l-aktar probabbli li jkunu jafuhom il-kandidati.

Fid-dawl ta’ din il-premessa, għandu jsir minn kollox biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn il-kandidati; għalhekk kulħadd għandu jiġi ttestjat fit-tieni lingwa tiegħu. Iżda billi dik il-lingwa trid tkun ukoll lingwa komuni, l-għażla tat-tieni lingwa bilfors tkun limitata. Billi l-użu tradizzjonali msemmi hawn fuq għadu l-prattika interna kurrenti, dik l-għażla trid tkun bejn l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Iċ-ċentri ta’ evalwazzjoni ma jinvolvux l-evalwazzjoni tal-għarfien tal-lingwa min-naħa tal-kandidati; għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mit-tlieta bħala t-tieni lingwa huwa biżżejjed biex ikunu jistgħu jsiru t-testijiet (dan jikkonforma mar-rekwiżiti minimi stabbiliti permezz tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal). Dan il-livell tal-għarfien tal-lingwa ma huwa bl-ebda mod sproporzjonat fid-dawl tal-ħtiġijiet reali tas-servizz kif deskritti aktar ’il fuq.

L-użu tal-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż bħala t-tieni lingwa magħżula fl-istadji sussegwenti tal-kompetizzjonijiet ma jinvolvi l-ebda diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa materna. Mhuwiex restrizzjoni fuq l-użu tal-lingwa materna. L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa (l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż) li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali. Għandu jiġi wkoll innutat li l-pussess ta’ għarfien suffiċjenti tat-tieni lingwa jiddependi essenzjalment fuq sforz personali mill-kandidati.

Dan ir-rekwiżit huwa, fi kwalunkwe każ, proporzjonali fid-dawl tal-ħtiġijiet reali tas-servizz. Li jiġu limitati l-għażliet tat-tieni lingwa jirrifletti l-lingwi li n-nies fl-Ewropa jafu bħalissa. L-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż mhux biss huma l-lingwi ta’ bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, iżda huma wkoll il-lingwi barranin l-aktar magħrufa. Huma l-lingwi l-aktar studjati bħala lingwi barranin u l-lingwi li n-nies jemmnu li huma l-aktar utli biex wieħed jitgħallimhom. Il-ħtiġijiet reali tas-servizz għalhekk jidhru li huma riflessjoni raġonevoli tal-ħiliet lingwistiċi li l-kandidati jistgħu jkunu mistennija li jkollhom, partikolarment billi l-għarfien tal-lingwa fis-sens strett tiegħu (żbalji tal-grammatika, l-ortografija jew il-vokabolarju) mhumiex evalwati fit-testijiet tal-kompetenza. Li wieħed jillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż għalhekk ma jippreżentax ostaklu sproporzjonat għal persuni li jixtiequ jagħmlu l-kompetizzjonijiet. Tabilħaqq, skont l-informazzjoni disponibbli, dan jikkorrispondi mill-qrib ma’ dak li n-nies huma mdorrijin bih u jistennew.

L-istatistika relevanti tappoġġa l-konklużjoni li l-limitazzjoni tal-għażliet tat-tieni lingwa għal ċerti stadji tal-kompetizzjoni hija proporzjonata u mhux diskriminatorja. Pereżempju, l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż kienu l-aktar għażliet frekwenti meta l-kandidati ngħataw il-possibilità li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom minn fost il-11‑il lingwa uffiċjali fil-kompetizzjonijiet ewlenin tal-ġeneralisti tal-EU‑25 għall-amministraturi u l-assistenti fl‑2005. L-istatistika għall-kompetizzjonijiet wara r-riforma tal‑2010 ma turi l-ebda preġudizzju favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi fejn l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġeramniż huma lingwi uffiċjali. U l-istatistika għas-sensiela ta’ kompetizzjonijiet AD 2010 turi li numri sostanzjali ta’ kandidati għadhom jagħżlu waħda mit-tlieta bħala t-tieni lingwa tagħhom.

Għall-istess raġunijiet, jidher raġonevoli li l-kandidati jintalbu jagħżlu waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jikkomunikaw mal-EPSO u jimlew l-iskriner tat-talenti.

Għaldaqstant, biex jinkiseb bilanċ bejn l-interessi tas-servizz u l-abiltajiet tal-kandidati, ċerti testijiet għandhom isiru f’numru limitat ta’ lingwi tal-Unjoni Ewropea, kemm sabiex jiġi żgurat li l-kandidati li jirnexxu jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li tippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati metodi tal-għażla bbażati fuq l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni. Billi l-avviżi u l-gwidi għall-kompetizzjonijiet huma ppubblikati fl‑24 lingwa tal-Unjoni u billi l-kandidati jistgħu jagħmlu l-ewwel fażi tal-kompetizzjonijiet, li hija importanti, fi kwalunkwe waħda mill‑24 lingwa li jagħżlu bħala l-lingwa materna tagħhom, jidher li qed jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi tas-servizz u l-prinċipju tal-multilingwiżmu u n-non-diskriminazzjoni skont il-lingwa.

Għażla ta’ każ b’każ għandha għalhekk issir skont l-arranġamenti lingwistiċi adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO u l-ħtieġa speċifika tal-istituzzjonijiet li jkunu jistgħu jirreklutaw kandidati li jkunu operattivi immedjatament.

Għalhekk, hemm żewġ każijiet ġenerali possibbli:

–        L-ewwel nett, profili ġenerali jew speċifiċi fejn il-fattur ewlieni fl-għażla, minbarra l-kompetenzi ġenerali, huwa li wieħed ikun espert jew ikollu l-esperjenza f’qasam jew impjieg partikolari. Hawnhekk, ir-rekwiżit essenzjali huwa li wieħed ikun jista’ jaħdem u jikkomunika f’kuntest multilingwi fejn il-ħtieġa li wieħed ikollu għarfien tal-lingwi l-aktar użati fl-istituzzjonijiet jiġġustifika li l-għażla tal-lingwi tal-Unjoni Ewropea fil-proċedura tal-għażla tiġi limitata.

–        It-tieni nett, profili fejn l-għarfien ta’ lingwa waħda jew aktar ikun ta’ importanza partikolari, pereżempju lingwisti jew profili oħra fejn il-proċeduri tal-għażla jiġu organizzati skont il-lingwa. Hawn, minbarra evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali kif indikat aktar ’il fuq fl-ewwel xenarju, testijiet oħra ta’ kompetenzi speċifiċi għandhom jiġu organizzati fil-lingwa/i kkonċernata/i.

Ukoll meta jittieħed dan l-approċċ, kwalunkwe deċiżjoni li tillimita n-numru ta’ lingwi fil-kompetizzjonijiet għandha tippermetti l-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni fil-każ ta’ kull kompetizzjoni individwali sabiex jiġu riflessi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-profil(i) kkonċernat(i).”

12      Fit‑13 ta’ Marzu 2014, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14 sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (ĠU 2014, C 74 A, p. 4). Fis‑6 ta’ Novembru 2014, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (ĠU 2014, C 391 A, p. 1). Dawn huma l-avviżi ta’ kompetizzjoni li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom permezz tar-rikorsi odjerni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“avviżi kkontestati”).

13      Huwa indikat fil-parti introduttiva ta’ kull wieħed mill-avviżi kkontestati li r-regoli ġenerali jagħmlu “parti integrali” minnhom.

14      Skont il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati, dawn tal-aħħar jeżiġu għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, liema lingwa għandha tiġi indikata bħala “lingwa 1” tal-kompetizzjoni, u għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, indikata bħala “lingwa 2” tal-kompetizzjoni, li għandha tintgħażel mill-kandidat minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, filwaqt li huwa speċifikat li din għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-kandidat bħala lingwa 1 (punt 2.3 tal-Parti III tal-avviżi kkontestati).

15      Fil-punt 2.3 tal-Parti III tal-avviżi kkontestati ġew ipprovduti xi punti ta’ spjegazzjoni fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 mit-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq biss. L-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14, f’dan ir-rigward, jirrileva dan li ġej:

“Skont is-sentenza [tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, Ġabra, EU:C:2012:752)], l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jixtiequ, fil-qafas tal-kompetizzjoni preżenti, jistqarru r-raġunijiet għal-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizzi li jesiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mal-ewwel u jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet jista’ jiġi affettwat ħażin ħafna.

Abbażi tal-prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għall-komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma l-lingwi sekondarji l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala lingwi sekondarji. Dan jikkonferma l-livell ta' edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista’ jistenna mill-kandidati f’pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati eżamijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg.

Għall-istess raġunijiet, huwa indikat li tiġi ristretta l-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluża l-lingwa li biha jitfasslu l-applikazzjonijiet. Din l-eżiġenza tiżgura l-omoġeneità [fit-tqabbil tal-kandidati u fil-kontroll tal-applikazzjonijiet tagħhom].

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel ċerti eżamijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta’ ħidma, b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.”

16      L-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 essenzjalment jinkludi l-istess informazzjoni.

17      Il-Parti IV tal-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14 jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ testijiet ta’ dħul imwettqa fuq kompjuter. Dawn huma eżamijiet ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ raġunament numeriku [test b)], ta’ raġunament astratt [test c)] u ta’ valutazzjoni sitwazzjonali [test d)]. Fil-punt 3 ta’ din il-parti tal-avviż, huwa speċifikat li l-lingwa tat-testijiet a) sa c) hija l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni, filwaqt li l-lingwa tat-test d) hija l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

18      Barra minn hekk, il-Parti IV tal-Avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 tipprovdi wkoll għall-organizzazzjoni ta’ testijiet ta’ dħul. Dawn huma eżamijiet ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ raġunament numeriku [test b)] u ta’ raġunament astratt [test c)]. Fil-punt 3 ta’ din il-parti tal-avviż, huwa speċifikat li l-lingwa tat-testijiet a) sa c) hija l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni.

19      Il-Parti V tal-Avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 tiddefinixxi l-proċedura ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni u għas-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki. Din tispeċifika li l-verifika tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll l-għażla abbażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-kandidati fl-applikazzjoni tagħhom. Ir-risposti tal-kandidati għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi jiġu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk jagħmlux parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni, konformement ma’ dak li huwa previst fil-Parti III tal-Avviż EPSO/AD/294/14. Imbagħad, il-Bord tas-Selezzjoni jagħmel għażla abbażi tal-kwalifiki minn fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni, sabiex jidentifika liema huma l-kandidati li għandhom l-iktar kwalifiki rilevanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-diplomi u esperjenza professjonali tagħhom, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kriterji għall-għażla deskritti fl-Avviż EPSO/AD/294/14. Din l-għażla ssir biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati pprovduti fil-parti “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, skont klassifikazzjoni stabbilita fil-punt 1(b) tal-Parti V tal-Avviż EPSO/AD/294/14.

20      Il-kriterji ta’ għażla meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tas-Selezzjoni fil-kuntest tal-għażla abbażi tal-kwalifiki huma ddefiniti fil-punt 2 tal-Parti V tal-Avviż EPSO/AD/294/14 kif ġej:

“1)      Diploma universitarja fil-liġi Ewropea.

2)      Diploma universitarja li fiha speċjalizzazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta.

3)      Taħriġ iċċertifikat fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta [...] minbarra d-diplomi fil-liġi meħtieġa għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni.

4)      Esperjenza professjonali ta’ mill-inqas sena u nofs fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta miksuba fl-Istituzzjonijiet Ewropej jew taħt awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta jew fl-amministrazzjoni pubblika nazzjonali minbarra dik meħtieġa għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni.

5)      Esperjenza professjonali fil-qasam ta’ tħejjija ta’ opinjonijiet, deċiżjonijiet jew konklużjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta.

6)      Esperjenza professjonali fil-qasam ta’ tħejjija ta’ rapporti dwar verifiki minn qabel, konsultazzjonijiet u lmenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta.

7)      Esperjenza professjonali fil-qasam ta’ tħejjija ta’ opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta [...].

8)      Esperjenza professjonali fil-qasam ta’ inkjesti jew verifiki għall-analiżi tar-rispett tat-trattament tad-dejta personali skont ir-regolamenti fis-seħħ.

9)      Esperjenza professjonali fil-qasam tat-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-użu tagħhom fuq il-protezzjoni tad-dejta.”

21      L-aħħar stadju tal-proċeduri ta’ għażla msemmi fl-avviżi kkontestati jikkonsisti f’“ċentru ta’ evalwazzjoni” (Parti V tal-Avviż EPSO/AD/276/14; Parti VI tal-Avviż EPSO/AD/294/14).

22      Fil-punt 3 tal-Parti V tal-Avviż EPSO/AD/276/14 huwa indikat li l-lingwa użata fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni hija l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

23      Skont il-punt 2 tal-Parti VI tal-Avviż EPSO/AD/294/14, fil-kuntest tal-eżami taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-kandidati jkunu suġġetti għal tliet tipi ta’ eżerċizzji intiżi li jevalwaw:

–        il-ħiliet marbuta mar-raġunament, permezz ta’ test ta’ raġunament verbali [test a)], ta’ test ta’ raġunament numeriku [test b)] u ta’ test ta’ raġunament astratt [test c)];

–        il-kompetenzi speċifiċi tagħhom, permezz ta’ intervista strutturata dwar il-kompetenzi fil-qasam [test d)];

–        il-kompetenzi ġenerali tagħhom, permezz ta’ studju ta’ każ [test e)], ta’ eżerċizzju fi grupp [test f)] u ta’ intervista strutturata [test g)].

24      Barra minn hekk, fil-punt 3 tal-istess parti tal-Avviż EPSO/AD/294/14 hemm indikat li l-lingwi użati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ser ikunu l-lingwa 1 tal-kompetizzjoni għat-testijiet a) sa c) u l-lingwa 2 tal-kompetizzjoni għat-testijiet d) sa g).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Taljana ressqet ir-rikors fil-kawża T‑353/14. Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Avviż EPSO/AD/276/14;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Jannar 2015, ir-Repubblika Taljana ressqet ir-rikors fil-Kawża T‑17/15.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2015, ir-Repubblika tal-Litwanja talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal dan l-intervent. Ir-Repubblika tal-Litwanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit‑13 ta’ Lulju 2015.

29      Fil-Kawża T‑17/15, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Avviż EPSO/AD/294/14;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Ir-Repubblika tal-Litwanja tappoġġja t-talbiet tar-Repubblika Taljana intiżi għall-annullament tal-avviż ikkontestat fil-Kawża T‑17/15.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż;

–        tordna lir-Repubblika tal-Litwanja tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fil-kawżi odjerni u li tgħaqqadhom għall-finijiet ta’ din tal-aħħar. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni twieġeb għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Hija ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.

33      Il-partijiet prinċipali nstemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2015, li r-Repubblika tal-Litwanja ma pparteċipatx fiha.

 Id-dritt

34      Wara li nstemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet prinċipali f’dan ir-rigward matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali qiegħda tiddeċiedi li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza finali, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

35      Insostenn tar-rikorsi, ir-Repubblika Taljana tinvoka seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 263, 264 u 266 TFUE; it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 342 TFUE u tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal‑15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat; it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(3) UE, tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal; ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 6(3) UE u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; il-ħames wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq ksur tar-“regoli sostanzjali inerenti għan-natura u għall-għan tal-avviżi ta’ kompetizzjoni”, b’mod partikolari tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, tal-Artikolu 28(f), tal-Artikolu 34(3) u tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal u, is-seba’ wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”.

36      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivi tagħha, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet previsti fl-avviżi kkontestati kif inhi stabbilita, skont ir-Repubblika Taljana, minn dawn tal-aħħar. Hija tikkontesta, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-avviżi kkontestati li jillimitaw għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, minn naħa, l-għażla tat-tieni lingwa tal-imsemmija kompetizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tal-lingwa li tista’ tintuża fil-korrispondenza bejn il-kandidati u l-EPSO.

37      Qabel ma tiġi eżaminata, fid-dawl tal-motivi invokati mir-Repubblika Taljana, il-legalità taż-żewġ aspetti tal-avviżi kkontestati minnha, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, fir-risposti tagħha, kontra kull wieħed minn dawn ir-rikorsi, mingħajr madankollu ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Fuq l-ammissibbiltà

38      Il-Kummissjoni targumenta, fir-risposti tagħha, li r-Repubblika Taljana, f’dan il-każ, ma ħaditx inkunsiderazzjoni tal-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tal-linji gwida ġenerali li l-Parti III tal-avviżi kkontestati sempliċement timplementa u tal-fatt li r-Repubblika Taljana qatt ma kkontestat, la b’mod prinċipali u lanqas b’mod inċidentali, l-imsemmija linji gwida ġenerali. L-ilmenti tar-Repubblika Taljana għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli, “peress li l-linji gwida ġenerali ma ġewx ikkontestati fi żmien xieraq”.

39      Fir-risposti, ir-Repubblika Taljana targumenta li kemm l-linji gwida ġenerali kif ukoll ir-regoli ġenerali jikkostitwixxu atti li min-natura tagħhom huma interni, li ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati b’mod awtonomu, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-regoli ġenerali ma humiex differenti mill-“gwida għall-kompetizzjonijiet” li ppreċediethom. Għalhekk, il-kontenut tagħhom huwa ġuridikament vinkolanti biss la darba jkun effettivament inkluż f’avviż ta’ kompetizzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-bażi legali tar-regoli ġenerali, ippubblikati fis-sensiela C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma hijiex indikata hemmhekk, minkejja li tali indikazzjoni hija indispensabbli għal atti ta’ dritt sekondarju li jipproduċu effetti vinkolanti immedjati. Hija tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma għandhomx valur legali vinkolanti indipendentement mill-avviżi ta’ kompetizzjoni li jirreferu għalihom.

40      Barra minn hekk, fil-linji gwida ġenerali huwa speċifikat, effettivament, li huwa biss “bħala regola ġenerali” li t-tieni lingwa tal-kandidati għandha tingħażel minn fost l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż. Ir-Repubblika Taljana tikkonkludi li, konsegwentement, peress li s-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni prevista fl-avviż hija stabbilita minn dan tal-aħħar, hija ma setgħetx tikkontestaha billi titlob l-annullament tal-linji gwida ġenerali.

41      Il-Kummissjoni tallega, fil-kontrorepliki, li l-kriterji msemmija mir-Repubblika Taljana jirrigwardaw aspetti purament formali u ma għandhom l-ebda rabta mal-effetti tal-avviżi kkontestati. Hija tenfasizza li teżisti biss leġiżlazzjoni waħda li hija legalment vinkolanti tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet, totalment awtonoma mill-avviżi kkontestati, li hija dik li tinsab fil-linji gwida ġenerali u fir-regoli ġenerali. L-avviżi kkontestati jittieħdu “b’implementazzjoni stretta” tal-linji gwida ġenerali u kull ma jagħmlu hu li “jikkonfermaw id-dispożizzjonijiet” ta’ dawn tal-aħħar.

42      Il-Qorti Ġenerali tiddeduċi mill-argumenti miġjuba mill-Kummissjoni fir-risposti u spjegati fil-kontrorepliki kif ukoll matul is-seduta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija tippreżenta hija bbażata fuq il-premessa li l-avviżi kkontestati huma jew atti konfermattivi jew atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni tar-regoli ġenerali u tal-linji gwida ġenerali. Sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti miġjuba mill-Kummissjoni, huwa għalhekk meħtieġ li tiġi eżaminata n-natura u l-portata legali tal-imsemmija atti.

 Fuq in-natura u l-portata legali tar-regoli ġenerali u tal-linji gwida ġenerali

43      Matul is-seduta, ir-Repubblika Taljana argumentat li r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali jikkostitwixxu sempliċi komunikazzjonijiet li għandhom effett vinkolanti biss fil-konfront tal-awtur tagħhom, jiġifieri l-EPSO, billi jistabbilixxu limitu għas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana enfasizzat li, li kieku kellu jitqies li r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali kienu jistabbilixxu regoli vinkolanti, li japplikaw b’mod ġenerali u astratt għall-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO, inkwistjoni kien ikun hemm atti adottati minn awtorità li ma hijiex kompetenti sabiex tistabbilixxi tali regoli.

44      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni speċifikat, matul is-seduta, li, billi adotta r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali, l-EPSO, li jirrappreżenta l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, kien iddefinixxa kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli dwar l-għażla tat-tieni lingwa fil-kompetizzjonijiet organizzati minnu, fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752). L-EPSO adotta l-atti msemmija iktar ’il fuq billi bbaża ruħu fuq l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħtuh il-kompetenza li jorganizza proċeduri ta’ kompetizzjoni. L-imsemmija atti jinkludu, barra minn hekk, evalwazzjoni momentarja tal-bżonnijiet lingwistiċi tal-istituzzjonijiet.

45      Il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, issib li, minn qari tar-regoli ġenerali u tal-linji gwida ġenerali, joħorġu xi kriterji dwar l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO u mil-lingwa ta’ komunikazzjoni bejnu u l-kandidati. Fil-fatt, mir-regoli ġenerali jista’ jiġi dedott li din l-għażla għandha tintuża filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prattika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma ta’ komunikazzjoni interna u esterna u ta’ ġestjoni ta’ kawżi, tal-interess tas-servizz kif ukoll tal-bżonnijiet marbuta mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet u mal-evalwazzjoni tal-kandidati (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

46      L-istess japplika għal-linji gwida ġenerali. Huma jagħmlu, b’mod iktar speċifiku, riferiment għall-interess tas-servizz, għall-prattika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għall-ħtiġijiet reali tas-servizzi tagħhom, għan-natura tal-eżamijiet li jiggarantixxu l-aħjar evalwazzjoni tal-kandidati, għall-għarfien lingwistiku tal-popolazzjoni Ewropea b’mod ġenerali u, fl-aħħar, għall-għażla diġà magħmula fil-qasam lingwistiku mill-kandidati għall-kompetizzjonijiet organizzati preċedentement mill-EPSO (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

47      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-atti msemmija iktar ’il fuq ma jillimitawx ruħhom biss sabiex jistabbilixxu tali kriterji. Ir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali jinkludu wkoll numru ta’ evalwazzjonijiet li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO kif ukoll il-lingwa ta’ komunikazzjoni bejnu u l-kandidati hija ristretta għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż. Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li dawn l-evalwazzjonijiet jirriflettu s-sistema lingwistika li għandha, bħala prinċipju, tkun dik ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, f’każ li l-kriterji stabbiliti fir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali kienu applikati meta ġew adottati, mingħajr ebda riferiment għal proċeduri ta’ kompetizzjonijiet partikolari.

48      Għalhekk, għandha tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, ir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali għandhomx jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu regoli vinkolanti li jistabbilixxu s-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-EPSO..

49      Tali interpretazzjoni tal-atti msemmija iktar ’il fuq ma tistax tintlaqa’. Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk l-atti inkwistjoni humiex intiżi li jistabbilixxu tali regoli vinkolanti, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑256/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fin-nuqqas li jiġu stabbiliti obbligi speċifiċi jew ġodda, il-pubblikazzjoni biss ta’ komunikazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi deċiż li din tikkostitwixxi att li jista’ joħloq effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑258/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punt 31).

50      Issa, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija atti jirriżulta li, billi ppublikahom, l-EPSO ma stabbilixxiex b’mod definittiv is-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet kollha li huwa inkarigat li jorganizza. Fil-fatt, minkejja l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, ir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali jirriżervaw espressament l-għażla tas-sistema lingwistika ta’ kull kompetizzjoni għall-avviż ta’ kompetizzjoni li jkun adottat meta tinfetaħ il-proċedura relatata miegħu.

51      Għalhekk, ċertament, fil-punt 1.3 tar-regoli ġenerali hemm indikat li l-għażla tat-tieni lingwa u tal-lingwa li biha huma miktubin l-atti ta’ kandidatura “normalment tkun limitata għall-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż”. Madankollu, huwa indikat ukoll li dan huwa l-każ “sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni” (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq).

52      Il-linji gwida ġenerali huma fformulati fi kliem simili. Minkejja li huma jindikaw li, bħala regola ġenerali, it-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet kif ukoll il-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati hija l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, huma jispeċifikaw, madankollu li, anki f’tali kuntest, “kwalunkwe deċiżjoni li tillimita n-numru ta’ lingwi fil-kompetizzjonijiet għandha tippermetti l-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni fil-każ ta’ kull kompetizzjoni individwali sabiex jiġu riflessi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet” (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Għalhekk, ma jistax jitqies li l-atti inkwistjoni f’din il-kawża jistabbilixxu obbligi speċifiċi jew ġodda, fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑258/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu sistema lingwistika applikabbli għall-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-EPSO, peress li ebda dispożizzjoni ma tat lil dan tal-aħħar jew lill-Bord ta’ Kapijiet tal-Amministrazzjoni l-kompetenza li jistabbilixxi tali sistema ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jadotta, f’dan ir-rigward, regoli ta’ prinċipju li avviż ta’ kompetizzjoni jista’ jmur kontrihom eċċezzjonalment biss (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, Birkhoff vs Il‑Kummissjoni, T‑10/11 P, EU:T:2011:699, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan ir-rigward, bħalma tfakkar fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2002/620, l-EPSO għandu jeżerċita s-setgħa tal-għażla mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Anness III tagħhom lill-Awtoritajiet tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet firmatarji tad-deċiżoni inkwistjoni, kif ukoll is-setgħa tal-għażla mogħtija mill-istess dispożizzjonijiet lill-Awtoritajiet tal-Ħatra ta’ korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni meta huwa jiġi hekk mitlub minn dawn tal-aħħar.

55      Issa, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jew minn dawk invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) ma tagħti lill-EPSO s-setgħa li jistabbilixxi regoli vinkolanti ġenerali u astratti li jirregolaw fil-futur il-kompetizzjonijiet ġenerali organizzati abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

56      Ċertament, skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet għandhom, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-EPSO bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi jiġu applikati fil-proċeduri tal-għażla tal-uffiċjali. Madankollu, minn naħa, fil-paragrafu 2(a) u (b) tal-imsemmi artikolu, huwa speċifikat li l-kompitu tal-EPSO, fir-rigward tal-proċeduri tal-għażla tal-uffiċjali, huma limitati għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali u sabiex jipprovdu appoġġ tekniku għall-kompetizzjonijiet interni li jorganizzaw l-istituzzjonijiet, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tippermetti biss li l-EPSO jingħata r-responsabbiltà li jieħu miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regoli uniformi u mhux dik li jadotta regoli vinkolanti ġenerali u astratti. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li dan kien il-każ, il-Kummissjoni, ma għamlitx, la fis-sottomissjonijiet tagħha u lanqas matul is-seduta, riferiment għal att tal-istituzzjonijiet li permezz tiegħu, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, huma taw lill-EPSO r-responsabbiltà li jistabbilixxi regoli vinkolanti ġenerali u astratti fil-qasam tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet organizzati minnu.

57      Minkejja li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq ma jagħtux lill-EPSO l-kompetenza li jistabbilixxi regoli vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet organizzati minnu, l-EPSO ma huwiex prekluż, sabiex jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament u ċ-ċertezza legali, milli jadotta u jippubblika atti bħar-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali intiżi li jħabbru kif bi ħsiebu juża, f’ċerti sitwazzjonijiet, is-setgħa diskrezzjonali li jagħtuh dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-EPSO huwa marbut b’tali atti biss sa fejn huma ma jitbiegħdux mir-regoli ta’ portata ġenerali li jistipulaw is-setgħat tiegħu u sakemm, billi jadottahom, ma jirrinunzjax għall-eżerċizzju tas-setgħa li hija mogħtija lilu fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inklużi l-bżonnijiet lingwistiċi ta’ dawn tal-aħħar, fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet differenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 69 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, hemm lok li jiġi deċiż li r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali għandhom jiġu interpretati li jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, komunikazzjonijiet fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li jistipulaw kriterji li l-EPSO bi ħsiebu jimxi magħhom fl-għażla tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni li huwa inkarigat li jorganizza.

59      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata n-natura legali tal-avviżi kkontestati sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi.

 Fuq in-natura legali tal-avviżi kkontestati

60      Bħalma ġie espost fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-avviżi kkontestati jikkostitwixxu jew atti konfermattivi, jew atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni tar-regoli ġenerali u tal-linji gwida ġenerali.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, bħalma jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament huwa miftuħ kontra d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummmissjoni, C‑443/97, EU:C:2000:190, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑135/93, EU:C:1995:201, punt 21).

62      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-parti fil-kawża, bħall-atti konfermattivi u l-atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, ma huwiex suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata].

63      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-atti konfermattivi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att jitqies bħala purament konfermattiv ta’ att individwali preċedenti meta ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dak tal-aħħar u qablu ma kienx hemm eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44; tas‑6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA, T‑12/08 P, EU:T:2009:143, punt 47, u tal‑15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il‑Kummissjoni, T‑407/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:477, punt 89). Din il-ġurisprudenza tista’, barra minn hekk, tiġi trasposta għall-każ ta’ atti li ma jistgħux jitqiesu li huma atti individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑481/11, EU:T:2014:945, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħal regolament jew avviż ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fir-rigward ta’ atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, għandu jitqies li tali atti ma joħolqux drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ terzi, iżda jidħlu fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ att preċedenti li huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti, filwaqt li l-elementi kollha tar-regola stabbilita minn dan l-aħħar imsemmi att ikunu diġà ddefiniti u deċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑185/05, EU:T:2008:519, punti 51 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2013:871, punt 63).

65      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1)(e) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, avviż ta’ kompetizzjoni, bħall-avviżi kkontestati, għandu jispeċifika, fil-każ ta’ kompetizzjoni bbażata fuq eżamijiet, in-natura tal-eżamijiet u n-numru ta’ marki rispettivi tagħhom. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi kemm il-qafas ta’ legalità kif ukoll il-qafas għall-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, ir-rwol essenzjali ta’ avviż ta’ kompetizzjoni huwa li jinforma lill-persuni interessati b’mod kemm jista’ jkun eżatt bin-natura tar-rekwiti meħtieġa sabiex wieħed jokkupa l-post previst minnu sabiex ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk għandhomx japplikaw għalih (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, kull avviż ta’ kompetizzjoni huwa adottat bl-għan li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni speċifika waħda jew iktar, li huwa jistabbilixxi, b’dan il-mod, il-qafas normattiv tagħha skont l-għan stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra. Huwa dan il-qafas normattiv, stabbilit, jekk ikun il-każ, skont ir-regoli ta’ portata ġenerali applikabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, li jirregola l-proċedura tal-kompetizzjoni inkwistjoni, mill-mument tal-publikazzjoni tal-avviż inkwistjoni sal-publikazzjoni tal-lista ta’ riżerva li tinkludi l-ismijiet tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997, punt 50).

67      Fid-dawl ta’ dak li għadu kif ġie espost, għandu jiġi kkonstatat li avviż ta’ kompetizzjoni, bħall-avviżi kkontestati, li, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni inkwistjoni, jistabbilixxi l-qafas normattiv ta’ kompetizzjoni speċifika, inkluża s-sistema lingwistika tiegħu, u għalhekk jinkludi effetti legali awtonomi, ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa att konfermattiv jew att ta’ sempliċi eżekuzzjoni ta’ atti preċedenti. Minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha li jikkonsistu fl-adozzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, tosserva jew tapplika r-regoli fl-atti ta’ portata ġenerali preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qafas normattiv ta’ kull kompetizzjoni huwa stabbilit u speċifikat mill-avviż ta’ kompetizzjoni relattiv li jispeċifika, għalhekk, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex wieħed jokkupa l-post jew il-postijiet inkwistjoni.

68      Fi kwalunkwe każ u anki jekk jitqies li avviż ta’ kompetizzjoni jista’, bħala prinċipju, ikun att konfermattiv jew att ta’ sempliċi eżekuzzjoni ta’ atti li ppreċedewh, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li att jista’ jitqies bħala konfermattiv jew sempliċement ta’ eżekuzzjoni ta’ att preċedenti biss jekk dan tal-aħħar ikun intiż li jipproduċi effetti legali. Issa, bħalma ġie espost fil-punti 48 sa 57 iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ fil-każ tar-regoli ġenerali u tal-linji gwida ġenerali.

69      Fil-fatt, fil-punt 58 iktar ’il fuq ġie konkluż li r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, komunikazzjonijiet fis-sens tal-punt 91 tas-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), li jistabbilixxu l-kriterji li l-EPSO bi ħsiebu jimxi magħhom fl-għażla tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni li huwa inkarigat li jorganizza.

70      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-avviżi kkontestati jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni u jikkostitwixxu, għalhekk, atti li jistgħu jiġu kkontestati. Il-fatt li, fl-adozzjoni tagħhom, l-EPSO ħa inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fir-regoli ġenerali u fil-linji gwida ġenerali, li l-avviżi kkontestati jagħmlu riferiment għalihom espressament (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), ma jistax ixejjen din il-konstatazzjoni.

71      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda u għandha ssir l-analiżi ta’ dawn ir-rikorsi fil-mertu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑353/14 u T‑17/15 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      L-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/276/14, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi, u l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/294/14 sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, huma annullati.

3)      Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż proprji tagħha, dawk esposti mir-Repubblika Taljana.

4)      Ir‑Repubblika tal-Litwanja għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha marbuta mal-intervent tagħha fil-Kawża T‑17/15.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.