Language of document : ECLI:EU:T:2016:495

Kawżi T‑353/14 u T‑17/15

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi – Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal‑15 ta’ Settembru 2016

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali – Att li ma jinkludix regoli ġodda li jmorru lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali li jipprevedi limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(1)(e))

1.      Sabiex jiġi evalwat jekk l-atti humiex intiżi li jistabbilixxu regoli vinkolanti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni legali skont l-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tagħhom. Fin-nuqqas li jiġu stabbiliti obbligi speċifiċi jew ġodda, il-pubblikazzjoni biss ta’ komunikazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi deċiż li din tikkostitwixxi att li jista’ joħloq effetti legali vinkolanti.

Fir-rigward tar-regoli ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet miftuħa ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), inklużi l-linji gwida tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO, li jinsabu fl-Anness 2 tagħhom, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija atti jirriżulta li, billi ppublikahom, l-EPSO ma stabbilixxiex b’mod definittiv is-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet kollha li huwa inkarigat li jorganizza. Fil-fatt, ir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali jirriżervaw espressament l-għażla tas-sistema lingwistika ta’ kull kompetizzjoni għall-avviż ta’ kompetizzjoni li jkun adottat meta tinfetaħ il-proċedura relatata miegħu. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-atti inkwistjoni jistabbilixxu obbligi speċifiċi jew ġodda.

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali jinkludu numru ta’ evalwazzjonijiet li l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO kif ukoll il-lingwa ta’ komunikazzjoni bejnu u l-kandidati hija ristretta għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, dawn l-evalwazzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jistabbilixxu sistema lingwistika applikabbli għall-kompetizzjonijiet kollha organizzati mill-EPSO, peress li ebda dispożizzjoni ma tat lil dan tal-aħħar jew lill-Bord ta’ Kapijiet tal-Amministrazzjoni l-kompetenza li jistabbilixxi tali sistema ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jadotta, f’dan ir-rigward, regoli ta’ prinċipju li avviż ta’ kompetizzjoni jista’ jmur kontrihom eċċezzjonalment biss. F’dan ir-rigward, l-EPSO ma huwiex prekluż, sabiex jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament u ċ-ċertezza legali, milli jadotta u jippubblika atti bħar-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali intiżi li jħabbru kif bi ħsiebu juża, f’ċerti sitwazzjonijiet, is-setgħa diskrezzjonali li jagħtuh dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, l-EPSO huwa marbut b’tali atti biss sa fejn huma ma jitbiegħdux mir-regoli ta’ portata ġenerali li jistipulaw is-setgħat tiegħu u sakemm, billi jadottahom, ma jirrinunzjax għall-eżerċizzju tas-setgħa li hija mogħtija lilu fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, inklużi l-bżonnijiet lingwistiċi ta’ dawn tal-aħħar, fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet differenti.

Hemm lok li jiġi deċiż li r-regoli ġenerali u l-linji gwida ġenerali għandhom jiġu interpretati li jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, komunikazzjonijiet li jistipulaw kriterji li l-EPSO bi ħsiebu jimxi magħhom fl-għażla tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni li huwa inkarigat li jorganizza.

(ara l-punti 47, 49, 50, 52, 53, 57, 58)

2.      Ir-rikors għal annullament huwa miftuħ kontra d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali, jiġifieri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħhom. Minn dan jirriżulta li kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-parti fil-kawża, bħall-atti konfermattivi u l-atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, ma huwiex suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-atti konfermattivi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li att jitqies bħala purament konfermattiv ta’ att individwali preċedenti meta ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dak tal-aħħar u qablu ma kienx hemm eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tiegħu. Dan ir-raġunament jista’ jiġi traspost għall-każ ta’ atti li ma jistgħux jitqiesu li huma atti individwali, bħal regolament jew avviż ta’ kompetizzjoni. Fir-rigward ta’ atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, tali atti ma joħolqux drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ terzi, iżda jidħlu fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ att preċedenti li huwa intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti, filwaqt li l-elementi kollha tar-regola stabbilita minn dan l-aħħar imsemmi att ikunu diġà ddefiniti u deċiżi.

Fir-rigward ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, kull avviż ta’ kompetizzjoni huwa adottat bl-għan li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni speċifika waħda jew iktar, li huwa jistabbilixxi, b’dan il-mod, il-qafas normattiv tagħha skont l-għan stabbilit mill-Awtorità tal-Ħatra. Huwa dan il-qafas normattiv, stabbilit, jekk ikun il-każ, skont ir-regoli ta’ portata ġenerali applikabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, li jirregola l-proċedura tal-kompetizzjoni inkwistjoni, mill-mument tal-publikazzjoni tal-avviż inkwistjoni sal-publikazzjoni tal-lista ta’ riżerva li tinkludi l-ismijiet tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li avviż ta’ kompetizzjoni li, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni kkonċernati, jistabbilixxi l-qafas normattiv ta’ kompetizzjoni speċifika, inkluża s-sistema lingwistika tiegħu, u għalhekk jinkludi effetti legali awtonomi, ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa att konfermattiv jew att ta’ sempliċi eżekuzzjoni ta’ atti preċedenti. Minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra għandha, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha li jikkonsistu fl-adozzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, tosserva jew tapplika r-regoli fl-atti ta’ portata ġenerali preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-qafas normattiv ta’ kull kompetizzjoni huwa stabbilit u speċifikat mill-avviż ta’ kompetizzjoni relattiv li jispeċifika, għalhekk, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex wieħed jokkupa l-post jew il-postijiet inkwistjoni.

Konsegwentement, l-avviżi ta’ kompetizzjoni ġenerali li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għal numru żgħir ta’ lingwi jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali vinkolanti fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni u jikkostitwixxu, għalhekk, atti li jistgħu jiġu kkontestati. Il-fatt li, fl-adozzjoni tagħhom, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ħa inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fir-regoli ġenerali u fil-linji gwida ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO, li l-avviżi kkontestati jagħmlu riferiment għalihom espressament, ma jistax ixejjen din il-konstatazzjoni.

(ara l-punti 61‑64, 66, 67, 70)