Language of document : ECLI:EU:C:2024:160

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Artikolu 3(2) – Sustanza għat-tneħħija tal-kontaminazzjoni tal-wiċċ tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali – Kunċett – Kontaminazzjoni mill-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes – Sustanza għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-wiċċ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li japplikaw barra mill-biċċeriji matul l-aħħar stadji tal-proċess ta’ produzzjoni – Tqegħid fis-suq – Approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑745/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

Micreos Food Safety BV

vs

Eniaios Foreas Elenchou Trofimon (EFET),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Micreos Food Safety BV, minn S. Pappas, avukat,

–        għall-Eniaios Foreas Elenchou Trofimon (EFET), minn E. Strataki, dikigoros,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis, B. Rechena u M. Zerwes, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, u rettifika fil-ĠU 2009, L 282, p. 35), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li jadatta għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, L 198, p. 241) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 853/2004”), kif ukoll tal-Artikolu 3(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Micreos Food Safety BV, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Eniaios Foreas Elenchou Trofimon (EFET) (il-korp uniku għall-kontroll tal-prodotti tal-ikel, il-Greċja), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jawtorizza t-tqegħid fis-suq Elleniku tal-ListexTM P100, prodott li huwa intiż li jevita permezz ta’ bexx il-preżenza tal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes fil-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali lesti għall-konsum, bħall-prodotti tas-sajd u l-prodotti tal-ħalib kif ukoll il-prodotti tal-laħam.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (KE) Nru 178/2002

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprovdi, fil-punti 3 u 14 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

3.      ‘operatur ta’ negozju ta’ l-ikel’ tfisser persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom;

[…]

14.      ‘perikolu’ tfisser aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa”.

 IrRegolament (KE) Nru 852/2004

4        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319), jipprevedi, fil-punti (c) sa (f) tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(c) ‘stabbeliment’ ifisser kwalunkwe unità tan-negozju ta’ l-ikel;

[...]

(f) ‘kontaminazzjoni’ tfisser il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu”.

 IrRegolament Nru 853/2004

5        Skont il-premessi 6, 9, 10, u 18 tar-Regolament Nru 853/2004:

“(6)      Hemm ix-xewqa ta’ iktar simplifikazzjoni bl-applikazzjoni ta’ l-istess regoli meta f’postu għall-prodotti kollha ta’ oriġini mill-annimali.

[...]

(9)      Il-miri prinċipali ta’ din ir-riformulazzjoni huma li tiġi assigurata f’livell għoli l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà alimentari, b’mod partikolari billi tqiegħed taħt l-istess regoli l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel tal-Komunità [Ewropea] kollha, kif ukoll li s-suq intern fil-prodotti ta’ oriġini mill-annimali jiffunzjona sewwa, u b’dan il-mod issir kontribuzzjoni għalli jintlaħqu l-miri tal-politika agrikola komuni.

(10)      Hemm bżonn li jinżammu u fejn meħtieġ, biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu issikkati, ir-regoli dettaljati ta’ iġjene għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali.

[...]

(18)      Jixraq li l-ħtiġiet strutturali u iġjeniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal kull tip ta stabbiliment, inklużi negozji żgħar u biċċeriji ambulanti.”

6        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolment jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene fl-ikel ta’ oriġini mill-annimali għall-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel. Dawn ir-regoli jissupplimentaw dawk stabbiliti b’Regolament KE) nru 852/2004. Għandhom japplikaw għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali proċessati jew le.”

7        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

(1)      id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 178/2002;

(2)      id-definizzjonijiet li jidhru fir-Regolament (KE) nru 852/2004;

[…]”

8        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Obbligi ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-operaturi fin-negozju tal-ikel ma għandhom jużaw l-ebda sustanza oħra ħlief l-ilma tajjeb għax-xorb jew, meta r-Regolament (KE) Nru 852/2004 jew dan ir-Regolament jippermetti l-użu tiegħu, l-ilma nadif, biex titneħħa l-kontaminazzjoni superfiċjali minn prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm l-użu tas-sustanza ma jkunx ġie approvat mill-Kummissjoni [Europea]. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 11a li jissupplimentaw dan ir-Regolament. [...]”

9        Il-punt 8.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 jippreċiża li:

“Prodotti ta’ oriġini mill-annimali tfisser:

–        ikel ta’ oriġini mill-annimali, inkluż il-għasel u d-demm;

–        molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ġajjin, tunikati ġajjin u gastropodi marini ġajjin maħsuba li jittieklu mill-bniedem;

u

–        annimali oħra ddestinati biex jiġu ppreparati biex jiġu mgħoddija ħajjin lill-konsumatur finali”.

 IrRegolament Nru 1333/2008

10      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1333/2008 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar l-addittivi ta’ l-ikel użati fl-ikel biex jiżguraw il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi u prattika ġusta fil-kummerċ ta’ l-ikel, b’kont meħud ta’, fejn xieraq, il-protezzjoni ta’ l-ambjent.”

11      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-addittivi ta’ l-ikel.

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għas-sustanzi li ġejjin sakemm ma jintużawx bħala addittivi ta’ l-ikel:

(a)      għajnuniet ta’ pproċessar;

[…]”

12      Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘addittiv ta’ l-ikel’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan;

[…]

(b)      ‘għajnuna għall-ipproċessar’ tfisser kwalunkwe sustanza li:

(i)      ma tiġix ikkonsmata bħala ikel waħidha;

(ii)      tintuża intenzjonalment fl-ipproċessar ta’ materja prima, ta’ ikel jew ta’ l-ingredjenti tagħhom li mhumiex ipproċessati, biex jiġi sodisfatt ċertu skop teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar;

(iii)      tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux maħsuba, iżda li teknikament ma tistax tkun evitata fil-prodott finali, ta’ residwi tas-sustanza jew tad-derivati tagħha, sakemm ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għas-saħħa u ma jkollhom l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali;

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Micreos Food Safety timmanifattura prodotti abbażi ta’ batterjofagu, fosthom Listex™ P100.

14      Matul is-sena 2015, wara diversi kuntatti informali li seħħew mis-sena 2007, Micreos Food Safety talbet lill-Kummissjoni sabiex tapprova l-Listex™ P100 bħala dekontaminant għall-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali lesti għall-konsum, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004.

15      Abbażi ta’ opinjoni xjentifika maħruġa mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) fis‑7 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ regolament li jawtorizza l-użu tal-Listex™ P100 u ppreżentatha lill-Kumitat Permanenti tagħha dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Issa, peress li dan l-abbozz ta’ regolament ma kisibx l-appoġġ neċessarju fi ħdan dan il-kumitat, il-Kummissjoni informat lil Micreos Food Safety, informalment fix-xahar ta’ Ottubru 2017 kif ukoll, formalment, permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Frar 2018, bl-intenzjoni tagħha li ma tkomplix bil-proċedura ta’ approvazzjoni fl-assenza ta’ appoġġ politiku neċessarju.

16      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2018, Micreos Food Safety sostniet, quddiem il-Kummissjoni, li l-Listex™ P100 ma kienx “dekontaminant”, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004, iżda “għajnuna għall-ipproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1333/2008, u li għaldaqstant ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004.

17      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ April 2018, il-Kummissjoni tenniet id-deċiżjoni tagħha li ma tkomplix il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Listex™ P100.

18      Fil‑15 ta’ Ottubru 2018, Micreos Food Safety stiednet lill-Kummissjoni tkompli din il-proċedura ta’ approvazzjoni u ppreżentat, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix l-imsemmija proċedura, ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Marzu 2019.

19      Permezz ta’ ittri tal‑25 ta’ April u tad‑9 ta’ Mejju 2019, Micreos Food Safety reġgħet stiednet lill-Kummissjoni teżamina l-klassifikazzjoni tal-Listex™ P100 bħala “għajnuna għall-ipproċessar mhux dekontaminanti”.

20      Permezz ta’ żewġ ittri tas‑17 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem iż-“żewġ ittri tas‑17 ta’ Ġunju 2019”), indirizzati rispettivament lil Micreos Food Safety u lill-Public Advice International Foundation, li kienet tirrappreżenta lil din il-kumpannija, il-Kummissjoni fakkret, minn naħa, l-intenzjoni tagħha li ma tkomplix il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-Listex™ P100 abbażi tar-Regolament Nru 853/2004. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni affermat li, minkejja li l-Listex™ P100 kien jikkostitwixxi “għajnuna għall-ipproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1333/2008, dan il-prodott xorta jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004, sa fejn dan jintuża għal finijiet ta’ dekontaminazzjoni. Barra minn hekk, ma ngħatat l-ebda awtorizzazzjoni għal-Listex™ P100, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004,

21      Fis‑16 ta’ Awwissu 2019, Micreos Food Safety ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li kien fihom iż-żewġ ittri tas‑17 ta’ Ġunju 2019 kif ukoll talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, iċ-ċaħda tat-talba għall-approvazzjoni tal-Listex™ P100 bħala dekontaminant, konformement mar-Regolament Nru 853/2004, it-tieni nett, iċ-ċaħda tat-talba sussidjarja intiża għall-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “għajnuna għall-ipproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b), tar-Regolament Nru 1333/2008, u, it-tielet nett, il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-Listex™ P100 fl-Unjoni Ewropea bħala “għajnuna għall-ipproċessar”.

22      Permezz tad-digriet tas‑26 ta’ Settembru 2019, Micreos Food Safety vs Il‑Kummissjoni (T‑568/19 R, EU:T:2019:694), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Micreos Food Safety, minħabba li, minn naħa, iż-żewġ ittri tas‑17 ta’ Ġunju 2019 ma kinux jinkludu deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-Listex™ P100. Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija madankollu ma kinitx nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja, sa fejn hija setgħet, fl-ewwel lok, tikkontesta l-atti korrispondenti fil-livell nazzjonali quddiem il-qrati kompetenti sabiex, fit-tieni lok, titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Fit‑8 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet dokument lill-Kapijiet tas-Servizzi Veterinarji tal-Istati Membri, fejn sostniet li l-Listex™ P100 kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004, peress li huwa intiż sabiex inaqqas il-kontaminazzjoni mill-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes tal-prodotti tal-ikel li ġejjin mill-annimali lesti għall-konsum. Għaldaqstant, minkejja l-klassifikazzjoni possibbli tiegħu bħala “għajnuna għall-ipproċessar”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 1333/2008, dan il-prodott xorta jkun jeħtieġ approvazzjoni abbażi tar-Regolament Nru 853/2004. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li ma ngħatat l-ebda awtorizzazzjoni għal-Listex™ P100 skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 u li d-dritt tal-Unjoni ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jawtorizzaw l-imsemmi prodott bħala “għajnuna għall-ipproċessar”.

24      Fis‑27 ta’ April 2020, Micreos Food Safety talbet, mingħand is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa (il-Greċja), l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq Grieg tal-Listex™ P100 bħala “għajnuna għall-ipproċessar” għall-ikel li joriġina mill-annimali lest għall-konsum. Sussegwentement, din it-talba ntbagħtet lill-Ministeru għall-Iżvilupp Agrikolu u l-Ikel (il-Greċja), u sussegwentement lill-awtorità kompetenti fil-livell nazzjonali, jiġifieri l-EFET.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il-president tal-bord tad-diretturi tal-EFET ċaħad l-imsemmija talba minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ kuntest ġuridiku preċiż, fid-dritt Elleniku, dwar l-għajnuna għall-ipproċessar kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-riżervi espressi mill-EFSA, fl-opinjoni xjentifika tagħha tas‑7 ta’ Lulju 2016, fir-rigward tal-klassifikazzjoni u s-sigurtà tal-Listex™ P100.

26      Fit‑28 ta’ Settembru 2020, Micreos Food Safety ippreżentat rikors quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020.

27      Insostenn tar-rikors tagħha, Micreos Food Safety issostni li, l-ewwel nett, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 kien jikkonċerna biss id-dekontaminazzjoni ta’ prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali mwettqa fil-biċċeriji, it-tieni nett, il-Listex™ P100 huwa wkoll intiż għal użu barra mill-biċċeriji matul l-aħħar stadji tal-proċess ta’ produzzjoni, jiġifieri wara t-trattament bis-sħana ta’ dawn il-prodotti, meta dawn ikunu diġà ġew iddiżinfettati u ppreparati għat-tqattigħ u l-ippakkjar u, it-tielet nett, il-Listex™ P100 ma huwiex intiż sabiex jelimina l-kontaminazzjoni, iżda sabiex jipprevjeni kontaminazzjoni fl-ipoteżi fejn il-preżenza tal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes teċċedi l-limiti awtorizzati.

28      Permezz tad-digriet tat‑18 ta’ Diċembru 2020, Micreos Food Safety vs Il‑Kummissjoni (T‑568/19, EU:T:2020:647), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ Micreos Food Safety intiż għall-annullament taż-żewġ ittri tas‑17 ta’ Ġunju 2019, minħabba li dawn, minn naħa, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u, min-naħa l-oħra, ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti, anki jekk jinkludu evalwazzjonijiet legali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali affermat mill-ġdid li Micreos Food Safety ma kinitx nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja, peress li hija setgħet tippreżenta rikorsi kontra l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali quddiem il-qrati nazzjonali, u b’hekk ippermettiet lil dawn tal-aħħar jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE.

29      Permezz ta’ dokument tas‑7 ta’ Frar 2022, il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-EFET informa lill-qorti tar-rinviju li, l-ewwel nett, il-Listex™ P100 kellu jiġi jitqies li jeħtieġ approvazzjoni bħala “dekontaminant”, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004, sa fejn dan il-prodott huwa intiż sabiex inaqqas il-kontaminazzjoni mill-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali lesti li jiġu kkonsmati, it-tieni nett, fl-assenza ta’ approvazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-imsemmi prodott ma jistax jitqiegħed fis-suq bħala “dekontaminant”, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 u, it-tielet nett, l-istess prodott xorta jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004, anki jekk jiġi kklassifikat bħala “għajnuna għall-ipproċessar” skont ir-Regolament Nru 1333/2008. Id-dokument tas‑7 ta’ Frar 2022 jelenka wkoll ir-raġunijiet li għalihom ma huwiex possibbli li l‑Listex™ P100 jiġi kklassifikat bħala “għajnuna għall-ipproċessar” għal għan ieħor għajr id-dekontaminazzjoni, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ provi neċessarji kif ukoll l-eżistenza ta’ dubji dwar l-effikaċja u s-sigurtà ta’ dan il-prodott.

30      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-rikors ta’ Micreos Food Safety għandu jiġi miċħud, għar-raġuni, minn naħa, li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonsistu, konformement mal-premessa 9 tar-Regolament Nru 853/2004, f’li jiġi żgurat lill-konsumatur ikkonċernat livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament japplika għad-dekontaminazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali mwettqa fit-tipi kollha ta’ stabbilimenti, kif jirriżulta mill-premessa 18 tal-imsemmi regolament, u għalhekk ukoll barra mill-biċċeriji u irrispettivament mill-istadju tal-proċess ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, l-argument ta’ Micreos Food Safety li jgħid li l-Listex™ P100 iservi sabiex jipprevjeni l-kontaminazzjoni huwa irrilevanti, peress li tali prevenzjoni tikkostitwixxi wkoll “[eliminazzjoni tal-]kontaminazzjoni superfiċjali minn prodotti li joriġinaw mill-annimali, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-[Regolament (KE) Nru 853/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tiegħu stess (u, konsegwentement, id-dħul fis-suq Ewropew tiegħu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11a tar-[Regolament Nru 853/2004]) prodott bħal-Listex™ P100 [ta’ Micreos Food Safety], li għandu l-karatteristiki deskritti fl-opinjoni [xjntifika tal-EFSA] tas-7.7.2016 u, barra minn hekk, skont [Micreos Food Safety], jiġi applikat barra mill-binjiet tal-biċċeriji matul l-aħħar fażijiet tal-proċess ta’ produzzjoni u ma huwiex intiż biex jelimina l-kontaminazzjoni superfiċjali fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, iżda biex jipprevjeni l-kontaminazzjoni?

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda,

(2)      Ir-[Regolament (KE) Nru 1333/2008] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodott [ta’ Micreos Food Safety] msemmi iktar ’il fuq jikkostitwixxi addittiv tal-ikel jew għajnuna għall-ipproċessar (Artikolu 3(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1333/2008)?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jiġi approvat mill-Kummissjoni l-użu ta’ prodott, bħal-Listex™ P100, intiż sabiex tiġi evitata l-preżenza tal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes fl-ikel li joriġina mill-annimali lest għall-konsum.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi li l-operaturi fin-negozju tal-ikel ma għandhom jużaw l-ebda sustanza oħra ħlief l-ilma tajjeb għax-xorb jew, meta r-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 jew 853/2004 jippermettu l-użu tiegħu, l-ilma nadif, biex titneħħa l-kontaminazzjoni superfiċjali minn prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm l-użu tas-sustanza ma jkunx ġie approvat mill-Kummissjoni.

34      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-attivitajiet u tal-persuni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Obbligi tal-Operaturi tan-Negozju tal-Ikel”, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu jkopri b’mod ġenerali “l-operaturi ta’ negozju ta’ l-ikel”.

35      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, id-definizzjonijiet imsemmija fir-Regolamenti Nri 178/2002 u 852/2004 huma applikabbli għall-finijiet tar-Regolament Nru 853/2004. Issa, il-punt 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002 jiddefinixxi “operaturi ta’ negozju ta’ l-ikel” bħala “persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom”.

36      Barra minn hekk, mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li l-ħtiġiet strutturali u iġjeniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw għal kull tip ta stabbiliment, inklużi negozji żgħar u biċċeriji mobbli. L-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament Nru 852/2004 jippreċiża f’dan ir-rigward li t-terminu “stabbiliment” jinkludi “kwalunkwe unità tan-negozju ta’ l-ikel”.

37      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-istabbilimenti ta’ biċċeriji, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “operaturi ta’ negozju ta’ l-ikel”.

38      Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-formulazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw mill-annimali”, prevista fil-punt 8.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004, li ssemmi, b’mod partikolari, prodotti preżenti barra mill-biċċeriji, jiġifieri, “ikel ta’ oriġini mill-annimali, inkluż il-għasel u d-demm”. Għalhekk, limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għall-karkassi bħala prodotti li joriġinaw mill-biċċeriji lanqas ma tista’ tirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, tali limitazzjoni tmur kontra l-għan imsemmi fil-premessa 6 tal-imsemmi regolament, li huwa intiż għal simplifikazzjoni ikbar billi jiġu applikati l-istess regoli ta’ iġjene, jekk ikun il-każ, għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali.

39      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontaminazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni teżiġi l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni għall-użu ta’ kull sustanza minbarra l-ilma sabiex tiġi eliminata l-kontaminazzjoni tal-wiċċ ta’ tali prodotti li joriġinaw mill-annimali.

40      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fondatezza tal-allegazzjoni ta’ Micreos Food Safety li tgħid li l-Listex™ P100 huwa intiż mhux sabiex jelimina kontaminazzjoni mill-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes, iżda sabiex jipprevjeni tali kontaminazzjoni kif ukoll sabiex jevita li l-prodotti tal-ikel ma jaqbżux, matul iż-żmien kollu tal-ħażna tagħhom u sal-konsum tagħhom, il-limiti ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika awtorizzati mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal‑15 ta’ Novembru 2005 dwar il-Kriterji Mikrobijoloġiċi Applikabbli għall-Prodotti tal-Ikel (ĠU 2005, L 338, p. 1).

41      F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 852/2004 jiddefinixxi l-kelma “kontaminazzjoni” bħala “il-preżenza jew l-introduzzjoni ta’ periklu”. Rigward il-kunċett ta’ “perikolu”, dan huwa ddefinit fil-punt 14 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 178/2002 bħala “aġent bijoloġiku, kimiku jew fiżiku fi, jew kondizzjoni ta’, ikel jew għalf bil-potenzjal li joħloq effetti kuntrarji fuq is-saħħa”.

42      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq manifestament jippromwovi livell għoli ta’ sigurtà tal-ikel billi adotta wkoll definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontaminazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 40).

43      Mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, il-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes huwa omnipreżenti fin-natura u li, min-naħa l-oħra, il-Listex™ P100 jeħtieġ il-preżenza ta’ dan il-batterju sabiex ikun jista’ juża l-effett dekontaminanti tiegħu. B’hekk jidher li l-għan li jista’ jintlaħaq invokat minn Micreos Food Safety, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-iżvilupp tal-imsemmi batterju f’livelli ogħla ammissibbli skont ir-Regolament Nru 2073/2005, jikkostitwixxi, f’dan il-każ, l-eliminazzjoni ta’ kontaminazzjoni. Fil-fatt, mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontaminazzjoni”, kif imfakkra fil-punt preċedenti, ma jistax jiġi dedott li l-effett potenzjalment negattiv tal-preżenza tal-istess batterju jiddependi fuq jekk il-livelli ammissibbli ta’ dan tal-aħħar skont ir-Regolament Nru 2073/2005 jinqabżux jew le.

44      Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kunċett ta’ “kontaminazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004, ikopri r-riskju ta’ introduzzjoni ta’ perikolu marbut mal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar kif ukoll tal-ippakkjar tal-prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, peress li l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament la jiddefinixxi u lanqas jillimita l-mument li fih għandha ssir l-eliminazzjoni ta’ tali kontaminazzjoni.

45      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 853/2004 li, kif tiddikjara l-premessa 9 tiegħu, huwa li jiġi żgurat lill-konsumatur ikkonċernat livell għoli ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, il-premessa 10 tal-imsemmi regolament turi b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel il-kwistjoni ta’ interess ewlenija tiegħu s-saħħa tal-konsumaturi, sa fejn jissemma fl-imsemmija premessa li “[h]emm bżonn li jinżammu u fejn meħtieġ, biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur, jiġu issikkati, ir-regoli dettaljati ta’ iġjene għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali”. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 43).

46      Għaldaqstant, kemm l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 853/2004 kif ukoll l-għan tiegħu jeżiġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sorsi kollha ta’ kontaminazzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et, C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 44), peress li tali interpretazzjoni turi l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti preferenza lill-implimentazzjoni tar-regoli speċifiċi ta’ iġjene intiżi sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-wiċċ iktar milli l-użu ulterjuri ta’ dekontaminanti.

47      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 853/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jiġi approvat mill-Kummissjoni l-użu ta’ prodott, bħal-Listex™ P100, intiż sabiex tiġi evitata l-preżenza tal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes fl-ikel li joriġina mill-annimali lest għall-konsum.

 Fuq ittieni domanda

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, li saret fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1243 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jeżiġi li jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea l-użu ta’ prodott, bħal-Listex™ P100, intiż sabiex tiġi evitata l-preżenza tal-batterju patoġeniku Listeria monocytogenes fl-ikel li joriġina mill-annimali lest għall-konsum.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.