Language of document : ECLI:EU:C:2024:157

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024(1)

Kawża C603/22

M.S.,

J.W.,

M.P.,

intervenjenti fil-kawża:

Prokurator Rejonowy w Słupsku,

D.G., bħala kuratur ta’ M.B. u B.B.

(talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/800/UE – Garanziji proċedurali għal tfal li huma persuni ssuspettati jew persuni akkużati fi proċeduri kriminali – Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800 – Dritt għall-informazzjoni – Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Ammissibbiltà tal-provi)






I.      Introduzzjoni

1.        Fl-Unjoni Ewropea, il-proċeduri kriminali huma prinċipalment kwistjoni tal-Istati Membri. Madankollu, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, l-Unjoni adottat serje ta’ direttivi ta’ armonizzazzjoni minima li jipproteġu ċerti drittijiet f’tali proċeduri (2).

2.        Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tiċċara wħud minn dawn id-drittijiet kif applikati għal tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali.

3.        Id-domandi ġew magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja), li kienet adita b’kawża bbażata fuq akkużi kriminali kontra tliet persuni, M.S., J.W., u M.P. Dawn kienu lkoll minuri meta nbdew l-investigazzjonijiet kriminali, iżda (tal-inqas wieħed minnhom) laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul il-proċeduri.

4.        Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/800 (dwar id-drittijiet tat-tfal fi proċeduri kriminali) (3), moqrija flimkien mad-Direttiva 2013/48/UE (dwar l-aċċess għal avukat) (4), mad-Direttiva 2012/13/UE (5) (dwar id-dritt għall-informazzjoni), u mad-Direttiva (UE) 2016/343 (dwar il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess) (6).

II.    Ilfatti, iddomandi preliminari u l-proċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5.        Il-Prokurator Rejonowy w Słupsku (il-Prosekutur Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja) ressaq akkużi kontra M.S. quddiem il-qorti tar-rinviju talli repetutament sgassa ċentru tal-vaganzi fil-perijodu bejn Diċembru 2021 u Jannar 2022. Bl-istess mod, tressqu akkużi kontra J.W. u M.P. għall-istess reat iżda abbażi ta’ okkorrenza waħda biss. It-tliet akkużati kollha kellhom 17‑il sena fiż-żmien meta twettqu r-reati.

6.        Il-pulizija ma informatx lil M.S. bid-dritt tiegħu li jkollu avukat preżenti waqt l-interrogazzjoni jew bid-dritt tiegħu li jaċċessa l-fajl tal-każ. Bl-istess mod, il-pulizija ma ħallietx lil omm M.S. takkumpanjah waqt l-interrogazzjoni u ċaħditilha l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-progress tal-fażi tal-investigazzjoni.

7.        Waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, li ma ġietx irreġistrata f’forma awdjoviżiva, M.S. żvela numru ta’ fatti inkriminanti filwaqt li ta rapport iddettaljat tal-ġrajjiet li seħħew fiċ-ċentru tal-vaganzi. Il-prosekuzzjoni sussegwentement, immodifikat l-akkużi kontra M.S. minn sgass wieħed għal numru ta’ sgassi fiċ-ċentru tal-vaganzi.

8.        Fi tmiem l-interrogazzjoni, il-pulizija tat lil M.S. dokument li jiddeskrivi d-drittijiet u l-obbligi ġenerali tiegħu waqt il-proċeduri kriminali. M.S. iffirma dan id-dokument iżda, minħabba t-tul u l-kumplessità tiegħu, ma qarax il-kontenut tiegħu.

9.        Ittieħdu azzjonijiet simili fil-konfront ta’ J.W. u M.P. Għall-kuntrarju tal-każ ta’ M.S., il-ġenituri ta’ dawn iż-żewġ l-akkużati tħallew jakkumpanjaw lil uliedhom waqt l-interrogazzjoni. L-azzjoni meħuda fiż-żewġ każijiet kienet fil-bqija simili ħafna għal dik meħuda fil-konfront ta’ M.S., bl-eċċezzjoni tal-akkuża ta’ istanza waħda ta’ sgass li ma nbidlitx fir-rigward tagħhom.

10.      Matul il-proċeduri ta’ qabel il-proċess, ma saret l-ebda evalwazzjoni individwali tal-persuni ssuspettati.

11.      L-akkużi kontra l-persuni akkużati ġew iffirmati mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil‑31 ta’ Mejju 2022 u mibgħuta lill-qorti tar-rinviju. Peress li l-persuni akkużati ma kellhomx avukati, dik il-qorti nnominat avukat difensur għal kull wieħed minnhom.

12.      Fir-rigward ta’ kull wieħed mill-persuni akkużati, l-avukati difensuri rispettivi tagħhom talbu li l-istqarrijiet li ngħataw fil-fażi ta’ qabel il-proċess ma jiġux ikkunsidrati, filwaqt li rrimarkaw li l-provi kienu nkisbu bi ksur tal-liġi, jiġifieri, f’interrogazzjonijiet li saru mill-pulizija mingħajr il-preżenza ta’ avukat, li l-parteċipazzjoni tiegħu kienet obbligatorja. Huma kkunsidraw li l-provi hekk miksuba ma setgħux jifformaw il-bażi li fuqha jiġu stabbiliti l-fatti.

13.      F’kull każ, il-qorti tar-rinviju laqgħet dawn it-talbiet u ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet tal-prosekutur pubbliku sabiex jittieħdu provi minn stqarrijiet magħmula mill-persuni akkużati matul il-proċeduri ta’ qabel il-proċess mingħajr il-preżenza ta’ avukat.

14.      M.P. għalaq l-età ta’ 18‑il sena f’Awwissu 2022 matul l-istadju tal-proċeduri. L-avukat difensur tiegħu talab li jkompli jirrappreżentah u l-qorti tar-rinviju laqgħet din it-talba. Ma hemm l-ebda informazzjoni speċifika li tindika li J.W. u M.S. laħqu l-età ta’ 18‑il sena matul il-proċeduri qabel is-sottomissjoni tar-rinviju preliminari.

15.      Minbarra li għamlet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/800 fir-rigward tal-mod ta’ kif tmexxiet il-fażi ta’ qabel il-proċess, il-qorti tar-rinviju, komposta minn imħallef uniku, għamlet ukoll domandi dwar l-indipendenza ġudizzjarja bbażati fuq avvenimenti li seħħew qabel il-proċedura fil-kawża prinċipali.

16.      Kif ġie spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-istess imħallef, f’kawża differenti u permezz ta’ digriet maħruġ fid‑29 ta’ Novembru 2021, laqa’ t-talba ta’ parti sabiex jiġi eskluż imħallef ieħor abbażi tan-nuqqas ta’ fiduċja f’qorti komposta kuntrarjament għad-dritt tal-Unjoni u għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Id-digriet inħareġ minħabba l-ħatra ta’ dan l-imħallef l-ieħor fil-proċedura li tinvolvi l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) ikkostitwit wara l‑2018.

17.      B’reazzjoni għal dan, il-Prosekutur Distrettwali ta’ Słupsk innotifika lill-Prosekutur Reġjonali ta’ Gdańsk (il-Polonja) bid-digriet maħruġ mill-imħallef tal-qorti tar-rinviju, li min-naħa tiegħu nnotifika lill-Viċi Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji, maħtur f’din il-kariga mill-Ministru għall-Ġustizzja, u d-deputat innotifika lill-Ministru għall-Ġustizzja. Din il-katina ta’ notifiki rriżultat fit-tneħħija temporanja mis-servizz tal-imħallef tal-qorti tar-rinviju mid‑9 ta’ Frar sat‑8 ta’ Marzu 2022, liema perijodu jippreċedi l-proċess ta’ M.S., J.W. u M.P.

18.      Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 6(1), (2), (3)(a) u (7) kif ukoll l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-premessi 25, 26 u 27 tad-Direttiva [2016/800] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument meta persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena ssuspettata li ħadet sehem fi ksur tiġi mixlija, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċedura huma obbligati li jiżguraw li l-wild jibbenefika mid-dritt li jiġi assistit minn avukat ex officio meta ma jkollux avukat tal-għażla tiegħu (billi l-wild jew il-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunux żguraw tali assistenza minn rajhom) u li jiżguraw li l-avukat difensur jipparteċipa fl-atti tal-fażi ta’ qabel il-proċess bħall-interrogazzjoni tal-minuri inkwantu suspettat, u fis-sens li jipprekud[u] li l-minuri jiġi interrogat fl-assenza ta’ avukat difensur?

2)      L-Artikolu 6(6) u (8), moqri flimkien mal-premessi 16, 30, 31 u 32 tad-Direttiva 2016/800 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’ebda każ ma tista’ ssir deroga għall-assistenza ta’ avukat difensur mingħajr dewmien żejjed fil-kawżi li jikkonċernaw ksur punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà u li deroga temporanja għall-applikazzjoni tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat difensur, fis-sens tal-Artikolu 6(8) [ta’ din id-d]irettiva, hija possibbli biss fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċess u unikament fiċ-ċirkustanzi elenkati strettament fl-Artikolu 6(8)(a) u (b), liema ċirkustanzi għandhom jissemmew espliċitament fid-deċiżjoni, li bħala prinċipju tista’ tiġi kkontestata, li ssir l-interrogazzjoni fl-assenza ta’ avukat?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal mill-inqas waħda mid-domandi 1 u 2, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal:

a)      it-tieni sentenza tal-Artikolu 301 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li huwa biss fuq it-talba tiegħu li s-suspettat jiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat difensur maħtur, u li l-assenza tal-avukat difensur għall-interrogazzjoni tas-suspettat ma tipprekludix l-interrogazzjoni?

b)      l-Artikolu 79(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li, fil-każ ta’ persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena (il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), il-preżenza tal-avukat difensur hija obbligatorja biss waqt is-seduta kif ukoll waqt is-sessjonijiet li fihom il-persuna akkużata hija obbligata li tipparteċipa, jiġifieri fl-istadju tal-proċess?

4)      Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domandi 1 u 2 kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija fid-domanda 3, u, b’konsegwenza – b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – li tissostitwixxi r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

5)      L-Artikolu 6(1), (2), (3) u (7) u l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) u [(3)], flimkien mal-premesssi 11, 25 u 26 tad-Direttiva 2016/800 flimkien mal-Artikolu 13 u mal-premessa 50 tad-Direttiva [2013/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru jiggarantixxi assistenza legali ex officio għas-suspettati jew għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li kienu tfal fil-mument meta nbdiet il-proċedura iżda li sussegwentement laħqu l-eta ta’ 18‑il sena, u li din l-assistenza għandha natura obbligatorja sal-għeluq definittiv tal-proċedura?

6)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 5, konsegwentement id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 79 (1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, il-persuna akkużata għandha tiġi difiża unikament sakemm tagħlaq l-età ta’ 18‑il sena?

7)      Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domanda 5 kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija fid-domanda [6], u, li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 79(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, billi tinterpretahom konformement mad-Direttiva (interpretazzjoni konformi), jiġifieri li żżomm il-ħatra ex officio ta’ avukat difensur għall-persuna akkużata li kienet taħt l-età ta’ 18‑il sena fil-mument li ġiet mixlija iżda li sussegwentement, matul il-proċedura, għalqet l-età ta’ 18‑il sena u li fir-rigward tagħha l-proċedura kriminali tkun għadha pendenti, sal-għeluq definittiv tal-proċedura, fejn huwa mifhum li dan huwa neċessarju b’kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi li jipprekludu d-difiża, jew, b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, li tiġi ssostitwita r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

8)      L-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva 2016/800, u l-Artikolu 3(2), moqri flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva [2012/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-pulizija), sa mhux iktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna ssuspettata, mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra, għandhom mingħajr dewmien jinformaw lil din il-persuna kif ukoll, simultanjament, lill-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri, dwar id-drittijiet li huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita proċedura xierqa, u stadji tal-proċedura, inkluż, b’mod partikolari, tal-obbligu li jinħatar avukat difensur għal persuna suspettata minuri u tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ għażla ta’ avukat għal persuna akkużata minuri (ħatra ta’ avukat ex officio), filwaqt li huwa ppreċiżat, fir-rigward tas-suspettati li huma tfal, li din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli adattat għall-età tal-minuri?

9)      L-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-premessa 31 tad-Direttiva [2016//343] flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli minn proċedura kriminali li tinvolvi suspettat/persuna akkużata li hija wild huma obbligati li jinformaw lill-wild suspettat bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket u bid-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu, b’mod li jinftiehem u li jkun adattat għall-età tiegħu?

10)      Fid-dawl tal-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva 2016/800 u tal-Artikolu 3(2) flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2012/13 [għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li] ma jiġux issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq meta dokument ta’ informazzjoni ta’ natura ġenerali jingħata ftit qabel l-interrogazzjoni ta’ suspettat minuri, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-drittjijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800, fejn dan id-dokument ta’ informazzjoni jingħata unikament lis-suspettat, mingħajr assistenza ta’ avukat difensur, filwaqt li tiġi eskluża l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri u f’sitwazzjoni fejn tali dokument ta’ informazzjoni jkun redatt f’lingwaġġ mhux adattat għall-età tas-suspettat?

11)      L-Artikoli 18 u 19, moqrija flimkien mal-premessa 26 tad-Direttiva 2016/800 u l-Artikolu 12(2) moqri flimkien mal-premessa 50 tad-Direttiva 2013/48 flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2), flimkien mal-premessa 44 tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll il-prinċipju ta’ smigħ xieraq għandhom jiġu interpretati fis-sens li – fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ suspettat matul interrogazzjoni tal-pulizija li ssir mingħajr ma dan kellu aċċess għal avukat u mingħajr ma kien ġie informat b’mod xieraq bid-drittijiet tiegħu, mingħajr ma l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri kienet ġiet informata bid-drittijiet u bl-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċedura li l-wild għandu d-dritt li jibbenefika minnha bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva – dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw (jew jagħtu s-setgħa) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità tal-Istat, li tagħmel mezz li s-suspettati/persuni akkużati jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni bħal dik li fiha kienu jsibu ruħhom kieku n-nuqqasijiet inkwistjoni ma kinux seħħew, u b’konsegwenza li ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-prova, b’mod partikolari meta l-informazzjoni inkriminanti miksuba matul din l-interrogazzjoni tintuża sabiex il-persuna kkonċernata tiġi kkundannata?

12)      Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domanda 11, kif ukoll il-prinċipju ta’ prijorità u l-prinċipju ta’ effett dirett, għandhom bħala konsegwenza li jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità oħra tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ dawn id-direttivi, bħall-Artikolu 168a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li prova ma tistax tiġi kklassifikata bħala inammissibbli unikament minħabba li tkun inkisbet bi ksur tar-regoli proċedurali jew permezz ta’ rimedji ta’ delitt imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Kriminali, sakemm din il-prova ma tkunx inkisbet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-obbligi professjonali tiegħu minn uffiċjal pubbliku, wara omiċidju, daqqiet u korrimenti volontarji jew ċaħda tal-libertà?

13)      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/800, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur, bħala korp li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jiżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt, li huwa fl-istess ħin responsabbli mill-proċedura ta’ qabel il-proċess, għandu l-obbligu li jiżgura, matul din il-fażi ta’ qabel il-proċess, protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u li, fil-kuntest tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiggarantixxi l-indipendenza tiegħu u l-imparzjalità tiegħu?

14)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda [mill-ewwel sat‑tnax‑il domanda], b’mod partikolari fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 13, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva), moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-osservanza tal-Istat tad-dritt kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, [Euro Box Promotion et], Kawżi magħquda C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034), kif ukoll il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn il-prinċipji, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ pressjonijiet indiretti eżerċitati fuq l-Imħallfin u fuq il-possibbiltà għall-Prosekutur Ġenerali li jagħti istruzzjonijiet vinkolanti f’dan ir-rigward lill-prosekuturi ta’ grad inferjuri, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur [Pubbliku] huwa dipendenti minn korp eżekuttiv, jiġifieri l-Ministru għall-Ġustizzja, kif ukoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu l-indipendenza tal-qorti u dik tal-prosekutur fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

a)      l-Artikolu 130(1) tal-ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. Prawo o ustroju sądów powszechnych h (il-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni), li jippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja – mill-fatt tal-obbligu tal-prosekutur li jindika sitwazzjoni li fiha qorti tiddeċiedi billi tapplika d-dritt tal-Unjoni – li jordna s-sospensjoni immedjata tal-funzjonijiet tal-Imħallef sal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-qorti dixxiplinari, għal tul massimu ta’ xahar, meta, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-att imwettaq mill-Imħallef, li kkonsista li japplika direttament id-dritt tal-Unjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja jqis li l-awtorità tal-qorti jew l-interessi essenzjali tas-servizz jeżiġu dan?

b)      l-Artikolu 1(2), il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(1) sa (6) u (8) kif ukoll l-Artikolu 13(1) u (2) tal-ustawa z dnia 28 stycznia 2016 roku Prawo o prokuraturze (il-Liġi tat‑28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur), minn fejn jirriżulta, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien, li l-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa fl-istess ħin il-Prosekutur Ġenerali u l-ogħla grad tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jista’ jadotta istruzzjonijiet vinkolanti għall-prosekuturi ta’ grad inferjuri, inkluż sabiex jillimita jew jostakola l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni?”

19.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Prosekutur Distrettwali ta’Słupsk, mill-Gvern Ċek u minn dak Pollakk, u mill-Kummissjoni Ewropea.

20.      Fil‑15 ta’ Novembru 2023 inżammet seduta li fiha l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

III. Iddritt rilevanti

21.      L-Artikolu 2(1) u (3) tad-Direttiva 2016/800 jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għat-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali. Din tapplika sad-determinazzjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet reat kriminali, inkuż, fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

[…]

3.      Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5 [(7)], il-punt (b) tal-Artikolu 8(3) [(8)] u tal-Artikolu 15 [(9)], safejn dwak id-dispożizzjonijiet jirreferu għal detentur tar-responsabilità tal-ġenituri, din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, tapplika għal persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn tali persuni kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda sussegwentement laħqu l-età ta’ 18‑il sena, u l-applikazzjoni ta din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva meta l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età ta’ 21” (10).

22.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800 jistabbilixxi d-dritt għall-informazzjoni:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta t-tfal jkunu mgħarrfa li huma suspettati jew li huma persuni akkużati, huma jiġu infurmati fil-pront dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva 2012/13/UE u dwar aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċeduri.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li t-tfal jiġu infurmati dwar id-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tiġi mogħtija kif ġej:

(a)      fil-pront malli t-tfal jiġu mgħarrfa li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fir-rigward ta’:

(i)      id-dritt li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jiġi mgħarraf, kif previst fl-Artikolu 5;

(ii)      id-dritt li jiġu assistiti minn avukat, kif previst fl-Artikolu 6;

(iii)      id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tal-privatezza, kif previst fl-Artikolu 14;

(iv)      id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt xi stadji tal-proċedimenti għajr seduti tal-qorti, kif prevista fl-Artikolu 15(4);

(v)      id-dritt għall-għajnuna legali, kif previst fl-Artikolu 18;

(b)      fl-istadju l-aktar bikri xieraq tal-proċedimenti, fir-rigward ta’:

(i)      id-dritt għal valutazzjoni individwali, kif previst fl-Artikolu 7;

(ii)      id-dritt għal eżami mediku, inkluż id-dritt għal assistenza medika, kif previst fl-Artikolu 8;

(iii)      id-dritt għal limitazzjoni ta’ ċaħda tal-libertà u tal-użu ta’ miżuri alternattivi, inkluż id-dritt għal rieżami perjodiku tad-detenzjoni, kif previst fl-Artikoli 10 u 11;

(iv)      id-dritt li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti, kif previst fl-Artikolu 15(1);

(v)      id-dritt li jkunu fiżikament preżenti waqt il-proċess, kif previst fl-Artikolu 16;

(vi)      id-dritt għal rimedji effikaċi, kif previst fl-Artikolu 19;

(c)      malli jiġu mċaħħda mil-libertà fir-rigward tad-dritt għal trattament speċifiku matul iċ-ċaħda tal-libertà, kif previst fl-Artikolu 12.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun mogħtija bil-miktub, bil-fomm jew bit-tnejn, b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, u li l-informazzjoni mogħtija tiġi reġistrata, bl-użu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali.

3.      Meta t-tfal, jingħataw Ittra tad-Drittijiet skont id-Direttiva 2012/13/UE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali Ittra tkun tinkludi riferenza għad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.”

23.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 jirregola d-dritt ta’ aċċess għal avukat:

“1.      It-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati li jkunu wettqu reat kriminali għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’konformità mad-Direttiva 2013/48/UE. Xejn f’din id-Direttiva, b’mod partikolari f’dan l-Artikolu, m’għandu jaffettwa dak id-dritt.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat f’konformità ma’ dan l-Artikolu biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod effikaċi

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat mingħajr dewmien żejjed ladarba jiġu mgħarrfa li huma persuni suspettati jew akkużati. Fi kwalunkwe każ, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat mill-aktar mument bikri fost is-segwenti:

(a)      qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja;

(b)      mat-twettiq minn awtorità ta’ investigazzjoni jew awtorità kompetenti oħra ta’ att investigattiv jew att ieħor ta’ ġbir ta’ provi skont il-punt (c) tal-paragrafu 4;

(c)      mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà;

(d)      fejn jkunu ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti.

4.      Assistenza minn avukat għandha tinkludi s-segwenti:

(a)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ikollhom id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u jikkomunikaw mal-avukat li jirrappreżentahom, inkluż qabel interrogazzjoni mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja;

(b)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat meta jkunu qed jiġu interrogati, u li l-avukat ikun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv waqt l-interrogazzjoni. Tali parteċipazzjoni għandha titmexxa skont il-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, dment li tali proċeduri ma jippreġudikawx l-eżerċizzju effettiv u l-essenza tad-dritt konċernat. Fejn avukat jipparteċipa matul interrogazzjoni, il-fatt li tkun seħħet tali parteċipazzjoni għandu jiġi rreġistrat bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi nazzjonali;

(c)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal, bħala minimu, jiġu assistiti minn avukat matul is-segwenti atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi, meta dawk l-atti huma previsti skont il-liġi nazzjonali u jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun meħtieġa jew imħollija tkun preżenti għall-att konċernat:

(i)      ringieli ta’ persuni għall-identifikazzjoni;

(ii)      konfrontazzjonijiet;

(iii)      rikostruzzjonijiet sperimentali tax-xena tar-reat kriminali.

5.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn it-tfal u l-avukat tagħhom fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-assistenza ta’ avukat, previst f’din id-Direttiva. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi l-laqgħat, il-korrispondenza, il-konverżazzjonijiet telefoniċi u forom oħra ta’ komunikazzjoni permessi skont il-liġi nazzjonali.

6.      Sakemm dan ikun f’konformità mad-dritt għal proċess ġust, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 3 fejn l-assistenza minn avukat ma tkunx proporzjonata fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, waqt li titqies il-gravità tal-allegat reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u l-miżuri li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ tali reat, bl-intendiment li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja.

Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal jiġu assistiti minn avukat:

(a)      meta jitressqu quddiem qorti kompetenti jew imħallef sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva; u

(b)      matul id-detenzjoni.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li ċ-ċaħda tal-libertà m’għandhiex tiġi imposta bħala sentenza kriminali, sakemm it-tifel ma jkunx ġie assistit minn avukat b’tali mod li jippermetti li t-tifel jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ difiża b’mod effikaċi u, fi kwalunkwe każ, waqt is-seduti tal-proċess quddiem qorti.

7.      Meta t-tifel jiġi assistit minn avukat f’konformità ma’ dan l-Artikolu iżda ebda avukat ma jkun preżenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipposponu l-interrogazzjoni tat-tifel, jew atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi oħra previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 4, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jippermettu l-wasla tal-avukat meta tifel, jew fejn it-tifel ma qabbadx avukat, biex iqabbdu avukat għat-tifel.

8.      F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess, l-Istati Membri jistgħu temporanjament jidderogaw mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sa fejn dan ikun ġustifikat fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imperattivi li ġejjin:

(a)      meta jkun hemm ħtieġa urġenti li jiġu evitati konsegwenzi serji kontra l-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna;

(b)      meta azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġi evitat li l-proċedimenti kriminali rigward reat kriminali serju jiġu preġudikati b’mod sostanzjali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiġi applikat dan il-paragrafu, għandhom jikkunsidraw l-aħjar interessi tat-tifel.

Deċiżjoni li titmexxa interrogazzjoni fin-nuqqas tal-avukat skont dan il-paragrafu tista’ tittieħed biss abbażi ta’ każ b’każ minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tista’ tiġi soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.”

24.      L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2016/800 jistabbilixxi d-dritt għall-għajnuna legali:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali li għandha x’taqsam mal-għajnuna legali tiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għall-assistenza ta’ avukat skont l-Artikolu 6.”

25.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800 jirregola r-rimedji:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll tfal li huma persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.”

IV.    Analiżi

A.      Rimarki preliminari

26.      L-Unjoni ma għandhiex dritt komuni wieħed dwar il-proċeduri kriminali. Għall-kuntrarju, il-proċeduri kriminali għadhom kwistjoni rregolata mill-Istati Membri, fatt li neċessarjament iwassal għal diverġenza regolatorja.

27.      Madankollu, filwaqt li l-proċeduri kriminali jvarjaw, individwi fl-Unjoni jistgħu jistrieħu fuq is-suppożizzjoni li l-garanziji tad-drittijiet fundamentali huma l-istess (11).

28.      Ir-raġuni ewlenija għal dan hija l-KEDB, li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet. Permezz tal-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet tal-KEDB – speċjalment id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 6 tagħha – il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) armonizzat id-drittijiet tal-proċeduri kriminali madwar il-kontinent Ewropew.

29.      Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-drittijiet kif protetti mill-KEDB jirrappreżentaw il-livell minimu ta’ protezzjoni li għandu jingħata lill-individwi f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

30.      Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li s-sħubija ta’ kull Stat Membru fil-KEDB mhux dejjem tipprovdi, minnha u fiha nnifisha, livell suffiċjenti ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra (12). Tali fiduċja, madankollu, hija kundizzjoni preliminari għar-rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali, u għalhekk, bażi għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dritt kriminali, peress li qiegħda tinbena abbażi tat-TFUE (13).

31.      Għalhekk, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppromulga għadd ta’ direttivi minimi ta’ armonizzazzjoni li jirregolaw il-proċeduri kriminali fl-Istati Membri (14).

32.      Fost dawn id-direttivi hemm id-Direttiva 2016/800, li għandha post uniku. It-tfal, bħala persuni vulnerabbli (15), jistħoqqilhom attenzjoni addizzjonali u protezzjoni msaħħa (16). Dan, fost oħrajn, jirriżulta mill-Artikolu 24 tal-Karta, li jipprovdi għal obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet privati kollha li jiżguraw li l-interessi superjuri tat-tfal ikun kunsiderazzjoni primarja (17).

33.      Għalhekk, id-Direttiva 2016/800 għandha tinftiehem bħala lex specialis (18), li tipprovdi tal-inqas l-istess, jekk mhux iktar, protezzjoni, għat-tfal li jkunu issuspettati jew akkużati, meta mqabbla ma’ direttivi oħra ta’ armonizzazzjoni minima li jirregolaw id-drittijiet fil-proċeduri kriminali.

34.      B’differenza minn dawn id-direttivi l-oħra, li jirregolaw drittijiet proċedurali speċifiċi, id-Direttiva 2016/800 pjuttost tiffoka fuq kategorija ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u tkopri drittijiet multipli.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa ttrattat id-Direttiva 2016/800 biss fis-sentenza Piotrowski (19), li fiha interpretat l-Artikolu 17 tagħha fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fejn il-persuna mfittxija kienet minuri. Din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, li tirrendi dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-ewwel opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta numru ta’ drittijiet proċedurali ta’ tfal li jkunu ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali.

B.      Riorganizzazzjoni taddomandi magħmula millqorti tarrinviju u listruttura talkonklużjonijiet

36.      Il-maġġoranza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-proċeduri kriminali peress li dawn huma ggarantiti mid-direttivi ta’ armonizzazzjoni minima, prinċipalment mid-Direttiva 2016/800.

37.      Qabel ma nanalizza s-sustanza ta’ dawn id-domandi, ser nindirizza l-oġġezzjonijiet għall-ammissibbiltà mqajma prinċipalment mill-Gvern Pollakk (Taqsima C).

38.      F’dan ir-rigward, parti mit-tlettax‑il domanda u l-erbatax‑il domanda kollha kemm hija ma humiex konnessi mal-interpretazzjoni tad-direttivi dwar il-garanziji fil-proċeduri kriminali, iżda huma ta’ natura iktar ġenerali. Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta, u tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Kif ser nispjega, dawn id-domandi huma inammissibbli fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, u għalhekk mhux ser nittratta s-sustanza tagħhom.

39.      Fir-rigward tal-mertu, ser noffri l-interpretazzjoni tal-portata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat għat-tfal (Taqsima D), kif mitluba mill-qorti tar-rinviju permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda. Dan ser jinkludi wkoll ħarsa lejn id-derogi ta’ dan id-dritt permessi mid-Direttiva 2016/800.

40.      Sussegwentement ser nispjega jekk id-dritt ta’ aċċess għal avukat jibqax japplika wara li wild jagħlaq it‑18‑il sena matul il-proċeduri kriminali, u jekk id-dispożizzjoni rilevanti tħallix xi għażla f’idejn l-Istati Membri dwar kif jittrasponuha (Taqsima E). Dan ser jindirizza l-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju.

41.      Ser inkompli billi nirrispondi għat-tmien, għad-disa’ u għall-għaxar domanda dwar il-portata tad-dritt tat-tfal u tad-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jkunu informati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom (Taqsima F). Dan ser jinkludi wkoll ir-risposta dwar jekk dan l-obbligu jeżistix ukoll għall-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni li jipparteċipaw fl-istadju tal-proċeduri li jseħħ qabel il-proċess.

42.      Wara ser nispjega sa liema punt id-dritt tal-Unjoni jaffettwa r-regoli dwar l-(in)ammissibbiltà tal-provi miġbura bi ksur ta’ dritt wieħed jew iktar mogħtija lit-tfal mid-direttivi rilevanti (Taqsima G), u b’hekk nirrispondi għall-ħdax‑il domanda tal-qorti tar-rinviju.

43.      Fl-aħħar nett, ser intenni fil-qosor il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-effett dirett u mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għall-qrati nazzjonali (Taqsima H). Sabiex inwieġeb għal parti mit-tħassib imqajjem mill-qorti tar-rinviju fit-tlettax‑il domanda, ser nispjega wkoll li l-effett dirett huwa kunċett indirizzat mhux biss lill-qrati, iżda wkoll lill-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri, inklużi lill-prosekuturi pubbliċi.

44.      Il-qarrej jista’ jinnota li fi ħdan din l-istruttura jiena ma inkludejtx it-tielet, is-sitt u t-tnax‑il domanda tal-qorti tar-rinviju. Dawn id-domandi jiċċitaw dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Pollakk u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni tagħhom. Madankollu, kif inhu magħruf sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa esklużiva li jinterpretaw id-dritt nazzjonali (20).

45.      Skont din id-diviżjoni stretta tax-xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, din tal-ewwel ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (21). Hija l-qorti tar-rinviju, ladarba tkun irċeviet ir-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tislet il-konsegwenzi meħtieġa għad-dritt nazzjonali applikabbli (22). F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssolvi l-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ċċitat f’dawn it-tliet domandi abbażi tar-risposti mogħtija għall-bqija tad-domandi.

C.      Ammissibbiltà

46.      Il-Gvern Pollakk ikkontesta l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari peress li l-qorti tar-rinviju, billi eskludiet il-provi miġbura mingħajr il-preżenza ta’ avukat fl-istadju ta’ qabel il-proċess, u billi nnominat avukat għall-minuri akkużati – inkluż billi estendiet din in-nomina meta wieħed mill-akkużati għalaq 18‑il sena – diġà rrimedjat xi ksur tad-Direttiva 2016/800 li seta’ seħħ. Fi kliem ieħor, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex meħtieġ sabiex il-qorti tar-rinviju ssolvi l-kawża li għandha quddiemha.

47.      Huwa stabbilit sewwa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi magħmula minn nazzjonali, “fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza” (23). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tqis li r-risposta għad-domandi magħmula ma tkunx meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza fil-kawża li tkun adita biha, hija tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha (24).

48.      Dan jista’ jkun il-każ jekk il-qorti tar-rinviju tkun diġà ddeċidiet fuq il-kwistjonijiet li dwarhom hija titlob interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’każ bħal dan, jista’ jkun li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx għadha meħtieġa. Madankollu, jekk fil-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju jkun għad għandha l-possibbiltà li tbiddel id-deċiżjoni tagħha dwar il-kwistjoni partikolari qabel ma tiddeċiedi l-kawża b’mod finali, ir-risposta għad-domandi magħmula tista’ titqies utli għal din il-proċedura konkreta (25).

49.      Filwaqt li jidher li l-qorti tar-rinviju kienet diġà ddeċidiet li teskludi l-provi miġbura mingħajr il-preżenza ta’ avukat, u li estendiet in-nomina ta’ avukat fir-rigward ta’ wieħed mill-konvenuti li għalaq it‑18‑il sena, ma ġiet prodotta ebda prova quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tindika li l-qorti tar-rinviju ma tistax tbiddel id-deċiżjoni tagħha qabel ma tikkonkludi l-kawża.

50.      Jiena, għalhekk, nikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-portata tad-drittijiet proċedurali inkwistjoni hija utli sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

51.      Madankollu, jiena tal-fehma li partijiet tat-tlettax‑il domanda u tal-erbatax‑il domanda jqajmu kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà.

52.      It-tlettax‑il domanda tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. F’parti waħda, hija tistaqsi jekk l-effett dirett tad-drittijiet mogħtija lit-tfal (għal avukat u għall-informazzjoni) jorbotx ukoll lill-prosekutur pubbliku, li għalhekk ikun taħt l-obbligu li jiżgura dawn id-drittijiet u li jonqos milli japplika kwalunkwe regoli nazzjonali kuntrarji. Ir-risposta għal din id-domanda tkun tippermetti lill-qorti tar-rinviju tikkonkludi jekk il-prosekutur pubbliku kisirx id-drittijiet tat-tfal fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, u għalhekk hija ammissibbli.

53.      Madankollu, il-parti l-oħra ta’ din id-domanda tistaqsi b’mod iktar ġenerali dwar ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-prosekutur pubbliku. Din id-domanda ma jidhirlix li hija ta’ rilevanza diretta għall-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Irrispettivament mill-indipendenza tal-prosekutur pubbliku mill-eżekuttiv, huwa taħt obbligu li jiżgura d-drittijiet tat-tfal fil-proċeduri kriminali, li huma jgawdu abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

54.      Fl-aħħar nett, fl-erbatax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, l-Istat tad-dritt, il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, u l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux regoli nazzjonali li jipprevedu l-possibbiltà li l-Ministru għall-Ġustizzja jordna sospensjoni immedjata ta’ mħallef. It-tħassib tal-qorti tar-rinviju jirriżulta mill-esperjenza personali tal-imħallef li ġie sospiż temporanjament f’kawża preċedenti. Fil-kawża preżenti, il-biża’ li tista’ terġa’ tiġi ordnata sospensjoni tqum minħabba r-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jqiegħed inkwistjoni l-validità tad-dritt nazzjonali.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat f’żewġ proċeduri ta’ ksur kontra ir-Repubblika tal-Polonja li dritt nazzjonali li jipprevjeni lill-imħallfin milli jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, taħt it-theddida ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, huwa inaċċettabbli taħt id-dritt tal-Unjoni (26).

56.      Sa fejn tali theddid fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin huwa inaċċettabbli, fil-każ inkwistjoni tali theddida tidher biss ipotetika. Is-sospensjoni preċedenti tal-imħallef tal-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda rabta ma’ din il-kawża li fil-kuntest tagħha ġew magħmula d-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

57.      Għalhekk, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (27), ir-risposta għad-domanda preliminari ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiem l-imħallef tar-rinviju, u għalhekk id-domanda hija inammissibbli (28).

58.      Is-sitwazzjoni preżenti għalhekk hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza fil-kawża YP et (Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni ta’ mħallef), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domandi intiżi li jsolvu, in limine litis, diffikultajiet ta’ natura proċedurali bħal dawk relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża jistgħu jingħataw risposta fi proċedura għal deċiżjoni preliminari (29). Il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża ddubitat il-ġurisdizzjoni tagħha stess sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, kienet li ġiet ittrasferita lilha biss minħabba li l-imħallef li kien adit bil-kawża oriġinarjament kien ġie sospiż minħabba r-rinviju li huwa kien għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Sabiex nikkonkludi, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis parti mit-tlettax‑il domanda u l-erbatax‑il domanda fl-intier tagħha bħala inammissibbli. Ma hemm xejn, madankollu, x’jipprevjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għall-bqija tad-domandi.

D.      Iddritt ta’ assistenza minn avukat (lewwel u ttieni domanda)

60.      L-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-portata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet, fil-fażi ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, għandhomx jiżguraw li wild ikun assistit minn avukat (1) u jekk hemmx derogi minn dan id-dritt (2).

1.      Kamp ta’ applikazzjoni

61.      Suspettat taħt it‑18-il sena jiġi mixli: dan awtomatikament iwassal għal obbligu għall-awtoritajiet li jiżguraw li l-wild ikun assistit minn avukat, li l-avukat jipparteċipa fil-proċeduri ta’ qabel il-proċess, u li l-wild ma jistax jiġi interrogat mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dan l-avukat?

62.      Kif spjegajt fit-Taqsima A, il-KEDB tirrappreżenta l-livell minimu ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Dan ifisser li kwalunkwe interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/800 għandha tipprovdi protezzjoni tal-inqas fil-livell tal‑KEDB. Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni pprovduta mill-Unjoni Ewropea tista’ tkun ogħla mill-KEDB. Il-KEDB għalhekk hija punt ta’ tluq utli sabiex jiġi ddeterminat l-ambitu tad-dritt ta’ aċċess għal avukat għat-tfal fi proċeduri kriminali.

63.      Huma magħruf li, skont il-Qorti EDB, id-dritt għal avukat huwa karatteristika essenzjali ta’ smigħ xieraq (30). L-aċċess għal avukat irid ikun effettiv u prattiku, sabiex ikun jista’ jinfluwenza l-iżvilupp tal-proċeduri kriminali (31).

64.      Fil-kawża Salduz vs It‑Turkija (32), il-Qorti EDB ikkonstatat li d-dritt għal smigħ xieraq jeħtieġ li aċċess għal avukat jiġi pprovdut mill-ewwel interrogazzjoni mill-pulizija, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet konvinċenti li b’mod eċċezzjonali jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ tali aċċess; madankollu, id-dritt għal smigħ xieraq jinkiser b’mod irrimedjabbli meta ma jkunx hemm dritt ta’ aċċess għal avukat fil-proċeduri ta’ qabel il-proċess, fejn isiru dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti u dawn sussegwentement jintużaw bħala bażi għall-kundanna.

65.      Dawn il-konstatazzjonijiet, kif ukoll ġurisprudenza estensiva tal-Qorti EDB dwar id-drittijiet tad-difiża, ġew inkorporati fid-Direttiva 2013/48 (33).

66.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/800, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tat-tfal għal avukat huwa l-istess bħal dak ta’ kwalunkwe persuna oħra ssuspettata jew akkużata taħt id-Direttiva 2013/48.

67.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 jeħtieġ dan li ġej. It-tfal għandu jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien żejjed, li għandu, bħala regola, ifisser li għandu jkollhom aċċess qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra ġudizzjarja jew tal-infurzar tal-liġi taħt l-Artikolu 6(3)(a) ta’ din id-direttiva.

68.      Dan ifisser li l-awtoritajiet involuti fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, bħall-prosekuturi pubbliċi u l-pulizija, ma jistgħux jinterrogaw wild bħala persuna ssuspettata jew akkużata mingħajr il-preżenza ta’ avukat.

69.      Qari flimkien tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2016/800 jissuġġerixxi wkoll li jekk wild ma jkollux avukat, l-awtoritajiet huma obbligati li jipprovduh b’avukat tad-difiża pubblika qabel ma tibda l-interrogazzjoni tagħhom (34).

70.      B’differenza mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/48, id-Direttiva 2016/800 ma għandhiex dispożizzjoni li tgħid li t-tfal jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li d-dritt għal għajnuna legali għall-adulti jinbidel f’obbligu legali li tingħata rappreżentazzjoni legali lit-tfal fil-proċeduri kriminali.

71.      Bħala konklużjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal avukat għal tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali jidher li huwa wiesa’ ħafna: l-awtoritajiet pubbliċi għandhom obbligu li jiżguraw li t-tfal ikunu rrappreżentati minn avukat qabel ma jiġu interrogati għall-ewwel darba, jekk ikun hemm il-ħtieġa, billi jipprovdu avukat difensur pubbliku.

2.      Derogi

72.      Madankollu, diversi paragrafi oħra tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800, b’mod partikolari il-paragrafi 6 u 8, jipprevedu derogi possibbli mid-dritt ta’ assistenza minn avukat fl-istadju ta’ qabel il-proċess. F’dan id-dawl, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar jekk xi waħda minn dawn id-derogi tippermettix l-interrogazzjoni mill-pulizija ta’ persuni minuri ssuspettati mingħajr il-preżenza ta’ avukat fl-istadju ta’ qabel il-proċess.

73.      Kif diġà semmejt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2016/800 jipprovdi li xejn f’din id-direttiva ma għandu jaffettwa d-dritt ta’ aċċess għal avukat taħt id-Direttiva 2013/48. Dan ifisser li l-ebda deroga permessa mill-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 ma tista’ tiġi interpretata bħala li tnaqqas id-drittijiet tal-minuri fir-rigward tad-drittijiet ġenerali previsti mid-Direttiva 2013/48. Għalhekk l-ewwel ser nittratta d-derogi possibbli taħt din l-aħħar direttiva.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 2013/48 fil-kawża VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra), li fiha hija kkonstatat li l-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva 2013/48 jirregola b’mod eżawrjenti l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal avukat. Dan ifisser li, tali d-dritt ma jistax jiġi limitat f’ebda sitwazzjoni oħra (35).

75.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/48, kull deċiżjoni li tidderoga mid-dritt ta’ aċċess għal avukat għandha tkun debitament motivata u meħuda skont il-każ, jew minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

76.      L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, imsemmi fil-kawża VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) bħala wieħed miż-żewġ derogi possibbli mid-dritt għal avukat, jikkorrispondi għall-Artikolu 6(8) tad-Direttiva 2016/800. Din id-dispożizzjoni tippermetti b’mod eċċezzjonali deroga temporanja mid-dritt ta’ assistenza minn avukat jekk ikun hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji fuq il-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna jew jekk azzjoni immedjata tkun essenzjali sabiex ma jiġux ippreġudikati l-proċeduri kriminali.

77.      Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(8) tad-Direttiva 2016/800 jikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma huwiex applikabbli. Tabilħaqq, ma kien hemm ebda ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, għall-libertà jew għall-integrità fiżika ta’ persuna, u lanqas ma jirriżulta mill-fatti tal-każ li azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi kienet imperattiva sabiex ma jiġux ippreġudikati l-proċeduri kriminali.

78.      Id-deroga l-oħra mid-dritt għal avukat taħt l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2013/48 tgħid: “Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ’il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha”. Kif tikkjarifika l-premessa 30 tad-Direttiva 2013/48: “Matul deroga temporanja bħal din, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jinterrogaw lill-persuna konċernata jew iwettqu atti investigattivi jew atti ta’ ġbir ta’ provi previsti f’din id-Direttiva”.

79.      L-ebda deroga simili ma hija prevista fid-Direttiva 2016/800. Fil-proċedura leġiżlattiva li fiha ġiet adottata din id-direttiva, il-Kunsill laqa’ t-talba tal-Parlament Ewropew sabiex id-deroga ta’ “distanza ġeografikament ’il bogħod” ma tiġix ittrasferita għad-Direttiva 2016/800 (36). Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni jeħtieġu l-applikazzjoni tagħha.

80.      B’hekk jifdal l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800.

81.      L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 jintroduċi deroga oħra possibbli mid-dritt ta’ assistenza minn avukat, li fil-kliem tagħha, ma tikkorrispondi għal ebda deroga permissibbli taħt id-Direttiva 2013/48. Indipendentement minn kif ninterpretaw din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 6(1) tagħha jordna li din id-deroga ma tistax tiġi interpretata b’mod li tirrestrinġi d-dritt għal avukat meta l-persuni inkwistjoni jkun minuri, meta mqabbel mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess dritt taħt id-Direttiva 2013/48. Għalhekk, huwa diffiċli li wieħed jiddefendi l-pożizzjoni li derogi addizzjonali mid-dritt ta’ assistenza minn avukat jiġu permessi fil-każ ta’ tfal.

82.      Matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għad-Direttiva 2016/800, l-Artikolu 6, kien “l-iktar artikolu kontroversjali tad-direttiva kollha” (37). Il-proposta oriġinali kienet tipprovdi għal rappreżentanza obbligatorja minn avukat. Madankollu, matul din il-proċedura leġiżlattiva, xi Stati Membri saħqu li ma kienx hemm bżonn li wild ikun assistit minn avukat fir-rigward ta’ reati minuri u dwak inqas serji (38). Kif ġie rrappurtat fid-dokument tal-Kunsill fil-preparamenti tat-tmien trilogu f’din il-proċedura leġiżlattiva, il-Parlament “ma ħax gost” b’tali talba sabiex jitnaqqas iktar l-obbligu li wild jiġi interrogat fil-preżenza ta’ avukat (39).

83.      Il-kliem finali tal-Artikolu 6 huwa għalhekk verżjoni dilwita li biha analiżi tal-proporzjonalità tista’ twassal sabiex l-aċċess għal avukat jiġi ristrett fil-proċeduri ta’ qabel il-proċess (40).

84.      Fil-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 jidher li jżid limitazzjoni oħra għad-dritt ta’ aċċess għal avukat, ibbażata fuq il-kriterju tal-proporzjonalità (41).

85.      Dan huwa l-każ minkejja żewġ rekwiżiti ta’ sigurtà, li baqgħu f’din id-dispożizzjoni: id-dritt għal smigħ xieraq għandu jiġi osservat u l-interessi superjuri tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja.

86.      Fl-istadju ta’ qabel il-proċess, għalhekk, il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-obbligu li wild ikun assistit minn avukat. Jekk l-avukat ma jkunx preżenti, it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistipula li sentenza kriminali li tinvolvi ċaħda tal-libertà ma tistax tiġi imposta.

87.      Nistgħu għalhekk nikkonkludu li l-aċċess obbligatorju għal avukat, mingħajr ebda derogi possibbli, japplika biss għal sitwazzjonijiet ta’ detenzjoni u meta l-proċeduri kriminali jkunu jirriżultaw fiċ-ċaħda tal-libertà (42).

88.      F’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun tirriżulta fil-projbizzjoni li l-akkużat jiġi kkundannat għal ċaħda tal-libertà. Madankollu, anki din il-kundizzjoni hija kkwalifikata, u tippermetti li n-nuqqas ta’ aċċess għal avukat jiġi rrimedjat biss jekk il-wild ikun assistit minn avukat b’tali mod li l-minuri jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża b’mod effettiv u, fi kwalunkwe każ, waqt is-seduti tal-proċess quddiem qorti.

89.      Ma nistax ma nikkonkludix li abbażi tal-kliem tiegħu, l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 jippermetti l-esklużjoni tad-dritt għal avukat li ma jkunx permissibbli taħt id-Direttiva 2013/48. L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 huwa, għalhekk, inkonsistenti mal-Artikolu 6(1) tagħha.

90.      Stajt insib biss mod wieħed kif nirrikonċilja l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 mal-Artikolu 6(1) tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, mad-Direttiva 2013/48.

91.      Jekk l-interrogazzjoni ta’ wild mingħajr avukat tkun fl-interessi superjuri ta’ dan il-wild, tali possibbiltà li ssir deroga mill-preżenza obbligatorja ta’ avukat ma tkunx tmur kontra r-rekwiżit li d-drittijiet tat-tfal jiġu protetti tal-inqas sal-livell ta’ persuni ssuspettati jew akkużati oħra. L-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2016/800 jista’ għalhekk jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għal sitwazzjoni meta l-interrogazzjoni ta’ wild mingħajr avukat tkun iżjed fl-interessi ta’ tali wild milli interrogazzjoni tiegħu fil-preżenza ta’ avukat. Insibha diffiċli nimmaġina li tqum sitwazzjoni bħal din. Madankollu, tali interpretazzjoni tkun tippermetti l-konformità tal-Artikolu 6(6) mal-bqija tal-iskema tad-Direttiva 2016/800.

92.      Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/800 fih dritt direttament effettiv li wild ikun assistit minn avukat, jekk ikun meħtieġ avukat tad-difiża pubblika, mill-mument tal-interrogazzjoni ta’ qabel il-proċess. L-awtorità responsabbli għall-interrogazzjoni tista’ tiddeċiedi li tipproċedi bl-interrogazzjoni mingħajr avukat biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess; wara t-twettiq ta’ evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ – b’kont meħud taċ-ċirkustanzi taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(6) – u fil-każ biss fejn dan ikun fl-interessi superjuri tat-tfal u jkun jissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal taħt l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikors għal avukat għandha tkun debitament motivata u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/48.

E.      Lgħeluq ta’ 18il sena matul ilproċeduri (ilħames domanda)

93.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2016/800 jiddefinixxi t-terminu “tifel” bħala “persuna taħt l-età ta’ 18‑il sena” (43).

94.      F’dan il-każ, mill-inqas wieħed mill-akkużati, M.P., għalaq 18‑il sena matul il-proċeduri. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk id-drittijiet mogħtija lit-tfal taħt id-Direttiva 2016/800 jibqgħux japplikaw sakemm il-proċeduri jiġu konklużi b’mod finali, irrispettivament minn jekk l-akkużat ma jkunx għadu wild skont din id-direttiva.

95.      Meta wieħed iħares lejn l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni pprevediet applikazzjoni awtomatika tad-direttiva għall-persuni suspettati jew akkużati kollha li jagħlqu 18‑il sena matul il-proċeduri kriminali. Madankollu, din il-proposta ntlaqgħet b’oppożizzjoni matul il-proċedura leġiżlattiva (44).

96.      Il-kompromess li jinsab issa fit-test finali tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 ma jirrendix l-estensjoni tad-drittijiet tal-minuri awtomatika. Pjuttost, dan jagħti lill-awtorità involuta fil-proċedura d-dritt li tiddeċiedi jekk tali estensjoni tad-drittijiet – u ta’ liema minnhom – hija xierqa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

97.      L-Istati Membri jistgħu jittrasponu din id-dispożizzjoni billi jagħżlu li jeskludu l-possibbiltà tal-estensjoni tal-applikazzjoni tagħha wara li l-persuna ssuspettata jew akkużata tagħlaq l-età ta’ 18‑il sena?

98.      Fil-fehma tiegħi, le.

99.      Naqbel mal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 jimponi obbligu “espliċitu u inkundizzjonat” fuq l-Istati Membri li jippermettu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ tiddeċiedi li l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-direttiva, jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha, hija xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

100. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ effett dirett. Jiena naqbel ukoll ma’ din l-evalwazzjoni. L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 jagħti lill-awtorità pubblika rilevanti d-dritt li tevalwa jekk persuni ssuspettati jew akkużati li jagħlqu l-età ta’ 18-il sena matul il-proċeduri kriminali jeħtiġux rappreżentanza legali kontinwa.

101. Din l-awtorità għandha l-obbligu li tevalwa l-ħtieġa għall-estensjoni tat-trattament bħala wild fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jimminaw id-dritt tal-persuna ssuspettata jew akkużata li s-sitwazzjoni tagħha tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ b’każ.

102. Għalhekk, bħala risposta għall-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju, jista’ jingħad li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 għandu effett dirett. Dan jagħti lil wild li jkun għalaq 18‑il sena matul il-proċeduri kriminali d-dritt li l-ħtieġa għat-tkomplija tat-trattament tiegħu bħala wild tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan jinkludi l-evalwazzjoni ta’ jekk jiġix estiż jew le d-dritt ta’ aċċess għal avukat li jgawdu minnu t-tfal. L-Istati Membri ma jistgħux jeskludu tali dritt.

F.      Iddritt għallinformazzjoni filproċeduri kriminali (ittmien, iddisa’ u lgħaxar domanda)

103. B’dawn it-tliet domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800 jeżiġix li l-awtoritajiet kompetenti, sa mhux iktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali ta’ persuna ssuspettata, mingħajr dewmien jinformaw kemm lill-wild issuspettat kif ukoll, simultanjament, lid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri dwar id-drittijiet li huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita proċedura ġusta u dwar l-stadji proċedurali f’dawn il-proċeduri.

104. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex obbligati jagħtu struzzjonijiet lil wild issuspettat dwar id-dritt li jibqa’ sieket u dwar id-dritt tiegħu li ma jinkriminax lilu nnifsu, b’mod li jinftiehem u li jkun adattat għall-età tiegħu?

105. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif din l-informazzjoni għandha tingħata lil wild: l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/800 jipprekludi l-għoti ta’ istruzzjonijiet ġenerali ftit qabel l-interrogazzjoni; mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u l-għoti ta’ din l-informazzjoni jkun disponibbli biss lis-suspettat li jkun qiegħed jaġixxi mingħajr avukat difensur, mingħajr l-involviment tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u f’sitwazzjoni fejn tali istruzzjonijiet ikunu redatti b’mod li ma jkunx adattat għall-età tas-suspettat?

106. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800 jagħmel referenza espliċita għal-livell ta’ protezzjoni taħt id-Direttiva 2012/13 bħala l-punt ta’ riferiment fil-każ tad-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali.

107. Għaldaqstant, huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli”.

108. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2016/800 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur tar-responsabilità tal-ġenituri jingħata malajr kemm jista’ jkun l-informazzjoni li t-tifel jirċievi f’konformità mal-Artikolu 4”.

109. Diversi strumenti oħra jenfasizzaw kemm il-ħtieġa li t-tfal jiġu informati b’mod adegwat dwar id-drittijiet tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li l-istess informazzjoni tingħadda lill-persuni li jkunu d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

110. Għalhekk, pereżempju, il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal jistipulaw li “mill-ewwel involviment tagħhom mas-sistema tal-ġustizzja jew ma’ awtoritajiet kompetenti oħra (bħall-pulizija, l-immigrazzjoni, jew is-servizzi tal-edukazzjoni, tal-kura soċjali jew tas-saħħa) u matul dan il-proċess, it-tfal u l-ġenituri tagħhom għandhom ikunu informati fil-pront u b’mod adegwat” dwar id-drittijiet tagħhom, kif ukoll dwar l-istrumenti disponibbli sabiex jirrimedjaw ksur possibbli ta’ dawn id-drittijiet (45).

111. L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2016/800 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tenfasizza li minħabba l-vulnerabbiltà tat-tfal, speċjalment fl-istadji bikrija tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom joqgħodu iżjed attenti li jipprovdu informazzjoni adegwata u f’waqtha lit-tfal li jkunu persuni ssuspettati jew akkużati (46).

112. Il-Qorti EDB iddikjarat fis-sentenza Panovits vs Ċipru li “in-nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar id-dritt tar-rikorrent li jikkonsulta avukat qabel l-interrogazzjoni tiegħu mill-pulizija, speċjalment meta jitqies il-fatt li dak iż-żmien huwa kien minuri u ma kienx assistit mit-tutur tiegħu waqt l-interrogazzjoni, kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent” (47).

113. Huwa ċar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/800 jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jinformaw lit-tfal fil-kawża prinċipali bid-dritt tagħhom ta’ aċċess għal avukat, bid-dritt tagħhom li jkollhom id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri informat, u b’kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa elenkata f’din id-dispożizzjoni (48).

114. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/800 jeżiġi li l-informazzjoni tiġi pprovduta b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli u li l-informazzjoni mogħtija tiġi rreġistrata.

115. Bħala konklużjoni, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2016/800 jagħtu lill-minuri d-dritt li kemm huma u kemm id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu informati bid-drittijiet proċedurali fil-proċeduri kriminali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma preċiżi biżżejjed u ma humiex kundizzjonali, u l-minuri jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali. Huwa daqstant ieħor ċar li l-obbligu li t-tfal u d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu informati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom jappartjeni lill-awtorità kompetenti inkarigata sabiex twettaq il-parti rispettiva tal-proċeduri kriminali. Fil-fażi ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, tali obbligu li l-wild inkwistjoni jiġi informat jaqa’ fuq il-pulizija u l-prosekutur pubbliku. Dan id-dritt jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tat-tfal jiġu protetti tul il-kors kollu tal-proċeduri kriminali.

G.      Konsegwenzi ta’ ksur possibbli taddrittijiet tattfal filproċeduri kriminali: inammissibbiltà talprovi?

116. Il-proċeduri kriminali huma qasam fejn il-kompetenza tal-Unjoni hija limitata għal armonizzazzjoni minima skont l-Artikolu 82(2) TFUE. Għalkemm l-Unjoni għandha s-setgħa taħt l-Artikolu 82(2)(a) TFUE li tintroduċi armonizzazzjoni minima tal-ammissibbiltà reċiproka tal-provi, dan għadu ma seħħx.

117. Id-direttivi kollha li jarmonizzaw id-drittijiet fil-proċeduri kriminali jimponu espressament obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu rimedji effettivi lill-persuni li d-drittijiet tagħhom taħt dawn id-direttivi jkunu ġew miksura (49). Madankollu, dawn id-direttivi ma jispeċifikawx ir-rimedji xierqa, iżda minflok iħallu din l-għażla f’idejn l-Istati Membri, u jeżiġu biss li r-rimedju magħżul ikun effettiv (50).

118. Bid-domandi tagħha dwar l-ammissibbiltà tal-provi miġbura fi ksur possibbli tad-direttivi rilevanti, il-qorti tar-rinviju ngħaqdet ma’ numru dejjem jikber ta’ kawżi fejn il-qrati nazzjonali jagħmlu domandi f’dan is-sens (51).

119. Kif diġà enfasizzajt f’konklużjonijiet oħra (52), bħalissa ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jirregola l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fi proċeduri kriminali nazzjonali. Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi hija, f’dan l-istadju, kwistjoni ta’ dritt nazzjonali.

120. Madankollu, fejn japplika d-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma għandhomx jiksru l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (53), u ċertament l-interessi superjuri tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja skont l-Artikolu 24(2) tagħha.

121. Min-naħa tagħha, il-Qorti EDB issegwi approċċ simili, billi tiddikjara li l-KEDB ma tirregolax l-ammissibbiltà tal-provi (54), filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw jekk l-ekwità kumplessiva tal-proċeduri tkunx ġiet ippreġudikata (55).

122. L-ekwità kumplessiva tal-proċeduri bħala l-istandard rilevanti ġiet reċentement adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment dirett għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (56).

123. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ġiet mistoqsija dwar l-istatus tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi u kif il-qrati nazzjonali għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni jekk jaffaċċjaw ksur ta’ xi waħda mid-direttivi ta’ armonizzazzjoni minima. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li d-dritt tal-Unjoni tabilħaqq ma jimponix rekwiżiti fir-rigward tar-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-provi, madankollu, hija ppreċiżat ukoll li dak li huwa meħtieġ, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa li l-qrati nazzjonali ma jiġux ipprojbiti milli jagħmlu tali konstatazzjoni fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ evalwazzjoni tagħhom.

124. Jiena naqbel ma’ din il-fehma. Tabilħaqq, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jeħtieġ li, fl-istadju tal-proċess, l-imħallfin nazzjonali jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa sabiex jevalwaw l-ekwità kumplessiva tal-proċeduri. Jekk iqisu li prova għandha tiġi eskluża minħabba li tkun inġabret bi ksur tad-drittijiet proċedurali li jammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, huma għandhom ikunu liberi li jeskluduha.

125. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-ammissibbiltà tal-provi, iżda jipprevjeni lid-dritt nazzjonali milli jillimita s-setgħat tal-imħallfin tal-proċess li jevalwaw il-provi liberament u jisiltu minn tali evalwazzjoni kwalunkwe konsegwenza li jidhrilhom meħtieġa (57).

126. Meta l-proċeduri kriminali jitressqu kontra t-tfal, l-imħallef li jiddeċiedi l-kawża huwa taħt l-obbligu, abbażi tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li jieħu ħsieb b’mod partikolari l-interessi superjuri tal-wild, u li jibbilanċjahom fir-rigward ta’ interessi oħra tal-prosekuzzjoni kriminali.

127. Bħala konklużjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fid-direttivi invokati, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu esklużi l-provi miġbura bi ksur ta’ dawn l-istrumenti, jekk il-qorti tar-rinviju tkun tqis li altrimenti jiġu miksura d-drittijiet taħt l-Artikolu 24(2) u taħt l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

H.      Leffett dirett u ssupremazija taddritt talUnjoni (irraba’, isseba’, u lħdaxil domanda)

128. F’ħafna mid-domandi tagħha, u partikolarment fir-raba’, fis-sebgħa, u fil-ħdax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi inkwistjoni. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat il-kwistjoni f’diversi okkażjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha, ser nillimita ruħi sabiex nirrepeti biss l-iktar konsegwenzi importanti li jikkonċernaw il-kawża preżenti.

129. Skont il-prinċipju ta’ effett dirett l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni billi jibbażaw ruħhom direttament fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali (58).

130. Jekk dawn id-drittijiet ikunu jikkunfliġġu ma’ dak li huwa previst mid-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jagħti s-setgħa lill-qrati nazzjonali jwarrbu tali dispożizzjonijiet kuntrarji tad-dritt nazzjonali. L-għoti ta’ din is-setgħa jirriżulta mill-effett magħqud tal-prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni ta’ effett dirett u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (59).

131. Għażla oħra li għandhom il-qrati tar-rinviju hija li jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod li jwassal għall-istess riżultat għad-detentur ta’ dritt tal-Unjoni bħallikieku d-dritt tal-Unjoni kien ġie applikat direttament. Din il-modalità tippermetti lill-qrati nazzjonali jevitaw il-kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali (60).

132. Il-minuri li l-qorti tar-rinviju qiegħda tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà kriminali tagħhom jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija fid-direttivi invokati. Dawn jinkludu d-dritt ta’ aċċess għal avukat, għall-informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, u għall-evalwazzjoni tal-ħtieġa li tkompli tiġi applikata d-Direttiva 2016/800 wara l-għeluq tat‑18‑il sena, li l-qorti tar-rinviju talbet interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hemm drittijiet oħra taħt dawn id-direttivi, kif ukoll id-drittijiet għal smigħ xieraq u għal difiża effettiva hekk kif jirriżultaw mill-Karta.

133. Il-qorti tar-rinviju għandha tipprova telimina kull ostakolu possibbli għar-rikonoxximent ta’ tali drittijiet billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali b’mod konformi. Jekk l-interpretazzjoni konformi tkun impossibbli, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab ir-regoli nazzjonali kunfliġġenti u tagħti protezzjoni lid-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni.

134. Fl-aħħar nett, ma humiex biss il-qrati nazzjonali li għandhom jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali (61), u l-organi l-oħra kollha tal-Istat (62). Għalhekk, l-effett dirett, l-interpretazzjoni konformi, u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jorbtu lill-korpi Statali kollha, li huma wkoll meħtieġa jirrikonoxxu d-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni.

135. Dan ifisser li, matul l-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, il-prosekutur pubbliku u l-pulizija għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet tat-tfal u l-obbligi korrelattivi tagħhom stess ibbażati direttament fuq id-direttivi rilevanti. Huma għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali f’konformità mar-riżultati kif meħtieġa minn dawn id-direttivi. Alternattivament, huma għandhom l-obbligu li jwarrbu r-regoli tad-dritt nazzjonali sabiex jippermettu l-protezzjoni tat-tfal, ukoll kif meħtieġ minn dawn id-direttivi. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-qorti adita bil-proċess kriminali għandha tikkonstata ksur minn dawn il-korpi Statali tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

V.      Konklużjoni

136. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Qorti Distrettwali ta’ Słupsk, il-Polonja) kif ġej:

(1)      It-tlettax‑il domanda, sa fejn tikkonċerna l-indipendenza tal-prosekutur pubbliku, u l‑erbatax‑il domanda huma inammissibbli.

(2)      B’risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali fih dritt direttament effettiv li wild ikun assistit minn avukat, jekk ikun neċessarju minn avukat tad-difiża pubblika, mill-mument tal-interrogazzjoni ta’ qabel il-proċess. L-awtorità responsabbli għall-interrogazzjoni tista’ tiddeċiedi li tipproċedi bl-interrogazzjoni mingħajr avukat biss fl-istadju ta’ qabel il-proċess, wara t-twettiq ta’ evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ – b’kont meħud taċ-ċirkustanzi taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva – u fil-każ biss fejn dan ikun fl-interessi superjuri tat-tfal u jkun jissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal taħt l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikors għal avukat għandha tkun debitament motivata u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà.

(3)      B’risposta għall-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 għandu effett dirett. Dan jagħti lil wild li jkun għalaq 18‑il sena matul il-proċeduri kriminali d-dritt li l-ħtieġa għat-tkomplija tat-trattament tiegħu bħala wild tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tat-tkomplija tad-dritt ta’ aċċess għal avukat. L-Istati Membri ma jistgħux jeskludu tali dritt.

(4)      B’risposta għat-tmien, għad-disa’ u għall-għaxar domanda tal-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2016/800 jagħtu lill-minuri d-dritt li kemm huma u kemm id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu informati bid-drittijiet proċedurali fil-proċeduri kriminali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma preċiżi biżżejjed u ma humiex kundizzjonali, u l-minuri jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali. Huwa daqstant ieħor ċar li l-obbligu li t-tfal u d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġu informati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom jappartjeni lill-awtorità kompetenti għall-parti rispettiva tal-proċeduri kriminali. Fil-fażi ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, tali obbligu jaqa’ fuq il-pulizija u l-prosekutur pubbliku. Id-dritt għall-informazzjoni jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tat-tfal jiġu protetti tul il-kors kollu tal-proċeduri kriminali.

(5)      B’risposta għall-ħdax‑il domanda tal-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-ammissibbiltà tal-provi, iżda jipprevjeni lid-dritt nazzjonali milli jillimita s-setgħat tal-imħallfin tal-proċess li jevalwaw il-provi liberament u jisiltu minn tali evalwazzjoni kwalunkwe konsegwenza li tista’ tidhrilhom meħtieġa. Meta l-proċeduri kriminali jitressqu kontra t-tfal, l-imħallef li jiddeċiedi l-kawża huwa taħt l-obbligu, abbażi tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li jieħu ħsieb b’mod partikolari l-interessi superjuri tal-wild, u li jibbilanċjahom fir-rigward ta’ interessi oħra tal-prosekuzzjoni kriminali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fid-direttivi invokati, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan jista’ jinkiseb billi jiġu esklużi l-provi miġbura bi ksur ta’ dawn l-istrumenti, jekk il-qorti tar-rinviju tkun tqis li altrimenti jiġu miksura d-drittijiet taħt l-Artikolu 24(2) u taħt l-Artikoli 47, u 48 tal-Karta.

(6)      B’risposta għar-raba’, għas-seba’ u għall-ewwel parti tat-tlettax-il domanda, il-qorti tar-rinviju għandha tirrikonoxxi d-drittijiet li jappartjenu lil tfal issuspettati jew akkużati bbażati direttament fuq id-direttivi rilevanti tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha telimina kull ostakolu possibbli għar-rikonoxximent tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-direttivi billi tinterpreta d-dritt nazzjonali konformement magħhom. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab ir-regoli kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali abbażi tal-effett dirett u tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

L-effett dirett, l-interpretazzjoni konformi, u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jorbtu lill-korpi Statali kollha li huma wkoll meħtieġa jirrikonoxxu d-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan ifisser li fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, il-prosekutur pubbliku u l-pulizija huma obbligati jirrikonoxxu d-drittijiet tat-tfal u l-obbligi korrelattivi tagħhom stess ibbażati direttament fuq id-direttivi rilevanti. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-qorti adita bil-proċess kriminali għandha tikkonstata ksur minn dawn il-korpi Statali tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Dan il-proċess beda fl‑2009 bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009,C 295, p. 1), li talab approċċ gradwali fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet proċedurali differenti fil-proċeduri kriminali, inklużi garanziji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli.


3      Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1).


4      Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).


5      Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).


6      Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1); Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1);  Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1); Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1); Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1).


7      Din id-dispożizzjoni tittratta d-dritt tal-wild sabiex id-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġi mgħarraf.


8      Din id-dispożizzjoni telenka l-persuni li fuq l-inizjattiva tagħhom għandu jsir l-eżami mediku tal-wild, li jinkludu d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri.


9      L-Artikolu 15 jagħti d-dritt lill-wild li jkun akkumpanjat mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri matul il-proċeduri.


10      Ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2016/800, bi kliem kemxejn iktar ċar: “Din id-Direttiva, jew ċerti dispożizzjonijiet tagħha, għandhom japplikaw ukoll għal persuni suspettati jew persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, u għal persuni rikjesti li kienu tfal meta ġew soġġetti għal dawn il-proċedimenti, iżda li sussegwentement ikunu laħqu l-età ta’ 18-il sena, u fejn l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tkun xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi l-maturità u l-vulnerabilità tal-persuna kkonċernata”.


11      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jimplika “fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta”. Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Ittra tad-drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 71). Ara, ukoll, Soo, A., “Article 12 of the Directive 2013/48/EU: A starting point for discussion on a common understanding of the criteria for effective eemedies of violations of the right to counsel”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice,  2017, Vol. 25(1), p. 31‑51, fil-p. 38.


12      Premessa 3 tad-Direttiva 2016/800; premessa 7 tad-Direttiva 2012/13; premessa 5 tad-Direttiva 2013/48 u premessa 5 tad-Direttiva 2016/343.


13      Ara l-Artikolu 67(1) TFUE u l-Artikolu 82(1) TFUE, li jenfasizzaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’materji kriminali. Filwaqt li t-Trattati ma jsemmux il-fiduċja reċiproka, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat iċ-ċentralità tagħha fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja: “għandu jiġi enfasizzat li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt” (ara, pereżempju, fost bosta oħra, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt għal smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni) (C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Minbarra d-direttivi msemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, oħrajn jinkludu wkoll id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1) u d-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40).


15      Il-pjan direzzjonali tal-Kunsill (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq) irrikjeda approċċ gradwali fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet proċedurali differenti fi proċeduri kriminali, inklużi garanziji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati li huma vulnerabbli. Dan il-pjan direzzjonali jsir riferiment għalih fil-Preambolu tad-Direttiva 2016/800. Ara l-premessi 4 sa 7 ta’ din id-direttiva.


16      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda talUE dwar id-drittijiet tat-tfal, KUMM(2011) 60 finali.


17      Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal tinsab ukoll fost l-għanijiet tal-Unjoni fl-Artikolu 3(3) TUE. Diġà elenkajt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interessi superjuri tat-tfal fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża GN (Raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tat-tfal) (C‑261/22, EU:C:2023:582, punti 45 sa 55). Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, iffirmata fl‑20 ta’ Novembru 1989, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti 1577, p. 3.


18      Cras, S., “The directive on procedural safeguards for children who are suspects or accused persons in criminal proceedings. Genesis and descriptive comments relating to selected articles”, eucrim, 2016, Vol. 2, p. 109‑119, fil-p. 110 u 111. Skont il-Kummissjoni, it-tfal huma “l-iktar parti fraġli taċ-ċittadini li jkunu qegħdin jaffaċċjaw il-ġustizzja kriminali l-iktar minħabba li huma jaffaċċjaw riskju ogħla ta’ diskriminazzjoni jew ta’ ċaħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ għarfien, maturità jew diżabbiltajiet mentali u fiżiċi tagħhom” (Dokument tax-Xogħol għall-Persunal, Evalwazzjoni tal-impatt li takkumpanja d-dokument, ‘Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar salvagwardji proċedurali għal tfal issuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali’ (SWD(2013) 480 final, p. 4)).


19      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punti 36 u 37).


20      Sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 29); u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58).


21      Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell (C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 27).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 32).


23      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni preliminari) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 66).


24      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 43 u 45).


25      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 1988, Pardini (338/85, EU:C:1988:194, punti 10 sa 14).


26      Sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 225), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 132 u 157, u d-dispożittiv).


27      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 51).


28      F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 144).


29      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 47).


30      Sentenza tal-Qorti EDB, 23 ta’ Novembru 1993, Poitrimol vs Franza, (CE:ECHR:1993:1123JUD001403288 , punt 34).


31      Sentenzi tal-Qorti EDB, 30 ta’ Mejju 2013 Martin vs L‑Estonja, (CE:ECHR:2013:0530JUD003598509, punt 90) u 20 ta’ Ottubru 2015, Dvorski vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2013:1128JUD002570311, punt 78).


32      Sentenza tal-Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2008, Salduz vs It‑Turkija, (CE:ECHR:2008:1127JUD003639102, punt 55).


33      Għal analiżi ddettaljata, ara Daminova, N., “The European Court of Human Rights on the ‘Access to a Lawyer’ Directive 2013/48/EU: The quest for a coherent application of the right to a legal assistance in Europe?”, European Criminal Law Review, 2021, Vol. 2(11), p. 211‑241, b’mod partikolari p. 220‑224. Ara wkoll Jackson, J.D., “Responses to Salduz: Procedural tradition, change and the need for effective defence”, The Modern Law Review, 2016, Vol. 79(6), p. 987.


34      L-għoti ta’ għajnuna legali huwa rregolat mid-Direttiva 2016/1919, b’mod iktar speċifiku taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4 tagħha. L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jistipula li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva”.


35      Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punt 42).


36      Fajl Interistituzzjonali tal-Kunsill 14087/15, Brussell, 13 ta’ Novembru 2015, p. 2.


37      Cras, S, (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 113; Rap, S.E. u Zlotnik, D., “The right to legal and other appropriate assistance for child suspects and accused. Reflections on the directive on procedural safeguards for children who are suspects or accused persons in criminal proceedings” European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, 2018, Vol. 26(2), p. 110‑131, b’mod partikolari il-p. 118


38      Cras, S. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 114.


39      Fajl Interistituzzjonali tal-Kunsill 14087/15, Brussell, 20 ta’ Novembru 2015, p. 2.


40      Rap, S.E. u Zlotnik, D. (nota ta’ qiegħ il-paġna 37) jirreferu għall-Artikolu 6(6) bħala d-deroga tal-proporzjonalità, li huma jikkritikaw bħala waħda sinjifikattiva mingħajr kriterji ċari, li teħtieġ gwida ċara p. 123 u 130.


41      Rap, S.E. u Zlotnik, D. (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), p. 121.


42      Ara wkoll, Rap, S.E. u Zlotnik, D. (nota ta’ qiegħ il-paġna 35), p. 121.


43      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tuża t-termini “wild” u “minuri” b’mod interkambjabbli. Jiena għamilt l-istess ħaġa. Il-Kummissjoni għażlet it-terminu “tfal” minflok “minuri” fil-proposta tagħha għad-Direttiva 2016/800, minħabba l-użu universali tat-terminu “tfal” fl-istandards internazzjonali. Ara Cras, S. (nota ta’ qiegħ il-paġna 18), p. 110, nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


44      Kif ġie spjegat fl-eżitu tal-Kunsill tal-ewwel trilogu fil-proċedura leġiżlattiva: “[Il-Presidenza] spjegat lill-[Parlament Ewropew] li diversi [Stati Membri] għandhom problema bil-prinċipju stess li d-Direttiva tkun applikabbli għal persuni li jkollhom iżjed minn 18‑il sena, peress li fis-sistemi tagħhom persuna tkun jew wild jew adult – ma hemmx kategoriji intermedji. Għalhekk, iċ-CNS fil-GA ddeċidiet li tagħmel l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva fakultattiva għall-Istati Membri, billi użat l-kelma “jistgħu”. Il-Presidenza spjegat ukoll lill-[Parlament Ewropew] li l-[Istati Membri] jħossu li xi artikoli tad-Direttiva ma għandhom qatt japplikaw għall-adulti. Dan jgħodd, pereżempju, għall-Artikolu 5, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Tabilħaqq, jista’ jagħti l-każ li l-adulti żgħażagħ ma jkunux iridu li l-ġenituri tagħhom jiġu informati bl-allegata kondotta kriminali tagħhom” (Fajl Interistituzzjonali tal-Kunsill 7503/15, Brussell, 25 ta’ Marzu 2015, p. 64 u 65). L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2016/800 kiseb il-kliem finali tiegħu, fejn il-kelma ssuġġerita “jistgħu” baqgħet fit-test biss fir-rigward tal-applikabbiltà tad-direttiva wara li l-persuna kkonċernata tkun għalqet il‑21 sena. (Fajl Interistituzzjonali tal-Kunsill 15272/15, Brussell, 16 ta’ Diċembru 2015, p. 26).


45      Linji gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, adottati fis‑17 ta’ Novembru 2010, u memorandum ta’ spjegazzjoni, p. 20. Il-premessa 7 tad-Direttiva 2016/800 tirreferi għal dawn il-linji gwida. Ara wkoll, Radić, I., “Right of the child to information according to the Directive 2016/800/EU on procedural safeguards for children who are suspects or accused persons in criminal proceedings”, EU and Comparative Law Issues and Challenges Series, Vol. 2(2), 2018, p. 468‑491, fil-p. 475.


46      Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Children as suspects or accused persons in criminal proceedings. Procedural safeguards, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022, p. 8.


47      Sentenza tal-Qorti EDB, 11 ta’ Diċembru 2008, Panovits vs Ċipru, CE:ECHR:2008:1211JUD000426804, punt 73.


48      Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), l-obbligu ta’ informazzjoni tad-drittijiet li ġejjin jiskatta fil-pront malli t-tfal jiġu mgħarrfa li huma persuni ssuspettati jew akkużati: id-dritt li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġi informat, id-dritt għal assistenza minn avukat, id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza, id-dritt għal akkumpanjament mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri waqt xi stadji tal-proċeduri għajr waqt is-seduti tal-qorti, u d-dritt għall-għajnuna legali. Taħt il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) it-tfal għandhom jiġu informati fl-istadju l-iktar bikri xieraq tal-proċeduri dwar id-dritt għal evalwazzjoni individwali, id-dritt għal eżami mediku, id-dritt għal-limitazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà u għall-użu ta’ miżuri alternattivi, id-dritt għal akkumpanjament mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri waqt is-seduti tal-qorti, id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess, u d-dritt għal rimedji effettivi.


49      Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/800; Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2012/13; Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343.


50      Għal kritika ta’ dan l-approċċ bħala li renda l-Artikolu 82(2) TFUE finalment ineffettiv, ara Caianiello, M., “To Sanction (or not to Sanction) procedural flaws at EU level? A step forward in the creation of an EU criminal process”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, 2014 Vol. 22, p. 317, p. 321 u 324.


51      Pereżempju, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634), u fil-kawża M.N. (EncroChat) (pendenti) (C‑670/22).


52      Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.N. (EncroChat) (C‑670/22, EU:C:2023:817).


53      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punti 58 u 61).


54      Sentenzi tal-Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 1988, Schenk vs L‑Isvizzera, CE:ECHR:1988:0712JUD001086284, punti 45 u 46; 1 ta’ Marzu 2007, Heglas vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2007:0301JUD000593502, punt 84); 11 ta’ Lulju 2017, Moreira Ferreira vs Il‑Portugall (Nru. 2), CE:ECHR:2017:0711JUD001986712, punt 83).


55      Sentenza tal-Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Habran u Dalem vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2017:0117JUD004300011, punt 96. Għal kritika tal-fehma li dan l-approċċ inaqqas id-drittijiet ta’ qabel il-proċess peress li l-ksur tagħhom jista’ jiġi rrimedjat fl-istadju tal-proċess, ara Hodgson, J., “Safeguarding suspects’ rights in Europe: a comparative perspective”, New Criminal Law Review, 2011, Vol. 14(4), p. 611‑665, fil-p. 648.


56      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 48).


57      Soo, A. (nota ta’ qiegħ il-paġna 11) tirrapporta li fil-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva 2013/48 l-Istati Membri insistew fuq tali libertà għall-imħallfin fl-oppożizzjoni tagħhom għad-dritt tal-Unjoni li jirregola l-ammissibbiltà tal-provi, p. 36.


58      Sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1, p. 13).


59      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punti 25 u 26), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53 u 54).


60      Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 23 sa 27).


61      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punt 31).


62      Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality and Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 38).