Language of document : ECLI:EU:C:2024:150

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C66/23

Elliniki Ornithologiki Etaireia (Soċjetà Ornitoloġika Ellenika) et

vs

Ypourgos Esoterikon (Ministru tal-Intern, il-Greċja) et


 

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 92/43/KEE– Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar – Speċi koperti – Għanijiet ta’ konservazzjoni – Prijoritajiet”






I.      Introduzzjoni

1.        Skont id-Direttiva dwar l-għasafar (2), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”). Iżda liema speċi ta’ għasafar għandhom jiġu protetti hemmhekk? Hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda f’din il-proċedura.

2.        L-ispeċi ta’ għasafar li għandhom jiġu protetti permezz tal-klassifikazzjoni bħala ŻPS huma dawk elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, li huma partikolarment vulnerabbli, kif ukoll l-ispeċi migratorji kollha li jirritornaw b’mod regolari. Bħala ŻPS, għandhom jiġu nnominati ż-żoni li, mill-perspettiva xjentifika, huma l-iktar adatti għall-protezzjoni tal-ispeċi kkonċernata.

3.        Il-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar għandhom jiġu ddefiniti għal kull żona. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-miżuri jistgħux ikunu limitati għall-protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar li ddeterminaw in-nomina taż-żona li għall-protezzjoni tagħha ż-żona hija għalhekk l-iktar xierqa jew jekk għandhomx jinkludu wkoll l-għasafar l-oħra tal-Anness I u l-ispeċi migratorji li jinsabu wkoll f’din iż-żona.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva dwar lgħasafar

4.        Id-Direttiva dwar l-għasafar, attwalment fis-seħħ, hija verżjoni kkodifikata tad-Direttiva dwar l-għasafar oriġinali (3). Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, iż-żewġ verżjonijiet huma, sa fejn jista’ jiġi kkonstatat, identiċi.

5.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi d-denominazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni għall-għasafar:

“1.      L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)      ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)      ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

3.      […]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

2.      Id-Direttiva dwar il-habitats

6.        Id-Direttiva dwar il-habitats (4) testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tan-natura skont id-dritt tal-Unjoni għal speċi oħra ta’ annimali u pjanti u għal ċerti tipi ta’ habitats u tintegra parzjalment id-Direttiva dwar l-għasafar oriġinali.

7.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jiddeskrivi n-network taż-żoni ta’ protezzjoni Ewropej:

“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-[Direttiva dwar l-għasafar].”

8.        L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jirregola l-għażla taż-żoni ta’ protezzjoni skont din id-direttiva:

“Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”

9.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni għal dawn iż-żoni:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

10.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats jissostitwixxi dispożizzjoni protettiva tad-Direttiva dwar l-għasafar b’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

B.      Iddritt Grieg

11.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda d-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/E103 (5), li jemenda d-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010 (6).

12.      Id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/E103 jinkludi miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi, dispożizzjonijiet, projbizzjonijiet, proċeduri u interventi li japplikaw għaż-ŻPS kollha. Huwa jservi bħala linja gwida għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi ħdan iż-ŻPS u fih “miżuri ta’ prekawzjoni” fl-istennija tal-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ protezzjoni globali għal kull waħda miż-ŻPS li għadha għaddejja sal-lum. Fil-fatt, fil-Greċja, ebda għan ta’ konservazzjoni u ebda miżura ta’ konservazzjoni xierqa ma ġew, sal-lum, stabbiliti għal kull ŻPS, kif kien jeżiġi l-ordinament ġuridiku nazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, u kif għadu jeżiġi sal-lum.

13.      Il-miżuri previsti mid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/E103 huma limitati għall-“ispeċi nnominati”. Dawn huma speċi ta’ għasafar li għalihom iż-ŻPS kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni xjentifika partikolari, jiġifieri ornitoloġika.

14.      Il-miżuri previsti fid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/UE ġew adottati wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ studju xjentifiku speċifiku. Din tal-aħħar, skont il-bżonnijiet ekoloġiċi tagħhom, kienet tqassam l-ispeċi ta’ għasafar fi gruppi għall-klassifikazzjoni taż-ŻPS u, skont l-ispeċi jew speċi ta’ grupp, kienet tiddetermina t-theddid tagħhom u l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-istudju evalwa l-miżuri proposti biex jiġi rregolat l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet li jikkostitwixxu theddid għall-ispeċi li jiġġustifikaw in-nominazzjoni u l-miżuri ta’ ġestjoni xierqa b’mod ġenerali.

15.      Id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/UE103 jinkludi mhux biss miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ proġetti u ta’ attivitajiet fi ħdan ŻPS fil-kuntest tal-proċedura tad-Direttiva SEA (7) u tad-Direttiva dwar il-habitats, iżda wkoll miżuri protettivi marbuta ma’ attivitajiet li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni minn qabel fil-qasam tal-ambjent u ta’ evalwazzjoni skont il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq (pereżempju, kaċċa, tqassim mill-ġdid tal-art, forestrija, użu ta’ lixki bil-velenu, sajd, riċerka xjentifika, eċċ.).

16.      L-imsemmija miżuri, meħuda flimkien, għalhekk la jippreġudikaw il-proċeduri ta’ adozzjoni, każ b’każ, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ miżuri addizzjonali ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni taż-ŻPS u lanqas, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti u tal-attivitajiet skont id-Direttiva SEA u l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jekk dawn ikunu neċessarji.

III. Ilfatti u ttalba għal deċiżjoni preliminari

17.      Fil-kawża prinċipali, diversi assoċjazzjonijiet kif ukoll numru kbir ta’ individwi jikkontestaw is-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/E103. Huma jsostnu, inter alia, li hija ttrasponiet b’mod żbaljat id-Direttiva dwar l-għasafar fis-sistema legali Griega, peress li hija tipprovdi għal miżuri ta’ protezzjoni li japplikaw bl-istess mod għaż-ŻPS kollha, iżda li ma jipproteġux l-ispeċi kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva kif ukoll l-għasafar migratorji li huma preżenti hemmhekk.

18.      B’mod konkret, skont id-dispożizzjonijiet tal-att ikkontestat, huma biss l-ispeċi ta’ ŻPS li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tagħhom li huma protetti, u dan biss sa fejn jissodisfaw il-kriterji numeriċi stabbiliti preċedentement mid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi li l-protezzjoni tingħata minħabba l-fatt li speċi tinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-prinċipju tal-effettività tad-Direttiva dwar l-għasafar jiġi ppreġudikat ukoll.

19.      Il-kawża hija pendenti quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) li għalhekk jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-[Direttiva dwar l-għasafar], flimkien mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-[Direttiva dwar il-habitat], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawn indikati (fil-motivazzjoni), li jipprevedu li l-miżuri speċjali ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar tal-ispeċi u tal-habitat tal-għasafar selvaġġi fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) japplikaw biss għall-‘ispeċi kklassifikati’, jiġifieri biss għall-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva dwar l-għasafar] u għall-għasafar migratorji regolarment preżenti ġewwa kull waħda miż-ŻPS li, flimkien mal-kriterji għan-nomina taż-ŻPS li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma użati bħala indikaturi deċiżivi għan-nomina ta’ territorju bħala ŻPS?

2)      Għall-finijiet ta’ risposta għad-domanda preċedenti huwa rilevanti l-fatt li l-imsemmija miżuri speċjali ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar tal-ispeċi u tal-habitat tal-għasafar selvaġġi fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) huma essenzjalment miżuri preventivi bażiċi ta’ protezzjoni (‘miżuri ta’ prekawzjoni’) taż-ŻPS, b’applikazzjoni orizzontali, jiġifieri għaż-ŻPS kollha, u li sal-lum ma ġewx adottati, fl-ordinament ġuridiku Grieg, pjanijiet ta’ ġestjoni għal kull ŻPS speċifika, li jiddefinixxu l-għanijiet u l-miżuri neċessarji sabiex tintlaħaq jew tiġi ggarantita l-konservazzjoni sodisfaċenti ta’ kull waħda miż-ŻPS u tal-ispeċi li jgħixu fiha?

3)      Għall-finijiet ta’ risposta għaż-żewġ domandi preċedenti huwa rilevanti l-fatt li, abbażi tal-obbligu ta’ stima ambjentali ta’ proġetti u ta’ attività fis-sens tad-[Direttiva SEA] u tal-‘evalwazzjoni xierqa’ msemmija fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-[Direttiva dwar l-għasafar], l-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva dwar il-habitat] jew l-għasafar migratorji regolarment preżenti f’kull waħda miż-ŻPS ikunu, fl-ambitu ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ kull wieħed mill-pjanijiet speċifiċi ta’ xogħlijiet pubbliċi jew privati, meħuda inkunsiderazzjoni kollha?”

20.      Iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Syllogos Diktyo Oikologikon Organoseon Aigaiou (l-Assoċjazzjoni Network fl-Eġew ta’ Organizzazzjonijiet Ekoloġiċi, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni Network”) u l-Perivallontikos Syllogos Rethymnou (l-Assoċjazzjoni għall-Ambjent ta’ Rethymno, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni għall-Ambjent”), ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024, mitluba mir-Repubblika Ċeka, ipparteċipaw dawn il-partijiet, kif ukoll il-partijiet l-oħra msemmija iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tal-Polonja.

IV.    Analiżi

21.      It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jillimita l-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar tal-ispeċi u tal-habitats ta’ għasafar selvaġġi preżenti fiż-ŻPS għall-ispeċi li l-preżenza tagħhom kienet determinanti għan-nominazzjoni ta’ kull żona. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu li din il-protezzjoni tiġi estiża għal speċi oħra ta’ għasafar li jistħoqqilhom protezzjoni preżenti fiż-ŻPS.

22.      L-ewwel domanda tirrigwarda l-mod kif l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawn il-miżuri skont ir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari tal-Greċja, li, sa issa, ma ddefinixxietx tali miżuri individwalment għal kull ŻPS, iżda biss konġuntament għaż-ŻPS kollha. It-tielet domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex biżżejjed li l-ispeċi l-oħra ta’ għasafar li jistħoqqilhom protezzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet ambjentali fir-rigward ta’ pjanijiet u proġetti.

A.      Lewwel domanda - Listabbiliment ta’ miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar fiżŻPS skont idDirettiva dwar lgħasafar”

23.      L-ewwel domanda tirrigwarda l-qofol tat-talba għal deċiżjoni preliminari: il-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar skont id-Direttiva dwar l-għasafar għandhom jiġu ddefiniti fi ŻPS biss għall-ispeċi ta’ għasafar li għalihom iż-żona ġiet nnominata jew ukoll għal speċi oħra li jixirqilhom protezzjoni li huma preżenti fiha? Din id-domanda hija spjegata fid-dawl tas-sistema ta’ identifikazzjoni taż-ŻPS (ara taħt 1) u għandha tingħata risposta fid-dawl tar-regoli dwar il-miżuri ta’ protezzjoni fiż-ŻPS (ara taħt 2).

1.      Lidentifikazzjoni ta’ ŻPS

24.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi sistema li tipproteġi speċifikament l-ispeċi elenkati fl-Anness I u l-ispeċi migratorji. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li (l-ispeċi elenkati fl-Anness I) huma l-ispeċi l-iktar mhedda jew (fir-rigward tal-ispeċi migratorji) tal-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Unjoni Ewropea (8).

25.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri għandhom jinnominaw, b’mod partikolari, bħala ŻPS, iż-żoni l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Dawn iż-żoni għandhom jiġu identifikati abbażi ta’ kriterji ornitoloġiċi (9).

26.      Kull ŻPS hija għalhekk ikkaratterizzata minn ċerti speċi ta’ għasafar tal-Anness I, li għall-konservazzjoni tagħhom iż-żona l-iktar xierqa, u/jew minn ċerti speċi migratorji li għall-konservazzjoni tagħhom hija żona ta’ tgħammir, tbiddil jew fejn iqattgħu x-xitwa, jew minn tali żona ta’ waqfien f’żona ta’ migrazzjoni. Il-leġiżlazzjoni Griega kkontestata tistabbilixxi, għal dawn l-ispeċi u l-habitats tagħhom, ċerti miżuri ta’ protezzjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ ripristinar.

27.      Madankollu, huwa possibbli li ŻPS tinkludi wkoll speċi oħra li jixirqilhom protezzjoni, jiġifieri speċi oħra tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar jew speċi oħra migratorji, li għall-konservazzjoni tagħhom iż-ŻPS hija ċertament adegwata, iżda ma hijiex l-iktar adegwata. Tali preżenzi ma kinux determinanti għall-klassifikazzjoni taż-ŻPS, iżda r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar għandhom ukoll jiġu estiżi għal dawn l-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni mmirata lejhom u lejn il-habitats tagħhom.

28.      B’mod partikolari, ir-Repubblika Ċeka ssostni li dawn l-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni huma diġà suffiċjentement protetti fiż-ŻPS speċifikament innominati għalihom. L-Istati Membri intervenjenti l-oħra għandhom it-tendenza li jaqsmu din il-perspettiva, iżda lanqas ma jeskludu totalment il-protezzjoni ta’ speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni fi ŻPS oħra.

2.      Irregoli dwar ilmiżuri ta’ protezzjoni fiżŻPS

29.      Il-fondatezza ta’ dawn iż-żewġ argumenti tirriżulta mir-regoli dwar il-miżuri ta’ protezzjoni fiż-ŻPS. Dawn kienu inizjalment inklużi biss fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 4(2) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 4(1) u (2) jibqa’ japplika, l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats issostitwixxa l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

30.      L-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha taż-żewġ direttivi twassal għall-konklużjoni li, meta jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni u għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-ŻPS, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll speċi oħra li huma preżenti fihom, u li jistħoqqilhom protezzjoni, filwaqt li jistabbilixxu l-prijoritajiet.

31.      Biex nuri dan, ser neżamina l-ewwel nett ir-regoli applikabbli inizjalment, li jibqgħu parzjalment applikabbli (taħt a)), imbagħad ir-regoli sussegwentement introdotti għaż-ŻPS mid-Direttiva dwar il-habitats (taħt b)). Għalkemm dawn ir-regoli sussegwenti jidhru, mal-ewwel daqqa t’għajn, li jimmilitaw kontra obbligu ta’ protezzjoni ta’ speċi oħra li jistħoqqilha protezzjoni, jidher ċar, fid-dawl ta’ regoli oħra tad-Direttiva dwar il-habitats relatati maż-żoni protetti maħluqa skont din id-direttiva, li d-Direttiva dwar il-habitats teżiġi wkoll, bħala prinċipju, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni. Madankollu, id-Direttiva dwar il-habitats tirrikjedi li l-Istati Membri jiddefinixxu prijoritajiet għall-miżuri ta’ protezzjoni (taħt c)). Filwaqt li din l-idea ma hijiex espressa b’mod ċar fid-dispożizzjonijiet li għadhom applikabbli tad-Direttiva dwar l-għasafar, din għandha tiġi applikata wkoll permezz ta’ interpretazzjoni (taħt d)). Nikkonkludi li din is-sistema ta’ protezzjoni hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar (taħt e)).

a)      Iddispożizzjonijiet tadDirettiva dwar lgħasafar

32.      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jibqa’ japplika għal ċerti dispożizzjonijiet taż-ŻPS, b’mod parallel mad-Direttiva dwar il-habitats.

33.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tipprovdi li l-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitat tagħhom, bl-għan li tiġi żgurata s-sopravivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. L-ispeċi elenkati fl-Anness I huma l-iktar speċi fil-perikolu (10). Dawn jinkludu, skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) sa (d), l-ispeċi fil-perikolu ta’ estinzjoni, l-ispeċi vulnerabbli għal ċerti modifiki tal-habitats tagħhom, l-ispeċi rari u speċi oħra li jeħtieġu attenzjoni partikolari. Il-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali għal dawn l-ispeċi jinkludu b’mod partikolari, skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(1), il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS.

34.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fir-rigward tal-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni fir-rigward taż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom.

35.      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet obbligu tal-Istati Membri li jagħtu liż-ŻPS status legali ta’ protezzjoni xieraq sabiex jiggarantixxi r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar” (11). F’dan ir-rigward, il-protezzjoni taż-ŻPS ma għandhiex tkun limitata għall-prevenzjoni tal-effetti ħżiena tal-bniedem, iżda għandha tinkludi wkoll, skont is-sitwazzjoni preżenti, miżuri pożittivi intiżi sabiex iżommu jew itejbu l-istat taż-żona (12).

36.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar u l-ġurisprudenza mogħtija fuq din il-bażi ma jagħmlux distinzjoni bejn dawn ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni skont jekk iż-ŻPS ikkonċernata ġietx innominata għall-ispeċi ta’ għasafar protetti jew jekk l-għasafar protetti li jinsabu f’din iż-ŻPS humiex preżenti bħala speċi protetti oħra.

37.      Bl-istess mod, l-ewwel frażi tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li issa ma għadhiex applikabbli għaż-ŻPS innominati, lanqas ma tagħmel tali distinzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn ikollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan l-artikolu.

38.      L-iskemi ta’ protezzjoni inizjalment applikabbli b’hekk ikopru wkoll, skont il-formulazzjoni tagħhom, l-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni preżenti fiż-ŻPS.

b)      Iddispożizzjonijiet applikabbli tadDirettiva dwar ilhabitats

39.      Madankollu, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats sadanittant issostitwixxew dawk li kienu jirriżultaw qabel mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

40.      Filwaqt li d-Direttiva dwar l-għasafar hija l-ewwel leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura li għadha limitata għall-protezzjoni tal-għasafar, din ġiet ikkompletata fl‑1992 mid-Direttiva dwar il-habitats, li tipprevedi wkoll l-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni għal speċi oħra ta’ annimali u ta’ pjanti kif ukoll għal ċerti tipi ta’ habitats. Dawn iż-żoni ta’ protezzjoni u ż-ŻPS previsti mid-Direttiva dwar l-għasafar jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-habitats, network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, imsejjaħ “Natura 2000”. Għalkemm l-iskemi ta’ protezzjoni rispettivi għandhom għanijiet komparabbli, dawn ivarjaw f’ċerti aspetti.

41.      L-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ pjanijiet u ta’ proġetti li jistgħu jaffettwaw is-siti Natura 2000. Dawn ir-regoli ma humiex ta’ interess dirett għall-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar ta’ art fiż-ŻPS stabbiliti indipendentement mill-pjanijiet u mill-proġetti.

42.      Il-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats hija iktar importanti. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-istatus legali ta’ protezzjoni tas-siti Natura 2000 għandu jiggarantixxi wkoll li tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil sinjifikattiv li jaffettwa lill-ispeċi. Issa, din id-dispożizzjoni tapplika espressament biss għall-ispeċi li għalihom ġew innominati ż-żoni.

43.      Din il-formulazzjoni, kif mifhuma mill-Polonja u r-Repubblika Ċeka, tista’ tinftiehem fis-sens li l-protezzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats tkopri biss l-ispeċi ta’ għasafar li kienu determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ ŻPS (13). Din l-interpretazzjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats hija inqas estiża minn dik mogħtija inizjalment fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar (14).

44.      Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandu jiġi evitat mhux biss id-deterjorazzjoni tal-ispeċi (u tat-tipi ta’ habitats) li ddeterminaw l-għażla ta’ sit Natura 2000, iżda fuq kollox li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu. Dawn l-għanijiet huma espressament is-suġġett tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-habitats (15), li hija intiża sabiex tiggarantixxi l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-Artikolu 6(2) (16). Konsegwentement, il-livell ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 6(2) għandu wkoll jitkejjel fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit Natura 2000 ikkonċernat. Madankollu, meta jiġu stabbiliti l-għanijiet ta’ konservazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni preżenti fi ŻPS.

c)      Listabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni skont idDirettiva dwar ilhabitats

45.      L-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu ċertament jiġu dedotti b’mod provviżorju minn ċerta informazzjoni fuq żona, bħall-formola standard ta’ data (17), li l-format tagħha jkun ġie ddefinit mill-Kummissjoni (18); madankollu, dawn għandhom, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ regoli speċifiċi stabbiliti.

46.      Għalkemm id-Direttiva dwar il-habitats ma tipprevedix espressament l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni, din hija madankollu suġġetta, b’mod partikolari, għall-Artikolu 4(4) u għall-Artikolu 6(1) tagħha (19).

47.      Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Istati Membri, għan-nominazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, għandhom jiddeterminaw il-prijoritajiet skont l-importanza ta’ dawn iż-żoni għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, kif ukoll fid-dawl tat-theddid ta’ ħsara jew ta’ qerda li jkunu esposti għalihom. Issa, id-definizzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet tippreżupponi li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jkunu ġew stabbiliti (20). Fil-fatt, meta jistabbilixxu l-prijoritajiet, l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu l-prijorità li huma jagħtu lid-diversi għanijiet ta’ konservazzjoni. Madankollu, meta l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma stabbiliti biss sussegwentement, il-prijoritajiet stabbiliti minn qabel ma jistgħux neċessarjament jiħduhom inkunsiderazzjoni.

48.      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw il-ħtiġijiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u tal-ispeċi fl-Anness II li hemm preżenti f’dawn iż-żoni (21).

49.      Id-determinazzjoni tar-rekwiżiti ekoloġiċi timplika wkoll (b’mod obbligatorju (22)) li l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma diġà stabbiliti (23). Filwaqt li huma ta’ natura xjentifika, dawn ir-rekwiżiti huma relatati ma’ ċerti beni naturali ddefiniti mill-għanijiet ta’ konservazzjoni.

50.      Kif jirrikonoxxu l-Pajjiżi l-Baxxi, il-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, b’differenza mill-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, ma humiex espressament limitati għall-ispeċi u l-habitats li għalihom iż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata ġiet innominata, iżda huma orjentati lejn l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats kollha tal-annessi li huma preżenti fihom (24). Dan jimplika li, bħala prinċipju, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jinkludu wkoll l-ispeċi u t-tipi ta’ habitats li, għalkemm preżenti fiż-zoni, ma kinux rilevanti għan-nominazzjoni tagħhom.

51.      Dan ma jfissirx neċessarjament li l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jibbenefikaw bl-istess mod għall-ispeċi u t-tipi kollha ta’ habitats preżenti. Għall-kuntrarju, kif diġà indikajt, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet (25).

52.      Min-natura tagħhom, dawn il-prijoritajiet ser jiffokaw fuq l-ispeċi u l-habitats li għalihom ġew innominati ż-żoni. Madankollu, jekk hemm speċi u habitats rari jew sensittivi oħra fiż-żona, il-protezzjoni tagħhom hemm tista’ tkun ikkompletata permezz tal-protezzjoni fiż-żoni speċifikament indikati għal dawn. Il-punt sa fejn il-kontribut ta’ tali suppliment għall-għanijiet ġenerali tad-Direttiva dwar il-habitats jiġġustifika miżuri jeħtieġ li jiġi kkunsidrat meta jiġu definiti l-prijoritajiet.

53.      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats għalhekk lanqas ma huwa neċessarjament limitat għall-protezzjoni tal-ispeċi u tat-tipi ta’ habitats li kienu rilevanti għall-finijiet tal-għażla ta’ żona protetta skont id-Direttiva dwar il-habitats, iżda għandu jinkludi wkoll speċi u tipi ta’ habitats oħra li huma preżenti fiha, sa fejn dawn huma s-suġġett tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti.

d)      Listabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni skont idDirettiva dwar lgħasafar

54.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għaż-żoni ta’ protezzjoni skont id-Direttiva dwar il-habitats ma jistgħux jiġu direttament trasposti għaż-ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar, peress li l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma humiex applikabbli għaż-ŻPS. Għall-kuntrarju, kif diġà spjegajt (26), iż-ŻPS jibqgħu suġġetti għall-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwal l-għasafar. Għalkemm dawn l-obbligi ta’ protezzjoni huma fformulati b’mod inqas speċifiku, huma intiżi fil-prattika sabiex jiżguraw protezzjoni fiż-ŻPS ekwivalenti għall-Artikolu 4(4) u għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats (27). Huwa għalhekk li l-istatus ta’ protezzjoni taż-ŻPS għandu jinkludi wkoll għanijiet ta’ konservazzjoni (28).

55.      L-istabbiliment ta’ prijoritajiet huwa wkoll diġà previst fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, u l-miżuri għandhom jittieħdu billi jitqiesu r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ispeċi. Dawn ir-rekwiżiti jiddependu mis-sitwazzjoni konkreta taż-ŻPS ikkonċernata (29).

56.      Dan ifisser, minn perspettiva prattika, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw liema speċi ta’ għasafar li jistħoqqilhom protezzjoni huma preżenti fi ŻPS, il-kontribuzzjoni ta’ din il-preżenza għall-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll ir-riskji u l-perikoli li għalihom huma esposti. Fuq din il-bażi, għandhom jiġu żviluppati l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet għaż-ŻPS. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu prijorità lil ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni meta mqabbla ma’ għanijiet oħra ta’ konservazzjoni u jikkonċentraw, f’dan is-sens, fuq il-mezzi disponibbli. Fl-istess ħin, huma jistgħu jevitaw il-ħela ta’ tali fondi għal miżuri ta’ protezzjoni inqas effettivi, li r-Repubblika Ċeka tfittex b’mod partikolari li tiżgura.

57.      Il-fatt li ŻPS hija l-iktar waħda xierqa għall-protezzjoni ta’ ċerti speċi ta’ għasafar għandu normalment jiġi rifless f’dawn il-prijoritajiet, peress li ż-żona ġiet innominata għall-finijiet tal-konservazzjoni tagħhom (30).

58.      Madankollu, il-preżenza ta’ speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni fiż-ŻPS lanqas ma għandha tiġi injorata b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, rinunzja jew limitazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u tal-miżuri ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni u huma preżenti fi ŻPS, teħtieġ evalwazzjoni dettaljata tal-importanza ta’ dawn ir-riżervi għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, li għandha wkoll tkun riflessa fil-ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet.

59.      F’dan ir-rigward, l-ewwel element ser jipprovdi l-klassifikazzjoni tal-preżenza inkwistjoni fil-formola standard tad-data taż-żona: huwa jipprevedi evalwazzjoni tal-popolazzjoni kkonċernata taż-żona fir-rigward tal-popolazzjoni nazzjonali (31). Kif tindika l-Kummissjoni, evalwazzjoni mwettqa b’A, B jew C turi li l-popolazzjoni għandha ċerta importanza u li għalhekk tistħoqqilha, bħala prinċipju, protezzjoni. Meta l-popolazzjonijiet ta’ speċi jiġu evalwati biss b’D, dawn ma jkunux sinjifikattivi u għalhekk, jekk jiġu evalwati b’mod korrett, ġeneralment ma jeħtiġux miżuri ta’ protezzjoni.

60.      Għall-popolazzjonijiet evalwati aħjar (A, B jew C), kif irrikonoxxut mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil speċi oħra li jixirqilhom protezzjoni fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, peress li huma l-ispeċi l-iktar mhedda (32). Għaldaqstant, bħala prinċipju, jidher dubjuż jekk jistgħux jiġu esklużi mill-miżuri ta’ protezzjoni fiż-ŻPS li għalihom ma humiex determinanti, iżda li fihom huma xorta waħda preżenti.

61.      Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Network ġustament tenfasizza li ċerti speċi ma humiex preżenti b’mod ikkonċentrat f’ċerti żoni, iżda jgħixu b’mod iżolat min-natura tagħhom. F’dak li jikkonċerna speċi bħal dawn, id-differenzi bejn iż-ŻPS l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tagħhom u ż-ŻPS l-oħra li fihom huma preżenti, huma dgħajfa. B’hekk, l-Assoċjazzjoni Network tesponi li l-Ajkla ta’ Bonelli (Hieraaetus fasciatus) fl-għaxar ŻPS innominati mill-Greċja għal din l-ispeċi hija preżenti b’mod ugwali, jew saħansitra inqas, mill‑81 ŻPS oħra li fihom hija preżenti biss bħala speċi oħra li jistħoqqilha protezzjoni. Kif irrilevat l-Assoċjazzjoni Network, u wkoll fil-każ tal-Ajkla tat-Tikki (Aquila pomarina), il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni totali tinsab fi ŻPS li ma ġietx innominata speċifikament għal din l-ispeċi. Għalhekk, huwa diffiċli li wieħed isostni li dawn l-ispeċi diġà huma protetti biżżejjed fiż-żoni l-iktar adatti għall-protezzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, raġunijiet serji huma neċessarji sabiex jiġu esklużi mill-miżuri ta’ protezzjoni fiż-żoni l-oħra kollha fejn huma jinsabu bħala speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni.

62.      Dan huwa iktar u iktar il-każ sa fejn l-Assoċjazzjoni Network issemmi l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I jew l-ispeċi migratorji regolari u li, għalkemm preżenti fiż-ŻPS, ma kienu s-suġġett ta’ ebda klassifikazzjoni bħala ŻPS jew b’mod inqas milli meħtieġ (33). Il-kwistjoni dwar jekk il-Greċja ssodisfatx biżżejjed l-obbligu tagħha li tindika ŻPS għal dawn l-ispeċi ċertament ma għandhiex tiġi deċiża f’dan il-każ. Issa, fin-nuqqas ta’ ŻPS proprji jew ta’ numru żgħir wisq ta’ ŻPS, jidher neċessarju li dawn jiġu protetti, għall-inqas, bħala speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni fiż-ŻPS li fihom huma preżenti. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, dawn l-ispeċi ma jkunux protetti għalkollox jew ma jkunux suffiċjentement protetti fil-Greċja.

63.      Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi jispjegaw li, b’mod partikolari, ċerti speċi migratorji, bħall-Vjolin tax-Xitwa (Phylloscopus collybita), il-Pitirross (Erithacus rubecula), il-Malvizz Iswed (Turdus merula) jew iċ-Ċawla (Corvus monedula), għalkemm preżenti regolarment fiż-ŻPS, ma humiex mhedda, iżda mifruxa ħafna indipendentement miż-ŻPS. Għal dawn l-ispeċi, jidher li huwa effettivament biżżejjed, bħala regola ġenerali, li l-miżuri ta’ protezzjoni jiġu limitati għaż-ŻPS speċifikament indikati għalihom, għaliex huma preżenti b’mod partikolarment ikkonċentrat matul ċerti perijodi taċ-ċiklu tal-ħajja jew tal-migrazzjoni tagħhom.

64.      Fl-aħħar nett, meta jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni u prijoritajiet, il-kunflitti bejn għanijiet kontradittorji jistgħu wkoll jiġu solvuti b’mod xieraq (34).

65.      Għalhekk, huwa loġiku, fil-kuntest tal-miżuri previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju, l-ispeċi kollha tal-għasafar li jistħoqqilhom protezzjoni u l-habitats tagħhom preżenti fi ŻPS, iżda wkoll li jiġu stabbiliti prijoritajiet fir-rigward tal-protezzjoni tagħhom.

e)      Lgħanijiet tassistema ta’ protezzjoni

66.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar.

67.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-miżuri ta’ protezzjoni huma intiżi sabiex jiżguraw is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħha. Din iż-żona tad-distribuzzjoni ma hijiex limitata għaż-ŻPS l-iktar xierqa għall-protezzjoni ta’ kull speċi, iżda testendi b’mod partikolari għal ŻPS oħra li fihom dawn l-ispeċi huma preżenti.

68.      L-istess għan għandu japplika għall-ispeċi migratorji l-oħra, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa għal dawn l-ispeċi skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

69.      Konsegwentement, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li għadha applikabbli, l-Istati Membri għandhom jipprovaw jevitaw, anki barra miż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitats. F’kull każ, huma ma jkunux issodisfaw din il-missjoni u l-għan superjuri tal-Artikolu 4 jekk huma jawtorizzaw, ġewwa ŻPS u mingħajr raġunijiet speċifiċi, id-deterjorazzjoni tal-habitats tal-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni li għalihom iż-ŻPS ma ġietx innominata.

70.      Barra minn hekk, il-miżuri ta’ protezzjoni li jinjoraw il-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni fiż-ŻPS ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u azzjoni preventiva (35). Fil-fatt, ir-riskji potenzjali u l-perikoli magħrufa għal dawn l-ispeċi huma aċċettati b’mod ġenerali u mingħajr ebda bbilanċjar ieħor. Madankollu, dawn il-prinċipji jifformaw parti mill-bażi tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li l-Unjoni adottat, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE fil-qasam tal-ambjent. Għaldaqstant, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats u d-Direttiva dwar l-għasafar (36).

3.      Konklużjoni intermedjarja

71.      B’hekk, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu, għal kull ŻPS, għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni individwali f’dak li jirrigwarda l-ispeċi ta’ għasafar kollha inklużi fl-Anness I u l-ispeċi migratorji regolari preżenti kif ukoll il-habitats tagħhom. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet u, f’dan il-qafas, jikkonċentraw l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni fuq ċerti speċi u l-habitats tagħhom.

B.      Ittieni domanda – Listabbiliment orizzontali ta’ miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar għażŻPS kollha

72.      It-tieni domanda hija intiża sabiex tiċċara l-importanza tal-fatt li l-miżuri ta’ protezzjoni Griegi japplikaw bl-istess mod għaż-ŻPS kollha.

73.      Din is-sitwazzjoni ma hijiex prevista fid-Direttiva dwar l-għasafar. Għall-kuntrarju, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti juru li l-miżuri ta’ protezzjoni għandhom, bħala prinċipju, ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti ekoloġiċi fid-diversi ŻPS. Għal dak li jirrigwarda l-miżuri Griegi dawn huma individwalizzati biss sa fejn huma intiżi sabiex jibbenefikaw lill-ispeċi ta’ għasafar rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ kull ŻPS. Inkella, is-sitwazzjoni speċifika fiż-ŻPS u, b’mod partikolari, il-bżonnijiet ta’ speċi oħra li jistħoqqilhom protezzjoni, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni.

74.      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, bħala prinċipju, kemm l-ispeċi ta’ għasafar li għalihom ġiet innominata ŻPS, kif ukoll l-ispeċi l-oħra ta’ għasafar li jixirqilhom li jiġu protetti hemmhekk, jistħoqqilhom protezzjoni. Huwa biss meta jiġu stabbiliti l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni għaż-żoni kkonċernati li huwa possibbli li jiġu stabbiliti prijoritajiet u li tingħata prijorità lil ċerti speċi kif ukoll lill-habitats tagħhom. Barra minn hekk, huwa biss dan il-mod li huwa konformi mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u azzjoni preventiva.

75.      Madankollu, sakemm Stat Membru ma jkunx stabbilixxa għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni għal ŻPS partikolari, huwa lanqas ma jkun stabbilixxa prijoritajiet. Huwa lanqas ma jista’ jiżviluppa dawn il-prijoritajiet għaż-żona nazzjonali kollha għaliex, b’dan il-mod, huwa ma jiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta individwali tad-diversi ŻPS. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet Griegi inkwistjoni jinjoraw il-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ispeċi l-oħra li jistħoqqilhom protezzjoni fiż-ŻPS juri dan b’mod ċar ħafna.

76.      Għaldaqstant, il-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar applikabbli għaż-ŻPS kollha ta’ Stat Membru, li ma jistgħux jinkludu prijorità suffiċjenti per se, għandhom, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, jiġu applikati kemm għall-ispeċi ta’ għasafar li għalihom kull waħda minn dawn iż-ŻPS ġiet innominata, kif ukoll għall-ispeċi l-oħra ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar u għall-ispeċi l-oħra migratorji li huma preżenti hemmhekk b’mod regolari.

C.      Ittielet domanda - Evalwazzjonijiet ambjentali

77.      Permezz tat-tielet domanda tiegħu, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk obbligu li jitqiesu kemm l-ispeċi ta’ għasafar li għalihom ġiet indikata ż-ŻPS kif ukoll l-ispeċi l-oħra ta’ għasafar li jistħoqqilhom protezzjoni, li huma preżenti fihom fl-evalwazzjonijiet ambjentali ta’ proġetti li jaqgħu taħt id-Direttiva SEA jew ta’ pjanijiet u proġetti skont id-Direttiva dwar il-habitats, jimmodifikax l-obbligu ta’ protezzjoni taż-żewġ gruppi ta’ għasafar permezz ta’ miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar.

78.      Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mill-għan rispettiv tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati: filwaqt li l-evalwazzjonijiet ambjentali għandhom isiru għall-pjanijiet u l-proġetti, il-miżuri kkontestati ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar ta’ art jikkonċernaw qabelxejn, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, attivitajiet li ma jeħtiġux evalwazzjoni ambjentali. Għalhekk, iż-żewġ miżuri huma komplementari, iżda ma jistgħux jimlew n-nuqqasijiet ta’ xulxin.

79.      L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti skont id-Direttiva SEA u d-Direttiva dwar il-habitats huwa għalhekk mingħajr effett fuq il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

V.      Konklużjoni

80.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1.      L-Artikolu 4 (1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu, għal kull żona ta’ protezzjoni speċjali, għanijiet ta’ konservazzjoni individwali u miżuri ta’ konservazzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar fl-Anness I u għall-ispeċi migratorji regolari u l-habitats tagħhom. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet u, f’dan il-qafas, jikkonċentraw l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni fuq ċerti speċi u l-habitats tagħhom.

2.      Bl-istess mod, il-miżuri ta’ protezzjoni, konservazzjoni, u ripristinar applikabbli għaż-żoni kollha ta’ protezzjoni speċjali ta’ Stat Membru, li ma jistgħux, bħala tali, jinkludu prijorità, għandhom, skont l-Artikolu 4 (1) u (2) tad-Direttiva 2009/147, jiġu applikati kemm għall-ispeċi ta’ għasafar li għalihom iż-żona speċjali ta’ protezzjoni kkonċernata ġiet innominata kif ukoll għall-ispeċi l-oħra ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u għall-ispeċi l-oħra migratorji li huma preżenti hemmhekk regolarment f’din iż-żona.

3.      L-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti skont id-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent u d-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ma jaffettwax il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 (1) u (2) tad-Direttiva 2009/147.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali kienet applikabbli d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


3      Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).


4      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).


5      Koini ypourgiki apofasi Nr. 8353/276/Ε103 “Tropopoiisi kai syblirosi tis yp’ arith. 37338/1807/2010 koinis ypourgikis apofasis ‘Kathorismos metron kai diadikasion gia tin diatirisi tis agrias ornithopanidas kai ton oikotopon / endiaitimaton tis, se symmorfosi me tin Odigia 79/409/EOK […]’ (Β‘ 1495), se symmorfosi me tis ditaxeis tou protou edafiou tis paragrafou 1 tou arthrou 4 tis Odigias 79/409/ΕΟΚ ‘Gia ti diatirisi ton agrion ptinon’ tou Evropaikou Symvouliou tis devteras Apriliou 1979, opos kodikopoiithike me tin odigia 2009/147/ΕΚ” (id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/E103 “Emendat u ssupplimentat mid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010, ‘Stabbiliment ta’ Miżuri u Proċeduri għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u l-Habitats Tagħhom, li jimplimenta d-Direttiva 79/409/KEE […]’ (B‘ 1495), li jimplimenta l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 ‘dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi’, ikkodifikata bid-Direttiva 2009/147/KE”) (B‘ 415/23.2.2012).


6      Koini ypourgiki apofasi Nru 37338/1807/2010 “Kathorismos metron kai diadikasion gia tin diatirisi tis Agrias ornithopanidas kai ton oikotopon / endiaitimaton tis, se symmorfosi me tin Odigia 79/409/EOK, ‘peri diatiriseos ton agrion ptinon’ tjew Evropaikou Symvouliou tis devteras Apriliou 1979, opos kodikopoiithike me tin odigia 2009/147/EK” (id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010, “Stabbiliment ta’ Miżuri u Proċeduri għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u l-Habitats Tagħhom għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi għall-fini tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 ‘dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi’, ikkodifikata bid-Direttiva 2009/147/KE”) (B‘ 1495/6.9.2010).


7      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE (ĠU 2014, L 124, p. 1).


8      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Lista IBA) (C‑418/04, EU:C:2019:780, punt 46); tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑293/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:706, punt 23); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 57); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 208).


9      Sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (Lista IBA) (C‑3/96, EU:C:1998:238, punti 60 sa 62); tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Lauteracher Ried) (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 33); tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Lista IBA) (C‑334/04, EU:C:2007:628, punt 34); u tal‑14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Kaliakra) (C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 28).


10      F’dan is-sens, ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Lista IBA) (C‑418/04, EU:C:2019:780, punt 46); tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑293/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:706, punt 23); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 57); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 208).


11      Sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1999, Il‑Kummissioni vs Franza (Żona estwarja tas-Seine) (C‑166/97, EU:C:1999:149, punt 21); tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Lista IBA) (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 153); tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑293/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:706, punt 22); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 56); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 209).


12      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Lista IBA) (C‑418/04, EU:C:2019:780, punt 154), u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 209). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 150), fir-rigward taż-żoni protetti skont id-Direttiva dwar il-habitats.


13      Is-sentenzi invokati mir-Repubblika Ċeka, tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑388/05, EU:C:2007:533, punt 26); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 58); u tas‑7 ta’ Frar 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑517/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:66, punt 34), jidhru wkoll li jimmilitaw f’dan is-sens.


14      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds (C‑44/95, EU:C:1996:297, punt 37), u tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (Basses Corbières) (C‑374/98, EU:C:2000:670, punt 50).


15      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 53 u 54); tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 40); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 120).


16      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 30); tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Alto Sil) (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142); u tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 156).


17      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Santa Caterina) (C‑304/05, EU:C:2007:228, punt 31), kif ukoll is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, f’din il-kawża (C‑304/05, EU:C:2007:532, punti 16, 17 u 95).


18      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/484/UE tal‑11 ta’ Lulju 2011 dwar format ta’ informazzjoni għas-siti Natura 2000 (notifikata bid-dokument C(2011) 4892) (ĠU 2011, L 198, p. 39).


19      Ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punti 46 sa 53); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 64 u 65); kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 105 sa 106).


20      Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 46); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 64); kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 105).


21      Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C-849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 59).


22      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 52), u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 157).


23      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 207); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C-849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punti 49 u 50); tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 155).


24      Ara wkoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 55); tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 86); u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 153).


25      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 46), u tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 64).


26      Ara l-punti 32 u 39 iktar ’il fuq.


27      F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 207 sa 209, kif ukoll il-punti 213 u 221.


28      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 65).


29      F’dan is-sens, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punti 62 sa 66).


30      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 39); tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 21); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 116).


31      Ara l-punt 3.2(ii) tal-ispjegazzjonijiet dwar il-format tal-formola standard tad-data li tinsab fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/484.


32      Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Lista IBA) (C‑418/04, EU:C:2019:780, punt 46); tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑293/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:706, punt 23); tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Hanság u Niedere Tauern) (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 57); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 208).


33      Ara t-tabelli 5 u 6 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Assoċjazzjoni Network.


34      Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 53), kif ukoll, bħala eżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Latvijas valsts meži (C‑434/22, EU:C:2023:595, punt 41), dwar il-miżuri ta’ protezzjoni kontra n-nirien f’żoni Natura 2000.


35      Fuq dawn iż-żewġ prinċipji, fl-aħħar lok, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ilva et (C‑626/22, EU:C:2023:990, punti 75 sa 77, u 82), flimkien ma’ riferimenti oħra.


36      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44); tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 254); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 66); u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 118 u 171).