Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024 (1)
Kawża C‑135/23
Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)
vs
GL
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu (3)(1) – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett ta’ ‘att ta’ komunikazzjoni’ – Tqegħid għad-dispożizzjoni f’appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jiġu rċevuti trażmissjonijiet”
Introduzzjoni
1. Fid-dritt tal-awtur tal-Unjoni, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ċertament jokkupa l-pożizzjoni ta’ unur f’dak li jirrigwarda l-attenzjoni li tingħatalu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fost il-kwistjonijiet ta’ dritt marbuta ma’ din l-istituzzjoni ġuridika, waħda mill-iktar fundamentali hija dik tad-distinzjoni bejn komunikazzjoni lill-pubbliku, att suġġett għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita jew riċevuta tali komunikazzjoni, li ma hijiex suġġetta għalihom.
2. Il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din id-distinzjoni ġew ibbilanċjati f’sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (2). Madankollu, din il-kawża turi li għad hemm żoni ta’ inċertezza jew sitwazzjonijiet limitati, li fihom ma huwiex faċli li jiġi deċiż b’ċertezza fuq liema naħa ta’ din id-distinzjoni jinsab l-att inkwistjoni.
3. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam, billi tiżgura kemm il-koerenza tagħha kif ukoll billi żżomm bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
4. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3) jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”
Id‑dritt Ġermaniż
5. Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku huwa stabbilit, fid-dritt Ġermaniż, fl-Artikolu 15 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), li jipprovdi, b’mod partikolari:
“[…]
(2) Barra minn hekk, l-awtur għandu d-dritt esklużiv li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku f’forma immaterjali (dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku). Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi b’mod partikolari:
1. id-dritt ta’ preżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni (Artikolu 19);
2. id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 19a);
3. id-dritt tat-trażmissjoni (Artikolu 20);
4. id-dritt ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi viżivi jew awdjo (Artikolu 21);
5. id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ programmi trażmessi u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 22).
(3) Il-komunikazzjoni hija pubblika meta tkun intiża għal diversi membri tal-pubbliku. Il-pubbliku jinkludi lil kull persuna li ma hijiex marbuta b’relazzjonijiet personali ma’ dak li jisfrutta x-xogħol jew mal-persuni l-oħra li lilhom ix-xogħol isir perċettibbli jew aċċessibbli f’forma intanġibbli.”
6. Bis-saħħa tas-sentenza fil-kawża Königshof tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku l-fatt li l-amministratur ta’ lukanda jgħammar il-kmamar tal-lukanda b’settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni (5). Meta adottat din is-soluzzjoni, din il-qorti ma kinitx qieset meħtieġ li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29.
Il‑fatti fil‑kawża prinċipali, il‑proċedura u d‑domanda preliminari
7. Il-Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (iktar ’il quddiem il-“GEMA”), organu għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika, ressqet quddiem l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja) talba għad-danni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur kontra GL, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, minħabba li dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni, f’dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jippermettu li jiġu rċevuti programmi, bi ksur tal-Artikolu 15 tal-UrhG.
8. Peress li kellha dubji dwar jekk tali tqegħid għad-dispożizzjoni, mingħajr ma kien hemm “riċezzjoni ċentrali”, jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2001/29] meta l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti jqiegħed għad-dispożizzjoni, f’din il-binja, televiżjonijiet li jirċievu xandiriet permezz ta’ antenna ta’ ġewwa mingħajr ma hemm riċezzjoni ċentrali sabiex tittrażmetti s-sinjali?”
9. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn GEMA, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.
Analiżi
10. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet ta’ televiżjoni b’antenni interni li jistgħu jirċievu programmi tat-televiżjoni taqax taħt id-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.
11. Elementi importanti ta’ risposta għal din id-domanda jirriżultaw mill-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk, jidhirli li huwa neċessarju li titfakkar fil-qosor din il-ġurisprudenza.
Il‑ġurisprudenza rilevanti tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
12. Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur tinkludi żewġ elementi, jiġifieri l-att ta’ komunikazzjoni u l-pubbliku li lilu tkun indirizzata din il-komunikazzjoni (6).
13. L-att ta’ komunikazzjoni jista’ normalment ikun f’żewġ forom. L-ewwel wieħed jikkonsisti fi trażmissjoni tax-xogħol protett, jew tas-sinjal ta’ dan ix-xogħol, fuq l-inizjattiva tal-awtur stess tal-komunikazzjoni, lill-pubbliku. Hija biss ir-riċezzjoni ta’ din it-trażmissjoni li taqa’, eventwalment, taħt id-deċiżjoni tal-membri tal-pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tas-servizzi tal-midja msejħa “lineari”, bħat-televiżjoni. It-tieni forma ta’ komunikazzjoni hija limitata għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol, peress li l-membri ta’ dan il-pubbliku jiddeċiedu liberament li jattivaw fi żmien magħżul it-trażmissjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-atti ta’ komunikazzjoni mwettqa fuq l-internet.
14. Għandha ssir distinzjoni importanti bejn l-atti ta’ komunikazzjoni u s-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu li ssir jew tiġi riċevuta komunikazzjoni. Fil-fatt, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara li l-Artikolu 3 tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li tali provvista ma tikkostitwixxix fiha nnifisha komunikazzjoni (7). Din il-premessa tirrifletti d-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2000/278/KE (8). L-imsemmija premessa hija kkorroborata wkoll mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku “għandu jinftiehem f’sens wiesa’ li jirregola kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”, iżda “ma jkopri l-ebda att ieħor”.
15. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi, b’mod partikolari, li ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju (9).
16. Barra minn hekk, meta jeżisti dubju fir-rigward tal-persuna li tkun tat lok għal komunikazzjoni, il-kriterju essenzjali jinsab fir-rwol indispensabbli li għandha din il-persuna u n-natura deliberata tal-intervent tagħha. Fil-fatt, din twettaq att ta’ komunikazzjoni meta tintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti lill-klijenti tagħha aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew ikunu jistgħu biss diffiċilment, igawdu mix-xogħol imxandar (10).
17. Fir-rigward tal-pubbliku li lilu tkun indirizzata l-komunikazzjoni, dan għandu jinkludi numru indeterminat, iżda pjuttost kbir, ta’ destinatarji potenzjali. Sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll in-numru tagħhom li jista’ jkollhom dan l-aċċess suċċessivament (11).
18. Fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku sekondarju, dan għandu jkun pubbliku “ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (12).
19. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ sitwazzjoni analoga għal dik ta’ din il-kawża, jiġifieri l-installazzjoni ta’ settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali fil-kmamar ta’ lukanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-“distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ apparati ta’ televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta’ lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 2001/29]” (13).
Sempliċi applikazzjoni f’din il‑kawża?
20. Mad-daqqa ta’ għajn, ir-risposta għad-domanda preliminari f’din il-kawża tista’ tirriżulta minn sempliċi applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti preċedenti.
21. Fil-fatt, il-kwistjoni legali prinċipali li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk l-installazzjoni f’appartamenti għall-kiri ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni sekondarja tat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni lill-pubbliku jew inkella sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu r-riċezzjoni tal-komunikazzjoni inizjali ta’ dawn it-trażmissjonijiet, peress li din il-komunikazzjoni ssir mill-organi ta’ trażmissjoni televiżiva.
22. Meta tagħmel id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala element determinanti l-eżistenza ta’ intervent deliberat tal-persuna kkonċernata fuq il-kontenut stess tal-komunikazzjoni, peress li dan l-intervent jista’ jieħu forom differenti (14). Hija enfasizzat ukoll li jekk is-sempliċi fatt li l-użu ta’ tagħmir huwa neċessarju sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi mix-xogħol iwassal b’mod awtomatiku biex it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali tagħmir jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni, kull provvista ta’ installazzjonijiet intiżi biex jippermettu jew iwettqu komunikazzjoni tkun tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, kuntrarjament għall-kliem ċar tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 (15).
23. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx bħala att ta’ komunikazzjoni la l-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju (16), u lanqas l-isfruttament, fih innifsu, ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls online (17), u lanqas, fl-aħħar nett, il-fatt li jkun hemm, fuq mezz ta’ trasport pubbliku, tagħmir ta’ awdjo u softwer li jippermetti t-trażmissjoni ta’ mużika tal-isfond (18). Dawn l-atti ġew assimilati mas-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza SGAE, li kienet tikkonċerna s-settijiet tat-televiżjoni installati fi kmamar ta’ lukanda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddistingwiet b’mod ċar l-installazzjoni ta’ dawn is-settijiet bħala tali mid-distribuzzjoni tas-sinjal permezz ta’ dawn is-settijiet (19).
24. Il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ att ta’ komunikazzjoni tirrendi barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, superfluwa l-analiżi tal-eżistenza eventwali ta’ pubbliku ġdid (20).
25. Għalhekk wieħed jista’ jqis, f’konformità mal-ġurisprudenza li għadni kif semmejt, li l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni li kapaċi jirċievu programmi tat-televiżjoni mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa ta’ dan l-operatur tixbah sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet u għalhekk ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni, u lanqas, konsegwentement, komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.
26. Nixtieq nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni tkun perfettament difendibbli. Fl-ewwel lok, din hija koerenti mal-loġika formali tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ tippreżenta b’mod partikolari diversi analoġiji ma’ dik tal-vetturi tal-kiri mgħammra b’settijiet tar-radju, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI. Fiż-żewġ każijiet, l-utent qiegħed jikri spazju, wieħed intiż biex joqgħod fih, l-ieħor sabiex jiċċaqlaq, mgħammar b’installazzjonijiet li jippermettu, mingħajr ebda intervent addizzjonali, ir-riċezzjoni tat-trażmissjoni terrestri, rispettivament, tat-televiżjoni jew tar-radju. Klassifikazzjoni simili ta’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet mill-perspettiva tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif irregolat mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, tidher għalhekk naturali.
27. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jiddependi ħafna mit-teknoloġija użata sabiex jitwettqu l-atti li jaqgħu taħtu, li jikkonsistu fil-komunikazzjoni ta’ oġġetti protetti lil persuni mhux preżenti fil-post fejn toriġina din il-komunikazzjoni (21). Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi f’dan il-qasam huma bbażati fuq il-kriterju tat-teknoloġija użata, billi jiġu rrelegati għall-pożizzjoni sekondarja kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħall-perspettiva tal-utent finali tax-xogħol (22). Dan huwa l-każ, f’din il-kawża, tas-soluzzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ intervent addizzjonali li jikkonsisti f’trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal tat-televiżjoni lejn l-appartamenti tal-kiri.
28. Barra minn hekk, din tidher li hija s-soluzzjoni adottata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) fis-sentenza tagħha fil-kawża Königshof iċċitata fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din hija wkoll dik sostnuta mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom.
29. Madankollu, nammetti li din is-soluzzjoni jidhirli li ma tantx hija konvinċenti mill-perspettiva tar-riżultat milħuq. Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet fejn l-eżistenza ta’ pubbliku tista’ tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari fil-każ tal-kiri ta’ appartamenti għal żmien qasir (23), teżisti differenza fit-trattament manifesta bejn, minn naħa, l-appartamenti għal kiri mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni li għandhom antenni interni u, min-naħa l-oħra, il-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet ta’ televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali, ipoteżi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE. Barra minn hekk, is-soluzzjoni adottata f’din il-kawża tista’ faċilment tiġi trasposta, jekk ikun il-każ, għas-sitwazzjoni tal-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni. Issa, il-bażi ta’ din id-differenza fit-trattament, jiġifieri l-assenza, f’wieħed miż-żewġ każijiet, ta’ att ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-utent ikkonċernat fil-forma ta’ trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, fis-sens strett tal-kelma, tal-kontenut protett hija fil-fehma tiegħi diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-loġika materjali li fuqha hija bbażata l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE. Lanqas ma jidhirli li d-differenza teknoloġika bejn antenna ċentrali u l-antenni interni hija sostanzjali biżżejjed sabiex tiġġustifika trattament differenti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur.
30. Għalhekk nipproponi li din il-kawża tiġi analizzata fid-dawl ta’ din is-sentenza sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti li tiġi żgurata koerenza magħha, mingħajr ma tiġi kkontestata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn il-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu tali komunikazzjoni.
Analiżi fid‑dawl tas‑sentenza fil-kawża SGAE
31. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza SGAE, li “id-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ apparati ta’ televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta’ lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2001/29]” (24).
32. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb, f’din is-sentenza, tippreċiża li s-sempliċi installazzjoni ta’ settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar ta’ lukanda ma tikkostitwixxix, bħala tali, komunikazzjoni lill-pubbliku (25). Madankollu, hija żiedet tgħid li meta din l-installazzjoni tista’ tirrendi possibbli l-aċċess tal-pubbliku għax-xogħlijiet imxandra, għaliex permezz tas-settijiet installati fil-kmamar il-lukanda tiddistribwixxi s-sinjal tat-televiżjoni lill-klijenti tagħha, din effettivament tkun komunikazzjoni lill-pubbliku (26).
33. Huwa minnu wkoll li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza SGAE, dan kien is-sinjal tat-televiżjoni li kien inizjalment irċevut mil-lukanda u sussegwentement iddistribwit bil-kejbil fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment (27) u, għalhekk, ritrażmissjoni fis-sens strett. Madankollu, din it-trażmissjoni mill-ġdid ma tidhirx li kkostitwixxiet, għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-element deċiżiv li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.
34. Sabiex tasal għas-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza fil-kawża SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-klijenti ta’ lukanda jikkostitwixxu pubbliku ġdid, distint mill-pubbliku li jkun ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu awtorizzaw l-att ta’ komunikazzjoni inizjali tax-xogħlijiet, f’dan il-każ it-trażmissjoni tat-televiżjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-pubbliku tal-aħħar huwa kkostitwit biss minn detenturi ta’ settijiet tat-televiżjoni li, fiċ-ċirku privat jew tal-familja tagħhom, jirċievu dawn it-trażmissjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-persuni li, anki jekk jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tat-trażmissjoni, ma jistgħux, mingħajr l-intervent ta’ organu terz, jibbenefikaw minn din it-trażmissjoni, ma jifformawx parti minn dan il-pubbliku inizjali. Għalhekk, peress li jingħatalhom l-aċċess għat-trażmissjoni inkwistjoni, dawn il-persuni għandhom jitqiesu li jifformaw pubbliku ġdid, b’tali mod li l-att li permezz tiegħu huma jirċievu dan l-aċċess jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku distinta mill-komunikazzjoni inizjali. F’din il-kawża, hija l-lukanda li, billi tinstalla fil-kmamar ta’ lukanda settijiet tat-televiżjoni li jippermettu li wieħed jara t-trażmissjonijiet, tintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti aċċess għax-xogħlijiet protetti lill-klijenti tagħha (28).
35. Fi kliem ieħor, il-klijenti ta’ lukanda li, mid-definizzjoni tagħhom, jiċċaqalqu barra mill-post ta’ residenza tagħhom ma jkunux jistgħu, normalment, jibbenefikaw mit-trażmissjoni tat-televiżjoni fil-post fejn jinsab dan l-istabbiliment, sakemm ma jġorrux is-sett tat-televiżjoni tagħhom stess b’antenna, u dan ikun problematiku ħafna. Għalhekk, billi jinstalla fil-kmamar settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna, l-istabbiliment inkwistjoni jwettaq l-att indispensabbli sabiex jagħtihom aċċess għal din it-trażmissjoni. Issa, sa fejn il-klijenti ta’ lukanda jifformaw pubbliku (29), dan il-pubbliku għandu jiġi kkwalifikat bħala ġdid u l-att inkwistjoni kollu kemm hu bħala komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan huwa l-qalba tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża SGAE.
36. Bit-traspożizzjoni ta’ dan ir-raġunament għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, wieħed jista’ faċilment jasal għall-istess riżultat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-inkwilini ta’ appartamenti għal kiri għal żmien qasir jifformaw pubbliku bl-istess mod bħall-klijenti ta’ lukanda. Fit-tieni lok, huma jinsabu wkoll f’ċaqliq meta mqabbla mal-post ta’ residenza tagħhom, b’tali mod li huma ma jistgħux, mingħajr l-intervent ta’ terz, jibbenefikaw mit-trażmissjonijiet televiżivi. Tali intervent, fil-forma ta’ installazzjoni fl-appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni li jippermettu li jiġu rċevuti dawn it-trażmissjonijiet, għandu għalhekk, fit-tielet lok, jitqies li jagħti aċċess għal xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid u kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku.
37. Ċertament, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-intervent tal-operatur ta’ binja ta’ appartamenti ma għandux il-forma ta’ trażmissjoni jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż, kif osservajt iktar ’il fuq (30), li ma kienx hemm att ta’ komunikazzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li jibqa’ jeżisti intervent deliberat tal-utent ikkonċernat bl-għan li jagħti aċċess għal xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid (31).
38. Għalhekk ninsabu, b’xi mod, quddiem dilemma bejn, minn naħa, il-koerenza tar-raġunament li jgħid li ma jeżistix att ta’ komunikazzjoni fl-assenza ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti u, min-naħa l-oħra, il-koerenza tar-riżultat, li timponi li għandu jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku kull intervent ta’ utent li, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jagħti aċċess għal tali xogħlijiet lil pubbliku ġdid, li mingħajr dan l-intervent, ma jkunx jista’ jibbenefika minnhom.
39. Naturalment, ir-raġunament huwa importanti ħafna fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-liġi. Raġunament koerenti u konvinċenti jiġġustifika l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati u s-soluzzjoni tat-tilwima adottata, kemm f’għajnejn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll tal-pubbliku iktar wiesa’ (32). Madankollu, raġunament eċċessivament formalistiku jirriskja li jwassal għal soluzzjoni li tista’, ċertament, tkun koerenti skont il-loġika adottata, iżda inġusta jew sempliċement żbaljata fis-sustanza. F’tali sitwazzjoni, fil-fehma tiegħi huwa preferibbli li jiġi ffavorit mhux ir-riżultat li jirriżulta mill-applikazzjoni formalistika ta’ ċertu raġunament, li diġà ġie adottat qabel, iżda dak li jirrifletti bl-aħjar mod il-pedamenti u l-għanijiet veri u oġġettivi tar-regola interpretata, kemm jekk din tkun ta’ oriġini leġiżlattiva jew inkella ġurisprudenzjali.
40. Huwa minnu li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti ma jwettaqx trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni lejn dawn l-appartamenti, peress li kull appartament huwa mgħammar b’installazzjoni “awtonoma” li tippermetti r-riċezzjoni ta’ dan is-sinjal. L-att tal-operatur ma jillimitax ruħu li jipprovdi lill-inkwilini biss sett tat-televiżjoni u antenna interna, li dawn jistgħu jużaw bi kwalunkwe mod. Meta jgħammar l-appartamenti b’settijiet tat-televiżjoni li jkollhom antenni interna li huma rregolati b’mod li jippermettu r-riċezzjoni tas-sinjal tat-trażmissjoni tat-televiżjoni terrestri disponibbli fiż-żona ta’ kopertura li fiha tinsab il-proprjetà immobbli tiegħu, l-operatur jippermetti lill-inkwilini jibbenefikaw minn programmi tat-televiżjoni ddefiniti sew, ġewwa appartamenti mikrija u matul il-perijodu tal-kiri.
41. Minn din il-perspettiva, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tixbah ħafna lil dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża SGAE. Fid-dawl tal-motivazzjoni sottostanti tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, ma jidhirlix li, f’dan il-każ, differenzi ta’ natura teknika, bħan-numru ta’ antenni użati (antenna ċentrali jew diversi antenni interni) jew it-tul tal-kejbil bejn l-antenna u s-sett tat-televiżjoni (33), jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni radikalment opposta.
42. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa permess li jitqies li, billi jinstalla fl-appartamenti għal kiri settijiet ta’ televiżjoni mgħammra b’antenni interni, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti jwettaq, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi li jimplika l-aġir tiegħu, “att ta’ komunikazzjoni” li jikkonsisti fl-għoti lil inkwilini ta’ aċċess għal xogħlijiet protetti li jinsabu fit-trażmissjonijiet tat-televiżjoni li jistgħu jiġu rċevuti f’dawn l-appartamenti permezz ta’ dawn is-settijiet, b’mod essenzjalment identiku għas-sitwazzjoni tal-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali.
Fuq ir‑relazzjoni mal‑ġurisprudenza eżistenti
43. Din is-soluzzjoni taqa’ perfettament fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, filwaqt li xi kultant għamlet parti minn dan il-kunċett atti li ma jikkonsistux, fil-veru sens tal-kelma, fi trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti.
44. Għalhekk, kif tosserva ġustament GEMA, fis-sentenza Phonographic Performance (Ireland) (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijenti, minn lukanda, ta’ reġistrazzjonijiet awdjo, inkluż f’forma fiżika, u tal-materjal li jippermetti l-qari tagħhom, minkejja l-fatt li dan l-att ma kien jinkludi ebda trażmissjoni u kien pjuttost simili għal kiri ta’ fonogrammi u ta’ tagħmir tekniku xieraq. Sabiex tasal għal dan ir-riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l-utent inkwistjoni kien jipprovdi lill-klijenti tiegħu ż-żewġ elementi neċessarji li jippermettulhom igawdu mix-xogħlijiet protetti (35), li ma huwiex differenti mill-installazzjoni ta’ sett tat-televiżjoni mgħammar b’antenna interna li tippermetti li t-trażmissjonijiet tat-televiżjoni jiġu rċevuti u jintwerew.
45. Barra minn hekk, fis-sentenza Airfield u Canal Digitaal (36), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm it-trażmissjoni ta’ programmi tat-televiżjoni bis-satellita għandha titqies bħala komunikazzjoni waħda u indiviżibbli lill-pubbliku attribwibbli lill-organu tat-trażmissjoni li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tiegħu is-sinjali li jwasslu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita (37), fornitur ta’ pakkett bis-satellita jista’ jagħmel dawn il-programmi aċċessibbli għal pubbliku ġdid, u b’hekk iwettaq att distint li jaqa’ taħt id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (38). Għalhekk jista’ jeżisti att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mingħajr trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiet protetti distinta mit-trażmissjoni inizjali. Din is-soluzzjoni ġiet ikkonfermata reċentement fis-sentenza AKM (Forniment ta’ pakketti bis-satellita fl-Awstrija) (39).
46. Fl-aħħar nett, f’ċertu numru ta’ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikkonċernat kien iħalli lill-pubbliku preżenti fuq il-post jibbenefika mix-xogħlijiet protetti, direttament (40). Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, kif tistabbilixxi l-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” b’mod li jmur lil hinn mill-kuntest strett ta’ “l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”, billi tinkludi f’dan il-kunċett kull att li permezz tiegħu utent jintervjeni deliberatament sabiex jagħti lil pubbliku ġdid l-aċċess għal xogħol protett (41).
47. Fit-tieni lok, is-soluzzjoni li nipproponi ma tpoġġix fid-dubju u ma tikkontradixxix il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn il-komunikazzjoni lill-pubbliku u s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu tali komunikazzjoni.
48. B’mod partikolari, din is-soluzzjoni ma tmurx kontra dik li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Stim u SAMI. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku. Hija adottat din is-soluzzjoni minħabba li l-kumpanniji ta’ kiri ta’ tali vetturi ma jwettqux att ta’ komunikazzjoni, iżda sempliċi provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu komunikazzjoni (42).
49. Kif diġà indikajt (43), is-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI u din inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, mad-daqqa ta’ għajn, jidhru simili, b’mod li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ġuridika identika tagħhom. Madankollu naħseb li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jiddistingwu ruħhom permezz ta’ element li huwa essenzjali sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri intervent deliberat u inevitabbli tal-utent ikkonċernat, li jeżisti f’din il-kawża u li huwa nieqes f’dik li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI.
50. Fil-fatt, kif ikkonstatajt iktar ’il fuq (44), meta installa fl-appartamenti, minn jeddu u b’mod kompletament indipendenti mill-kostruzzjoni ta’ dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni li jkollhom antenni interni, l-operatur tal-proprjetà immobbli wettaq deliberatament intervent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni, intervent li jista’ jitqies li huwa att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.
51. Min-naħa l-oħra, impriża ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur ma twettaq ebda intervent ta’ dan it-tip. Fil-fatt, is-settijiet tar-radju għal diversi snin (45) huma normalment installati b’mod standard fil-vetturi bil-mutur u integrati fis-sistemi ta’ kontroll ta’ dawn il-vetturi, b’tali mod li l-impriżi ta’ kiri tal-imsemmija vetturi ma għandhom ebda influwenza fuq il-preżenza tagħhom abbord. Għalhekk, dawn l-impriżi ma jwettqu ebda att addizzjonali sabiex jagħtu lill-klijenti tagħhom l-aċċess għat-trażmissjonijiet tar-radju u ma għandhom l-ebda rwol indispensabbli f’dak li jirrigwarda dan l-aċċess. L-att tagħhom għandu għalhekk jitqies bħala sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet, peress li dawn il-faċilitajiet kienu diġà preżenti fil-vetturi bil-mutur sa mill-manifattura tagħhom. Għalhekk, il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur, billi taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għat-trażmissjoni tax-xogħlijiet, jitqiesu li ħadu inkunsiderazzjoni wkoll lill-pubbliku li jibbenefika minn dawn ix-xogħlijiet permezz tas-settijiet tar-radju installati abbord vetturi bil-mutur, inklużi vetturi tal-kiri (46).
52. Huwa minnu li, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stim u SAMI (47), jiena ma kontx ikkunsidrajt dan l-element bħala determinanti, peress li, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe intervent tal-impriżi ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur fil-komunikazzjoni tax-xogħlijiet bir-radju, qamet biss il-kwistjoni dwar min kien iwettaq il-provvista ta’ installazzjoni fiżika, kwistjoni li ma għandhiex importanza fid-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, dan l-element għandu importanza f’din il-kawża, billi jippermetti li tintwera d-differenza essenzjali li teżisti bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza fil-kawża Stim u SAMI, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx speċifikament din il-kwistjoni, billi ddeċidiet b’mod ġenerali li r-riċezzjoni tat-trażmissjoni permezz tas-settijiet tar-radju integrati fil-vetturi bil-mutur isir “mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa tal-kumpannija tal-kiri” (48).
53. Peress li ma għandhom ebda influwenza fuq l-installazzjoni tas-settijiet tar-radju abbord vetturi bil-mutur, il-kumpanniji ta’ kiri ta’ tali vetturi lanqas ma jaġixxu bi skop ta’ lukru, kuntrarjament għall-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri li jinstalla fih settijiet tat-televiżjoni (49). Issa, għalkemm in-natura lukrattiva tal-intervent tal-utent ikkonċernat ma hijiex, fiha nnifisha, determinanti għall-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni, hija tista’ tindika n-natura deliberata ta’ dan l-intervent.
54. Barra minn hekk, is-soluzzjoni li nipproponi li tiġi adottata f’din il-kawża ma hijiex f’kunflitt mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħidu li l-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ awdjo f’mezzi ta’ trasport pubbliku ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni fis-sens tad-drittijiet tal-awtur (50). Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dawk fil-kawżi li taw lok għas-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation, it-trasportatur ma jqiegħedx is-sistema ta’ awdjo għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri, iżda jżomm huwa stess il-kontroll tal-użu tiegħu u tat-trażmissjoni eventwali, permezz ta’ din is-sistema, ta’ xogħlijiet protetti, trażmissjoni li, jekk isseħħ, tiġi għalhekk biss ikklassifikata bħala komunikazzjoni lill-pubbliku (51). Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, it-tagħmir li jippermetti r-riċezzjoni ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, jiġifieri s-sett tat-televiżjoni b’antenna, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku li jiddeċiedu liberament li jirċievu din it-trażmissjoni. Huwa għalhekk dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni li jikkostitwixxi, fih innifsu, l-att ta’ komunikazzjoni.
55. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, is-soluzzjoni li nipproponi hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hija tenfasizza n-newtralità teknoloġika li għandha tikkaratterizza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni. Din in-newtralità diġà ġiet invokata fis-sentenza SGAE, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-distribuzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku “tkun xi tkun it-teknika ta’ trażmissjoni tas-sinjal użata” (52). Il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika mbagħad issemma diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja (53).
56. Issa, jekk l-element determinanti fil-kawża prinċipali huwa l-intervent deliberat tal-utent bl-għan li jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni, skont il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, għandu jkun irrilevanti li dan l-aċċess jingħatalhom permezz ta’ antenna ċentrali jew diversi antenni interni (54).
57. Għalhekk, il-fatt, għall-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, li jagħti lill-inkwilini l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni installati f’dawn l-appartamenti għandu jitqies bħala att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti li jinsabu f’dawn it-trażmissjonijiet. Għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet din il-komunikazzjoni hija indirizzata lil pubbliku ġdid, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.
Fuq l‑eżistenza ta’ pubbliku ġdid
58. Infakkar li, fis-sentenza fil-kawża SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm pubbliku kompost minn klijenti suċċessivi ta’ lukanda meħuda globalment (55). Barra minn hekk, dawn il-klijenti jitqiesu bħala li ma jistgħux igawdu mix-xogħlijiet imxandra mingħajr l-intervent tal-lukanda li tagħtihom aċċess għal dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, huma jifformaw pubbliku ġdid (56), li jiġġustifika li awtorizzazzjoni addizzjonali tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur tkun meħtieġa għal komunikazzjoni lill-pubbliku hekk imwettqa (57).
59. L-istess raġunament jista’ jiġi segwit fir-rigward tal-operatur ta’ binja ta’ appartamenti li jagħti aċċess għat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni lill-inkwilini ta’ dawn l-appartamenti, peress li dawn l-inkwilini jokkupaw l-appartamenti għal perijodi relattivament qosra u jsegwu lil wieħed wara l-ieħor malajr, l-istess bħall-klijenti ta’ lukanda. Tali inkwilini jistgħu għalhekk jitqiesu bħala persuni li, minkejja li jinsabu fiż-żona ta’ kopertura tat-trażmissjoni tat-televiżjoni, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn din it-trażmissjoni mingħajr l-intervent tal-operatur tal-binja ta’ appartamenti li jagħtihom aċċess billi jinstalla f’dawn l-appartamenti settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni. Fil-prattika, l-istabbilimenti kkonċernati jkunu, b’mod partikolari, l-“appart-hotels” jew ukoll il-kirjiet ta’ turiżmu.
60. Min-naħa l-oħra, l-inkwilini li jistabbilixxu fl-appartamenti mikrija r-residenza prinċipali tagħhom, jew anki sekondarja (58), għandhom jitqiesu bħala “dawk li għandhom apparati ta’ riċezzjoni” fis-sens tal-punt 41 tas-sentenza fil-kawża SGAE u, għalhekk, bħala membri tal-pubbliku li ttieħdu inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-komunikazzjoni inizjali (f’dan il-każ it-trażmissjoni televiżiva terrestri). Dawn il-persuni għalhekk igawdu xogħlijiet protetti fiċ-ċirku privat jew familjari tagħhom u huwa irrilevanti li l-apparat ta’ riċezzjoni jkun ġie pprovdut lilhom mill-proprjetarju jew mill-operatur tal-appartament fil-kuntest tal-kiri tiegħu. Tali provvista għandha tiġi kklassifikata bħala sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet u ma tagħtix lok għal awtorizzazzjoni addizzjonali.
61. Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pubbliku ġdid, il-qorti adita jkollha tagħmel konstatazzjonijiet fattwali dwar in-natura tal-kirja inkwistjoni. F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.
Risposta għad-domanda preliminari
62. Fil-qosor, għalkemm nammetti li, fil-kawża prinċipali, soluzzjoni li tikkonkludi li ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku minħabba l-assenza ta’ trażmissjoni stricto sensu ta’ xogħlijiet protetti tkun iġġustifikata abbażi ta’ approċċ purament tekniku, tali soluzzjoni ma jidhirlix li hija sodisfaċenti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet sostantivi li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-loġika ta’ din il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-att inkwistjoni jiġi analizzat bħala intervent deliberat tal-utent ikkonċernat bl-għan li jingħata aċċess għal xogħlijiet protetti lill-persuni li ma jistgħux igawduhom mingħajr dan l-intervent u, għalhekk, bħala att ta’ komunikazzjoni. Dan l-att jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku meta l-persuni inkwistjoni jifformaw pubbliku ġdid.
63. Għaldaqstant, nipproponi li jiġi deċiż li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-inkwilini ma jistabbilixxux ir-residenza prinċipali jew sekondarja tagħhom hemmhekk, l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jistgħu jirċievu trażmissjonijiet tat-televiżjoni tirrigwarda d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.
Konklużjoni
64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja) kif ġej:
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
sakemm l-inkwilini ma jistabbilixxux ir-residenza prinċipali jew sekondarja tagħhom hemmhekk, l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jistgħu jirċievu trażmissjonijiet tat-televiżjoni tirrigwarda d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.