Language of document : ECLI:EU:T:2014:254

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-karbur tal-kalċju u ta’ manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Multi — Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni fil-proċedura amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni — Trattament ugwali — Proporzjonalità — Kapaċità kontributtiva”

Fil-Kawża T‑406/09,

Donau Chemie AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn S. Polster, W. Brugger u M. Brodey, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn N. von Lingen u M. Kellerbauer, bħala aġenti, assistiti minn T. Eilmansberger, professur, sussegwentement minn N. von Lingen u M. Kellerbauer,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 − Reaġenti abbażi ta’ karbur tal-kalċju u ta’ manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President tal-Awla, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 5791 finali tagħha, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 − Reaġenti abbażi ta’ karbur tal-kalċju u ta’ manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat li l-fornituri prinċipali tal-karbur tal-kalċju u ta’ manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw, mis-7 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, għall-ksur uniku u kontinwu, li jikkonsisti fi qsim ta’ swieq, f’iffissar ta’ kwoti, fi tqassim ta’ klijenti, f’iffissar tal-prezzijiet u fi skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva li tirrigwarda l-prezzijiet, il-klijenti u l-volumi ta’ bejgħ fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit.

2        Il-proċeduri nfetħu sussegwentement għat-talba ta’ immunità, fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-immunità tal-2002”), ippreżentata fl-20 ta’ Novembru 2006 minn Akzo Nobel NV.

3        Ir-rikorrenti, Donau Chemie AG, ippreżentat, fil-25 ta’ Jannar 2007, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha (premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata), fis-sens tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 (iktar ’il quddiem it-“talba għal immunità tar-rikorrenti”).

4        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata [Artikolu 1(c)], il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat għall-ksur mis-7 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007. B’mod partikolari, mill-premessi 57, 64 sa 92, 114 u 214 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, fil-perijodu msemmi, ir-rikorrenti kienet implikata, permezz tal-membri tat-tmexxija tagħha jew tal-persunal tagħha, fil-partijiet tal-ftehim jew tal-prattiki miftiehma dwar il-karbur tal-kalċju fi trab u fi żrar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx implikata f’partijiet oħra tal-imsemmija ftehim u prattiki miftiehma, li jirrigwardaw il-manjesju.

5        Permezz tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 5 miljun għall-ksur imsemmi iktar ’il fuq.

6        Sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti u għad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni implementat il-metodoloġija deskritta fil-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

7        Din il-metodoloġija tinkludi żewġ stadji. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tistabbilixxi ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ tal-beni jew tas-servizzi, li wettqet l-impriża kkonċernata, f’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat. L-ammont bażiku huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ determinat abbażi tal-livell tal-gravità tal-ksur, multiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-paragrafu 25 tal-linji gwida, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tinkludi fl-ammont bażiku somma, imsejħa “kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni”, bejn 15 u 25 % tal-valur tal-bejgħ, sabiex l-impriżi jiġu dissważi milli jipparteċipaw għall-ftehimiet orizzontali ta’ iffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammont bażiku tal-multa, stabbilit fl-ewwel stadju, ’il fuq jew ’l isfel, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

8        F’din il-kawża, il-Kummissjoni stabbilixxiet għal 17 %, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ imwettqa fir-rigward tal-ksur, li għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet kemm tal-ammont bażiku tal-multa kif ukoll ta’ kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni (premessi 301 u 306 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mit-tabella li tidher fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-valur tal-bejgħ tal-karbur tal-kalċju, kemm fi trab kif ukoll fi żrar, li sar mir-rikorrenti, li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, kien, fil-każ ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ prodotti, ta’ bejn EUR 5 u 10 miljun.

9        Barra minn hekk, mill-premessi 55 sa 91 u 92 sa 112 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-parti tal-akkordju dwar il-karbur tal-kalċju fi trab dam mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 (jiġifieri sentejn, tmien xhur u 24 jum) u li l-parteċipazzjoni tagħha għall-parti tal-akkordju dwar il-karbur tal-kalċju fi żrar dam mis-7 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 (sentejn, disa’ xhur u disat ijiem). Fuq din il-bażi, mit-tabella li tidher fil-premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li jeħtieġ li tiġi mmultiplikata b’2.5 il-proporzjon (stabbilit għal 17 %) tal-valur tal-bejgħ tal-karbur tal-kalċju fi trab li sar mir-rikorrenti, sabiex jiġi stabbilit il-komponent li jirrigwarda dan il-prodott tal-ammont bażiku tal-multa. Fir-rigward tal-karbur tal-kalċju fi żrar, jirriżulta mill-istess tabella li l-Kummissjoni għażlet multiplikatur ta’ 3.

10      L-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, hekk kif tirriżulta mit-tabella li tidher fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata kienet b’hekk titla’ għal EUR 7.7 miljun. Madankollu, għar-raġunijiet li jidhru fil-premessi 342 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta’ ammont bażiku tal-multa ta’ 35 %, peress li wriet kooperazzjoni fil-proċeduri amministrattivi fis-sens tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

11      Min-naħa l-oħra, fil-premessi 362 sa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet ta’ varji parteċipanti għall-akkordju sabiex jingħataw tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba f’dan is-sens tar-rikorrenti (premessi 373 u 374 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija, min-naħa l-oħra, tat lil parteċipanta oħra għall-akkordju, Almamet GmbH, tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Huwa fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet sunti fil-punti 9 u 10 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni stabbilixxiet għal EUR 5 miljun, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors preżenti.

14      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha din il-kawża, ġiet konsegwentement assenjata. Minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid li huwa preżenti fl-istess Awla.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet tiftaħ il-proċeduri orali u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri prevista fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu impost.

16      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2013.

17      Fis-seduta, ir-rikorrenti talbet li tiġi awtorizzata tippreżenta estratti tad-dikjarazzjoni li hija kienet ippreżentat lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità. Il-Kummissjoni opponiet għall-preżentata tad-dokument inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti għar-raġunijiet indikati fil-punti 212 sa 214 iktar ’il quddiem.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa impost fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Ir-rikorrenti ppreċiżat li r-rikors tagħha kellu bħala għan biss l-iffissar tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha. F’dan ir-rigward, hija tinvoka varji ksur, mill-Kummissjoni, tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-linji gwida u tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha. Hija ssostni li l-Kummissjoni injorat iċ-ċirkustanzi essenzjali tal-każ preżenti li kienu favur tagħha u, barra minn hekk, evalwat u applikat b’mod skorrett, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kriterji użati, ħaġa li skont din tammonta għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, allegatament illegalment eċċediet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha.

21      Minkejja li r-rikorrenti ma qasmitx formalment l-argumenti tagħha f’motivi, mir-rikors jirriżulta li hija tqajjem, essenzjalment, ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa, it-tieni, fuq ommissjoni illegali ta’ kunsiderazzjoni, għal vantaġġ tagħha, ta’ ċirkustanzi attenwanti, it-tielet, ta’ ksur tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, ir-raba’, ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità u, l-ħames, tal-ommissjoni illegali tal-Kummissjoni li tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-assenza tagħha ta’ kapaċità kontributtiva u tal-partikolaritajiet tal-każ. Dawn il-motivi huma suċċessivament eżaminati iktar ’il quddiem. Barra minn hekk għandu jingħad li r-rikorrenti ddedikat taqsima, fl-aħħar tar-rikors, għat-tqajjim ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba varji nuqqasijiet ta’ motivazzjoni allegati tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, din il-parti tar-rikors ma għandhiex l-għan li tqajjem motiv awtonomu, iżda tfakkar li numru ta’ ilmenti bbażati fuq allegati nuqqasijiet ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma mqajma fil-kuntest tal-ħames motivi msemmija iktar ’il fuq. Dawn l-ilmenti jkunu b’hekk, eżaminati mal-kumplament tal-argumenti dwar kull waħda minn dawn il-ħames motivi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

22      Ir-rikorrenti ssostni li l-ammont bażiku tal-multa impost fuqha, stabbilit għal EUR 7.7 miljun fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa eċċessiv. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jinqasmu f’sitt partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq evalwazzjoni żbaljata minn naħa tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju li jirriżulta minn żball fid-definizzjoni tas-swieq ikkonċernati, it-tieni, tal-ommissjoni tal-Kummissjoni milli tikkunsidra l-assenza ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq, it-tielet, tal-evalwazzjoni żbaljata tal-importanza ekonomika tas-suq ikkonċernat, ir-raba’, tal-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur, il-ħames, tal-ommissjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti pparteċipat għal ċerti aspetti tal-ksur u, s-sitt, ta’ żball ta’ liġi u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni.

 Osservazzjonijiet introduttivi

23      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 7 iktar ’il fuq, skont il-metodoloġija prevista fil-linji gwida u implementata f’din il-kawża mill-Kummissjoni, l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost fuq kull parteċipant għall-ksur huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ imwettqa fir-rigward ta’ din, multiplikat bin-numru ta’ snin ta’ ksur (paragrafu 19 tal-linji gwida).

24      Skont il-paragrafu 21 tal-linji gwida, “[b]ħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat ikun stabbilit f’livell li jista’ jitla’ sa 30 % ”. Il-paragrafu 22 jipprovdi, f’dan ir-rigward: “Sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat f’każ partikolari għandux ikun fil-parti t’isfel jew fil-parti ta’ fuq ta’ dik l-iskala, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur, u jekk il-ksur ġiex implimentat jew le.” Skont il-paragrafu 23, “[i]l-ftehimiet […] orizzontali ta’ iffissar tal-prezz, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma fin-natura tagħhom stess fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi[; t]aħt il-politika tal-kompetizzjoni, huma għandhom ikunu severement sanzjonati[; k]onsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ ikkunsidrati għal tali ksur ikun ġeneralment ikkunsidrat fil-parti ta’ fuq tal-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      Il-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni prevista fil-paragrafu 25 tal-linji gwida (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) jiġi miżjud mal-ammont b’hekk determinat u s-somma li tammonta għall-ammont bażiku tal-multa. Hekk kif diġà ntqal, il-persentaġġ magħżul mill-Kummissjoni f’din il-kawża, għall-finijiet tal-applikazzjoni kemm tal-paragrafi 19 sa 24 kif ukoll tal-paragrafu 25 tal-linji gwida, jitla’ għal 17 %, għall-parteċipanti kollha għall-akkordju.

26      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, filwaqt li n-natura tal-ksur kienet iġġustifikat, skont it-termini tal-paragrafu 23 tal-linji gwida, li jiġi kkunsidrat perċentwali ta’ bejgħ fil-parti ta’ fuq tal-iskala (li jitla’ sa 30 %), il-perċentwali ta’ 17 % kkunsidrat mill-Kummissjoni jinsab lejn in-nofs ta’ din l-iskala. Fir-rigward tal-istabbiliment tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, dan l-istess perċentwali huwa viċin ħafna tal-limitu baxx (15 %) tal-iskala prevista fil-paragrafu 25 tal-linji gwida. Hemm lok li din il-konstatazzjoni tiġi kkunsidrata fl-analiżi tal-partijiet differenti tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv preżenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata minn naħa tas-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju li jirriżulta minn żball fid-definizzjoni tas-swieq ikkonċernati

27      Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, minn naħa, b’perspettiva formali, nuqqas jew motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mertu, żbalji ta’ dritt u ta’ fatt, fid-determinazzjoni tas-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju. Hija tikkunsidra li, jekk il-Kummissjoni kienet ipproċediet b’evalwazzjoni korretta tas-swieq ikkonċernati mill-akkordju, dan kien wassalha tikkunsidra li l-gravità tal-ksur kontenzjuż kien inqas importanti u sabiex jiġi stabbilit ammont bażiku tal-multa inqas għolja.

28      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jammonta għal formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni dwar il-mertu tal-motivazzjoni, dan jaqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35; u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 146).

29      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, fir-rigward tal-att, b’mod li partijiet ikkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet wara l-miżura meħuda u għall-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mill-ġabra tar-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, punt 28 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 58).

30      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE jeżiġi li r-raġunament li fuqu hija bbażata deċiżjoni għandha tkun ċara u inekwivoka. B’hekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika, li b’mod partikolari ma jkollhiex kontradizzjoni interna li xxekkel il-komprensjoni tajba tar-raġunijiet wara dan l-att (sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 151).

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-premessa 297 tirreferi għal “sehem tas-suq akkumulat globali tal-impriżi li għalihom, il-ksur huwa stabbilit fis-settur ġeografiku kkunsidrat […] iktar baxx minn 80 %”. Ir-rikorrenti ssostni li tali konstatazzjoni ma tagħmilx sens, peress li din tista’ tkopri l-ishma kollha tas-suq possibbli sa 80 %.

32      Dan l-argument ma jintlaqax. Hemm lok li jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, minn nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 620, li għaliha tirreferi l-premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata. Din in-nota taqra hekk: “Stima bbażata fuq il-valur tal-bejgħ fornut mill-partijiet [ara l-premessa 288 u b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna [Nru] 604] u fuq id-data użata għat-tabella tal-premessa (46).”

33      Fil-fatt, il-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni tabella li tindika s-sehem tas-suq li jirrigwarda kull wieħed mit-tliet prodotti kkonċernati mill-akkordju, li sar fl-2006 minn kull wieħed mill-impriżi li pparteċipaw għal dan l-akkordju. Din l-istess tabella tindika wkoll, f’linja separata, is-sehem tas-suq akkumulat miżmum mill-“oħrajn”, jiġifieri l-impriżi attivi fl-istess swieq li ma kinux ipparteċipaw għall-akkordju. Minn din it-tabella jirriżulta li l-bejgħ akkumulat li seħħ fl-2006 mill-parteċipanti għall-akkordju huwa ta’ bejn 80 u 85 % tal-bejgħ totali tat-trab tal-karbur tal-kalċju fiż-żona ġeografika kkonċernata, bejn 65 u 70 % tal-bejgħ totali taż-żrar tal-karbur tal-kalċju u 70 % tal-bejgħ taż-żrar tal-manjesju. Il-valur f’euro ta’ bejgħ li seħħ, fl-istess perijodu, minn kull wieħed mill-parteċipanti għall-akkordju, hekk kif stabbilit fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet fornuti mill-impriżi kkonċernati stess, huwa min-naħa l-oħra indikat fit-tabella li tidher fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata.

34      B’hekk jirriżulta li, issostitwita fil-kuntest tagħha, l-indikazzjoni “iktar baxx minn 80 %” li tidher fil-premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinftiehem faċilment, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, fis-sens li s-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju huwa tant viċin ta’ dan il-perċentwali, mingħajr madankollu ma jaqbżu dan, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi f’dan ir-rigward.

35      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tattribwixxi lill-Kummissjoni nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni tas-swieq tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni qajmet, fil-premessi 3 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, id-differenzi ta’ użu bejn it-trab u ż-żrar tal-manjesju, kif ukoll, fil-premessi 40 et seq, id-differenza bejn dawn iż-żewġ prodotti minn naħa tad-domanda. Min-naħa l-oħra, it-tabella tal-ishma tas-suq li tidher fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata tiddistingwi bejn it-trab u ż-żrar tal-karbur tal-kalċju. Issa, filwaqt li dawn l-indikazzjonijiet jagħtu wieħed x’jifhem li dawn l-aħħar żewġ prodotti jaqgħu taħt żewġ swieq distinti, l-indikazzjonijiet, fil-premessi 182 u 183 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar proprjetajiet simili ta’ dawn iż-żewġ prodotti kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tagħhom u tal-istrutturi u tal-ispejjeż tagħhom, iwasslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kkunsidrathom bħala li jaqgħu taħt l-istess suq. Bl-istess mod, fir-rigward tar-relazzjoni bejn it-trab tal-karbur tal-kalċju u ż-żrar tal-manjesju, l-indikazzjonijiet li jidhru fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm ambigwi, huma fis-sens li l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn iż-żewġ prodotti jaqgħu taħt suq wieħed u l-istess suq. F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din “l-avvenimenti li huma s-suġġett tad-deċiżjoni preżenti seħħew f’dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala żewġ swieq differenti, u jkopru tlett prodotti”, ikun purament u sempliċement inkomprensibbli. Fil-qosor, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-swieq ikkonċernati mill-akkordju huma inkonklussivi, kontradittorji u inkomprensibbli, li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata b’nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ illegalità.

36      Dawn l-argumenti, ibbażati fuq qari parzjali u barra mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jintlaqgħu.

37      Fil-premessi 3 sa 5 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni dan li ġej, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju:

“(3) Il-karbur tal-kalċju (CaC2) huwa komponent kimiku prodott f’forn tal-karbur permezz ta’ proċess ta’ tnaqqis f’temperatura għolja. Din tippreżenta ruħha f’forma ta’ blokok tal-kulur abjad bil-griż, li huma mgħaffġa, skrinjati, imfarrka u ppakkjati skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull klijent, […]. Il-karbur tal-kalċju jista’ jintuża f’applikazzjonijiet differenti […].

(4) F’forma kubika bażika (żrar), il-karbur tal-kalċju huwa użat fl-industrija tal-gass għall-produzzjoni tal-aċitilena. L-issaldjar u l-qtugħ permezz tal-aċitilena huma teknika relattivament mhux sofistikata ħafna, iżda huma jibqgħu l-iktar użati fid-dinja għall-assemblaġġ tal-materjali. Fid-deċiżjoni, ssir referenza għal din it-tip ta’ applikazzjoni bħala żrar tal-karbur tal-kalċju.

(5) Fil-forma ta’ trab, il-karbur tal-kalċju huwa użat fl-industrija tal-azzar sabiex l-azzar maħlul jiġi ddekontaminat u purifikat mill-ossiġnu (= de-ossiġinazzjoni) u mill-kubrit (= desulfurizzazzjoni). Għad-desulfurizzazzjoni, il-karbur tal-kalċju huwa mħallat ma’ kwantitajiet żgħar ta’ ingredjenti attivi bħal trab tal-karbonju, flussi u tal-manjesju, sabiex jiġu msaħħa l-proprjetajiet tagħha […]. Fid-deċiżjoni, saret referenza għal din it-tip ta’ applikazzjoni bħala trab tal-karbur tal-kalċju. […]

(7) Għad-desulfurizzazzjoni fl-industrija tal-azzar, il-karbur tal-kalċju huwa f’kompetizzjoni mar-reaġenti abbażi tal-manjesju. Il-manjesju huwa iktar għali, iżda jeħtieġ inqas volum u jaġixxi iktar rapidament […]. Fid-deċiżjoni, saret referenza għall-użu tar-reaġenti abbażi tal-manjesju għall-desulfurizzazzjoni fl-industrija tal-azzar bħala żrar tal-manjesju.”

38      Fir-rigward tat-talba għat-tliet prodotti kkonċernati mill-akkordju, il-Kummissjoni tat l-ispjegazzjonijiet segwenti fil-premessi 40 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(40) Il-klijenti li jeħtieġu l-karbur tal-kalċju jistgħu jiġu diviżi f’żewġ kategoriji: dawk attivi fl-industrija tal-azzar (il-konsumaturi tat-trab tal-karbur tal-kalċju) u dawk attivi fl-industrija tal-gass (il-konsumaturi taż-żrar tal-karbur tal-kalċju). Għal dawn iż-żewġ kategoriji, in-numru ta’ klijenti jkun limitat, fejn kull wieħed minnhom jippossjedi numru ta’ siti fi ħdan iż-ŻEE.

(41) Il-klijenti li jeħtieġu t-trab tal-karbur tal-kalċju ġeneralment jixtru l-prodott minn numru ta’ fornituri. Fir-reġjuni fejn hemm produttur wieħed (bħall-Ewropa ta’ Fuq), il-klijent iforni ruħu prinċipalment minn fornitur preżenti fis-suq nazzjonali tiegħu.

(42) F’dak li jirrigwarda l-industrija tal-gass, is-suq kien iktar stabbli; fil-fatt, għal raġunijiet tekniċi, fabbrika tal-gass normalment tagħmel użu minn fornitur wieħed tal-karbur tal-kalċju […].

(43) Id-domanda tal-karbur tal-kalċju ma waqfietx tonqos minnħabba fl-evoluzzjonijiet ekonomiċi u tekniċi […]. L-ispiża dejjem tikber ta’ kokk u tal-elettriku wkoll għamlu l-manjesju iktar interessanti. Ċerti klijenti jistgħu faċilment jgħaddu mill-użu tat-trab tal-karbur tal-kalċju għal dak taż-żrar tal-manjesju, u b’hekk isegwu x-xejriet. Min-naħa l-oħra, il-konsolidazzjoni fi ħdan l-industrija Ewropea tal-azzar u tal-gass wassal għal żieda fis-saħħa tal-klijenti fis-suq.”

39      Il-premessi 168 sa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, li fosthom jidhru l-premessi 177 u 182 sa 184 imqajma mir-rikorrenti fl-argumenti tagħha, jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk l-akkordji u l-prattiki miftiehma kkonstatati fl-imsemmija deċiżjoni jammontawx għal ksur uniku u kontinwu. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 1 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tat risposta affermattiva għal din id-domanda.

40      B’mod partikolari, il-premessi 181 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw hekk:

“(181) Mill-perspettiva tad-domanda, il-klijenti tas-settur tal-azzar jistgħu jużaw iż-żrar tal-manjesju bħala prodott alternattiv għall-karbur tal-kalċju […]. It-tnejn li huma, huma aġenti de-ossiġinanti intiżi għall-industrija tal-azzar, u għalhekk kien loġiku għall-fornituri tar-reaġenti abbażi tal-karbur tal-kalċju li jkabbru l-kollużjoni għar-reaġenti abbażi tal-manjesju għall-impriżi attivi fil-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ reaġenti, u li jibbenefikaw b’hekk mill-kollużjoni li tirrigwarda t-trab tal-karbur tal-kalċju kif ukoll għaż-żrar tal-manjesju.

(182) Il-karbur tal-kalċju fil-forma ta’ żrar għandu forsi użu differenti mill-karbur tal-kalċju fil-forma tat-trab (industrija tal-gass/industrija tal-azzar), iżda mill-perspettiva tal-offerta, il-prodotti huma simili ħafna […]. Huwa biss il-proċess tal-aħħar (finishing) li jvarja. Il-prodott mhux trattat jibqa’ l-istess […] u jasal għall-istess prezz, ikun xi jkun l-użu li għalih huwa ddestinat. Konsegwentement, l-evoluzzjoni tal-prezz tal-prodott fil-forma taż-żrar huwa simili sa ċertu punt għall-evoluzzjoni tal-prezz tal-prodott fil-forma tat-trab, ma’ wara alinjament neċessarju tal-prezzijiet għaż-żewġ prodotti […]. Hija parti kbira akkawża ta’ din l-istruttura tal-ispiża identika għall-prodott mhux trattat u tax-xebh tal-prezzijiet fis-suq li kien pjuttost loġiku għall-impriżi kkonċernati li jibbenefikaw, għaż-żrar tal-karbur tal-kalċju, tal-kollużjoni fuq it-trab tal-karbur tal-kalċju.

(183) Barra minn hekk, l-akkordji fuq it-trab tal-karbur tal-kalċju għall-industrija tal-azzar kellhom impatt fuq l-aġir kummerċjali tal-impriżi kkonċernati għaż-żrar tal-karbur tal-kalċju destinati għas-suq tal-gass, u viċi versa. Fil-laqgħat bilaterali u tal-kuntatti telefoniċi, il-fornituri ddiskutew volumi, tal-klijenti u tal-prezzijiet għas-suq tal-azzar u tal-gass fl-istess waqt […].

(184) L-akkordji fuq it-trab tal-karbur tal-kalċju għall-industrija tal-azzar kellhom ukoll impatt fuq l-aġir kummerċjali tal-impriżi kkonċernati għaż-żrar tal-manjesju, u viċi versa […]. Apparentement, it-theddida kompetittiva ta’ prodott[i] alternattiv[i] manjesju u ġir kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ żieda fil-prezz realista għat-trab tal-karbur tal-kalċju […].”

41      Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati fil-punti 37, 38 u 40 iktar ’il fuq huma ċari u bl-ebda mod ma huma kontradittorji. Fil-fatt, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet fornuti fil-premessi 3 sa 5, 40, 41 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata li t-trab u ż-żrar tal-karbur tal-kalċju huma żewġ forom ta’ preżentazzjoni differenti ta’ dak li, mill-perspettiva tal-kompożizzjoni kimika u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa l-istess prodott. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, hija biss l-operazzjoni tal-finishing tal-blokok tal-karbur tal-kalċju (imqajma fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata) li tiddistingwi ż-żewġ tipi tal-karbur tal-kalċju mqajma fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti jissodisfaw il-bżonnijiet taż-żewġ industriji differenti. Għall-ħtiġijiet tal-industrija tal-gass, il-blokok tal-karbur tal-kalċju huma diviżi fi żrar kubiċi (ara l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li, għall-bżonnijiet tal-industrija tal-azzar, l-istess blokok huma mitħuna fi trab (premessa 5). Peress li hija kwistjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni, f’żewġ forom ta’ preżentazzjoni differenti, minn dak li huwa, essenzjalment, l-istess prodott, il-kunsiderazzjoni, li tidher fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din l-evoluzzjoni tal-prezzijiet rispettivi ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ prodott huwa simili, huwa pjuttost loġiku u komprensibbli.

42      Għal dak li jirrigwarda ż-żrar tal-manjesju, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 7, 43 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata li dan huwa prodott totalment differenti, f’dak li jirrigwarda l-kimika, destinat, madankollu, għall-istess utenti bħal dawk tat-trab tal-karbur tal-kalċju (jiġifieri fl-industrija tal-azzar), li għalih tista’ tissostitwixxi.

43      Sostitwit f’dan il-kuntest, l-affermazzjoni li tidher fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont din, l-azzjonijiet inkwistjoni fl-imsemmija deċiżjoni seħħew “f’dak li wieħed jista’ jikkunsidra bħala żewġ swieq differenti” tista’ biss tiġi interpretata fis-sens li s-swieq inkwistjoni huma dawk tar-reaġenti destinati, rispettivament, għall-industrija tal-gass (żrar tal-karbur tal-kalċju) u għall-industrija tal-azzar (trab tal-karbur tal-kalċju, żrar tal-manjesju). Din il-konklużjoni hija, min-naħa l-oħra, kkonfermata mit-titolu tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ħadet ħsieb li tippreżenta b’mod distint, fit-tabelli li jidhru fil-premessi 46 u 288 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bejgħ ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet prodotti, anki meta tnejn minnhom jaqgħu fl-istess suq.

44      Jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni tas-swieq ta’ prodotti kkonċernati mill-akkordju.

45      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni b’delimitazzjoni żbaljata tas-swieq inkwistjoni, li allegatament kellha bħala konsegwenza li l-ishma tas-suq imqajma fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex preċiżi u ma jippermettux evalwazzjoni korretta tal-fatturi kkunsidrati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, hekk kif jidhru fil-paragrafu 22 tal-linji gwida.

46      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li, b’mod żbaljat, iddefinixxiet is-suq ikkonċernat bħala dak tal-karbur tal-kalċju, mingħajr ma tiddistingwi bejn iż-żrar u t-trab ta’ dan il-prodott. Issa, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala bbażat fuq premessa żbaljata, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddistingwiet, fid-deċiżjoni kkontestata, bejn is-suq tar-reaġenti għall-industrija tal-gass (żrar tal-karbur tal-kalċju) u dak tar-reaġenti għall-industrija tal-azzar (li taħtu jaqa’ t-trab tal-karbur tal-kalċju).

47      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-suq li taħtu jaqa’ t-trab tal-karbur tal-kalċju jinkludi wkoll, minbarra ż-żrar tal-manjesju, il-ġir. Din tal-aħħar tkun ukoll ikkunsidrata, mill-klijenti, bħala prodott li jista’ jissostitwixxi t-trab tal-karbur tal-kalċju u ż-żrar tal-manjesju, peress li għandu karatteristiċi li huma simili għal dawk ta’ dawn iż-żewġ prodotti u jinbiegħ bi prezzijiet simili.

48      Hekk kif tfakkar ir-rikorrenti, hija kienet diġà qajmet dan l-argument fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ġie eżaminat u miċħud fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, li jaqra hekk:

“Fir-risposta tagħha għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Donau Chemie tressaq bħala argument li l-ġir jirrapreżenta alternattiva oħra għall-karbur tal-kalċju u għall-manjesju għad-desulfurizzazzjoni fl-industrija tal-azzar […]. Is-suq korrispondenti jkun b’hekk iktar vast u s-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju iktar baxx. Huwa preċiż li l-ġir (verġni) huwa prodott tradizzjonalment miżjud ma’ reaġenti abbażi tal-manjesju u/jew tal-karbur tal-kalċju għad-desulfurizzazzjoni. Bħala prodott iżolat, hija ma hijiex madankollu użata komunement fl-Ewropa bħala alternattiva għar-reaġenti abbażi tal-manjesju u/jew tal-karbur tal-kalċju, peress li hija tipproċedi bil-proċess ta’ desulfurizzazzjoni b’mod bil-mod ħafna […]. Ma teżisti l-ebda indikazzjoni li turi li l-ġir kien ikkonċernat mill-arranġamenti tal-akkordju. Min-naħa l-oħra, anki jekk il-ġir kellu jiġi kkunsidrat għas-suq tal-prodott, it-tibdiliet konsekuttivi fl-ishma tas-suq ma jkollhom f’din il-kawża ebda influwenza dwar il-mod kif il-Kummissjoni tikkunsidra dan il-fattur sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur fid-deċiżjoni preżenti.”

49      Għandu jingħad li r-rikorrenti ma tressaq, fir-rikors, ebda argumenti speċifiċi sabiex turi b’liema mod il-kunsiderazzjonijiet imsemmija tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati. Fir-replika, hija sostniet li kien hemm kontradizzjoni bejn il-premessi 298 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li l-ewwel wieħed jiċħad l-użu tal-ġir bħala prodott li jista’ jissostitwixxi t-trab tal-karbur tal-kalċju, it-tieni jikklassifikah speċifikament bħala tali prodott. Dan l-argument madankollu ma ntlaqax.

50      Huwa minnu li l-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għat-“theddida kompetittiva ta’ prodott[i] alternattiv[i] manjesju u ġir”, li kienet “meħuda inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment ta’ żieda fil-prezz realista għat-trab tal-karbur tal-kalċju”. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hijiex f’kontradizzjoni mal-ispjegazzjonijiet li jidhru fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont dawn, essenzjalment, il-ġir ma huwiex komunement użat fl-Ewropa bħala alternattiva għat-trab tal-karbur tal-kalċju u għaż-żrar tal-manjesju. Fil-fatt, il-ġir jista’ madankollu jammonta għal “theddida għall-kompetizzjoni”, fis-sens li żieda qawwija ħafna fil-prezz tat-trab tal-karbur tal-kalċju setgħet twassal lill-produtturi tal-industrija tal-azzar ibiddlu l-prassi tagħhom u li jirrikorru għall-ġir, bħala reaġent għad-desulfurizzazzjoni.

51      Għall-qbija, ir-rikorrenti qajmet, ukoll fir-replika, l-“evoluzzjonijiet reċenti” fuq is-suq tar-reaġenti ta’ desulfurizzazzjoni għall-industrija tal-azzar. Hija, barra minn hekk, sostniet li d-domanda totali ta’ trab tal-karbur tal-kalċju għall-finijiet tad-desulfurizzazzjoni kienet naqset minn 140 000 tunnellata fl-2000 għal 90 000 tunnellata biss. Barra minn hekk, hija semmiet ċerti eżempji ta’ fabbriki tal-azzar fl-Ewropa li jappartjenu għall-impriżi differenti, li kienu ssostitwixxew l-użu tat-trab tal-karbur tal-kalċju mill-ġir.

52      Issa, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni stess amettiet, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata (riprodott fil-punt 38 iktar ’il fuq), it-tnaqqis kontinwu tat-talba tal-karbur tal-kalċju, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma ssostanzjatx, permezz tal-inqas prova, l-allegazzjoni tagħha li skont din dan it-tnaqqis ikun dovut għas-sostituzzjoni tal-karbur tal-kalċju mill-ġir. Hija xorta naqset milli tforni provi dwar dawn l-allegazzjonijiet li jirrigwardaw is-sostituzzjoni tat-trab tal-karbur tal-kalċju mill-ġir fil-fabbriki differenti fl-Ewropa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx ikkunsidrat li l-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni tagħha bi żball, peress li hija ma kkunsidratx il-bejgħ ta’ ġir sabiex tiddetermina s-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju.

53      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-suq taż-żrar tal-karbur tal-kalċju jinkludi wkoll is-suq tal-aċitilena petrokimika. Hija tispjega wkoll li, hekk kif tindika l-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żrar tal-karbur tal-kalċju huma użati fl-industrija tal-gass għall-produzzjoni tal-aċitilena, użat fix-xogħlijiet tal-welding. Issa, il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-possibbiltà li tuża, għall-istess finijiet, l-aċitilena miksuba bil-mezz petrokimiku. L-aċitilena petrokimika għandha l-istess funzjonalità u struttura tal-prezz bħall-aċitilena miksuba minn żrar tal-karbur tal-kalċju u ż-żewġ prodotti jkunu sostitwibbli, hekk kif juri l-każ ta’ klijent tar-rikorrenti li reċentement temm il-produzzjoni u l-kondizzjonament tal-aċitilena miksuba mill-karbur tal-kalċju u kien qed iforni ruħhu bl-aċitilena petrokimika.

54      Hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, bħal fil-każ tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-ġir, l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-allegata sostitwibbiltà bejn l-aċitilena miksuba mill-karbur tal-kalċju u dak miksub bil-mezz petrokimiku ma humiex sostnuti minn ebda prova. Huma b’hekk ma humiex suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiġi kkritikata bi żball fl-istabbiliment tas-swieq ikkonċernati mill-akkordju u tas-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li pparteċipaw għaliha.

55      Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti hija sodisfatta li ssostni li, jekk il-Kummissjoni kienet korrettement iddefinixxiet is-swieq inkwistjoni, is-sehem tas-suq akkumulat kien “iżgħar sew” minn dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, li dgħajjef il-gravità tal-ksur u ġġustifika l-iffissar ta’ ammont bażiku tal-multa inqas għolja.

56      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn huma argumenti vagi u ġenerali, li ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma indikatx il-fornituri prinċipali ta’ ġir u tal-aċitilena petrokimika għall-industrija, rispettivament, tal-azzar u tal-gass fis-settur ġeografiku kkonċernat mill-akkordju u l-volum tal-bejgħ tagħhom. Hija lanqas ma forniet il-kalkolu, anki jekk huma bejn wieħed u ieħor, ishma fis-swieq ridefiniti skont id-disinn tagħha, rispettivament, mill-parteċipanti għall-akkordju u mill-impriżi l-oħra. Issa, fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li skont din id-delimitazzjoni korretta tas-swieq inkwistjoni jkun naqqas b’mod sinjifikattiv il-gravità tal-ksur tibqa’ purament allegazzjoni u ma tintlaqax.

57      B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet ivvizzjata b’ebda nuqqas jew b’ebda motivazzjoni insuffiċjenti, għal dak li jirrigwarda s-sehem tas-suq akkumulat miżmum mill-parteċipanti għall-akkordju jew id-delimitazzjoni tas-swieq ikkonċernati minnha. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li kien hemm xi żball ta’ liġi jew ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, b’mod li ma jiġix attribwit lil din tal-aħħar illegalità fl-istabbiliment tal-gravità tal-ksur u tal-ammont bażiku tal-multa.

58      F’kull każ, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), fil-qasam tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa u b’hekk tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-penali imposta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, punt 130).

59      Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mil-linji gwida, li ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-multa mill-Qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 169, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 213). Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija marbuta tirrispetta l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta hija tapplika r-regoli li hija tkun imponiet, bħal-linji gwida, dan il-prinċipju ma jistax jorbot bl-istess mod fil-qrati tal-Unjoni sakemm huma ma għandhomx l-għan li japplikaw metodu ta’ kalkolu speċifiku tal-multi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom, iżda jeżaminaw każ b’każ is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħthom b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ dritt relatati magħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C‑70/12 P, punt 53).

60      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jwassalx, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw għall-akkordju li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Jekk il-Qorti Ġenerali għandha l-intenzjoni li titbiegħed speċifikament fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-impriżi tal-metodu tal-kalkolu segwit mill-Kummissjoni u li ma ġiex ikkontestat, huwa neċessarju li din tispjega dan fis-sentenza tagħha (sentenza Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 46).

61      F’din il-kawża, xejn ma jiġġustifika li titbiegħed mill-metodu tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa msemmi mill-Kummissjoni fil-linji gwida. Konsegwentement, billi żżomm ma’ dan l-imsemmi metodu, il-Qorti Ġenerali tista’, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur kontenzjuż għal dak tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tbiddel il-perċentwali kkunsidrat minn din tal-aħħar għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 19 u 25 tal-linji gwida.

62      Issa, l-ksur li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, elementi preżenti f’din il-kawża, ġew, b’mod kostanti, ikklassifikati bħala “intrinsikament gravi” fil-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 80, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 325, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi ammess li, hekk kif issostni r-rikorrenti, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kien inqas għoli b’mod sinifikanti minn dak li sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-perċentwali ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur, ikkunsidrat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa u tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, fl-ebda każ ma jeċċedi, hekk kif jirriżulta wkoll mill-kumment ġenerali msemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, li kien xieraq f’din il-kawża. B’hekk, ma għandux jinżamm, fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, perċentwali iktar baxx.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud bħala bla effett l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Kummissjoni ma indikatx, fil-premessa 298 tal-imsemmija deċiżjoni, ebda raġuni komprensibbli li għaliha delimitazzjoni differenti tas-suq ikkonċernata mill-ksur ma jkollha ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, dan l-argument tar-rikorrenti huwa motiv żejjed, peress li l-konklużjoni, li skont din ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-bejgħ ta’ ġir għall-finijiet tal-istabbiliment tas-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju, hija fondata, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, fuq l-affermazzjoni li skont din il-ġir ma huwiex komunement użat fl-Ewropa minflok it-trab tal-karbur tal-kalċju u taż-żrar tal-manjesju, affermazzjoni li r-rikorrenti naqset milli tikkontesta. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt preċedenti tippermetti wkoll li jiġi konkluż li, anki jekk dan l-argument tar-rikorrenti kien fondat, ma jiġġustifikax tnaqqis tal-perċentwali tal-bejgħ imwettqa fir-rigward tal-ksur, ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa (inkluża l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni).

65      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-ommissjoni minn naħa tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-assenza ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq

66      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-implementazzjoni u tal-effetti tal-ksur fis-suq, li jeħtieġ li għandhom jiġu kkunsidrati fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Fl-argumenti tagħha, hija tirreferi għall-paragrafu 22 tal-linji gwida, li jelenka l-“implementazzjoni jew tal-ksur” fost il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-iffissar tal-proporzjon tal-bejgħ li għandhom jiġu użati għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa. Hija barra minn hekk issostni li mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 247), kif ukoll tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk ksur ipproduċa effetti konkreti fis-suq huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur.

67      Skont ir-rikorrenti, mis-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq (punt 231) jirriżulta li l-effetti konkreti ta’ akkordju fis-suq għandu jitqies li huwa suffiċjentement muri jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tforni indikazzjonijiet konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fis-suq. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet li l-Kummissjoni tressaq iktar minn sempliċi prova tal-implementazzjoni tal-akkordju sabiex turi li hija realment kellha impatt fis-suq.

68      F’din il-kawża, skont ir-rikorrenti, huwa eżatt li l-ksur kontenzjuż ġew implementati, għall-inqas inparti. Madankollu, fil-proċedura amministrattiva, hija wriet li l-klijenti ma sofrewx dannu minħabba l-fatt tal-implementazzjoni tal-ksur, u dan għall-varji raġunijiet: huma ma jiddependux fuq il-provvista mill-impriżi li jkunu pparteċipaw għall-akkordju, il-profitti tagħhom ikunu laħqu figuri rekord fil-perijodu tal-ksur, kien hemm “qerq” frekwenti fl-implementazzjoni tal-ksur u, fl-aħħar nett, il-poter tal-akkwist tal-klijenti jkun kunsiderevoli u ftit li xejn jippermetti żieda fil-prezz. B’hekk, skont ir-rikorrenti, jirriżulta li l-effetti tal-akkordju fis-suq kienu fi kwalunkwe każ minimi. B’mod partikolari, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li għalihom tirreferi l-premessa 300 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 624 jistgħu, l-iktar, juru implementazzjoni parzjali tal-akkordju, iżda fl-ebda każ ma juru li hija kienet ipproduċiet impatt fis-suq.

69      Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti tar-rikorrenti, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi ppreċiżat li teżisti kemm distinzjoni bejn il-kriterju dwar l-implementazzjoni jew le tal-ksur u dak li jirrigwarda l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq. Fir-rigward ta’ ksur bħal dak tal-każ preżenti, li jammonta għal qsim ta’ swieq, iffissar ta’ kwoti, tqassim ta’ klijenti, iffissar tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kriterji għandha titqies li ġiet sodisfatta jekk huwa muri li dak li kien ġie miftiehem bejn il-parteċipanti f’akkordju ġie effettivament implementat fil-prattika kummerċjali tagħhom, jiġifieri li l-membri tal-akkordju ħadu miżuri sabiex japplikaw, pereżempju, il-prezzijiet miftiehma, billi annunċjawhom lill-klijenti, billi taw lill-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi ta’ negozjati u billi jissorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u s-servizzi tagħhom ta’ bejgħ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 285). Issa, ir-rikorrenti tammetti li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan il-kriterju kien sodisfatt fir-rigward tal-ksur kontenzjuż.

70      Għal dak li jirrigwarda l-kriterju dwar l-impatt konkret ta’ ksur fis-suq, dan iqajjem id-domanda dwar l-effett reali tal-ksur implementat fuq il-funzjonament tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Jekk, ċertament, l-implementazzjoni tal-ksur jammonta għal element rilevanti li, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, jista’ jirriżulta suffiċjenti sabiex wieħed jikkonkludi li l-ksur inkwistjoni kellu impatt konkret fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 148; u Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 283 sa 288), xorta jibqa’ l-fatt li l-implementazzjoni ta’ ftehim ma jimplikax neċessarjament li jipproduċi effetti reali (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 110; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 157). Il-kriterji bbażati, rispettivament, fuq l-implementazzjoni jew le tal-ksur u tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq huma b’hekk distinti sew u ma jkunx preżunt li, f’każ li l-ewwel wieħed jiġi sodisfatt, it-tieni jkun ukoll awtomatikament sodisfatt.

71      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 22 tal-linji gwida jipprovdi speċifikament għall-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji, fost l-elementi li l-Kummissjoni ntrabtet li tikkunsidra sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa għandu jkun fil-parti t’isfel jew fil-parti ta’ fuq tal-iskala li tmur sa 30 %, previst fil-paragrafu 21 tal-istess linji. Il-linji gwida ma jipprovdux, min-naħa l-oħra, għall-kunsiderazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa. Il-paragrafu 5 tal-imsemmija linji, li skont dawn it-“tul tal-ksur neċessarjament ikollu impatt fuq il-konsegwenzi potenzjali tal-ksur fis-suq” ma jwassalx għall-konklużjoni differenti peress li, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, dan għandu l-għan biss li jiġġustifika l-fatt li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat b’mod konformi mal-paragrafi 19 sa 23 tal-linji gwida huwa, b’mod konformi mal-paragrafu 24, multiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni għall-ksur.

72      B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata bi ksur tal-linji gwida minħabba l-fatt li hija ma analizzatx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-impatt konkret eventwali tal-ksur kontenzjuż fis-suq u ma kkunsidratx din l-analiżi għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa.

73      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5), [CA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) jipprovdu speċifikament, fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A, li huma għandhom, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jipproċedu b’eżami tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq meta jidher li dan l-impatt jista’ jiġi kkalkolat. Il-ġurisprudenza mqajma mir-rikorrenti fl-argumenti tagħha jirrigwardaw każijiet fejn il-linji gwida tal-1998 kienu ġew applikati (sentenzi Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 214, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 108).

74      F’dan ir-rigward hemm lok li jingħad li, jekk il-Kummissjoni ma titbiegħedx mir-regoli li hija stess imponiet, sakemm ma tagħtix raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija minn naħa l-oħra libera li tbiddel dawn ir-regoli jew li tissostitwixxihom. F’każ li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ġodda, bħalma huwa l-każ tal-ksur kontenzjuż li jaqa’, ratione temporis, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 38 ta’ dawn, ma ġiex attribwit lill-Kummissjoni li ma analizzatx, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, kriterju mhux previst minn dawn ir-regoli ġodda, għar-raġuni biss li l-analiżi tagħha kienet prevista f’dawk antiki (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T‑352/09, punt 93).

75      Ir-rikorrenti madankollu ssostni li l-Kummissjoni kellha tipproċedi b’evalwazzjoni ġuridika u ekonomika ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-gravità tal-ksur u, f’dan il-kuntest, hija wkoll kellha tanalizza l-effetti konkreti tal-ksur kontenzjuż fis-swieq ikkonċernati u tibbaża ruħha fuqhom sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa.

76      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 238, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa din tal-aħħar b’mod ġenerali abbażi taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ preżenti, inklużi elementi li ma humiex speċifikament imsemmija fil-linji gwida (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 237).

77      B’hekk jirriżulta li l-fatt li l-linji gwida ma jipprovdux speċifikament, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-gravità tal-ksur fid-dawl tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, l-analiżi tal-impatt konkret tal-ksur fis-suq ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli teżamina wkoll dan il-fattur f’din il-kawża.

78      Madankollu, rikorrenti ma tistax, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha bil-għan li tikkontesta l-ammont tal-multa imposta fuqha għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tikkuntenta ruħha li ssostni li l-Kummissjoni kellha tanalizza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fattur wieħed jew l-ieħor li l-analiżi tiegħu ma kienx previst fil-linji gwida. Xorta huwa neċessarju li jintwera kif din l-analiżi tkun bidlet l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur meqjus mill-Kummissjoni u tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa inqas għolja.

79      F’din il-kawża għandu jingħad li r-rikorrenti baqgħet lura milli tforni tali turija. L-argumenti tagħha fil-qosor u ġenerali f’dan ir-rigward (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) jibqgħu purament allegazzjonijiet. Hemm lok li jingħad li, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma spjegatx l-argumenti li permezz tagħhom hija setgħet allegatament turi, fil-proċeduri amministrattivi, li l-klijenti fis-suq ikkonċernat mill-akkordju ma sofrewx dannu mill-implementazzjoni li seħħet minn din, mhux iktar milli daħħlet fil-fajl kwalunkwe prova f’dan ir-rigward.

80      Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet mhux sostnuti mressqa mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ impatt konkret fuq is-suq tal-akkordju kontenzjuż. Fil-fatt, il-fatt li l-profitti tal-klijenti tal-parteċipanti għall-akkordju kienu allegatament laħqu ċifri rekord fil-perijodu kkonċernat mill-akkordju ma jeskludix li din affettwat il-prezzijiet imħallsa mill-klijenti tagħha. Għall-kuntrarju, il-fatt li dawn il-klijenti jibbenefikaw, għal motivi indipendenti, marbuta mas-sitwazzjoni ipotetika ġenerali, minn qliegħ kbir fil-perijodu ta’ ksur, seta’ jwassalhom li jkunu jidhru pjuttost indifferenti għall-prezz li huma jħallsu għar-reaġenti kkonċernati mill-akkordju u li ma jużawx il-poter tal-akkwist tagħhom u tal-assenza tagħhom ta’ dipendenza fir-rigward tal-membri tal-akkordju, sabiex jinkisbu prezzijiet iktar favorevoli. Fir-rigward, barra minn hekk, tar-referenza tar-rikorrenti għal “qerq” frekwenti, għandu jitfakkar li, minkejja qerq eventwali li ma huwiex xi ħaġa rari fir-rigward ta’ ksur ta’ dan it-tip, ir-rikorrenti tammetti hija stess li l-ksur kontenzjuż ġie, fil-parti l-kbira, implementat.

81      Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont adegwat tal-multa. Elementi li jirrigwardaw l-aspett tal-intenzjoni jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-imsemmija effetti, l-iktar meta jirrigwarda ksur intrinsikament gravi bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq, dawn l-aħħar imsemmija elementi jkunu preżenti f’din il-kawża.

82      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tal-parti preżenti ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur kontenzjuż hija vvizzjata b’xi kwalunkwe żball. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet u hekk kif jirriżulta wkoll mir-rimarka ġenerali msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ eventwali eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ammont bażiku tal-multa impost fuqu, stabbilit mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-metodu msemmi fil-linji gwida, jeċċedi dak li huwa xieraq.

83      Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda wkoll it-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-importanza ekonomika tas-suq ikkonċernat

84      Ir-rikorrenti tinvoka deċiżjoni tal-Kummissjoni f’kawża oħra ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, li fiha l-Kummissjoni kienet tat tnaqqis tal-ammont tal-multa peress li l-ksur kien jikkonċerna suq ta’ daqs pjuttost imnaqqas. Hija ssostni, b’riferimenti numeriċi għall-valur globali tat-tranżazzjonijiet fis-swieq ikkonċernati mill-ksur kontenzjuż u fuq swieq oħra tas-settur tal-prodotti kimiċi, li f’din il-kawża huma swieq ekonomikament insinifikanti. Hija takkuża lill-Kummissjoni li illegalment naqset milli tikkunsidra dan l-aspett ta’ ksur sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont metodu msemmi fil-linji gwida għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), dan l-ammont huwa magħmul minn perċentwali tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur, multiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u miżjud bil-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, huwa stess magħmul minn perċentwali tal-valur tal-bejgħ inkwistjoni.

86      B’hekk jirriżulta, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni li l-metodu applikat f’din il-kawża għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod kważi awtomatiku, l-importanza ekonomika ftit jew wisq sinjifikattiva tas-suq ikkonċernat mill-ksur fir-rigward ta’ swieq oħra, peress li l-importanza ekonomika ssarraf neċessarjament f’volum ta’ bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur u, konsegwentement, f’ammont bażiku tal-multa ftit jew wisq importanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-ebda mod ma jidher neċessarju li jingħata, f’każ fejn dan il-metodu ġie applikat, tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa, sabiex tiġi kkunsidrata l-importanza allegatament inqas għolja tas-suq ikkonċernat mill-ksur, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-element huwa ġustifikat jew xieraq.

87      Fir-rigward tad-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni mqajma mir-rikorrenti, din tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 [ŻEE] (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin) (ĠU 2005 L 190, p. 22). Peress li din id-deċiżjoni hija datata l-2004, jirriżulta li l-ammonti tal-multi imposti mill-imsemmija deċiżjoni ġew iddeterminati skont metodu differenti minn dak imsemmi fil-linji gwida, li huma datati l-2006. Konsegwentement, l-ebda tagħlima utli għal-legalità u n-natura xierqa tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din il-kawża ma ħarġet minn din id-deċiżjoni. F’kull każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix ta’ qafas ġuridiku applikabbli għall-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 205, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 233).

88      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jingħad li, hekk kif ġustament fakkret il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 229), il-Qorti Ġenerali speċifikament ċaħdet l-argument li skont dan, il-multi għandhom jiġu stabbiliti direttament abbażi tad-daqs tas-suq affettwat. Il-Qorti Ġenerali sostniet li dan il-fattur huwa biss element rilevanti fost oħrajn u li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti, hekk kif interpretati mill-ġurisprudenza, il-multa imposta fuq impriża għal ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun proporzjonata mal-ksur, evalwat kollu kemm hu, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-gravità ta’ dan, li għandu jiġi evalwat abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq.

89      Ir-rikorrenti sostniet ukoll, insostenn tat-talbiet tagħha, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq (punt 191). Issa, intqal li l-valur assolut tal-bejgħ ikkonċernati huwa wkoll indikatur rilevanti tal-gravità tal-ksur, peress li jirrifletti fedelment l-importanza ekonomika tat-tranżazzjonijiet li l-ksur għandu l-għan li jneħħi l-funzjonament normali tal-kompetizzjoni. Din il-kunsiderazzjoni mhux biss ma ssaħħaħ bl-ebda mod l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-parti preżenti, iżda tikkonferma, barra minn hekk, in-natura xierqa tal-metodu msemmi fil-linji gwida għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur.

90      Hekk kif jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, f’din il-kawża, ma naqsitx l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, hekk kif ikkalkolata skont il-metodu msemmi fil-linji gwida, sabiex tiġi kkunsidrata l-importanza ekonomika allegatament imnaqqsa tas-swieq ikkonċernati mill-ksur kontenzjuż. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-multi, għandu jiġi kkunsidrat li xejn fl-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-parti preżenti ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ammont tal-multa, hekk kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, jeċċedi dak li huwa xieraq. Għalhekk, hemm lok, li t-tielet parti tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità li tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

91      Ir-rikorrenti tfakkar li, sa fejn ksur twettaq minn varji impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom. Issa, f’din il-kawża, jeżistu numru ta’ elementi, magħrufa mill-Kummissjoni, li juru li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur kienet ta’ importanza minima. L-ewwel nett, il-ksur kien beda u tkompla fuq l-inizjattiva ta’ impriża oħra, jiġifieri Almamet. Ir-rikorrenti kienet, ċertament, ipparteċipat għall-akkordju, iżda hija ma kinitx mexxejja. It-tieni nett, hija kienet l-iżgħar membru tal-akkordju, mill-perspettiva tad-dħul mill-bejgħ ikkonċernat mill-akkordju, ikkunsidrat għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, hija kienet imġiegħla mill-membri l-oħra tal-akkordju li tforni ruħha mill-manjesju minn impriża oħra parteċipanti għall-akkordju, mill-grupp Ecka. Isegwi li r-rikorrenti kienet biss parteċipanta insinifikanti fl-akkordju, li fuqhom il-parteċipanti l-oħra kienu eżerċitaw pressjoni ekonomika fl-okkażjoni tal-laqgħat. It-tielet nett, fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li, mill-perspettiva tad-daqs ġenerali tagħha, hija impriża ħafna iżgħar mill-parti l-kbira tal-membri l-oħra tal-akkordju. Skont din, dawn l-elementi kollha kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tittaffa l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur u b’hekk twassal għal tnaqqis, tal-ammont bażiku tal-multa stabbilit fil-każ tagħha.

92      Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, għandu jingħad, preliminarjament, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, meta ksur ikun twettaq minn varji impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom, li jimplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur fiż-żmien meta pparteċipaw fiha. Din il-konklużjoni tammonta għall-konsegwenza loġika tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li skont dawn impriża għandha tkun sanzjonata biss għall-fatti li huma attribwiti individwalment lilha, prinċipju li huwa applikabbli fil-proċeduri amministrattivi kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet bis-saħħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punti 277 u 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, hekk kif sostniet korrettement il-Kummissjoni, huwa preċiżament sabiex tikkonforma ma’ dawn il-prinċipji li l-linji gwida jipprovdu, fil-paragrafi 28 u 29, modulazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċerti ċirkustanzi, rispettivament, aggravanti jew attenwanti, li huma speċifiċi għal kull impriża kkonċernata. Apparti minn hekk, ma hemm xejn li jista’ jiġi kkritikat fil-metodu magħżul mill-Kummissjoni fil-linji gwida, li jikkonsistu fl-iffissar, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa, tal-istess perċentwali tal-bejgħ imwettqa fir-rigward tal-ksur għall-parteċipanti kollha għall-ksur, hekk kif aġġustat, skont il-każ, ’il fuq jew ’l isfel, mill-ammont bażiku hekk kif determinat għal kull parteċipant, abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti partikolari tiegħu, sabiex jirrifletti l-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 100, u s-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 58).

94      Issa, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-argumenti tagħha dwar il-parti preżenti tiġġustifikax l-impożizzjoni, fuq din, ta’ multa ta’ ammont inqas għoli minn dak tal-multa li ġiet imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata. B’mod definittiv, ftit huwa ta’ rilevanza li tali tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kellha tirriżulta mit-tnaqqis, fil-każ tagħha, mill-ammont bażiku tal-multa jew tar-rikonoxximent taċ-ċirkustanzi attenwanti li tikkonċernaha.

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat rwol ta’ Almamet, bħala li mexxiet il-ksur, hemm lok li jingħad li, b’mod konformi mal-aħħar inċiż tal-paragrafu 28 tal-linji gwida, ir-rwol ta’ mexxej jew ta’ dak li jinkoraġġixxi l-ksur jammonta għal ċirkustanza aggravanti, seta’ jiġġustifika żieda fl-ammont bażiku tal-multa. Fi kliem ieħor, l-allegazzjoni inkwistjoni tar-rikorrenti, jekk tirriżulta fondata, tiġġustifika żieda fl-ammont bażiku tal-multa fir-rigward ta’ Almamet, pjuttost milli tnaqqis tal-imsemmi ammont fir-rigward tar-rikorrenti. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex dan l-ilment tar-rikorrenti jiġi miċħud mill-bidu bħala ineffettiv. Fil-fatt, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, il-motiv l-iktar adattat sabiex jiġi rrimedjat it-trattament mhux ugwali bejn varji parteċipanti għall-ksur li tirriżulta mill-fatt li l-gravità tal-aġir ta’ ksur ta’ kull wieħed minnhom ġie ssottovalutat fir-rigward tal-gravità tal-aġir ta’ ksur tal-oħrajn jista’ jikkonsisti fi tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lil dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Issa, mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tistax tapplika fil-każ tar-rikorrenti, jeħtieġ li dan l-ilment jiġi miċħud, f’kull każ, bħala infondat.

97      Fil-fatt, insostenn tal-allegazzjoni tagħha li skont din Almamet kienet tmexxi l-akkordju, ir-rikorrenti ssostni biss li kważi l-laqgħat kollha tal-akkordju ġew organizzati minn din l-impriża. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessi 64 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont dawn l-ewwel żewġ laqgħat tal-akkordju seħħew fl-uffiċċji ta’ Almamet u ġew organizzati minn impjegat ta’ din tal-aħħar.

98      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li jekk, ċertament, jirriżulta effettivament minn dawn iż-żewġ premessi tad-deċiżjoni kkontestata li l-laqgħat tat-22 ta’ April u tas-7 ta’ Settembru 2004, dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, seħħew fl-uffiċċji ta’ Almamet, huwa, min-naħa l-oħra, mhux preċiż li jingħad li l-laqgħat kollha tal-akkordju ġew organizzati minn din l-impriża.

99      Mill-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-laqgħa tas-7 ta’ Settembru 2004, il-parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, iddeċidew li jorganizzaw regolarment laqgħat simili u li jassumu, skont meta jmiss, ir-rwol tar-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi mbagħad, għall-premessi 70 sa 89, għal disa’ laqgħat oħra dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, organizzati minn parteċipanti differenti għall-akkordju. Il-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid, mingħajr ma din ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li din tal-aħħar stess organizzat is-seba’ laqgħa, tat-22 ta’ Novembru 2005, li seħħet fi Vjenna (l-Awstrija). Barra minn hekk, skont il-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-ħdax u l-aħħar laqgħa dwar l-istess prodott, kien ġie deċiż li r-rikorrenti tkun responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ laqgħa ġdida (sussegwentement annullata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 91 tal-istess deċiżjoni), li kellha sseħħ fi Vjenna fid-9 ta’ Jannar 2007. Ir-rikorrenti kienet diġà għamlet riżervazzjoni f’lukanda għal dan il-għan.

100    Fir-rigward tal-karbur tal-kalċju fi żrar, il-Kummissjoni sostniet, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel laqgħa kienet seħħet fis-7 ta’ April 2004, f’lukanda fis-Slovenja u li kienet ġiet organizzata minn TDR‑Metalurgija d.d. Ir-rikorrenti u Novácke chemické závody a.s kienu l-uniċi impriżi l-oħra li kienu pparteċipaw f’din il-laqgħa. Fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ laqgħat oħra f’Bratislava (is-Slovakkja) bejn l-istess tliet produtturi ta’ dan il-prodott. Hija żżid madankollu li l-kwistjonijiet dwar il-karbur tal-kalċju fi żrar kienu wkoll diskussi kemm fil-kuntest tal-laqgħat li jirrigwardaw il-karbur tal-kalċju fi trab, kemm fil-laqgħat speċjali li jaqgħu fis-settur tal-estensjoni tal-ewwel (ara l-premessi 101 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Fir-rigward tal-laqgħat ta’ parti tal-akkordju li jirrigwardaw il-manjesju, li għalih ir-rikorrenti ma pparteċipatx, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tliet impriżi li jipparteċipaw għal dawn il-laqgħat, fosthom Almamet, kienu jassumu, skont meta jmiss, ir-rwol tar-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll l-ispejjeż korrispondenti.

102    Għal dak li jirrigwarda l-argument li skont dan Almamet kienet dik li tmexxi jew tinkoraġġixxi l-ksur minħabba l-fatt li hija organizzat l-ewwel żewġ laqgħat, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni tanalizza u tiċħad argument simili fis-sentenza tagħha Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq (punti 77 sa 79), dwar rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata minn parteċipant ieħor għall-istess akkordju.

103    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-akkordju dwar il-karbur tal-kalċju fi trab oriġina mit-tendenza negattiva li l-prezz ta’ dan il-prodott kien jimmanifesta sa mill-bidu tas-seklu XXI, flimkien ma’ żieda fl-ispiża tal-produzzjoni u għal tnaqqis fid-domanda. Skont il-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, sentiment komparabbli nxtered fis-suq tal-karbur tal-kalċju fi żrar. Din l-aħħar imsemmija premessa kienet tikkwota “impjegat ta’ Akzo Nobel” li kien allega li, għall-fornituri kollha tal-prodott inkwistjoni, “xi żiediet fil-prezz kienu jidhru neċessarji”. Fir-rigward tal-manjesju, ukoll intiża għall-industrija tal-azzar u sostitwibbli għall-karbur tal-kalċju fi trab, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-domanda għall-dan il-prodott kienet qed tipprogressa, iżda żżid li “l-fornituri kienu wkoll konxji fiż-żieda tas-saħħa tal-klijenti tagħhom fis-suq” u kienu, barra minn hekk, taħt pressjoni dejjem iktar qawwija sussegwentement għall-wasla ta’ kompetituri ġodda Ċiniżi.

104    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’tali kuntest, ftit għandu jkun ta’ rilevanza minn ħa l-inizjattiva li jorganizza l-ewwel laqgħa, sakemm, billi jagħmel dan, din l-inizjattiva ssarraf biss is-sentimenti komuni ta’ varji produtturi tal-prodott ikkonċernat. Hija b’hekk, ċaħdet l-argument li skont dan il-Kummissjoni kienet naqset b’mod żbaljat li tikkunsidra ċirkustanza aggravanti fir-rigward ta’ ċerti parteċipanti oħra, fosthom Almamet, minħabba l-fatt li huma kienu l-mexxejja jew dawk li jinkoraġġixxu l-ksur.

105    Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li bl-ebda mod ma kkontestaw l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, jippermettu li jiġi miċħud wkoll bħala infondat l-ilment korrispondenti mressaq minn din fil-kuntest tal-kawża preżenti.

106    Fit-tieni lok, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li hija l-iżgħar membru għall-akkordju, mill-perspettiva tal-importanza tad-dħul mill-bejgħ imwettaq bil-prodotti kkonċernati minn din, huwa suffiċjentement ikkunsidrat fil-kuntest tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont bażiku adottat fil-linji gwida, li jikkonsistu fil-kalkolu tal-imsemmi ammont abbażi tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur. Ovvjament, dħul mill-bejgħ inqas importanti fis-suq ikkonċernat jimplika l-iffissar ta’ ammont bażiku inqas importanti.

107    Fir-rigward tal-argument li skont dan ir-rikorrenti tkun “parteċipanta insinjifikanti” tal-akkordju, hemm lok li jingħad li r-“rwol esklussivament passiv jew li wieħed isegwi lil minn imexxieh” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur kien speċifikament previst bħala ċirkustanza attenwanti fit-tielet inċiż tal-paragrafu 3 tal-linji gwida tal-1998, iżda li ma ġiex inkluż fil-lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi attenwanti li jidher fil-paragrafu 29 tal-linji gwida.

108    F’kull każ, ir-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ tali ċirkustanza attenwanti, anki jekk wieħed jassumi li dan kien possibbli taħt il-linji gwida. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 167 u 168), tali rwol passiv jew li jsegwi lil ħaddieħor fit-twettiq tal-ksur jimplika l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ “profil baxx”, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva għall-elaborazzjoni tal-akkordju jew akkordji antikompetittivi. Fost l-elementi ta’ tip li jkollhom rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jiġu kkunsidrati l-karattru iktar sporadiku tal-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħat fir-rigward tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll tad-dħul tard tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha għal din, jew inkella l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet speċifiċi f’dan is-sens minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw għall-ksur.

109    Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti pparteċipat għal-laqgħat kollha tal-akkordju dwar iż-żewġ prodotti li hija kkummerċjalizzat, jiġifieri t-trab u ż-żrar tal-karbur tal-kalċju (ara l-premessi 64 sa 88, 98 u 99 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata). Hija stess organizzat laqgħa u aċċettat ir-responsabbiltà li torganizza oħra (ara l-punt 99 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kontribuzzjoni tagħha għal-laqgħat li għalihom hija kienet preżenti kienet komparabbli għal dik ta’ parteċipanti oħra. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jiżvelaw li l-parteċipanti għal-laqgħat differenti jikkomunikaw informazzjoni fuq il-volumi tagħhom tal-bejgħ u li, sussegwentement, it-tabella tat-tqassim tas-suq kienet ġiet aġġornata. Barra minn hekk, il-prezzijiet li għandhom jiġu applikati kienu diskussi u żidiet fil-prezz kienu okkażjonalment deċiżi (ara, pereżempju, l-premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, mill-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li membru ieħor għall-akkordju li ma setgħetx jipparteċipa għal-laqgħa tal-25 ta’ April 2006 kien ikkomunika, minn qabel, iċ-ċifri li jikkonċernaw lir-rikorrenti għat-trażmissjoni lill-membri tal-akkordju f’din il-laqgħa. B’hekk, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-aġir tar-rikorrenti kien passiv u li r-rwol tagħha fil-ksur kien “insinjifikanti” jew, iktar ġeneralment, differenti minn dak adottat mill-parteċipanti l-oħra.

110    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-affermazzjoni tar-rikorrenti, li skont din hija kienet ġiet “imġegħla” mill-membri l-oħra tal-akkordju li jfornu ruħhom mill-manjesju minn parteċipant ieħor għall-ksur, minbarra l-fatt li r-rikorrenti ma tispjegax kif, u b’liema mod, il-membri l-oħra tal-akkordju setgħu jimponu fuqha tali obbligu, dan ma jaffettwax, jekk huwa eżatt, b’mod negattiv il-gravità dwar il-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li impriża li tinstab taħt pressjoni sabiex tingħaqad f’akkordju tista’ tinforma lill-awtoritajiet kompetenti, minflok tissieħeb fl-akkordju u, konsegwentement, ma jiddependux fuq din il-pressjoni sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 344).

111    Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li hija tkun, mill-perspettiva tad-daqs ġenerali tagħha, impriża ħafna iżgħar mill-parti l-kbira tal-membri l-oħra tal-akkordju, ma jintlaqax. Minn naħa hemm lok li jingħad li l-paragrafu 30 tal-linji gwida jindika li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv u, għal dan il-għan, hija tista’ żżid il-multa li għandha tiġi imposta fuq impriżi li d-dħul mill-bejgħ, lil hinn mill-beni u s-servizzi li għalihom il-ksur jirreferi, huwa partikolarment importanti. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tikkunsidra l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. B’hekk, il-linji gwida jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet partikolari, il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, id-daqs globali kbir ta’ impriża li pparteċipat fi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni jew, għall-kuntrarju, tal-kapaċità kontributtiva mnaqqsa ta’ impriża f’tali sitwazzjoni.

112    Issa, lil hinn minn dawn il-possibbiltajiet, impriża ma tikkwalifikax għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha għar-raġuni biss li d-daqs ġenerali tagħha huwa ħafna iżgħar minn dak ta’ parteċipanti oħra għall-istess ksur. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 312), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi abbażi tal-funzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur inkwistjoni, li tiżgura, fil-każ fejn il-multi huma imposti fuq varji impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom il-kalkolu jirriżulta għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull distinzjoni fosthom dawk fir-rigward tad-dħul tagħhom mill-bejgħ globali.

113    Peress li r-rikorrenti llimitat ruħha li tqajjem, fid-dawl ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha, id-daqs ġenerali tagħha allegatament iżgħar minn dik ta’ parteċipanti oħra għall-istess akkordju, dan l-aħħar argument għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-raba’ parti kollha kemm hi. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet u hekk kif jirriżulta wkoll mill-kumment ġenerali msemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jingħad, fid-dawl ta’ eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa eventwali tal-Qorti Ġenerali, li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ammont bażiku tal-multa impost fuqha, stabbilit mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-metodu msemmi fil-linji gwida, jeċċedi dak li huwa xieraq.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti pparteċipat biss għal ċerti partijiet tal-ksur

114    Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordji u l-prattiki miftiehma inkwistjoni kienu jammontaw għal ksur uniku u kontinwu. Issa, hija kienet ipparteċipat għall-ksur biss għal tnejn minn tliet prodotti kkonċernati, jiġifieri t-trab u ż-żrar tal-karbur tal-kalċju, hekk kif il-Kummissjoni kienet ammettiet hija stess. Il-ġurisprudenza teżiġi li tiġi kkunsidrata din il-parteċipazzjoni parzjali fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel f’din il-kawża. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tnaqqas, fil-każ tagħha, l-ammont bażiku tal-multa, sabiex tikkunsidra l-fatt li hija pparteċipat biss għall-ksur għal tnejn minn tliet prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-iffissar stess tal-ammont bażiku għall-impriżi kollha li pparteċipaw għall-ksur ikun illegali, peress li l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost fuq kull parteċipant għall-ksur kellu jirrifletti d-differenzi fil-portata tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minnhom għall-ksur u, konsegwentement, fil-livell tal-gravità tal-ksur li jkun attribwit lilhom.

115    Huwa ċertament minnu li jekk il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha kostituttivi ta’ akkordju ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fir-rigward tagħha, hemm min-naħa l-oħra lok li jiġi kkunsidrat dan l-element fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P et C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 86).

116    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-metodoloġija tal-istabbiliment tal-multa esposta fil-linji gwida li hija sunta fil-punt 7 iktar ’il fuq, tissodisfa totalment ir-rekwiżiti ta’ din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, hekk kif, essenzjalment, sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont bażiku tal-multa huwa stabbilit fuq il-bażi tal-bejgħ imwettaq mill-impriża kkonċernata fir-rigward tal-ksur, li jfisser li l-bejgħ biss tal-prodotti li għalihom l-impriża inkwistjoni pparteċipat fil-ksur huma kkunsidrati. Konkretament, fil-każ tar-rikorrenti, huma biss il-bejgħ li hija twettaq bit-trab u biż-żrar tal-karbur tal-kalċju li ġew ikkunsidrati, hekk kif ikkonfermat il-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata.

117    Huwa għall-qbija mhux eżatti li jingħad, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, li l-istess ammont bażiku ġie stabbilit għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur. Dan l-ammont huwa stabbilit, għal kull impriża, fuq il-bażi tal-bejgħ li hija stess wettqet fir-rigward tal-ksur. Ammont bażiku differenti huwa, konsegwentement, stabbilit għal kull parteċipant għall-ksur. Il-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinkludi tabella li tiġbor l-ammonti bażiċi tal-multa stabbiliti għal kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur kontenzjuż tikkonferma, min-naħa l-oħra, li dan kien il-każ f’din il-kawża.

118    B’hekk jirriżulta li l-ħames parti ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta wkoll mill-kumment ġenerali msemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jingħad li, fid-dawl tal-eżerċizzju eventwali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha, stabbilit mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-metodu msemmi fil-linji gwida, jeċċedi dak li huwa xieraq.

 Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni

119    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-iffissar, għal 17 %, tal-perċentwali applikabbli għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, hekk kif definit fil-ġurisprudenza, peress li użat il-formoli stereotipiċi u ma esprimietx ruħha fuq l-aspett determinanti għall-iffissar tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, jiġifieri l-effett dissważiv imqajjem fil-paragrafu 25 tal-linji gwida, kif ukoll fuq il-motivi li wassluha li tiffissa għal 17 % l-perċentwali neċessarju għall-kisba tal-effett dissważiv imfittex.

120    Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE ġiet imfakkra fil-punti 28 sa 30 iktar ’il fuq. Fir-rigward b’mod partikolari, tal-portata ta’ dan l-obbligu f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tammonta għal dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tqis il-gravità u t-tul tal-ksur, kif ukoll l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija kkunsidrat għal dawn il-finijiet, b’applikazzjoni tar-regoli indikattivi kontenuti fil-linji gwida tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    F’din il-kawża, fil-premessi 291 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, taħt it-titolu “Stabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa”, l-elementi li hija kkunsidrat għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa applikabbli għal kull parteċipant għall-ksur, inkluża l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. B’mod partikolari, fil-premessi 292 sa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, hija analizzat il-gravità tal-ksur u hija, b’mod partikolari, ikkunsidrat (premessa 294) li ksur bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża “huwa, minħabba n-natura tiegħu stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi”. Fil-premessi 297 u 298 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rreferiet għall-iskema tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-ksur (ara wkoll punti 28 sa 34 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, fil-premessi 299 u 300 tad-deċiżjoni kkontestata hija rreferiet, rispettivament, għall-portata ġeografika tal-akkordju, li huwa dak imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq, u għall-fatt li l-akkordji ta’ ksur “kienu ġeneralment implementati u l-applikazzjoni tagħhom kienet ikkontrollata”.

122    Wara li esponiet dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni siltet il-konsegwenzi fir-rigward tal-iffissar tal-perċentwali li għandu jintuża għall-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa, fil-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-perċentwali li għandu jintuża għall-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, hija sostniet, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“Minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u hekk kif jirriżulta mill-kriterji eżaminati iktar ’il fuq dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tal-ksur, il-perċentwali li għandu jiġi applikat għall-ammont adizzjonali għandu jkun ta’ 17 %”.

123    B’hekk jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni kkontestata motivazzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-għażla tagħha ta’ perċentwali ta’ 17 % sabiex tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Hija ma hijiex limitata għal “formoli stereotipiċi”, iżda rreferiet għall-kunsiderazzjonijiet preċedentement esposti, dwar il-gravità tal-ksur (premessi 292 sa 296), li skont dawn huwa ksur, li fin-natura tiegħu, huwa fost l-iktar gravi, kif ukoll għal dawk li jirrigwardaw il-portata ġeografika tal-ksur. Il-kriterji użati b’hekk kienu identiċi bi preċiżjoni suffiċjenti u b’hekk, hemm lok, li l-ilment jiġi miċħud abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

124    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li jekk il-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni korretta, hija kellha tikkunsidra l-argumenti tagħha mressqa fil-proċedura amministrattiva u twassal, b’hekk, għall-iffissar ta’ kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni inqas għolja, saħansitra tirrinunzja milli tinkludi tali dritt fl-ammont bażiku tal-multa li tkun ser tiġi imposta. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-kreazzjoni ta’ programm intern ta’ taħriġ dwar il-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll għas-sitwazzjoni ta’ kriżi li fiha hija sabet ruħha fil-perijodu ta’ ksur. Hija ssostni barra minn hekk li hija kienet l-unika impriża li kienet ipparteċipat għall-ksur li kienet esprimiet dispjaċir għal din il-parteċipazzjoni.

125    Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, l-ewwel nett, hemm lok li jingħad li, skont il-paragrafu 25 stess tal-linji gwida, il-Kummissjoni “tinkludi fl-ammont bażiku” il-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi jekk kienx hemm lok jew le li tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa li hija kienet imponiet fuqha l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Il-metodu msemmi fil-linji gwida, li sostniet il-Kummissjoni, jipprovdi l-inklużjoni ta’ din is-somma fl-ammont bażiku.

126    Barra minn hekk, mill-premessi 324 u 329 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dwar l-introduzzjoni ta’ programm intern ta’ taħriġ u għas-sitwazzjoni tagħha ta’ kriżi ekonomika fil-perijodu ta’ ksur, fil-kuntest tal-eżami ta’ ċirkustanzi attenwanti eventwali li għandhom jiġu kkunsidrati għal kull parteċipant għall-akkordju.

127    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni prevista fil-paragrafu 25 tal-linji gwida tagħmel parti mill-ammont bażiku tal-multa li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 19 tal-istess linji, għandu jirrifletti l-gravità tal-ksur u mhux il-gravità relattiva għall-parteċipazzjoni għall-ksur ta’ kull wieħed mill-impriżi kkonċernati. Skont il-ġurisprudenza, din l-aħħar domanda għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Hija b’hekk il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ previst fil-paragrafu25 tal-linji gwida, kif fil-fatt previst fil-paragrafu 21 tal-istess linji, fl-istess livell għall-parteċipanti kollha għall-akkordju (ara s-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    B’hekk jirriżulta li ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni żball ta’ liġi jew ksur tal-linji gwida tagħha minħabba l-fatt li hija ma stabbilixxietx, fir-rigward tar-rikorrenti, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, perċentwali tal-valur tal-bejgħ iktar baxx minn 17 %, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi partikolari allegati tal-każ tagħha, hekk kif sunti fil-punt 124 iktar ’il fuq. Dawn għandhom ikunu eżaminati fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi eventwali attenwanti kkunsidrati għall-vantaġġ tar-rikorrenti u, hekk kif diġà ntqal fil-punt 126 iktar ’il fuq, tnejn fosthom huma mqajma f’dan il-kuntest fid-deċiżjoni kkontestata.

129    Huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fir-rigward tar-rikorrenti, ebda ċirkustanza attenwanti. Mandankollu, il-kwistjoni dwar jekk din l-evalwazzjoni hija żbaljata, peress li l-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-rikorrenti jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ tali ċirkustanzi, għandha tiġi analizzata fil-kuntest tat-tieni motiv, li permezz tiegħu, ir-rikorrenti tattribwixxi lill-Kummissjoni żball ta’ liġi preċiżament għal din ir-raġuni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tirrepeti u ssostni b’iktar qawwa dawn l-allegazzjonijiet.

130    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali u tal-proporzjonalità, minħabba l-fatt li hija stabbilixxiet “l-istess [kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni] għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur”. Minn naħa, hija ssostni li n-neċessità tad-dissważjoni hija ikbar fir-rigward tal-impriżi li fil-passat diġà pparteċipaw f’varji okkażjonijiet f’akkordji, kif inhuwa l-każ ta’ ċerti parteċipanti għall-akkordju kontenzjuż, fil-każ preżenti ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa AG. Min-naħa tagħha, fil-passat din qatt ma kienet destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-ksur tal-Artikolu 81 KE. Għal din ir-raġuni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità kellhom iwasslu lill-Kummissjoni għall-iffissar, fil-każ tagħha, ta’ kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni ħafna inqas għolja minn dak ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriżi differenti implikati fil-ksur. B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tammetti r-rilevanza tad-dħul ġenerali mill-bejgħ ta’ impriża għall-istabbiliment tal-kapaċità finanzjarja tal-membri ta’ akkordju. Issa d-daqs tar-rikorrenti u d-dħul mill-bejgħ ġenerali tagħha jkunu biss frazzjoni minn dawk ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur, b’mod partikolari ta’ dawk ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa. Il-Kummissjoni kienet injorat dik id-differenza importanti fl-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Evalwazzjoni korretta kellha twassalha għall-iffissar ta’ perċentwali, għar-rikorrenti, sew taħt is-17 %.

131    Dawn l-argumenti ma jintlaqgħux. L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-istess kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni għal kull parteċipant għall-akkordju. Hija, ċertament, stabbilixxiet, għall-parteċipanti kollha, l-istess perċentwali (17 %) jiġifieri għall-kalkolu tal-imsemmi dritt. Madankollu, peress li s-somma magħrufa bħala “kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni” tikkonsisti f’perċentwali tal-valur tal-bejgħ imwettqa fir-rigward tal-ksur minn kull parteċipant fl-akkordju, hija differenti għal kull wieħed minnhom, abbażi tad-differenzi fil-valur tal-bejgħ li huma wettqu (sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 58).

132    Barra minn hekk, fir-rigward tal-karattru reċidiv ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa, għandu jingħad li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 127 iktar ’il fuq jiġġustifikaw ukoll li ċ-ċirkustanzi aggravanti (bħar-reċidiva) li kellhom jiġu kkunsidrati fir-rigward ta’ parteċipant wieħed jew l-ieħor għal ksur, ikunu kkunsidrati fi stadju ulterjuri tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa, wara l-iffissar tal-ammont bażiku li tifforma parti minnha l-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni. Fil-fatt, hekk kif intqal fil-punt 7 iktar ’il fuq, il-linji gwida tal-Kummissjoni jipprovdu, b’mod partikolari, aġġustament tal-ammont bażiku ’il fuq sabiex jiġu kkunsidrati ċirkustanzi aggravanti. Ir-reċidiva hija inkluża fost iċ-ċirkustanzi aggravanti msemmija, b’mod indikattiv, fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 28 tal-linji gwida.

133    B’hekk, f’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-premessi 309 u 310 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament ikkunsidrat din iċ-ċirkustanza aggravanti fir-rigward ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa u żiedet b’100 % u b’50 % rispettivament, l-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tagħhom, sabiex tikkunsidra dan.

134    B’hekk, ma għandux jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti, li skont dan kellu jitqies, fil-każ tiegħu għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, perċentwali inqas għoli minn dak ikkunsidrat għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u, b’mod partikolari, iż-żewġ impriżi reċidivi msemmija iktar ’il fuq.

135    Fl-aħħar nett, għall-motivi esposti fil-punti 111 sa 113 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-allegati differenzi fid-daqs u fid-dħul mill-bejgħ globali bejn ir-rikorrenti u parteċipanti oħra għall-akkordju, anki jekk stabbiliti, lanqas ma jimponu l-għażla, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni, ta’ perċentwali inqas għoli fil-każ tar-rikorrenti.

136    Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda s-sitt parti. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta wkoll mill-kumment ġenerali msemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jingħad, fid-dawl tal-eżerċizzju eventwali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ammont bażiku tal-multa li ġie impost fuqha, stabbilit mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-metodu msemmi fil-linji gwida, jeċċedi dak li huwa xieraq. Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni illegali tal-Kummissjoni li tikkunsidra, għall-vantaġġ tar-rikorrenti, ċirkustanzi attenwanti

137    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx, għall-vantaġġ tagħha, ċirkustanzi attenwanti importanti. Dan il-motiv jinqasam f’ħames partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordji kontenzjużi, ta’ arrikkiment tar-rikorrenti u tad-dannu għall-konsumaturi, it-tieni, fuq l-assenza tal-kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni effettiva tar-rikorrenti, it-tielet, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammissjoni u tad-dispjaċir tar-rikorrenti, ir-raba’, fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ konformità introdotta mir-rikorrenti u, l-ħames, fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u tar-rikorrenti stess.

 Osservazzjonijiet preliminari

138    Hekk kif diġà ntqal fil-punt 92 iktar ’il fuq, meta ksur ikun twettaq minn varji impriżi, hemm lok, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità li tirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom.

139    B’mod konformi ma’ din il-kunsiderazzjoni, il-linji gwida jipprovdu, fil-paragrafu 29, modulazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti għal kull impriża kkonċernata. Dan il-paragrafu jistabbilixxi, b’mod partikolari, lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jiġu kkunsidrati. Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ta’ ċirkustanzi oħra mhux inklużi fil-lista indikattiva li tidher fil-paragrafu 29 tal-linji gwida ma hijiex eskluża, sa fejn huma jistgħu jtaffu l-gravità tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-persuna jew tal-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, T‑400/09, punt 61).

140    Hemm lok li jiġu kkunsidrati dawn l-osservazzjonijiet preliminari fl-analiżi tal-partijiet differenti tal-motiv preżenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza tal-implementazzjoni tal-akkordji kontenzjużi, ta’ arrikkiment tar-rikorrenti u tad-dannu għall-konsumaturi

141    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tirrepeti, essenzjalment, l-argumenti sunti fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq li juru, skont din, li l-akkordji kontenzjużi ġew implementati biss parzjalment u li l-ksur ma kellu l-ebda effett fis-suq, ma ppreġudika b’ebda mod lill-klijenti u lanqas ma ppermetta lill-parteċipanti li jieħdu vantaġġ mhux xieraq. Hija tikkunsidra li dawn iċ-ċirkustanzi allegati kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

142    F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar li, fil-premessi 318 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni dan li ġej:

“(318) Hekk kif ġie indikat fil-premessa 193, l-implementazzjoni tal-akkordji bejn il-fornituri tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju diġà sehh. Matul il-perijodu kollu tal-akkordju, il-partijiet skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, qasmu bejniethom il-klijenti, iddeċidew li jiġu applikati ż-żidiet tal-prezzijiet mifthema, u ddiskutew l-implementazzjoni tal-akkordji dwar kwoti billi aġġornaw it-tabelli tagħhom ta’ taqsim tas-suq. L-akkordji ma jeskludux li jkompli jkun hemm il-kompetizzjoni bejn il-parteċipanti, iżda l-eżistenza tar-rivalitajiet u ta’ qerq ma jbiddel xejn fil-konklużjoni li l-akkordji kienu implementati u jwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-karbur tal-kalċju u taż-żrar tal-manjesju.

(319) Barra minn hekk, l-ebda mill-parteċipanti ma ddikjara li kien evita kull implementazzjoni destinata li jiġu applikati akkordji illeċiti. B’mod iktar partikolari, l-ebda parteċipant ma ressaq provi li jindikaw li kien effettivament evita l-applikazzjoni tagħhom billi adotta aġir kompetittiv fis-suq jew, għall-inqas, li huwa kien b’mod ċar u b’mod konsiderevoli kiser l-obbligi bil-għan li jiġi implementat dan l-akkordju, sal-punt li ppreġudika l-funzjonament stess ta’ din […]. Il-qerq qatt ma wassal għal ċaħda tal-akkordji konklużi, iżda dejjem beda bil-kunsiderazzjoni tal-arranġamenti adottati. Hija kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet attivi fil-laqgħat tal-akkordju u kien ikkumpensat jekk kien il-każ.”

143    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordji kontenzjużi kienu ġew implementati. Il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti eventwali, essenzjalment, li l-fatt li l-imsemmija akkordji ma jeskludux totalment il-kompetizzjoni bejn il-parteċipanti u l-eżistenza ta’ rivalitajiet u ta’ qerq bejniethom ma jbiddel xejn fir-rigward tar-realtà tal-ksur. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni stess, essenzjalment, fil-premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata, li impriża li tħaddan, minkejja l-konċertazzjoni mal-kompetituri tagħha, politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha u jkun faċli wisq għall-impriżi li jnaqqsu r-riskju li jkollhom iħallsu multa kbira jekk huma jistgħu jieħdu vantaġġ minn akkordju illegali u sussegwentement jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ ammont tal-multa peress li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-attitudni tagħhom inċitat impriżi oħra li jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 491, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hekk kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha KME Germany et, punt 58 iktar ’il fuq (punti 94 sa 96), interpretazzjoni stretta bħal din tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika miċ-ċirkustanza attenwanti li tirrigwarda n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-akkordji ta’ ksur bl-ebda mod ma tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

144    Hekk kif sostniet, essenzjalment il-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata, ċirkustanza attenwanti setgħet tiġi rikonoxxuta fir-rigward tar-rikorrenti jew lil parteċipant ieħor għall-akkordju biss fis-sitwazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida, fejn l-impriża kkonċernata tkun ressqet il-prova li l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur kienet sostanzjalment imnaqqsa u turi konsegwentement li, fil-perijodu li matulu hija aderixxiet għall-akkordji ta’ ksur, hija effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ressqet tali prova.

145    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li skont din hija ma ħadet l-ebda vantaġġ mill-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur, tali fatt, anki jekk ikun stabbilit, lanqas ma jammonta għal ċirkustanza attenwanti. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ukoll imfakkra fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li impriża ma ħadet l-ebda vantaġġ mill-ksur ma huwiex ta’ ostakolu sabiex multa tiġi imposta, bir-riskju li din tal-aħħar titlef il-karattru dissważiv tagħha. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, bil-għan li tistabbilixxi l-ammont tal-multi, tikkunsidra n-nuqqas ta’ benefiċċju riżultanti mill-ksur inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑66/01, Ġabra p. II‑2631, punt 443, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Ir-rikorrenti tikkunsidra, wkoll, li għandha tiġi kkunsidrata, skont ċirkustanzi attenwanti, l-assenza ta’ effett tal-ksur fis-suq. Issa, huwa suffiċjenti li ssir referenza, f’dan ir-rigward, għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 78 sa 80 iktar ’il fuq, li skont dawn, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fir-rigward tal-assenza ta’ effett fis-suq tal-ksur kontenzjuż, bl-ebda mod ma’ ġie ssostanzjat minn provi. F’kull każ, mill-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq li, bħal fil-każ fejn il-prova ta’ dawn l-allegazzjonijiet ikunu tressqu, hekk kif jirriżulta mill-karattru intrinsikament gravi tal-ksur kontenzjuż, ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba l-allegata assenza ta’ effetti tal-ksur fis-suq ma kinitx iġġustifikata.

147    Konsegwentement, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni effettiva tar-rikorrenti

148    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li illegalment naqqset milli tikkunsidra, skont ċirkustanza attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa, l-kollaborazzjoni effettiva tagħha. Din il-parti tkun eżaminata konġuntament mat-tielet motiv li magħha hija strettament marbuta, ir-rikorrenti stess tirreferi, minn-naħa l-oħra, għall-argumenti mressqa insostenn ta’ dan l-aħħar imsemmi motiv.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammissjoni u tad-dispjaċir tar-rikorrenti

149    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa jekk impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur. Hija tfakkar li hija kienet immedjatament ammettiet it-totalità tal-ksur li ġie attribwit lilha u tikkunsidra li dan kellu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa li kienet ser tiġi imposta fuqha. Hija żżid li hija l-unika parteċipanta għall-akkordju li kienet esprimiet speċifikament id-dispjaċir tagħha għall-ksur li hija kienet wettqet. Hija tirreferi għad-dikjarazzjonijiet għal dan il-għan tal-proprjetarju tagħha fis-seduta fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi u tikkunsidra li hija kienet immeritat, f’dan ir-rigward ukoll, ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti.

150    F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li s-sempliċi assenza ta’ kontestazzjoni tal-fatti mill-impriża kkonċernata ma tidhirx fost iċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati b’mod indikattiv fil-paragrafu 29 tal-linji gwida. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4) tipprovdi effettivament, fil-paragrafu 2 tal-punt D, tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-kooperazzjoni, għal impriża li, wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tinforma lill-Kummissjoni li hija ma kinitx tikkontesta l-materjalità tal-fatti li servew ta’ bażi għall-akkużi tagħha. Il-ġurisprudenza mressqa mir-rikorrenti tikkonċerna każijiet fejn din il-komunikazzjoni kienet applikabbli. Madankollu, il-komunikazzjoni inkwistjoni ma kinitx applikabbli għall-fatti tal-kawża, peress li ġiet issostitwita bl-Avviż dwar l-immunità tal-2002, li ma kienx jipprovdi tnaqqis simili.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif intqal fil-punt 74 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni ma tistax titbiegħed mir-regoli li hija imponiet mingħajr ma tat raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija, min-naħa l-oħra, libera li tbiddel dawn ir-regoli jew li tbiddilhom u ma tistax tiġi kkritikata, f’każ li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ġodda, li ma kkunsidratx ċirkustanza attenwanti li ma hijiex prevista minn dawn, għar-raġuni biss li hija kienet prevista fir-regoli l-antiki.

152    B’hekk jirriżulta li s-sempliċi fatt li, fid-deċiżjonijiet preċedenti adottati b’mod konformi mar-regoli u ma prattika sussegwentement modifikata, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża li pparteċipat f’akkordju, tal-assenza ta’ kontestazzjoni minn din tal-fatti li kienu attribwiti lilha ma jfissirx li hija marbuta, f’din il-kawża, tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-istess raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 60).

153    Konsegwentement, għall-finijiet tal-analiżi tal-motiv preżenti, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-assenza ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti, tal-fatti li kienu attribwiti lilha kif ukoll il-fatt li hija esprimiet id-dispjaċir tagħha, setgħu jtaffu l-gravità fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju u li tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa impost fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 61).

154    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi ta’ kooperazzjoni fil-proċedura amministrattiva hija ġġustifikata biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni ppermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li ġġibha fi tmiem (ara s-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    F’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni attribwiet lir-rikorrenti parteċipazzjoni f’partijiet tal-akkordju dwar it-trab u ż-żrar tal-karbur tal-kalċju. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ partijiet, għandu jitfakkar li l-eżistenza tal-akkordju kontenzjuż ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni minn Akzo Nobel, hekk kif imfakkar fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta minn nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 143 taħt il-premessa 64 u tal-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet issekwestrat fil-bini ta’ impriża oħra li kienet ipparteċipat fl-akkordju, f’dan il-każ TDR Metalurgija, magħmula minn provi dokumentarji tal-istess parti tal-akkordju u, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel laqgħa dwar dan il-prodott, li seħħet fit-22 ta’ April 2004.

156    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha numru kbir ta’ provi tal-fatti allegati kontra r-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha għall-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ argumenti tar-rikorrenti ta’ natura li juru l-kuntrarju, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet, f’kull każ, f’pożizzjoni li turi l-fatti li kienu attribwiti lilha għal dak li jirrigwarda din il-parti tal-akkordju. Konsegwentement, l-assenza ta’ kontestazzjoni tal-imsemmija fatti mir-rikorrenti ma tkunx meqjusa bħala kooperazzjoni effettiva fil-proċeduri amministrattivi, fis-sens tar-raba’ inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, u konsegwentement ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

157    Fir-rigward tal-parti tal-akkordju li tirrigwarda ż-żrar tal-karbur tal-kalċju, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 342 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet ir-rikorrenti li, fil-kuntest ta’ talba fis-sens tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, forniet lill-Kummissjoni provi li kkontribwixxew għall-istabbiliment ta’ din il-parti tal-ksur. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti ngħatat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 35 %, skont l-Avviż dwar l-immunità tal-2002 (premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din ir-rata ta’ tnaqqis kienet xierqa, ħaġa li r-rikorrenti tikkontesta fit-tielet motiv tagħha eżaminat iktar ’il quddiem, ma jistax, f’kull każ, ikun ammess li l-Kummissjoni għandha tagħti lir-rikorrenti tnaqqis distint tal-ammont tal-multa, minħabba l-fatt li hija ma kkontestatx il-parteċipazzjoni tagħha għal parti tal-akkordju li hija stess għenet lill-Kummissjoni sabiex tipprova.

159    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti esprimiet id-dispjaċir għall-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju, tali dikjarazzjoni, għalkemm għandha titfaħħar, ma taffettwax ir-realtà tal-ksur ikkonstatat u, b’hekk, ma tammontax għal ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis ta’ ammont tal-multa impost (ara, b’analoġija, is-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 79).

160    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet parti ma hijiex fondata u għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ konformità introdotti mir-rikorrenti

161    Ir-rikorrenti ssostni li kemm il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tikkonċerna ksur differenti, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T‑77/92, Ġabra p. II‑549, punt 93), ikkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, li tiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa, l-introduzzjoni, minn impriża prevista minn proċedura li tirrigwarda ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ konformità. Peress li introduċiet tali miżuri, wara l-ftuħ tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa b’dan il-mod.

162    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk huwa ċertament importanti li impriża tkun ħadet il-miżuri sabiex jipprevjenu li ksur ġdid għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu mwettqa fil-futur minn membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn għar-realtà tal-ksur ikkonstatat. B’hekk jirriżulta li s-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni tkun ikkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, l-implementazzjoni ta’ programm ta’ allinjament bħala ċirkustanza attenwanti ma jimplikax għaliha obbligu li tipproċedi bl-istess mod f’każ partikolari (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 280, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa dak li minn naħa l-oħra sostniet il-Kummissjoni, fil-premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiċħad din it-talba tar-rikorrenti.

163    Is-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, imqajma mir-rikorrenti insostenn tal-argumenti tagħha, ma twassalx għal konklużjoni differenti.

164    Minn naħa, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha inkwistjoni, ċirkustanzi attenwanti li jiffavorixxu lir-rikorrenti f’din il-kawża, fosthom b’mod partikolari l-fatt li hija kienet implementat programm ta’ allinjament bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett mid-distributuri tagħha u mis-sussidjarji tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tiddeċiedi u ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tikkunsidra dan il-fatt, minħabba ċirkustanzi attenwanti. Għal kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, minkejja l-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-multa imposta mill-Kummissjoni fuq ir-rikorrenti f’din il-kawża ma kinitx adegwata fir-rigward b’mod partikolari tad-dħul mill-bejgħ baxx ikkonċernat mill-ksur u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija naqqsitha għal ammont inqas għoli (sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, punt 95).

165    Min-naħa l-oħra, fil-punt 24 tad-Deċiżjoni 92/426/KEE tagħha tal-15 ta’ Lulju 1992, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (Każ IV/32.725 — Viho vs Parker Pen, ĠU L 233, p. 27), inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet li xi miżuri ta’ implementazzjoni kienu ġew applikati fil-perijodu ta’ ksur, li ma setgħux, madankollu, jipprevjenu li l-ksur jitwettaq, iżda li, wara l-iskoperta tal-ksur mill-Kummissjoni u għad-domanda speċifika tagħha, ir-rikorrenti f’din il-kawża kienet temmet il-ksur. Fi kliem ieħor, f’din il-kawża, ma kinitx biss l-adozzjoni, fl-istess perijodu bħal dik li fiha l-ksur inkwistjoni kien twettaq, tal-miżuri bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni, li kienu ġew ikkunsidrati bħala ċirkustanza attenwanti, iżda wkoll l-aġir tal-impriża kkonċernata wara l-intervent tal-Kummissjoni.

166    Barra minn hekk, anki f’każ fejn, kif issostni r-rikorrenti, f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, taħt ċirkustanzi attenwanti, il-fatt li ksur kien twettaq minkejja l-implementazzjoni, mill-impriża kkonċernata, tal-miżuri bil-għan li jipprekludu ksur simili, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, jirriżulta li argument bħal dan ma jintlaqax. Il-Kummissjoni b’hekk ma hijiex marbuta tikkunsidra tali element bħala ċirkustanza attenwanti sa fejn din hija konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jimplika li ma pproċedietx b’evalwazzjoni differenti fuq dan il-punt bejn l-impriżi destinatarji tal-istess deċiżjoni (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 281). Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li ċirkustanza attenwanti b’dan il-mod ma ġietx rikonoxxuta fir-rigward ta’ ebda mill-parteċipanti għall-akkordju.

167    Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq hija restrittiva wisq, fir-rigward tan-neċessità li jiġu kkunsidrati l-elementi ta’ prevenzjoni speċifiċi fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa, tal-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-programmi ta’ implementazzjoni ta’ konformità għall-impriżi li jitolbu l-maħfra tal-Kummissjoni u tar-rekwiżit, li skont din il-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom ikunu mwettqa għall-inqas b’negliġenza. Hija tikkunsidra, b’hekk, li l-introduzzjoni tal-programm rigoruż ta’ konformità għandha titqies li hija ċirkustanza attenwanti.

168    Dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti.

169    Mil-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni hija konxja dwar in-neċessità li jiġi żgurat mhux biss il-karattru dissważiv, fuq livell ġenerali, tal-azzjoni tiegħu fil-qasam tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda, b’mod partikolari, l-effett dissważiv speċifiku tal-multa li hija timponi fuq impriża li wettqet tali ksur. Dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 4 tal-linji gwida li jipprovdi b’mod partikolari li “[h]emm lok li jiġu stabbiliti l-multi għal livell suffiċjentement disważiv […] bil-għan li jiġu ssanzjonati l-impriżi inkwisjtoni (effett disważiv speċifiku)”. Madankollu, is-sempliċi adozzjoni, minn impriża, ta’ programm ta’ implementazzjoni ta’ konformità għar-regoli tal-kompetizzjoni ma jammontax għal garanzija valida u ċerta tar-rispett futur u dejjiemi minn din tal-imsemmija regoli, b’mod li tali programm ma ġegħelx lill-Kummissjoni tnaqqas il-multa għar-raġuni li l-għan ta’ prevenzjoni li din tal-aħħar tfittex ikun diġà għall-inqas parzjalment milħuq (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 361). Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra ma invokat l-ebda element konkret li juri li l-effett dissważiv speċifiku meħtieġ seta’ jintlaħaq ma’ ammont ta’ multa inqas għoli, fil-każ tal-impriżi li introduċew miżuri ta’ implementazzjoni ta’ konformità. B’hekk, jekk huwa fl-interess proprju tal-impriża li tintroduċi tali miżuri, fi sforz li jiġu pprevenuti ksur futuri għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġu evitati, b’hekk, is-sanzjonijiet li dawn il-ksur jiġġustifikaw, ma jkunx meħtieġ, la mill-Kummissjoni, la mill-Qorti Ġenerali meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi, li tirrikumpensa awtomatikament u sistematikament, permezz ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, l-introduzzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

170    Għandu jiġi wkoll miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq allegati inkonvenjenzi li jirriżultaw minn assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanza attenwanti, għall-impriżi li jitolbu l-maħfra tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li dawn l-inkonvenjenzi jirriżultaw mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ programm ta’ konformità, ikun iktar diffiċli għall-impriżi konċernati li jiskopru permezz ta’ investigazzjonijiet interni, l-parteċipazzjoni ta’ ċerti wħud mill-impjegati tagħhom fi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex il-Kummissjoni tiġi informata fi żmien xieraq u li titlob, b’dan il-mod, l-applikazzjoni, fil-każ tagħhom, ta’ miżuri ta’ klemenza. Huwa suffiċjenti li jingħad li tali argumenti bl-ebda mod ma juru n-neċessità ta’ rikompensa awtomatika tal-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ konformità, ir-rikompensi previst mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet differenti tagħha dwar il-klemenza (ma’ dik tal-2002 applikabbli għall-fatti tal-kawża) li jammontaw għal inċentiv suffiċjenti għal dan il-għan.

171    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun imwettaq għall-inqas b’mod negliġenti, huwa suffiċjenti li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita, li skont din, sabiex ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni jista’ jitqies li twettaq b’mod deliberat u mhux b’mod negliġenti, ma huwiex neċessarju li l-impriża kkonċernata tkun taf li qed tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni; huwa suffiċjenti li hija ma setgħetx tinjora li l-kondotta tagħha kellha bħala għan li tikser il-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 205, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk jirriżulta li l-konoxxenza, mill-persuni responsabbli ta’ impriża, tal-kontenut eżatt tar-regoli tal-kompetizzjoni, li tista’ tinkiseb sussegwentement għal programm ta’ formazzjoni u tal-konformità, ma hijiex prerekwiżit neċessarju għall-konstatazzjoni ta’ ksur għal imsemmija regoli. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, minkejja n-nuqqas ta’ tali konoxxenza, huwa possibbli li jiġi kkonstatat ksur għall-imsemmija regoli mwettaq, mhux biss b’negliġenza, iżda wkoll b’mod deliberat.

172    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-parti preżenti ma hijiex fondata u għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u tar-rikorrenti stess

173    Ir-rikorrenti ssostni li, f’serje ta’ kawżi fil-passat, il-Kummissjoni tat tnaqqis importanti tal-ammont tal-multa fil-preżenza ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi tas-settur sħiħ ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni spiss kienet irrikonoxxiet is-sitwazzjoni diffiċli ta’ settur bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Issa, għalkemm ir-rikorrenti wriet, fil-proċeduri amministrattivi, li s-settur sħiħ tal-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u hija stess b’mod partikolari kienet tinsab, kemm qabel il-perijodu ta’ ksur kif ukoll waqt dan, f’sitwazzjoni ta’ kriżi, il-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, irrifjutat li tirrikonoxxi ċirkustanza attenwanti bħala tali. Ir-rikorrenti tirrepeti, f’dan ir-rigward, l-argumenti tagħha diġà mressqa fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi sabiex turi s-sitwazzjoni ta’ kriżi allegata.

174    Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti fis-sens imressqa mir-rikorrenti u minn parteċipanti oħra għall-akkordju fil-proċeduri amministrattivi li jaqgħu, f’dan ir-rigward, fil-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif ġej: “Dawn l-argumenti jistgħu ċertament jispjegaw għaliex il-fornituri tal-karbur tal-kalċju u taż-żrar tal-manjesju setgħu jippreferixxu jillimitaw il-kompetizzjoni, iżda huma ma jiġġustifikawx il-prattiki ta’ akkordju”. Bħala risposta għal argument li skont dan, f’ċirkustanzi analogi, hija kienet, fil-passat, tat tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza li skont din hija ma kinitx marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha (ara l-punt 87 iktar ’il fuq) u hija żiedet dan li ġej: “Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali […] kkonfermat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-istat ekonomiku ħażin tas-settur inkwistjoni”.

175    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-istat finanzjarju ħażin tas-settur inkwistjoni. Dan ma huwiex għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti li hija għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prattika. F’dan ir-rigward għandu jingħad li bħala regola ġenerali, il-kartelli jibdew fil-mument fejn is-settur jaffaċċja diffikultajiet (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 510, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra p. II‑6831, punt 352, u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Hija preċiżament din il-ġurisprudenza li r-rikorrenti tinvoka sabiex tafferma li l-qorti tal-Unjoni ta’ spiss irrikonoxxiet is-sitwazzjoni ta’ kriżi ta’ settur partikolari bħala ċirkustanza attenwanti u huwa manifest li hija għamlet interpretazzjoni żbaljata.

177    Għall-kumplament, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika li fiha jinsab kemm is-settur sħiħ ikkonċernat kif ukoll hija stess b’mod partikolari, tammonta biss għal sempliċi repetizzjoni tal-argumenti simili li hija ressqet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 175 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ċaħdet dawn l-argumenti, u dan speċjalment peress li r-rikorrenti ma ressqet, quddiem il-Qorti Ġenerali, ebda element addizzjonali ta’ natura li jpoġġi f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, hekk kif tidher fid-deċiżjoni kkontestata.

178    Konsegwentement, il-ħames parti għandha tiġi miċħuda u konsegwentement it-tieni motiv ukoll, suġġett għall-eżami tat-tieni parti tagħha flimkien mat-tielet motiv. Min-naħa l-oħra, peress li l-argumenti kollha tar-rikorrenti eżaminati iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda, għandu jingħad li dawn l-argumenti ma jiġġustifikawx l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002

179    Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li tatha l-Kummissjoni bħala kumpens tal-kooperazzjoni tagħha fil-proċeduri amministrattiva (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) huwa ftit wisq u, b’hekk, illegali.

 Avviż dwar l-immunità tal-2002

180    Il-Parti B tal-paragrafi 20 sa 23 tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 jaqra hekk:

“B. TNAQQIS F’MULTA

20.      Impriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A [IMMUNITÀ MINN MULTI] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

21.      Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22.      Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23.      Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)      jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien;

b)      il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej.

Għal:

–        l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %;

–        it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %;

–        impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

 Deċiżjoni kkontestata

181    Fil-premessi 342 sa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet dan li ġej, dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 lir-rikorrenti:

“(342) Donau Chemie ppreżentat talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa fil-25 ta’ Jannar 2007, ġimgħa wara l-ispezzjonijiet, flimkien mas-sostenn tal-provi fir-rigward tal-karbur tal-kalċju (trab u żrar). [… I]l-Kummissjoni kellha diġà għad-dispożizzjoni tagħha provi provenjenti minn Akzo [Nobel] u spezzjonijiet li jirrigwardaw it-trab tal-karbur tal-kalċju. Madankollu, it-talba tat lill-Kummissjoni dettalji speċifiċi fuq l-avvenimenti li seħħew li jirrigwardaw iż-żrar tal-karbur tal-kalċju. F’dak iż-żmien, il-provi li l-Kummissjoni kellha li kienu jirrigwardaw dan is-settur tal-prodott kienu limitati (i) għad-dikjarazzjonijiet ta’ impjegat ta’ Akzo [Nobel] li kellhom konoxxenza sekondarja ta’ din il-parti tal-kartell, u (ii) għad-dokumenti ta’ spezzjoni li jikkontjenu informazzjoni sporadika. Dawn il-provi korroboranti fornuti minn Donau Chemie kkontribwew għall-istabbiliment tal-ksur.

(343) Donau Chemie kienet l-ewwel impriża li tforni lill-Kummissjoni d-dati u d-dettalji tal-kontenuti tal-laqgħat għal dan is-settur tal-prodott. Dawn l-elementi, minn natura stess tagħhom u mil-livell tagħhom ta’ preċiżjoni, saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li jagħtu prova tal-fatti inkwistjoni.

(344) Donau Chemie kienet ukoll l-ewwel impriża li indikat li l-kollużjoni dwar il-karbur tal-kalċju kienet tagħmel parti minn pjan antikompetittiv ikbar li jinkludi iż-żrar tal-manjesju. Donau Chemie temmet il-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur preżunt qabel ma tiġi ppreżentata d-domanda tagħha. Donau Chemie kompliet tikoopera billi ssuġġettat ruħha għat-talbiet għal informazzjoni, iżda ma fornietx il-provi komplementari fuq bażi volontarja.

(345) Skont il-[paragrafu] 23 tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-perċentwali ta’ tnaqqis tal-multa li tista’ tingħata lil Donau Chemie f’medda ta’ bejn 30 u 50 %, tikkunsidra l-fatt li t-tnaqqis mogħti lil Donau Chemie jkollha effett fuq il-multa għaż-żrar u t-trab tal-karbur tal-kalċju. Donau Chemie forniet biss elementi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv għaż-żrar tal-kalċju, wieħed miż-żewġ prodotti li għalihom il-multa hija imposta. Il-Kummissjoni tinnota li Donau Chemie rreferiet għall-eżistenza possibbli ta’ skema anti-kompetittiva iktar estiża li tinkludi ż-żrar tal-manjesju.

(346) Bħala konklużjoni, hekk kif jirriżulta minn dawn l-elementi, il-Kummissjoni tat lil Donau Chemie tnaqqis ta’ 35 % tal-ammont tal-multa li normalment kien ikun imposta fuqha.”

 Osservazzjonijiet introduttivi

182    Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lilha huwa iktar baxx mill-medda ta’ 30 sa 50 % prevista fl-ewwel inċiż tal-Parti B tal-paragrafu 23 tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002. Hija tikkunsidra li, jekk il-Kummissjoni kienet korrettement evalwat il-portata u l-valur tal-kooperazzjoni tagħha, hija kellha tagħtiha tnaqqis ogħla, viċin il-massimu ta’ 50 %. F’dan il-kuntest, hija tressaq argumenti li jirrigwardaw id-data li fiha hija tat provi lill-Kummissjoni kif ukoll għall-valur miżjud sinjifikattiv li dawn l-elementi jirrappreżentaw għaż-żrar tal-karbur tal-kalċju, għat-trab tal-karbur tal-kalċju u għaż-żrar tal-manjesju. Dawn l-argumenti jkunu suċċessivament eżaminati iktar ’il quddiem.

183    Sussegwentement għal dan l-eżami u abbażi tal-konklużjonijiet li rriżultaw, għandu jiġi evalwat jekk it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti huwa xieraq, jew le. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Parti B tal-paragrafu 23 tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 jipprovdi, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li jagħti, ġewwa l-medded previsti, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell tal-valur miżjud li l-elementi fornuti mill-impriża kkonċernata rrapreżentaw. Għalhekk, hemm lok, għal kull element eżaminat, li jiġi ddeterminat jekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod pożittiv jew negattiv, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ dan il-livell.

184    Ir-rikorrenti ssostni wkoll, sussidjarjament, li, fil-każ fejn l-elementi li hija qajmet fl-argumenti tagħha ma jiġġustifikawx tnaqqis tal-ammont tal-multa ikbar minn dak mogħti fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li forniet dawn l-elementi għandu jitqies li huwa kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-maħfra, fis-sens tar-raba’ inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida, u tiġġustifika r-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti għall-vantaġġ tagħha. Dan l-argument ikun eżaminat fl-aħħar lok.

 Fuq id-data ta’ għoti tal-provi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni

185    Ir-rikorrenti tfakkar li hija ppreżentat it-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, issostanzjata minn prova ta’ valur miżjud għoli, fil-25 ta’ Jannar 2007, jiġifieri ġimgħa biss wara l-verifiki li saru mill-Kummissjoni u qabel ma’ din ma għamlitilha talba għal informazzjoni.

186    Il-Kummissjoni ssostni li hija ma tikkondividix “fih innifsu” l-argument li skont dan il-preżentazzjoni tat-talba tar-rikorrenti għandha titqies li hija partikolarment rapida. Madankollu, hija żżid li, f’kull każ, fid-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet evalwazzjoni pożittiva fuq id-data tal-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tar-rikorrenti. Dan l-element, ikkunsidrat flimkien mal-valur miżjud tal-informazzjoni fornuta minn din tal-aħħar, kien wassal għall-iffissar, sa 35 %, tar-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.

187    Fir-rigward ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni u f’nuqqas ta’ argumenti speċifiċi ta’ din tal-aħħar bil-għan li turi li l-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tar-rikorrenti setgħet jew kellha sseħħ f’data preċedenti, jeħtieġ, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, li tikkunsidra b’mod pożittiv dan l-element għall-finijiet li jiġi stabbilit il-livell tal-valur miżjud irrappreżentat mill-elementi fornuti mir-rikorrenti.

 Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju

188    Ir-rikorrenti tagħmel preżentazzjoni dettaljata tal-elementi li hija forniet lill-Kummissjoni fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju u tal-valur miżjud li din tirrappreżenta, skont din, għall-Kummissjoni. Hija tikkonkludi li dawn l-elementi kienu l-ewwel li ppermettew lill-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur f’dan il-qasam. Skont ir-rikorrenti, qabel id-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet tiddisponi biss minn allużjonijiet ta’ kollaboratur ta’ Akzo għal din il-parti tal-akkordju, estremament vagi u nieqsa minn valur probatorju solidu.

189    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li, fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju, l-informazzjoni fornuta mir-rikorrenti huma utli għaliha u, min-natura tagħhom stess u mil-livell tagħhom ta’ dettall, għenuha turi l-ksur. Hija ssostni, madankollu, li hija ma kellhiex tiddependi esklużivament fuq din l-informazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur fil-qasam taż-żrar tal-karbur tal-kalċju, hekk kif hija ddisponiet mhux biss mid-dikjarazzjoni ta’ Akzo Nobel, iżda wkoll minn informazzjoni miġbura fl-ispezzjonijiet li hija kienet wettqet għand numru ta’ parteċipanti għall-akkordju.

190    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-premessa 343 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti permezz tad-dikjarazzjoni tagħha fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju kienu sinifikanti. Dan huwa element li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod pożittiv għall-finijiet tal-istabbiliment tal-livell tal-valur miżjud irrappreżentat mill-elementi fornuti mir-rikorrenti. L-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li skont din hija kienet tiddisponi diġà, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba tar-rikorrenti, ta’ ċerta informazzjoni u ta’ provi fuq din il-parti tal-ksur, ma twassalx għal konklużjoni differenti, peress li l-Kummissjoni stess amettiet li kienu l-elementi fornuti mir-rikorrenti li saħħew il-kapaċità tagħha li tipprova din il-parti tal-ksur.

 Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward tat-trab tal-karbur tal-kalċju

191    Ir-rikorrenti ssostni li forniet provi li ffaċilitaw b’mod partikolari l-konstatazzjoni tal-ksur, ukoll f’dak li jirrigwarda t-trab tal-karbur tal-kalċju. Dawn il-provi ttrattaw it-tul tal-ksur u kienu, barra minn hekk, ippermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-identità tal-parteċipanti għall-akkordju u l-kontenut tad-diskussjonijiet fil-laqgħat differenti dwar din il-parti tal-ksur.

192    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-affermazzjonijiet. Hija ssostni li, sabiex tevalwa l-valur miżjud tal-informazzjoni fornuta mir-rikorrenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li kienet tiddisponi minnhom fil-mument fejn ir-rikorrenti għamlet id-dikjarazzjoni tagħha, u mhux tad-dikjarazzjoni ta’ Akzo Nobel biss. Issa, f’dak il-mument, il-Kummissjoni kienet diġà ddisponiet minn provi suffiċjenti għall-parti tal-ksur dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, b’mod li l-kontribuzzjoni tar-rikorrenti ma kinitx ippreżentat valur miżjud sinjifikattiv, għal dak li jirrigwarda dan il-prodott. L-elementi msemmija f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fl-argumenti tagħha ma jiġġustifikawx tnaqqis tal-ammont tal-multa li jmorru lil hinn minn dak miftiehem fid-deċiżjoni kkontestata.

193    Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq tliet argumenti sabiex tafferma li l-elementi li hija kienet forniet mad-dikjarazzjoni tagħha kellhom valur miżjud sinjifikattiv, ukoll għal dak li jirrigwarda parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju. Fl-ewwel lok, hija ssostni li hija kienet l-ewwel li forniet lill-Kummissjoni informazzjoni fuq il-laqgħat tat-22 ta’ Novembru 2005 u tal-25 ta’ April 2006, imsemmija fil-premessi 78 u 83 rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, skont id-dikjarazzjoni tagħha, Akzo Nobel ma kinitx ipparteċipat f’dawn iż-żewġ laqgħat.

194    Dan l-argument ma jirnexxix. Is-sempliċi fatt li Akzo Nobel ma kinitx ipparteċipat f’dawn iż-żewġ laqgħat ma jfissirx li hija ma setgħetx tforni informazzjoni f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni. Fil-fatt, in-noti ta’ qiegħ il-paġna, Nru 188 u Nru 207 rispettivament, li għalihom jirreferu l-premessi msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, isemmu, fost il-provi mressqa mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ laqgħat, id-dikjarazzjoni ta’ Akzo Nobel. Huma jsemmu, barra minn hekk, varji dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni fl-ispezzjonijiet li saru għand parteċipanti differenti għall-akkordju. Peress li dawn l-ispezzjonijiet seħħew preċedentement għall-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tar-rikorrenti, dawn huma elementi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni waqt din il-preżentazzjoni. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni ċirkustanzjata mir-rikorrenti, tar-rilevanza ta’ dawn l-elementi kollha, ma jkunx ammess li hija kienet l-ewwel impriża li tforni lill-Kummissjoni bi provi rilevanti fir-rigward ta’ dawn il-laqgħat, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din iċ-ċirkustanza, anki jekk stabbilita, kienet tkun suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hija kienet forniet elementi ta’ valur miżjud sinifikanti wkoll għal dak li jirrigwarda t-trab tal-karbur tal-kalċju.

195    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, bid-differenza ta’ Akzo Nobel, hija indikat fid-dettall fit-talba għal immunità tagħha li huma kienu l-parteċipanti ta’ kull laqgħa tal-akkordju. B’mod partikolari, Akzo Nobel ma semmietx, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2006, il-parteċipazzjoni ta’ Novácke chemické závody għall-akkordju. Dawn huma biss l-informazzjoni tar-rikorrenti li ppermettew lill-Kummissjoni tikkonstata kull miżura tal-akkordju, u din tkun verament ħadet vantaġġ minnhom. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 154 tad-deċiżjoni kkontestata.

196    Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Hija l-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 154, imqajma mir-rikorrenti. Din il-premessa tirrigwarda t-tieni laqgħa minn naħa tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, li seħħ fis-7 ta’ Settembru 2004. Novácke chemické závody tidher fost il-parteċipanti ta’ din il-laqgħa, imsemmija fl-imsemmija premessa. Il-provi mressqa mill-Kummissjoni jidhru fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 153. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 154, imsemmija mir-rikorrenti, tikkonċerna b’mod iktar partikolari, il-lista ta’ parteċipanti ta’ din il-laqgħa, iżda hija tgħid sempliċement “Idem” u tirreferi, b’hekk, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 153. Din l-aħħar imsemmija nota telenka varji provi, fosthom żewġ dikjarazzjonijiet ta’ Akzo Nobel, tad-29 ta’ Novembru u tat-22 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll varji dokumenti ssekwestrati fl-uffiċċji tal-parteċipanti differenti għall-akkordju fl-ispezzjonijiet li seħħew mill-Kummissjoni. Fost dawn jidhru, b’mod partikolari, dokumenti ssekwestrati mingħand Novácke chemické závody stess. Hekk kif diġà ntqal, dawn l-ispezzjonijiet twettqu preċedentement għall-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fin-nuqqas ta’ argumenti ċirkustanzjati mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontesta dawn l-elementi kollha, l-argument tagħha li skont dan hija kienet l-ewwel impriża li tindika lill-Kummissjoni minn kienu l-parteċipanti għall-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju, għandu wkoll jiġi miċħud.

197    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li kienet din it-talba għal immunità tagħha li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi n-natura tal-akkordji konklużi fl-istess laqgħa. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 160 kif ukoll, “b’mod ġenerali”, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 136 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li forniet lill-Kummissjoni lista dettaljata tal-klijenti kkonċernati.

198    Fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 136, għandu jingħad li hija l-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata li saret referenza għaliha, sabiex issostni l-affermazzjoni li “[f]il-laqgħat differenti, minbarra t-taqsim tas-suq, il-parteċipanti jiddiskutu u jikkonċertaw fuq żidiet fil-prezzijiet ġenerali għat-trab tal-karbur tal-kalċju”. Huwa preċiż li din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tirreferi għat-talbiet ta’ maħfra tal-impriżi differenti, fosthom dik tar-rikorrenti, li hija l-ewwel fost id-dikjarazzjonijiet imsemmija li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni.

199    Madankollu, ma jkunx konkluż li hija permezz tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni saret taf għall-ewwel darba li l-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju jirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żieda tal-prezzijiet applikati mill-parteċipanti. Fil-fatt, l-istess premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid li: “Il-Kummissjoni għandha provi li juru li l-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet ġew diskussi u/jew maqbula f’għall-inqas sitt laqgħat minn tnax”. L-elementi li kellha l-Kummissjoni huma elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 137 u jinkludu ż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ Akzo Nobel imsemmija fil-punt 196 iktar ’il fuq, kif ukoll tad-dokumenti ssekwestrati fl-ispezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni qabel il-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tar-rikorrenti għand Novácke chemické závody u għand TDR Metalurgija.

200    Fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 160 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssemmi d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti sabiex ssostni l-affermazzjoni, li tidher fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din, fil-laqgħa tas-7 ta’ Settembru 2004, “fuq talba [ta’ impriża oħra parteċipanti għall-akkordju] (li kienet daħlet fi ftehim ta’ liċenzjar ma’ A., fornitur prinċipali fir-Renju Unit), ittieħdet deċiżjoni li tastjeni milli tforni klijenti lir-Renju Unit”. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kkonstatat li l-akkordju kontenzjuż ma kienx jestendi għar-Renju Unit (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Anki f’każ li huwa biss fuq din l-informazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tasal għal din il-konklużjoni fir-rigward tal-portata ġeografika tal-akkordju, ma tkunx kwistjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tat-trab tal-karbur tal-kalċju. Fil-fatt, din tal-aħħar ma ppermettietx lill-Kummissjoni li tipprova xi ħaġa, iżda għall-inqas kienet tindika li kien impossibbli li jiġi pprovat li l-akkordju kien jirrigwarda wkoll ir-Renju Unit.

201    Hekk kif jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ma kkunsidratx li l-elementi mressqa mir-rikorrenti jippreżentaw valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tat-trab tal-karbur tal-kalċju. Huwa każ ta’ element li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod negattiv għall-finijiet tal-istabbiliment tal-livell tal-valur miżjud sinjifikattiv irrappreżentat mill-elementi fornuti mir-rikorrenti.

 Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward taż-żrar tal-manjesju

202    Ir-rikorrenti tinvoka l-ewwel nett, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinkludi kunsiderazzjonijiet kontradittorji dwar il-valur miżjud tal-informazzjoni mressqa permezz tad-dikjarazzjoni tagħha, għal dak li jirrigwarda ż-żrar tal-manjesju. Il-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din hija “forniet biss elementi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv għaż-żrar tal-kalċju”, tkun f’kontradizzjoni mal-premessa 344, li skont din hija kienet “l-ewwel impriża li indikat il-kollużjoni fuq il-karbur tal-kalċju li kienet tifforma parti minn pjan antikompetittiv ikbar li jinkludi ż-żrar tal-manjesju”.

203    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, indipendentement stess minn dan il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha, tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi li hija ressqet fuq is-suġġett taż-żrar tal-manjesju, jammonta wkoll għall-illegalità. Il-Kummissjoni kkonfermat speċifikament, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li informatha dwar l-eżistenza tal-ksur dwar żrar tal-manjesju. It-talba għal immunità ta’ Akzo Nobel ma kienet tikkontjeni l-ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. B’hekk jirriżulta li r-rikorrenti forniet lill-Kummissjoni provi fundamentali, li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ din il-parti tal-akkordju. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni din il-parti tal-ksur, jista’ jingħad li, fuq dan il-punt, hija kienet l-ewwel impriża li kkooperat, fis-sens tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002. Fi kwalunkwe każ, dan ippermetta lill-Kummissjoni li tiżviluppa u li tikkonferma l-argumenti dwar pjan ġenerali u għal ksur uniku li jirrigwarda tliet prodotti differenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra, għalhekk, li hija għamlet kontribuzzjoni essenzjali, li ppermettiet li tiġi estiża l-portata u, konsegwentement, il-gravità tal-ksur u li żżid b’mod kunsiderevoli l-ammont tal-multi.

204    Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra ssemmi elementi konkreti dwar il-parti tal-ksur rigward iż-żrar tal-manjesju, li għalihom tikkunsidra li tat kontribuzzjoni sinjifikattiva. B’hekk, minn naħa, hija semmiet lill-impriżi li pparteċipaw għal din il-parti tal-akkordju kif ukoll lill-klijenti involuti. Min-naħa l-oħra, hija informat lill-Kummissjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet ta’ żewġ laqgħat tat-22 ta’ Novembru 2005 u tal-11 ta’ Lulju 2006. Fl-ewwel waħda, ir-rikorrenti kienet ġiet konvinta li tforni ruħha bil-manjesju mill-grupp Ecka. Fir-tieni, il-produtturi taż-żrar tal-manjesju kienu informaw lill-produtturi tal-karbur tal-kalċju żieda fil-prezz. Ir-rikorrenti ssostni li hija tat ukoll lill-Kummissjoni l-provi kollha li hija kellha, li kienu jirrigwardaw din l-informazzjoni. L-informazzjoni u l-provi li hija kienet tat kienu jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eżistenza ta’ valur miżjud sinjifikattiv. Barra minn hekk, il-valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi li hija kienet forniet ikun ikkonfermat mill-varji referenzi tad-deċiżjoni kkontestata għal dawn l-elementi.

205    Fir-replika, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikseb, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, anki, jekk hemm bżonn, bħala miżura ta’ investigazzjoni, kopja tat-talba għal immunità tagħha, għall-finijiet tal-eżami tal-indikazzjonijiet u tal-provi li jidhru fiha, għal dak li jirrigwarda ż-żrar tal-manjesju. Barra minn hekk, hekk kif diġà ntqal fil-punt 17 iktar ’il fuq, matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li tkun awtorizzata tiddepożita estratt tal-istess dikjarazzjoni. Mistoqsija dwar jekk jeżistux raġunijiet partikolari u konkreti li wassluha tippreżenta dan id-dokument mar-rikors, ir-rikorrenti rrispondiet fin-negattiv. Hija, madankollu żiedet li d-domanda tagħha kienet motivata mill-kontenut tar-risposta u, l-iktar, mill-kontroreplika tal-Kummissjoni, li fiha din sostniet li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, fl-imsemmija dikjarazzjoni, dwar l-eżistenza ta’ parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju, ikunu ambigwi. L-offerta tagħha tal-preżentazzjoni ta’ estratt tal-imsemmija dikjarazzjoni għandha l-għan li turi l-ineżattezza tal-imsemmija allegazzjoni.

206    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, peress li hija kienet l-ewwel impriża li sostniet l-eżistenza tal-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju, il-Kummissjoni tkun tat tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Degussa għall-provi fornuti għal dak li jirrigwarda din il-parti, u dan minkejja l-fatt li, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 355 tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa imposta fuq Degussa tikkonċerna biss il-parteċipazzjoni tagħha għall-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju. Skont ir-rikorrenti, it-trattament sfavorevoli rriżervat għall-Degussa juri iktar biċ-ċar l-illegalità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll, fuq l-istess bażi, ksur, għad-detriment tagħha, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

207    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-motivazzjoni allegatament kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 202 iktar ’il fuq). L-estratt tal-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, imqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, ħarġet barra mill-kuntest tagħha. Mill-qari ta’ din il-premessa kollha jirriżulta li l-Kummissjoni tikkonstata li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lir-rikorrenti b’mod konformi mal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 tapplika l-effetti tagħha kif ukoll fuq il-parti tal-multa li ser tiġi imposta fuqha għall-parteċipazzjoni tagħha għall-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju kif ukoll għall-parti stess tal-istess multa li tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha għall-parti tal-ksur dwar iż-żrar tal-karbur tal-kalċju, u huwa għalhekk li l-valur miżjud sinjifikattiv mogħti permezz tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tikkonċerna biss din l-aħħar parti. Il-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju ma hijiex imqajma f’dan il-kuntest, peress li r-rikorrenti ma pparteċipatx fih u, konsegwentement, il-multa li ġiet imposta fuqha ma kinitx tinkludi komponent dwar din l-aħħar imsemmija parti. B’hekk jirriżulta li l-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata ma tkunx la mifhuma f’dan is-sens li l-Kummissjoni ċaħdet kull valur miżjud għad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti għall-parti tal-ksur dwar iż-żrar tal-manjesju u lanqas li titqies li hija f’kontradizzjoni mal-premessa 344 tal-istess deċiżjoni.

208    Barra minn hekk, hemm lok li jingħad li mill-premessa msemmija l-aħħar u, hekk kif il-Kummissjoni min-naħa l-oħra, ikkonfermat fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li din ikkunsidrat b’mod pożittiv, fil-kuntest tal-iffissar tal-perċentwali tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandha tingħata lir-rikorrenti, minħabba l-fatt li hija kienet l-ewwel impriża li informatha dwar l-eżistenza tal-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju. Il-Kummissjoni xorta sostniet li hija ma kinitx f’pożizzjoni, fuq il-bażi biss tal-informazzjoni fornuta mir-rikorrenti, li turi l-eżistenza ta’ din il-parti tal-ksur. B’hekk, skont din, jirriżulta li r-rikorrenti, permezz tad-dikjarazzjoni tagħha ressqet valur miżjud sinjifikattiv biss f’dak li jirrigwarda ż-żrar tal-karbur tal-kalċju.

209    Qabel ma tieħu pożizzjoni fuq dawn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, sunti fil-punt 204 iktar ’il fuq, li permezz tagħhom din issostni li hija forniet lill-Kummissjoni elementi konkreti, dwar il-parti tal-ksur li tirrigwarda ż-żrar tal-manjesju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 113 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponu fid-dettall l-evoluzzjoni ta’ din il-parti tal-akkordju, ma tinkludi l-ebda referenza għad-dikjarazzjoni li saret mir-rikorrenti fil-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tagħha, jew għal xi kwalunkwe prova oħra fornuta minnha. Din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għad-dikjarazzjoni ta’ Degussa kif ukoll għal dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni fl-ispezzjonijiet li saru għand parteċipanti differenti tal-akkordju.

210    Fir-rigward tar-referenzi tar-rikorrenti għal-laqgħat tat-22 ta’ Novembru 2005 u tal-11 ta’ Lulju 2006, jirriżulta mill-premessa 78 u 85 rispettivament, tad-deċiżjoni kkontestata li dawn il-laqgħat jiffurmaw parti mill-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju. Il-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda wkoll il-laqgħa tat-22 ta’ Novembru 2005, tillimita ruħha li tirrepeti l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li, skont din, il-fornituri taż-żrar tal-manjesju pprovaw jikkonvinċuha tforni ruħha mill-manjesju minn Ecka, mingħajr ma tieħu pożizzjoni fuq din l-affermazzjoni jew tasal għal xi konklużjonijiet. Bl-istess mod, il-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-laqgħa tal-11 ta’ Lulju 2006, issemmi l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li skont din il-produtturi taż-żrar tal-manjesju kienu annunzjaw żieda fil-prezz, mingħajr ma kkummentat f’dan ir-rigward jew tasal għal xi konklużjonijiet. B’hekk ma jkunx ammess li dawn iż-żewġ affermazzjonijiet tar-rikorrenti pprovdew xi valur miżjud, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jew, jekk ikun il-każ, ta’ investigazzjoni, mitluba mir-rikorrenti (ara l-punt 205 iktar ’il fuq). Hekk kif ġie rrilevat, il-qari tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma li r-rikorrenti kienet ippreżentat iż-żewġ elementi msemmija fil-punt 210 iktar ’il fuq. L-ebda verifika ma hija, b’hekk, neċessarja, f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tatx importanza lil dawn iż-żewġ elementi fid-deċiżjoni kkontestata, u r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument sabiex turi l-importanza li jkollhom dawn iż-żewġ elementi għall-prova tal-aġir ta’ ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma semmietx provi oħra li jirrigwardaw il-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju, li hija kienet ppreżentat permezz tad-dikjarazzjoni tagħha u li l-Kummissjoni allegatament ma kkunsidratx. Ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali li tfittex hija stess, wara li talbet li tingħata dikjarazzjoni tar-rikorrenti, jekk din kienet tirreferi għal tali elementi addizzjonali. B’hekk, it-talba tar-rikorrenti, bil-għan tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri jew ta’ investigazzjoni, hija miċħuda.

212    Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġġustifikaw ukoll iċ-ċaħda tal-offerta ta’ prova tar-rikorrenti, imressqa fis-seduta u li tirrigwarda l-għoti ta’ estratt tal-istess dikjarazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-partijiet jistgħu jagħmlu offerti ta’ prova insostenn tal-argumenti tagħhom fir-replika u fil-kontroreplika, din id-dispożizzjoni tippreċiża madankollu li huma għandhom jimmotivaw id-dewmien għall-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom ta’ prova. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preżentazzjoni tal-offerti ta’ prova wara l-kontroreplika tibqa’ possibbli fil-każ fejn l-awtur tal-offerta ma setax, wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub, ikollu provi inkwistjoni jew jekk it-tressiq tard tal-avversarju tiegħu jiġġustifikaw li l-fajl ikun komplet b’mod li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Fir-rigward ta’ eċċezzjoni għar-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni tal-offerti tal-prova, l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura jimponi fuq il-partijiet li jimmotivaw id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom tal-prova. Tali obbligu jimplika li jkunu rikonoxxut lill-qorti s-setgħa ta’ stħarriġ dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni tad-dewmien għat-tressiq ta’ dawn l-offerti ta’ prova u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma hijiex fondata b’mod suffiċjenti skont il-liġi, is-setgħa li tiċħadhom. A fortiori, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-offerti tal-prova ppreżentati wara l-preżentata tal-kontroreplika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Gaki Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il-Parlament, T‑47/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑55 u II‑A‑2‑357, punti 55 u 56).

213    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda motiv li pprekludiha milli tippreżenta d-dokument inkwistjoni mar-rikors. Fir-rigward tal-argument tagħha, li skont dan, dan id-dokument juri li dawn l-affermazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-karbur tal-kalċju ma jkunux ambigwi, għandu jingħad li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni għamlet tali evalwazzjoni fuq id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, hekk kif diġà ntqal, hija kkunsidrat b’mod pożittiv il-fatt li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li informatha dwar din il-parti tal-akkordju, fejn irrimarkat li r-rikorrenti ma fornithiex bi provi suffiċjenti, fir-rigward ta’ din il-parti tal-akkordju. Anki f’każ li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fuq din l-istess domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li din tinvoka l-karattru ambigwu tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, dan l-element, bl-ebda mod imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, huwa irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u ma jistax jiġi kkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, b’mod li jekk, hekk kif allegat ir-rikorrenti, l-offerta tagħha ta’ preżentazzjoni ta’ estratt tad-dikjarazzjoni hija intiża biss sabiex tikkontradixxi dan l-aħħar imsemmi argument, ma għandux jiġi ammess.

214    Fil-fatt, minkejja l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 210 iktar ’il fuq, il-fatt li, permezz tad-dikjarazzjoni tagħha, ir-rikorrenti, għall-ewwel darba, informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju, jammonta għal element li għandu jiġi kkunsidrat b’mod pożittiv u li l-Kummissjoni, effettivament, ikkunsidrat, hekk kif ikkonfermat id-deċiżjoni kkontestata, fl-istabbiliment tal-perċentwali eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lir-rikorrenti. Madankollu, f’dan l-istess kuntest, jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat, b’mod negattiv, il-fatt, mhux ikkontestat mill-elementi mressqa mir-rikorrenti, li d-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tippermettix, fiha nfisha, lil-Kummissjoni, li tipprova l-eżistenza ta’ din il-parti tal-ksur.

215    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, sunt fil-punt 206 iktar ’il fuq u bbażat fuq illegalità u fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Degussa, dan ma jintlaqax.

216    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata l-eżistenza ta’ ksur uniku, li jirrigwarda tliet prodotti differenti, mingħajr ma din il-konstatazzjoni tkun ikkontestata mir-rikorrenti. Permezz tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, il-Kummissjoni ntrabtet, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 8 tiegħu, li tagħti immunità ta’ multi lill-ewwel impriża li tatha provi li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tagħti verifiki jew li tikkonstata ksur lir-regoli tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li tagħti, b’mod konformi mal-paragrafi 20 et seq, tnaqqis tal-ammont tal-multa lill-impriżi l-oħra li fornew, fl-istess kuntest, provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv. Fost l-impriżi ta’ din l-aħħar imsemmija kategorija, huwa applikat tnaqqis skont l-ordni li fih hija fornuta din l-informazzjoni, l-ewwel għandha dritt għal rata ta’ tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni għal rata ta’ tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 % u l-oħrajn għal rata ta’ tnaqqis li jista’ jitla’ sa massimu ta’ 20 %.

217    F’din il-kawża, ir-rikorrenti kienet l-ewwel impriża, wara Akzo Nobel, li ppreżentat talba għal immunità akkumpanjata minn provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv, u b’hekk kellha dritt għal tnaqqis ta’ 30 sa 50 %. Hija finalment ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 35 %. Degussa kienet it-tieni impriża li setgħet titlob tnaqqis u ngħatat, fid-deċiżjoni kkontestata, tnaqqis ta’ 20 %. B’hekk ma teżistix la illegalità u lanqas trattament favorevoli ta’ Degussa fir-rigward tar-rikorrenti.

218    Sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija kienet l-ewwel li setgħet titlob tnaqqis għall-parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju, iżda li l-Kummissjoni tkun tat dan it-tnaqqis lil Degussa, huma għandhom jiġu miċħuda. Fir-rigward ta’ ksur uniku, ma kinitx il-kwistjoni dwar tnaqqis għal parti waħda jew l-oħra tal-akkordju. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa għandu jkopri, u effettivament kopra, il-multa kollha imposta fuq l-impriża kkonċernata. Il-kwistjoni tal-prodotti li fir-rigward tagħhom l-impriża inkwistjoni kienet forniet provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv kien, ċertament, rilevanti, iżda biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-livell tal-valur miżjud irrappreżentat mill-elementi fornuti, sabiex tiġi determinata r-rata eżatta tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandha tingħata. Il-fatt li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ parti tal-akkordju dwar iż-żrar tal-manjesju ma tfissirx la li impriża oħra, f’dan il-każ Degussa, ma setgħetx tforni provi ta’ din l-istess parti tal-akkordju, li tirrappreżenta valur miżjud sinjifikattiv, u lanqas li hija ma setgħetx tikseb, b’dan il-mod, tnaqqis tal-ammont tal-multa, barra minn hekk iktar baxx minn dak mogħti lir-rikorrenti.

219    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, imressaq fir-replika, li jqajjem dubji fir-rigward tal-immunità mill-multi mogħtija lil Akzo Nobel, kif jirriżulta mill-karattru allegatament vag tal-affermazzjonijiet li jirriżultaw fid-dikjarazzjoni ta’ din fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju u tal-allegata kontestazzjoni tal-eżistenza stess ta’ parti tal-ksur li tirrigwarda ż-żrar tal-manjesju. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax li Akzo Nobel żvelat prova ta’ valur miżjud sinjifikattiv għal dak li jirrigwarda t-trab tal-karbur tal-kalċju, li ppermettew lill-Kummissjoni tordna verifiki u, barra minn hekk, li tikkonstata ksur uniku li jinkludi parti dwar dan il-prodott. Dawn il-fatti kienu, fihom infushom, suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-immunità mill-multi mogħtija lil Akzo Nobel.

 Evalwazzjoni tan-natura xierqa tar-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija lir-rikorrenti

220    Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija forniet lill-Kummissjoni, għat-tliet prodotti kkonċernati mill-ksur, provi li jippreżentaw valur miżjud sinjifikattiv u li, konsegwentement, hija kellha tikseb tnaqqis ta’ rata viċin il-limitu ogħla (50 %) tal-livell previst.

221    Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Avviż dwar l-immunità tal-2002 jagħtiha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-istabbiliment tar-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandha tingħata lil impriża, bħala kumpens għall-kooperazzjoni tagħha.

222    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 58 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tar-rata ta’ tnaqqis xierqa għal dik tal-Kummissjoni u li, jekk hija tikkonstata li rata differenti kienet xierqa, hija tista’, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni b’mod konformi mar-rata ta’ tnaqqis li jidhrilha xieraq. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq u fin-nuqqas ta’ kull element jew argument tar-rikorrenti li tista’ tiġġustifika li l-Qorti Ġenerali titbiegħed mill-iskala tat-tnaqqis applikabbli għar-rikorrenti b’mod konformi mal-Avviż dwar l-immunità tal-2002 (30 sa 50 %), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tosserva din l-iskala. Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rata tat-tnaqqis ta’ 35 % magħżula mill-Kummissjoni kinitx xierqa jew jekk l-applikazzjoni ta’ rata differenti, jekk tkun eqreb għal limitu ogħla hekk kif issostni r-rikorrenti, kienet tkun ġustifikata.

223    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, id-data li fiha r-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni talba għal immunità tagħha li tikkontjeni provi tal-ksur, il-valur miżjud sinjifikattiv li dawn l-elementi jirrappreżentaw għall-prova ta’ parti tal-ksur dwar iż-żrar tal-karbur tal-kalċju kif ukoll il-fatt li r-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tielet parti tal-ksur, dwar iż-żrar tal-manjesju, kollha jammontaw għal elementi li jeħtieġu li jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-istess evalwazzjoni, b’mod negattiv, il-fatt li l-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippreżenta l-ebda valur miżjud sinjifikattiv għall-parti tal-akkordju dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju kif ukoll il-fatt li r-rikorrenti, jekk hija informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ parti tal-akkordju li tirrigwarda ż-żrar tal-manjesju, ma kinitx f’pożizzjoni li tagħtiha elementi konkreti li kienu ppermettew lil din tal-aħħar turi din il-parti tal-ksur. Dawn l-elementi ġew sussegwentement fornuti minn Degussa.

224    Għandu jingħad ukoll li, fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li, wara l-preżentazzjoni tat-talba għal immunità tagħha li tikkontjeni provi, ir-rikorrenti “kompliet tikoopera billi tissuġġetta ruħha għal talbiet għal informazzjoni, iżda ma ressqitx provi addizzjonali fuq bażi volontarja”. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni, li tista’ tindika li r-rikorrenti kellha provi oħra li hija ma fornithiex bihom b’mod volontarju, għandu jiġi konkluż li dan huwa sempliċi kumment newtrali tal-Kummissjoni, bil-għan li jippreżenta l-fatti rilevanti fl-intier tagħhom u li jeħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata la b’mod pożittiv u lanqas b’mod negattiv.

225    Hekk kif diġà ġie sostnut, fil-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrimarkat li, filwaqt li r-rikorrenti kienet ressqet prova ta’ valur miżjud sinjifikattiv biss għall-parti tal-ksur li tirrigwarda ż-żrar tal-karbur tal-kalċju, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ser jingħata jkollu effett mhux biss fuq il-parti tal-multa li tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha għal din il-parti tal-ksur, iżda wkoll fuq dik li tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur dwar it-trab tal-karbur tal-kalċju. Huwa evidenti li dan l-element kellu rwol fl-għażla tar-rata tat-tnaqqis li kellu jingħata lir-rikorrenti.

226    Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni sostniet li, fir-rigward ta’ dan l-element, hija kkunsidrat li kienet dehret “iktar milli ġeneruża” billi tat lir-rikorrenti rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 35 %. Hija żiedet li t-tnaqqis ta’ 35 % tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti kien jikkorrispondi għal EUR 2.7 miljun, li jirrappreżenta 70 % tal-parti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tagħha għal parti minn dan il-ksur li jirrigwarda ż-żrar tal-karbur tal-kalċju. Bħala risposta għal osservazzjoni tar-rikorrenti li skont din, essenzjalment, tali argumenti ma humiex konċiljabbli mal-konstatazzjoni ta’ ksur uniku li jirrigwarda tliet prodotti distinti, il-Kummissjoni rrimarkat li, minkejja l-eżistenza ta’ ksur uniku, kien possibbli għaliha li “tagħmel distinzjoni, skont il-valur miżjud tal-informazzjoni kkomunikata, bejn l-elementi differenti ta’ dan l-akkordju”.

227    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kumment tal-Kummissjoni, kemxejn vag, hemm lok li jiġi ppreċiżat li mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 218 iktar ’il fuq jirriżulta li kien ikun kuntrarju għall-Avviż dwar l-immunità tal-2002 li jiġi applikat tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-komponenti biss tal-multa dwar il-parti tal-ksur li għaliha r-rikorrenti kienet forniet prova ta’ valur miżjud sinjifikattiv. F’kull każ, matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li dan il-kumment ma kellux jiġi interpretat fis-sens li kien jafferma l-oppost.

228    Fil-fatt, ir-rilevanza tal-provi ta’ ksur għall-parti tal-ksur li għaliha kienet ipparteċipat l-impriża li forniethom ma tidhirx fost il-kriterji li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23 tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-imsemmija impriża.

229    B’hekk jirriżulta li, għall-finijiet tal-istabbiliment tar-rata ta’ tnaqqis xierqa li għandha tiġi applikata, sabiex ir-rikorrenti tiġi kkumpensata tal-kooperazzjoni tagħha, sal-ammont tal-multa li għandu jiġi impost fuqha, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-multa tissanzjona l-parteċipazzjoni tagħha mhux biss għall-parti tal-ksur li għaliha kienet forniet prova ta’ valur miżjud sinjifikattiv, iżda wkoll għal parti oħra tal-istess ksur, li għaliha hija ma kinitx forniet tali elementi.

230    Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-indikazzjonijiet fuq id-dħul mill-bejgħ imwettqa mill-parteċipanti għall-akkordju fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet prodotti kkonċernati mill-ksur, hekk kif jidhru fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ akkumulat imwettaq minnhom mit-trab tal-karbur tal-kalċju jirrappreżenta bejn 45 u 50 % tat-total, dak li jirrigwarda ż-żrar tal-karbur tal-kalċju jirrappreżenta bejn 30 u 35 % tat-total u dak miż-żrar tal-manjesju 20 %. B’hekk jirriżulta li r-rikorrenti tat lill-Kummissjoni, fl-opinjoni stess ta’ din tal-aħħar, il-provi neċessarji sabiex turi parti mill-ksur li jirrappreżenta bejn 30 u 35 % tal-dħul mill-bejgħ ġenerali kkonċernat mill-ksur u, barra minn hekk, hija ġibdet l-attenzjoni tagħha fuq l-eżistenza tat-tielet parti tal-istess ksur, għalkemm ma kinitx f’pożizzjoni li tagħtiha l-elementi neċessarji sabiex turi l-eżistenza tagħha.

231    Fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeħtieġ li t-tielet motiv jintlaqa’ parzjalment, li l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa hekk kif jirriżulta minn rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 35 % u tbiddel, suġġett għall-eżami tal-motivi u l-argumenti oħra tar-rikorrenti li għadhom ma ġewx eżaminati, l-ammont tal-multa impost fuq din għal EUR 4.35 miljun, jiġifieri għal ammont li jikkorrispondi għal rata ta’ tnaqqis ta’ 43.5 % tal-ammont bażiku ta’ EUR 7.7 miljun indikat fir-rigward tar-rikorrenti fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti

232    Jibqa’ l-argument tar-rikorrenti li skont dan, il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Huwa veru li, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti fformulat dan l-argument biss sussidjarjament “għall-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tametti” l-argumenti tagħha dwar ksur tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-fatt li dan l-aħħar imsemmi argument ma ġiex konċess totalment, kif ukoll mill-fatt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet ukoll argumenti simili fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha (ara l-punt 148 iktar ’il fuq), dan l-argument għandu jiġi eżaminat ukoll.

233    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti “meta l-impriża kkonċernata tikoopera effettivament ma’ [magħha], barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-maħfra u lilhinn mill-obbligi legali tagħha li tikoopera”. Skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni fil-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni ppermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultajiet u, jekk ikun il-każ, li jintemm (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 36, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 83; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 325).

234    F’din il-kawża, sa fejn l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ għarfien ta’ ċirkustanza attenwanti taħt il-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni jikkonċerna l-kooperazzjoni tagħha li rriżultat mill-preżentata tat-talba tagħha fis-sens tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, manifestament, din ma hijiex kooperazzjoni “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” ta’ dan l-avviż. Din il-kooperazzjoni ġiet evalwata mill-Kummissjoni skont l-imsemmi avviż u l-Qorti Ġenerali diġà stħarrġet din l-evalwazzjoni, billi tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, li wasslitha tagħti lir-rikorrenti tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha.

235    Sa fejn l-istess argument tar-rikorrenti jikkonċerna kooperazzjoni distinta minn dik li rriżultat mill-preżentata tat-talba tagħha għall-applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità tal-2002, din għandha tkun miċħuda wkoll. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppreċiżat la fiex ikkonsistiet konkretament din l-allegata kooperazzjoni u lanqas, inqas minn hekk, b’liema mod hija kienet ippermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li jintemm.

236    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti u li wieħed jillimita ruħu għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa msemmi fil-punt 231 iktar ’il fuq.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità

237    Ir-rikorrenti ssostni li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa li imponiet fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità. L-argumenti differenti li hija żviluppat f’dan il-kuntest jistgħu jinġabru taħt żewġ ilmenti prinċipali, ibbażati, minn naħa, fuq l-assenza ta’ differenzjazzjoni tal-ammont tal-multa abbażi tad-daqs tal-impriżi kkonċernati u tad-dħul tagħhom mill-bejgħ, kemm globali kif ukoll imwettqa fis-swieq ikkonċernati mill-ksur u, min-naħa l-oħra, tat-trattament allegatament favorevoli ta’ Almamet.

238    Dawn iż-żewġ ilmenti jkunu suċċessivament eżaminati iktar ’il quddiem. Madankollu, hemm lok li jitfakkar, preliminarjament, li, sabiex jiġu stabbiliti tali multi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni hija marbuta tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, hekk kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 77 u 79, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 41). B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jkunux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 226, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza tad-differenzjazzjoni tal-ammont tal-multa abbażi tad-daqs tal-impriżi kkonċernati u tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, kemm globali kif ukoll imwettqa fis-swieq li jikkonċernaw il-ksur

239    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq id-daqs tal-impriża kkonċernata, peress li b’parteċipazzjoni ugwali għall-ksur, l-ammont tal-multa jista’ jvarja abbażi tad-daqs tal-impriżi inkwistjoni. Il-qrati tal-Unjoni kienu raw fid-daqs tal-impriżi kriterju essenzjali għall-istabbiliment tal-multi fil-każijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ numru ta’ impriżi għall-ksur. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kienet ħatja ta’ ksur flagranti tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għad-detriment tar-rikorrenti. Peress li din kienet impriża ta’ daqs relattivament modest, ġiet imposta multa fuqha li l-ammont bażiku kien ekwivalenti għal ċirka 4 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha tas-sena 2006. Min-naħa l-oħra, l-ammont bażiku tal-multa ta’ Akzo Nobel u ta’ Degussa kien ekwivalenti għal ċirka 0.05 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ globali rispettivi tal-istess sena.

240    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tattribwixxi lill-Kummissjoni ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn din ma stabbilixxietx ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost fuqha inqas, għall-inqas minn dak stabbilit għal Akzo Nobel, Degussa, Almamet u Novácke chemické závody. Ir-rikorrenti tikkunsidra li, peress li d-dħul mill-bejgħ li hija ġġenerat fis-swieq ikkonċernati mill-ksur huwa iktar baxx minn dak iġġenerat minn Almamet u minn Novácke chemické závody u li, barra minn hekk, hija ffaċċjat sitwazzjoni ekonomika diffiċli għar-raġunijiet spjegati fil-kuntest tal-ħames motiv, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra, fil-każ tagħha, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont bażiku tal-multa, perċentwali tal-valur tal-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-ksur iktar baxx minn 17 %.

241    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ammont tal-multa għandu jkun proporzjonat mal-ksur, mal-impatt ta’ dan fis-suq, man-neċessità li jiġu pprevenuti ksur ġodda u għall-kapaċità ekonomika tal-impriża kkonċernata. Sabiex turi l-karattru, skont din, sproporzjonata tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha, hija tqajjem is-sitwazzjoni partikolari tas-swieq ikkonċernati mill-ksur, li, skont din, huma swieq pjuttost limitati. Hija ssostni wkoll, fl-istess kuntest, li r-riżultati kummerċjali tagħha f’dan is-settur huma relattivament modesti, id-dħul mill-bejgħ annwali tagħha fuq l-imsemmija swieq jitilgħu għal ċirka EUR 13-il miljun fis-sena. Il-prodotti kkonċernati ma jkunux prodotti ta’ rendiment għoli, hekk kif jirriżulta mill-karattru kimiku perikoluż tagħhom, li jimplikaw responsabbiltajiet kbar sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà. B’hekk, il-marġni ta’ qligħ li jkun hemm b’dawn il-prodotti normalment ma jkunux kbar. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-multa li ġiet imposta fuqha ma għandha l-ebda relazzjoni mal-marġni li jagħtuha l-prodotti kkonċernati mill-ksur.

242    Ir-rikorrenti tagħmel, barra minn hekk, paraguni differenti tal-ammont tal-multa imposta fuqha, sabiex turi l-karattru sproporzjonat tagħha. Hija ssostni li dan l-ammont jitla’, fil-każ tagħha, għal ċirka 20 % tal-limitu tal-multa previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha li seħħ fis-sena finanzjarja preċedenti). Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ Akzo Nobel, il-multa li kienet ser tiġi imposta fuqha (kieku hija ma kinitx ibbenefikat minn immunità ta’ multi) kienet tikkorrispondi għal 1.1 % tal-limitu previst għall-każ tagħha. L-istess proporzjon ikun ta’ 0.5 % biss fil-każ ta’ Degussa. Ir-rikorrenti tqajjem, barra minn hekk, eżempji differenti ta’ ksur fil-passat, li għalihom il-multi imposti fuq impriżi kkonċernati jirrappreżentaw proporzjon ħafna inqas għoli mid-dħul mill-bejgħ globali tagħhom u tal-limiti tal-multa li kienu applikabbli għalihom.

243    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

244    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ibbażat fuq id-differenza fid-daqs bejn il-parteċipanti differenti għall-ksur, għandu jingħad li, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-prassi deċiżjonali ta’ din imressqa mir-rikorrenti tikkonċerna każijiet fejn hija kienet applikat il-linji gwida tal-1998, fil-frattemp abrogati. Dan jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza mqajma mir-rikorrenti, li tikkonċerna, hija wkoll, każijiet fejn kienu ġew applikati dawn il-linji gwida.

245    Il-linji gwida tal-1998 jipprovdu, fil-parti 1 A u B, l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa skont sistema differenti minn dak previst fil-linji gwida. Konkretament, tliet livelli distinti ta’ ammonti tat-tluq kienu previsti għall-ksur, rispettivament, ftit gravi, gravi u gravi ħafna.

246    Fuq applikazzjoni ta’ din is-sistema, il-Kummissjoni kienet, f’ċerti okkażjonijiet, iddeċidiet li taqsam l-impriżi li pparteċipaw fi ksur, abbażi tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom, f’kategoriji differenti, li ġew applikati fir-rigward tagħhom ammont bażiku differenti (ara, pereżempju, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punt 13). Din il-prattika tal-Kummissjoni kienet ġiet approvata mill-qorti tal-Unjoni bħala konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 162 iktar ’il fuq, punti 186 sa 188). Hija preċiżament din il-ġurisprudenza li r-rikorrenti tinvoka insostenn tal-argumenti tagħha.

247    Issa, il-Kummissjoni abrogat, kif kellha d-dritt li tagħmel (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), il-linji gwida tal-1998, u hija ssostitwixxiethom b’linji gwida, li jipprovdu sistema differenti għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq (ara l-punt 106 iktar ’il fuq), din is-sistema ġdida timplika l-iffissar ta’ ammont bażiku tal-multa xierqa għal kull parteċipant, abbażi tal-valur tal-bejgħ li huwa kiseb permezz tal-ksur, b’mod li t-tqassim tal-parteċipanti għall-istess ksur f’kategoriji differenti skont id-daqs rispettiv tagħhom jew kull kriterju ieħor rilevanti ma huwiex iktar neċessarju.

248    Min-naħa l-oħra, hekk kif intqal fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-linji gwida jipprovdu, fil-paragrafu 30, il-possibbiltà ta’ żieda fl-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, lil hinn minn oġġetti u s-servizzi li l-ksur jirrigwardahom, huwa partikolarment importanti, sabiex jiġi żgurat li din il-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti. Il-kunsiderazzjoni tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa ma huwiex totalment eskluż taħt il-linji gwida.

249    Madankollu, ma jkunx meħtieġ iktar mill-Kummissjoni li hija tieħu sistematikament inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

250    Fil-fatt, jekk jirriżulta mill-paragrafu 30 tal-linji gwida li żieda fil-multa li tiġi imposta fuq impriża tista’ tirriżulta neċessarja sabiex tiżgura lil din il-multa effett suffiċjentement dissważiv ma jirriżultax għal kuntrarju li multa li ma tirrappreżentax perċentwali sinjifikattiv tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata ma jkollhiex effett suffiċjentement dissważiv fir-rigward ta’ din l-impriża. Għandu jingħad f’dan ir-rigward, li multa stabbilita skont metodoloġija definita fil-linji gwida tirrappreżenta, bħala prinċipju, perċentwali kunsiderevoli tal-valur tal-bejgħ li l-impriża ssanzjonata wettqet fis-settur ikkonċernat mill-ksur. B’hekk, minħabba l-multa, l-impriża inkwistjoni tara l-benefiċċji tagħha f’dan is-settur jonqsu b’mod sinjifikattiv, saħansitra tirreġistra telf. Anki jekk id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-imsemmija impriża f’dan is-settur jirrappreżenta biss frazzjoni żgħira tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, ma jkunx a priori eskluż li t-tnaqqis tal-qligħ miksub f’dan is-settur, jew saħansitra l-bdil tagħhom f’telf, ikollu effett dissważiv, sa fejn, bħala prinċipju, impriża kummerċjali topera f’settur partikolari sabiex tagħmel qligħ. B’hekk il-paragrafu 30 tal-linji gwida ġustament jipprovdi l-fakultà u mhux l-obbligu lill-Kummissjoni li żżid il-multa imposta fuq impriża li d-dħul mill-bejgħ, lil hinn mill-beni u s-servizzi kkonċernati mill-ksur, huwa partikolarment importanti (sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 62 sa 64).

251    B’hekk, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-paraguni mwettqa mir-rikorrenti bejn l-ammonti tal-multi imposti għal parteċipanti differenti għall-ksur kontenzjuż, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ globali rispettivi tagħhom, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

252    Fir-rigward tal-argument li skont dan l-ammont bażiku tal-multa stabbilit mir-rikorrenti kellu jkun iktar baxx, f’ċifri assoluti, minn dak stabbilit għal ċerti parteċipanti oħra għall-ksur (ara l-punt 240 iktar ’il fuq), mill-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li żewġ impriżi biss imsemmija mir-rikorrenti, Degussa u Almamet, kellhom applikati fir-rigward tagħhom ammont bażiku tal-multa iktar baxx, f’ċifri assoluti, għal dak stabbilit fil-każ tar-rikorrenti.

253    Issa, minn naħa, fir-rigward tal-każ ta’ Degussa, dan il-fatt jiġi spjegat mit-tul tal-parteċipazzjoni tiegħu għall-ksur, sinifikattivament inqas għoli (erba’ xhur) minn dak fil-każ tar-rikorrenti, u l-fatt li din il-parteċipazzjoni tikkonċerna biss parti mill-akkordju (dak li jirrigwarda t-trab tal-karbur tal-kalċju).

254    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Almamet, mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ globali tagħha fl-aħħar eżerċizzju komplet kien ipproċeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien jitla’ għal ammont ta’ ċirka EUR 40 sa 50 miljun (għal EUR 257 miljun fil-każ tar-rikorrenti; ara l-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-valur tal-bejgħ li hija kienet wettqet fir-rigward tal-ksur kien iktar baxx minn dak tal-bejgħ tar-rikorrenti. L-istess japplika għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha għall-akkordju (ara l-premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, is-sempliċi fatt li dawn iż-żewġ impriżi kellhom applikat fir-rigward tagħhom ammont bażiku tal-multa iktar baxx, f’ċifri assoluti, għal dak applikat għar-rikorrenti ma jammontax la għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u lanqas għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għandu jiġi indikat, fl-istess kuntest, li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha allegatament diffiċli huma eżaminati iktar ’il quddiem, fl-analiżi tal-ħames motiv.

255    Lanqas ma jintlaqgħu l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq karattru allegatament ristrett tas-swieq inkwistjoni, li jippermettu biss il-kisba ta’ marġni mnaqqsa.

256    Ċertament jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, għall-istabbiliment tal-ammont tal-multi li għandu jiġi impost f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat it-tul tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura li jaqgħu fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dawn, bħall-aġir ta’ kull wieħed mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull wieħed minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-qligħ li huma setgħu jagħmlu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju tal-ksur ta’ dan it-tip irrappreżentat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

257    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk l-ammont tal-multa impost fuq impriża għandu jkun proporzjonat mat-tul tal-ksur u mal-elementi l-oħra ta’ tip li jaqgħu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li fosthom jidher il-vantaġġ li l-impriża kkonċernata setgħet tikseb mill-prattiki tagħha, il-fatt li impriża ma ħadet l-ebda vantaġġ mill-ksur ma jkunx ta’ ostakolu sabiex multa tkun imposta, suġġetta li ttellef lil din tal-aħħar il-karattru dissważiv tagħha (ara s-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punt 441, u l-ġurisprudenza ċċitata).

258    B’hekk jirriżulta li l-qligħ li l-impriża kkonċernata setgħet tikseb mill-ksur u, b’mod iktar ġenerali, il-qligħ li hija kisbet fis-swieq ikkonċernati mill-ksur jammontaw għal element, fost oħrajn, li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tal-multa, ma jeżisti l-ebda obbligu, għall-Kummissjoni jew għall-qorti tal-Unjoni meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi, li tiżgura ruħha li dan l-ammont ikun direttament proporzjonali għall-qligħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni fis-swieq ikkonċernati, jew li ma jeċċeduhomx.

259    Fl-aħħar nett, huma wkoll irrilevanti l-paraguni differenti, imwettqa mir-rikorrenti, tal-ammonti tal-multi imposti fuq parteċipanti differenti għall-akkordju kontenzjuż, bħala perċentwali tal-limitu tal-multa applikabbli għal kull wieħed minn dawn b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan il-limitu huwa limitu massimu li għandu biss bħala konsegwenza possibbli li l-ammont tal-multa kkalkolat fuq il-bażi tal-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur huwa mnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu jimplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, bħala prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq l-imsemmija kriterji (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 283). B’hekk jirriżulta li s-sempliċi fatt li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija iktar viċina għal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha milli fil-każ ta’ parteċipanti oħra għall-akkordju, ma jistax jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tal-proporzjonalità. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti għall-interpretazzjoni tal-limitu ta’ 10 % bħala sempliċi limitu massimu li huwa applikat wara tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti jew ta’ prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 163, u l-ġurisprudenza ċċitata).

260    Hekk kif jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq trattament allegatament favorevoli ta’ Almamet

261    Ir-rikorrenti ssostni ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni ma tagħtix tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa, hekk kif għamlet għal Almamet. Hija tqajjem, fl-istess kuntest, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

262    Fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li kien meħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li Almamet kienet negozjant indipendenti ta’ daqs żgħir ħafna li ma kinitx tappartjeni lil ebda grupp kbir ta’ kumpanniji. Almamet kienet attiva fin-negozju tal-materjali ta’ valur għoli b’marġni ta’ qligħ pjuttost imnaqqas u hija kellha “ġabra ta’ prodotti relattivament iffokati”. Il-Kummissjoni żiedet li “[l]-fatt li l-multa imposta [kellha] impatt relattivament għoli fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din it-tip ta’ kumpannija” kien ittieħed ukoll inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, fir-rigward ta’ dawn il-“karatteristiċi speċjali” ta’ Almamet, hija kkunsidrat li tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % kien xieraq, peress li Almamet kienet, f’kull każ, suffiċjentement dissważa permezz ta’ multa ta’ din il-portata.

263    Il-Kummissjoni rreferiet, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 685, għall-paragrafu 37 tal-linji gwida, li jipprovdi hekk:

“Peress li l-linji gwida preżenti jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar ta’ multi, il-partikolaritajiet ta’ kawża partikolari jew in-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv f’kawża partikolari tista’ tiġġustifika li l-Kummissjoni titbiegħed minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbiliti fil-[paragrafu] 21.”

264    B’hekk jirriżulta li, sabiex jingħata tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa lil Almamet, il-Kummissjoni tbiegħdet mil-linji gwida tagħha. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, tali tbegħid għandu jkun kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 211; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 238 iktar ’il fuq, punt 44; u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 146).

265    Għandu jingħad li l-Kummissjoni elenkat, fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti “karatteristiċi speċjali” ta’ Almamet, sabiex tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija tatha. Hekk kif ġie deċiż fis-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq (punti 137 sa 141), impriża li għandha dawn il-karatteristiċi tinsab, mill-perspettiva ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa barra mill-każijiet speċifikament previsti fil-linji gwida, f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ impriża li ma għandhiex l-imsemmija karatteristiċi.

266    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li, għal kull impriża li tipparteċipa għal ksur għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, il-multa ma teċċedix 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti. Skont il-ġurisprudenza, il-limitu dwar id-dħul mill-bejgħ għandu l-għan li jevita li l-multi imposti mill-Kummissjoni ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-importanza tal-impriża kkonċernata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 24).

267    Issa, dan il-limitu ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi evitat il-karattru eventwalment sproporzjonat tal-multa imposta fil-każ ta’ negozjant attiv fil-kummerċ tal-materjali ta’ valur għoli b’marġni ta’ qligħ imnaqqas, bħal Almamet. Fil-fatt, minħabba l-valur għoli tal-materjali kkonċernati, tali impriża tista’ tippreżenta dħul mill-bejgħ għoli b’mod sproporzjonat fir-rigward tal-qligħ tagħha u tal-assi tagħha, li waħedhom ikunu ġew ikkunsidrati għall-ħlas tal-multa.

268    It-tieni nett, peress li, skont il-metodoloġija tal-linji gwida, il-multa hija stabbilita billi jitqies li huwa punt ta’ tluq proporzjon tal-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, ir-riskju ta’ multa sproporzjonata, għaliex jirrappreżenta parti sinjifikattiva ħafna tad-dħul mill-bejgħ globali tal-imsemmija impriża, huwa iktar għoli fil-każ ta’ impriża li, bħal Almamet, għandha “gamma ta’ prodotti relattivament iffokata”.

269    It-tielet nett, il-fatt li Almamet kienet impriża ta’ daqs żgħir ħafna li ma tappartjenix għal ebda grupp kbir huwa wkoll rilevanti, peress li hija biss kellha taffaċċja l-multa, l-ebda kumpannija oħra ma kienet solidalment responsabbli magħha għall-ħlas ta’ din il-multa jew, b’mod iktar ġenerali, ma kienet f’miżura li tagħti sostenn tagħha għal dan il-għan.

270    Hekk kif jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok l-ewwel nett li jingħad li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti lil Almamet tnaqqis tal-ammont tal-multa hija motivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

271    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li Almamet ma tissodisfax, hekk kif il-Kummissjoni effettivament ikkonstatat fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 35 tal-linji gwida, sabiex tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa għal assenza tal-kapaċità kontributtiva. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li huwa skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida li l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa lil Almamet. Huwa wkoll irrilevanti l-fatt, imressaq mir-rikorrenti, li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, Almamet kienet parzjalment ikkontestat il-ksur. Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti, li skont din Almamet tkun mexxiet il-ksur, din ma hijiex eżatta (ara l-punti 97 sa 104 iktar ’il fuq), iżda anki kieku kienet eżatta, xorta kienet tkun irrilevanti.

272    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex juru li huma jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ Almamet u li jimmeritaw tnaqqis tal-ammont tal-multa bħal fil-każ ta’ din tal-aħħar.

273    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, bħal Almamet, hija stess taġixxi fis-swieq ikkonċernati bħala impriża indipendenti u “relattivament żgħira”. Hija żżid li fir-realtà hija tkun attur iżgħar minn Almamet fis-swieq ikkonċernati: il-bejgħ tagħha f’dan is-swieq kienu, skont il-Kummissjoni, ta’ EUR 10 sa 15-il miljun, ta’ EUR 20 sa 25 miljun fil-każ ta’ Almamet.

274    Dan l-argument huwa insuffiċjenti sabiex jiġġustifika l-konklużjoni li skont din ir-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Almamet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni biss id-daqs ta’ Almamet, iżda l-fatt li hija kienet negozjant ta’ daqs żgħir. Bħala negozjant, hija ma kellha l-ebda effett fuq il-prezzijiet tal-prodotti li hija tikseb u li tikkummerċjalizza, iżda biss fuq il-marġni tagħha ta’ qligħ u, b’hekk, fuq il-prezz finali li bih kienet tbigħ il-prodotti lill-klijenti tagħha. Minħabba dan il-fatt, il-valur tal-bejgħ imwettaq minn Almamet fir-rigward tal-ksur u, b’mod iktar ġenerali, id-dħul mill-bejgħ globali tagħha seta’ jidher għoli biżżejjed, b’mod li l-parti l-kbira tad-dħul b’hekk imwettaq jirrappreżenta ammonti li għandhom jitħallsu direttament lil terzi, jiġifieri l-fornituri ta’ Almamet. Ir-rikorrenti ma hijiex negozjant, iżda tikkummerċjalizza prodotti li hija stess tipproduċi u b’hekk ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni.

275    Barra minn hekk, hemm lok li jingħad li jekk, ċertament, ir-rikorrenti hija ta’ daqs globali nettament iktar modesta minn dik ta’ impriżi oħra kbar li pparteċipaw fl-akkordju, teżisti wkoll differenza ikbar ta’ dħul mill-bejgħ globali bejnha u Almamet (ara l-punt 254 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, ġustament osservat li minn tabella li r-rikorrenti annettiet mar-rikors jirriżulta li, fil-perijodu ta’ ksur, hija kienet timpjega iktar minn 600 persuna. Hija għalhekk tista’ diffiċilment tkun ikklassifikata bħala impriża ta’ daqs żgħir.

276    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, bħal fil-każ ta’ Almamet, hija topera b’materjali ta’ valur għoli u b’marġni ta’ qligħ żgħir. Il-gamma ta’ prodotti tagħha tkun ukoll ikkonċentrata ħafna.

277    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti ssemma fil-qosor ħafna u ma huwiex sostnut la minn spjegazzjonijiet dettaljati u lanqas minn provi rilevanti. B’mod partikolari, ir-rikorrenti la forniet dettalji u lanqas provi tal-marġni tagħha ta’ qligħ. Barra minn hekk, hija injorat, fir-replika, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skont din hija kellha medda ta’ prodotti li ma kinitx komparabbli għal dak ta’ Almamet.

278    Barra minn hekk, il-fatt li Almamet tinnegozja l-prodotti li hija tikseb minn impriżi oħra, filwaqt li r-rikorrenti tikkummerċjalizza prodotti li hija stess tipproduċi huwa, mill-ġdid, rilevanti. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni, hekk kif irriżulta mill-punt 274 iktar ’il fuq, li l-valur għoli tal-prodotti kkummerċjalizzati minn Almamet u l-marġni tagħha ta’ qligħ żgħar ħafna huma rilevanti. Fil-każ tar-rikorrenti, li ma hijiex negozjanta, iżda fabrikanta, mingħajr spjegazzjonijiet dettaljati fuq l-ispejjeż tagħha ta’ produzzjoni, dawn iż-żewġ fatturi jippreżentaw l-istess rilevanza biss fil-każ ta’ Almamet.

279    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-multa li ġiet imposta fuqha jkollha, għaliha wkoll, impatt relattivament kbir fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Hija tallega li hija għandha tbati spejjeż għoljin ta’ produzzjoni, ta’ manteniment, ta’ ħażin u ta’ investiment u, konsegwentement, multa għolja taffettwaha ħafna iktar milli fil-każ ta’ Almamet.

280    Dan l-argument, għalkemm ġenerali ħafna u mhux dettaljat, għandu jiġi wkoll miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 278 iktar ’il fuq.

281    Peress li r-rikorrenti ma ressqitx argumenti oħra sabiex turi li hija kienet f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Almamet, b’hekk għandha tikkonkludi li, fir-rigward tad-differenza tas-sitwazzjonijiet li fihom huma jinsabu, ma jkunx attribwit lill-Kummissjoni ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba l-fatt li hija tat lil Almamet, iżda mhux lir-rikorrenti, tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-motivi indikati fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni lment, kif ukoll ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, l-argumenti kollha tar-rikorrenti eżaminati iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq din lil hinn mit-tnaqqis imsemmi fil-punt 231 iktar ’il fuq, ma huwiex ġustifikat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ommissjoni illegali tal-Kummissjoni li tikkonċedi lir-rikorrenti tnaqqis ta’ ammont tal-multa minħabba l-assenza tagħha ta’ kapaċità kontributtiva u tal-karatteristiċi tal-każ

282    Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa li ġie impost fuqha skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida jew, għall-inqas, taħt il-paragrafu 37 tal-istess linji, hekk kif jirriżulta mid-dettalji tas-sitwazzjoni tagħha, kienu sodisfatti. Hija tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx b’mod suffiċjenti l-kapaċità kontributtiva mnaqqsa tagħha, minkejja l-argumenti konklużivi li kienet ippreżentatilha. Hija tikkunsidra, b’hekk, li l-Kummissjoni kisret il-linji gwida u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta rrifjutatilha tnaqqis tal-ammont tal-multa. Dan ikun iktar il-każ milli kieku l-Kummissjoni tkun tat tali tnaqqis lill-Almamet, b’mod li s-sitwazzjoni ekonomika individwali tar-rikorrenti timplika potenzjal ta’ riskju ħafna ikbar.

 Linji gwida

283    Il-paragrafi 35 u 37 tal-linji gwida b’hekk jaqraw hekk:

“35. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tikkunsidra l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. L-ebda tnaqqis tal-multa ma jingħata għal din ir-raġuni mill-Kummissjoni fuq l-unika konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ żbilanċ. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti [l]inji gwida, jipperikolaw b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal li ttellef l-assi tagħha mill-valur kollu.

[…]

37. Għalkemm il-preżenti [l]inji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, id-dettalji ta’ kawża partikolari fejn in-neċessità li jintlaħaq livell dissważiv f’kawża partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tbegħdet minn din il-metodoloġija jew mil-limiti stabbilit fil-[paragrafu] 21.”

 Deċiżjoni kkontestata

284    Hekk kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-premessi 363 u 373 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet waħda mill-impriżi li rreferew għall-paragrafu 35 tal-linji gwida fil-proċeduri amministrattivi. Wara li stabbilixxiet, fil-premessi 364 sa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti kunsiderazzjonijiet ġenerali applikabbli għall-impriżi kollha li ddiskutew dan il-paragrafu, il-Kummissjoni rreferiet speċifikament, fil-premessi 373 u 374 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-każ tar-rikorrenti, fejn sostniet dan:

“(373) L-analiżi tad-data finanzjarja ikkomunikata minn Donau Chemie […] tirrigwarda l-konklużjoni li l-impriża hija vijabbli u tippreżenta riskju baxx ta’ falliment. Min-naħa l-oħra, il-multa ma hijex ta’ tip li tpoġġi irrimedjabbilment fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tagħha u li ttellef lill-assi tagħha minn kull valur. Konsegwentement, it-talba ta’ Donau Chemie li tirrigwarda l-inkapaċità kontributtiva hija miċħuda.

(374) Donau Chemie ta’ spiss irreferiet għas-sena katastrofika tal-2005 meta iċ-ċentrali tal-elettriku tagħha inqerdet, iżda dan l-avveniment ma jipperikolax il-vijabbiltà tagħha sal-punt li hija ma tistax tħallas il-multa imposta mid-deċiżjoni preżenti.”

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-paragrafu 35 tal-linji gwida

285    Ġie ripetutament deċiż li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala prinċipju, obbligata tikkunsidra, fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ żbilanċ ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jammonta għal li jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 327; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 351; u Tokai Carbon et, punt 110 iktar ’il fuq, punt 370).

286    Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li miżura meħuda minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew l-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex ipprojbit, fih innifsu, mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-istralċ ta’ impriża fil-forma legali tagħha inkwistjoni, jekk hija tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, tal-azzjonisti jew tad-detenturi tal-ishma, ma jiġġustifikax sa fejn l-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati mill-impriża jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tokai Carbon et, punt 110 iktar ’il fuq, punt 372; tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 163; u tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il-Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 96).

287    Ma jkunx ammess li, billi tadotta l-paragrafu 35 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tkun imponiet xi obbligu li jmur kontra din il-ġurisprudenza. Dan jixhdu l-fatt li l-imsemmi paragrafu ma jagħmilx referenza għall-falliment ta’ impriża, iżda jirrigwarda sitwazzjoni, li seħħet “f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”, li fiha l-impożizzjoni ta’ multa “tpoġġi irrimedjabbilment fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kull valur” (sentenzi Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 188, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 96).

288    B’hekk jirriżulta s-sempliċi fatt li l-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tipperikola li tipprovoka l-falliment tal-impriża kkonċernata ma hijiex suffiċjenti, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 286 iktar ’il fuq jirriżulta li, jekk falliment jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti kkonċernati, hija ma timplikax neċessarjament it-tmiem tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tkompli sseħħ bħala tali fil-każ tar-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija ddikjarata f’falliment, bħala persuna ġuridika li topera l-imsemmija impriża, kemm f’każ ta’ rkupru globali tal-elementi tal-assi tagħha u, b’hekk, tal-impriża bħala entità li teżerċita attività ekonomika, minn entità oħra. Tali rkupru globali jista’ jseħħ kemm permezz ta’ xiri volontarju, kemm permezz ta’ bejgħ forzat tal-assi tal-kumpannija f’falliment b’kontinwità tan-negozju (sentenzi Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 189 u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 97).

289    Konsegwentement, il-paragrafu 35 tal-linji gwida, għandu jinftiehem, b’mod partikolari fir-rigward tar-referenza għat-tneħħija tal-assi tal-impriża kkonċernata ta’ kull valur, hekk kif jipprevedu s-sitwazzjoni fejn l-irkupru tal-impriża, jew għall-inqas tal-assi tagħha, previsti fil-punt 288 iktar ’il fuq, jidher mhux probabbli, saħansitra impossibbli. F’tali sitwazzjoni, l-elementi li jikkomponu l-ass tal-impriża f’falliment ikunu offerti għall-bejgħ wieħed wieħed u huwa probabbli li ħafna minnhom ma jsibux xerrej jew, l-iktar, jinbiegħu biss bi prezz imnaqqas ħafna, b’mod li jidher leġittimu li wieħed jirreferi għal, hekk kif għamel il-paragrafu 35 tal-linji gwida, telf totali tal-valur tagħhom (sentenzi Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 190 u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 98).

290    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu tal-linji gwida teħtieġ ukoll, skont kliemu, “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”. Skont il-ġurisprudenza, tali kuntest huwa magħmul mill-konsegwenzi li l-ħlas tal-multa jista’ jkollha, b’mod partikolari fil-livell ta’ żieda tal-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni tas-setturi ekonomiċi ’l fuq jew ’l isfel tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 106, u s-sentenza Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 192).

291    Jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 289 u 290 huma sodisfatti, jista’ jkun effettivament jiġi sostnut li l-impożizzjoni ta’ multa, li tipperikola li tipprovoka t-tmiem tal-impriża kkonċernata, hija kuntrarja għall-prinċipju tal-proporzjonalità li l-Kummissjoni għandha tirrispetta kull darba li hija tiddeċiedi li timponi multi taħt id-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punt 193, u Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 100).

292    Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni tirreferi, fl-argumenti tagħha, għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jagħtiha l-paragrafu 35 tal-linji gwida, minn naħa, hemm lok li jingħad, li ma għandhiex tingħata wisq importanza għall-użu, fl-imsemmi paragrafu, tal-kelma “jista’”, minflok “għandu”. Dan it-terminu ma jkunx interpretat f’dan is-sens li l-Kummissjoni tista’ arbitrarjament tirrifjuta li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa meta l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-imsemmi paragrafu huma sodisfatti u li tali tnaqqis jidher kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li għandu jiġi rrispettat fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multa. Pjuttost dan jammonta għal indikazzjoni addizzjonali tal-flessibbiltà li għandha tħalli l-Kummissjoni meta hija twaqqaf regoli ta’ kondotta indikattivi bħal-linji gwida (sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 48).

293    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha fil-qasam tal-multi (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, ukoll f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandha tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida.

294    Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, li jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, l-argumenti li hija ressqet quddiem il-Kummissjoni jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-imsemmi paragrafu.

 Fuq l-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida

295    Ir-rikorrenti ssostni li l-grupp tagħha kollu ta’ impriżi jinsab f’sitwazzjoni ekonomika estremament diffiċli. Dan jiġi rifless fir-riżultat tal-attivitajiet normali li kien qed jonqos ħafna, minn EUR 7.016 miljun fis-sena finanzjarja 2007 għal EUR 1.686 miljun fis-sena finanzjarja 2008. Ir-riżultat annwali kkonsolidat tal-grupp tar-rikorrenti juri wkoll deterjorazzjoni netta, it-telf ikkawżat fil-karta tal-bilanċ għas-sena finanzjarja mit-30 ta’ Settembru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008 li qabeż EUR 2 miljun. Barra minn hekk, id-dejn nett tal-grupp tar-rikorrenti kien żdied, minn EUR 14.2 miljun fis-sena finanzjarja 2005 għal EUR 30.4 miljun fis-sena finanzjarja 2008. Hija żżid li, b’mod partikolari, il-parti tal-impriża tagħha attiva fil-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju ilha tagħmel telf għal numru ta’ snin. It-telf akkumulat bejn l-1999 u l-2006 kien jitla’ għal EUR 15.94 miljun.

296    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li diġà fil-proċedura amministrattiva, hija kienet ġibdet l-attenzjoni fuq il-fatt li ċ-ċentrali idroelettrika privata tagħha ta’ Wiesberg (l-Awstrija) kienet inqerdet kompletament minn inondazzjoni fis-sajf tal-2005. Il-faċilità tagħha ta’ produzzjoni tal-karbur tal-kalċju f’Landeck (l-Awstrija) tiddependi għall-funzjonament tal-elettriċità tagħha prodotta miċ-ċentrali ta’ Wiesberg u setgħet tkun salvata biss permezz ta’ għajnuna finanzjarja tal-awtoritajiet Awstrijaċi. Madankollu, ir-rikorrenti kellha tbati hija stess il-parti l-kbira tal-ispejjeż tal-rikostruzzjoni ta’ din iċ-ċentrali tal-elettriku. Minħabba din il-katastrofi naturali, ir-rikorrenti subiet fl-2005 danni ta’ ċirka EUR 20 miljun u dan kien jirriżulta fir-riżultat negattiv tal-fabbrika ta’ Landeck, li tela’ fl-2005 għal EUR –11.92 miljun, li kompla jkollu impatt fuq is-saħħa finanzjarja tar-rikorrenti.

297    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħti dettalji tal-proġetti ta’ investimenti kbar li ser isiru dalwaqt neċessarji f’ħafna siti tal-impriża tagħha. B’mod ġenerali, l-investimenti previsti għall-istabbiliment ta’ produzzjoni tal-Landeck sal-2016 għandhom jilħqu EUR 20.17 miljun u jkunu assolutament neċessarji għaż-żamma ta’ dan l-istabbiliment u, fit-tul, tal-impjiegi li jiddependu fuqha. Fin-nuqqas ta’ fondi tar-rikorrenti, dawn għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ self. L-impożizzjoni tal-multa kontenzjuża, li r-rikorrenti għandha wkoll tiffinanzja permezz ta’ self, tipprekludiha milli tikseb il-krediti neċessarji, taggrava s-sitwazzjoni ekonomika tagħha diġà prekarja u twassal għal dgħufija kunsiderevoli bħala kompetitur fis-swieq ikkonċernati tal-karbur tal-kalċju. Il-multa barra minn hekk twassal għall-għeluq parzjali jew totali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni kbar tar-rikorrenti, u konsegwentement it-telf ta’ ħafna impjiegi.

298    Ir-rikorrenti tirreferi, b’mod partikolari, għas-sitwazzjoni tal-faċilità tagħha ta’ produzzjoni ta’ Landeck, li timpjega direttament 70 persuna u li fuqha jiddependu indirettament ukoll impjiegi oħra. Hija ssostni li, fl-2006, hija kienet ipproċediet b’kalkolu komparattiv tar-riżultati ekonomiċi li hija kienet tikseb f’każ ta’ attività kontinwa mill-faċilità tagħha u fis-sitwazzjoni tal-għeluq tagħha, b’bejgħ lil terzi tal-elettriku prodott miċ-ċentrali ta’ Wiesberg, normalment destinat għall-użu tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Landeck. Dan il-każ ikun wera li t-tħaddin tal-attività ta’ din il-faċilità jkun wassal għal telf ta’ EUR 513 000, b’mod li f’każ ta’ għeluq u tal-bejgħ tal-elettriċità lil terzi, hija tkun kisbet riżultat pożittiv ta’ EUR 773 000. Madankollu, konxja mir-responsabbiltà soċjali tagħha, hija ma tkunx għadha għalqet il-faċilità ta’ produzzjoni ta’ Landeck. Issa, l-impożizzjoni tal-multa kontenzjuża tiċħad kull bażi lill-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju lill-faċilità ta’ produzzjoni tal-Landeck u twassalha sabiex tagħlaq.

299    Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq (punt 112), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, ma huwiex suffiċjenti li jintwera li l-impriża kkonċernata tkun iddikjarata f’falliment f’każ ta’ impożizzjoni ta’ multa. Fil-kliem stess ta’ dan il-paragrafu, għandhom jeżistu “provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa […] tpoġġi irremedjabbilment fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex ittellef lill-assi tagħha minn kull valur”, li ma huwiex awtomatikament il-każ fis-sitwazzjoni ta’ falliment tal-kumpanniji li joperaw l-impriża inkwistjoni. Rikorrent b’hekk ma jistax jistenna l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu tal-linji gwida biss jekk forna provi oġġettivi ta’ din l-eventwalità, li tammonta għal kundizzjoni essenzjali tal-applikazzjoni tagħha.

300    Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma qalet jew ipprovat li l-impożizzjoni tal-multa kontenzjuża kienet ser twassal għall-falliment tagħha. Lanqas ma stabbilixxiet, u lanqas ma sostniet, li fil-każ ta’ tali falliment, l-assi tagħha kienu jitilfu kull valur, hekk kif meħtieġ mill-paragrafu 35 tal-linji gwida.

301    Fil-fatt, mill-argumenti tar-rikorrenti stess, hekk kif sunti fil-punt 295 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-riżultat tal-attivitajiet normali tagħha, għalkemm bi tnaqqis drastiku, baqa’ pożittiv għas-sena finanzjarja 2008. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti rreġistrat qligħ u mhux telf. Fir-rigward tar-riżultat ikkonsolidat negattiv kemm fl-2007 kif ukoll fl-2008 u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwiex permess li jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida sa fejn dan ma jikkonċernax biss lir-rikorrenti, bħala entità ġuridika, iżda wkoll ta’ entitajiet oħra tal-grupp tagħha li l-integrazzjoni fl-unità ekonomika li tifforma l-impriża tar-rikorrenti ma hijiex ippreċiżata, jirriżulta mill-bilanċ komparattiv ta’ dawn is-sentejn finanzjarji li r-rikorrenti annettiet mar-rikors li l-kapital tal-grupp tar-rikorrenti baqa’ intatt, minkejja t-telf irreġistrat, peress li r-riżervi kienu suffiċjenti biżżejjed sabiex jassorbu t-telf. Barra minn hekk, l-istess dokument jindika li kien hemm titjib żgħir mis-sitwazzjoni tal-2008, it-telf fil-karta tal-bilanċ kien nieżel, minn EUR 2.63 miljun għal ċirka EUR 2.17 miljun.

302    Fir-rigward ta’ dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, dwar il-karattru ta’ defiċit tal-parti tal-impriża tagħha attiva fil-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju, għall-qerda taċ-ċentrali idroelettrika ta’ Wiesberg u għas-sitwazzjoni tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Landeck, ir-rikorrenti ma spjegatx ir-rilevanza tagħhom għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Dan l-aħħar jirreferi għall-kapaċità kontributtiva tal-impriża kollha kkonċernata u mhux għal xi wħud tas-setturi tagħha. Issa, ir-rikorrenti ma sostnietx li d-diffikultajiet ekonomiċi allegati tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Landeck kienu tali li setgħu jwassluha għall-falliment. Barra minn hekk, għandu jingħad li, anki kieku r-rikorrenti ngħatat tnaqqis tal-ammont tal-multa, xejn ma jiggarantixxi li, bi tpattija, hija ma tagħlaqx l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Landeck, u dan speċjalment kif sostniet li tali eventwalità tagħtiha vantaġġ.

303    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni hija stess li ċ-ċentrali idroelettrika ta’ Wiesberg, meqruda fl-2005, setgħet, fil-frattemp, parzjalment grazzi għas-sostenn finanzjarju tal-awtoritajiet Awstrijaċi, tissewwa. B’hekk, il-Kummissjoni ma tiġix ikkritikata li kkonstatat, fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-avveniment ma setgħetx jipperikola iktar il-vijabbiltà tar-rikorrenti.

304    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament u mingħajr ma kisret il-paragrafu 35 tal-linji gwida ċaħdet it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk tali tnaqqis seta’ jkun iġġustifikat skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, li r-rikorrenti tinvoka wkoll fl-argumenti tagħha.

 Fuq l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-linji gwida

305    Billi tibbaża ruħha fuq l-argumenti sunti fil-punti 296 sa 298 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha, għall-inqas, tagħtiha, minħabba ċ-“ċirkustanzi” tas-sitwazzjoni tagħha, tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, hekk kif għamlet fil-każ ta’ Almamet. Ir-rikorrenti tirrepeti, barra minn hekk, fl-istess waqt, l-argumenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li ġiet irrifjutata tnaqqis tal-ammont tal-multa b’mod li tali tnaqqis ġie mogħti lil Almamet. Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet diġà spjegati fil-punti 261 sa 281 iktar ’il fuq.

306    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-linji gwida jipprovdu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91, u KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 127). Konsegwentement, ma jkunx eskluż li, f’każ partikolari, il-Kummissjoni tkun obbligata titbiegħed mil-linji gwida tagħha stess, bil-kundizzjoni li tagħti raġunijiet kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li hija għandha tirrispetta fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 42).

307    Fil-fatt, b’mod konformi mal-ġerarkija tar-regoli, istituzzjoni tal-Unjoni ma tkunx, permezz ta’ regola interna ta’ kondotta li hija timponi, totalment irrinunzjat għall-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha permezz ta’ dispożizzjoni bħal, fil-każ preżenti, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

308    Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex tistabbilixxi l-multi li għandhom jiġu imposti għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta tirrispetta, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, il-linji gwida fil-qasam tal-iffissar ta’ multi, li ma jagħtux lill-Kummissjoni ebda flessibbiltà sabiex tagħżel ammont xieraq f’kull każ partikolari, ma jkunux kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn huma jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi li jeċċedu bil-kbir dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan jew, għall-kuntrarju, ta’ multi ta’ ammont manifestament insuffiċjenti għal dan il-għan (sentenza Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punt 45).

309    Huwa b’hekk li l-Kummissjoni, ġustament, irriżervat, fil-paragrafu 37 tal-linji gwida, id-dritt li tevita l-metodu stabbilit għall-iffissar tal-ammont tal-multa u, konsegwentement, li tiffissa, f’każ partikolari, multa ta’ ammont differenti minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, jekk id-dettalji tal-każ partikolari jeħtieġu dan. Issa, tali ammont jista’ jkun kemm ogħla kif ukoll iktar baxx minn dak ikkalkolat skont il-metodu previst fil-linji gwida.

310    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni sħiħa fil-qasam li jippermettilha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u li, barra minn hekk, ma hijiex marbuta bil-linji gwida, iżda tista’ titbiegħed minn din billi tispjega r-raġuni fis-sentenza tagħha (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), tista’ tbiddel l-ammont tal-multa għal livell iktar baxx minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-linji gwida, jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun qed tittratta jiġġustifikaw dan. Xorta huwa neċessarju, madankollu, li r-rikorrenti tinvoka raġunijiet rilevanti, li jistgħu jiġġustifikaw tali tnaqqis u s-sostenn tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KME Germany et, punt 58 iktar ’il fuq, punt 131).

311    Issa, f’din il-kawża, xejn fl-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv preżenti ma jiġġustifika intervent tal-Qorti Ġenerali fis-sens ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa. Id-diffikultajiet ekonomiċi allegati mir-rikorrenti, anki kieku stabbiliti, ma jurux, b’hekk li diġà ġie sostnut, li hija taffaċċja periklu ta’ falliment u, inqas, għal telf totali tal-valur tal-assi tagħha. Hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 285 u 286 iktar ’il fuq, huma waħedhom ma jiġġustifikawx tnaqqis tal-ammont tal-multa, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

312    Fir-rigward tal-kumplament tal-argument tagħha, dwar id-diffikultajiet tal-istabbiliment tal-produzzjoni ta’ Landeck, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet nieqsa milli tistabbilixxi rabta vera bejn it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mitlub u s-sopravivenza tal-istabbiliment inkwistjoni u tal-impjiegi li jiddependu minnu. Hekk kif diġà ntqal, xejn ma jwaqqaf lir-rikorrenti milli tiddeċiedi, fi kwalunkwe mument, li tagħlaq dan l-istabbiliment ta’ produzzjoni, anki meta kienet ingħatat tnaqqis tal-ammont tal-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li dawn l-argumenti ma jiġġustifikawx l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali fis-sens ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.

313    Peress li l-argumenti kollha tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tal-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ġustifikata li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tagħti lir-rikorrenti, b’dan il-mod, tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

314    Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi annullat l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont tal-multa hekk kif jirriżulta minn rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 35 %, tbiddel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 4.35 miljun, ammont ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, bħala xieraq, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-gravità u t-tul tal-ksur kkonstatat mill-Kummissjoni kif ukoll għar-riżorsi globali tar-rikorrenti, u li tiċħad ir-rikors għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

315    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa, rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

316    Peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment biss, ser ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati 90 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % ta’ dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha u 10 % tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa impost fuq Donau Chemie AG skont l-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.396 − Reaġenti abbażi ta’ karbur tal-kalċju u ta’ manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), huwa stabbilit għal EUR 4.35 miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Donau Chemie għandha tbati 90 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % minn dawk tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % tal-ispejjeż tagħha u 10 % tal-ispejjeż sostnuti minn Donau Chemie.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Mejju 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont bażiku tal-multa

Osservazzjonijiet introduttivi

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata minn naħa tas-sehem tas-suq akkumulat tal-parteċipanti għall-akkordju li jirriżulta minn żball fid-definizzjoni tas-swieq ikkonċernati

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-ommissjoni minn naħa tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-assenza ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-importanza ekonomika tas-suq ikkonċernat

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ li tirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-fatt li r-rikorrenti pparteċipat biss għal ċerti partijiet tal-ksur

Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni illegali tal-Kummissjoni li tikkunsidra, għall-vantaġġ tar-rikorrenti, ċirkustanzi attenwanti

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza tal-implementazzjoni tal-akkordji kontenzjużi, ta’ arrikkiment tar-rikorrenti u tad-dannu għall-konsumaturi

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni effettiva tar-rikorrenti

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammissjoni u tad-dispjaċir tar-rikorrenti

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ konformitŕ introdotti mir-rikorrenti

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kriżi tas-settur tal-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u tar-rikorrenti stess

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar l-immunitŕ tal-2002

Avviż dwar l-immunitŕ tal-2002

Deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet introduttivi

Fuq id-data ta’ għoti tal-provi mir-rikorrenti lill-Kummissjoni

Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward taż-żrar tal-karbur tal-kalċju

Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward tat-trab tal-karbur tal-kalċju

Fuq il-valur miżjud tal-elementi fornuti mir-rikorrenti fir-rigward taż-żrar tal-manjesju

Evalwazzjoni tan-natura xierqa tar-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija lir-rikorrenti

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza tad-differenzjazzjoni tal-ammont tal-multa abbażi tad-daqs tal-impriżi kkonċernati u tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, kemm globali kif ukoll imwettqa fis-swieq li jikkonċernaw il-ksur

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq trattament allegatament favorevoli ta’ Almamet

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ommissjoni illegali tal-Kummissjoni li tikkonċedi lir-rikorrenti tnaqqis ta’ ammont tal-multa minħabba l-assenza tagħha ta’ kapaċitŕ kontributtiva u tal-karatteristiċi tal-każ

Linji gwida

Deċiżjoni kkontestata

Osservazzjonijiet preliminari fuq il-paragrafu 35 tal-linji gwida

Fuq l-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida

Fuq l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-linji gwida

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.