Language of document : ECLI:EU:T:2015:241

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ April 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Suq tal-metakrilati – Multi – Responsabbiltà in solidum ta’ kumpanniji parent u tas-sussidjarja tagħhom għall-aġir ta’ ksur ta’ din tal-aħħar – Ħlas immedjat u sħiħ tal-multa mis-sussidjarja – Tnaqqis tal-ammont tal-multa tas-sussidjarja wara sentenza tal-Qorti Ġenerali – Ittri tal-Kummissjoni li jeżiġu mill-kumpanniji parent il-ħlas tas-somma rrimborsata minnha lis-sussidjarja, miżjuda bl-interessi moratorji – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Interessi moratorji”

Fil-Kawża T‑470/11,

Total SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Elf Aquitaine SA, stabbilita f’Courbevoie,

irrappreżentati, inizjalment, minn A. Noël-Baron u É. Morgan de Rivery, sussegwentement minn Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s746396, tal-24 ta’ Ġunju 2011, u BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta’ Lulju 2011, jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammonti mitluba jew, iktar sussidjarjament, għall-annullament tal-interessi moratorji mitluba mingħand Elf Aquitaine, fl-ammont ta’ EUR 31 312 114.58, li għalihom Total hija marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 19 191 296.03,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Suġġett tar-rikors

1        Ir-rikors għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-ittri tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s746396, tal-24 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011”), u BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Lulju 2011” u, meqjusa flimkien, l-“ittri kkontestati”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Bid-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Metakrilati”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkundannat in solidum lil Arkema SA u lis-sussidjarji tagħha Altuglas International SA u Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, “Arkema”) għal multa ta’ EUR 219 131 250 talli pparteċipaw f’akkordju (iktar ’il quddiem il-“multa inizjali”).

3        Ir-rikorrenti, Total SA u Elf Aquitaine SA, li kienu, matul il-perijodu ta’ ksur stabbilit fid-deċiżjoni Metakrilati, il-kumpanniji parent ta’ Arkema, inżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa inizjali fl-ammont ta’ EUR 181 350 000 u fl-ammont ta’ EUR 140 400 000, rispettivament.

4        Fis-7 ta’ Settembru 2006, Arkema ħallset il-multa inizjali fl-intier tagħha u, sussegwentement, bħalma għamlu, b’mod parallel u awtonomu, ir-rikorrenti, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni Metakrilati (iktar ’il quddiem il-“proċedura ġudizzjarja Metakrilati”).

 Proċedura ġudizzjarja Metakrilati quddiem il-Qorti Ġenerali

5        Fl-4 u fl-10 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti u Arkema ppreżentaw, rispettivament, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni Metakrilati.

6        Fl-ambitu tal-kawża T‑206/06, ir-rikorrenti talbu, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni Metakrilati.

7        Fl-ambitu ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti talbu wkoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa inizjali imposta in solidum fuq Arkema u fuqhom stess.

8        Fl-24 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lil Arkema ittra li biha hija stednitha tikkonferma li l-ħlas tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006 kien sar “għan-nom tad-debituri kollha responsabbli konġuntament u in solidum”, filwaqt li speċifikat, minn naħa, li, “fl-assenza ta’ tali konferma u fil-każ li d-deċiżjoni [Metakrilati kellha tiġi] annullata għall-impriża li għan-nom tagħha sar il-ħlas”, hija “tirrimborsa l-ammont ta’ EUR 219 131 250 bl-interessi” u, min-naħa l-oħra, li, “jekk il-multa kollha jew parti minnha kellha tiġi kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed mid-debituri in solidum l-oħra”, hija “titlob lil dan tal-aħħar kull somma li tibqa’ dovuta flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 6.09 %”.

9        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2008, Arkema informat lill-Kummissjoni li hija kienet ħallset is-somma ta’ EUR 219 131 250 “fil-kwalità tagħha ta’ koobbligata in solidum u li, wara dan il-ħlas, il-Kummissjoni [ġiet] kompletament sodisfatta fid-drittijiet tagħha kemm fil-konfront ta’ Arkema kif ukoll fil-konfront tal-koobbligati in solidum kollha”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Arkema informatha “bid-dispjaċir [tagħha] li ma [setgħetx tawtorizza] lill-Kummissjoni żżomm kwalunkwe ammont fil-każ li r-rikors tagħha quddiem il-qorti Komunitarja [jkollu] suċċess”.

10      Fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti, sabiex tinformahom, partikolarment, bl-ittra ta’ Arkema tal-25 ta’ Settembru 2008 u bil-fatt li Arkema rrifjutat li tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni pprovduta mill-Kummissjoni.

11      Ir-rikors tar-rikorrenti ġie miċħud b’sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (T‑206/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Total u Elf Aquitaine”, EU:T:2011:250).

12      Min-naħa l-oħra, ir-rikors ippreżentat separatament minn Arkema kontra d-deċiżjoni Metakrilati ntlaqa’ parzjalment, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il-Kummissjoni (T‑217/06, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Arkema”, EU:T:2011:251), sa fejn l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema tnaqqas għal EUR 113 343 750.

13      Fis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li tnaqqas iż-żieda tal-multa li, fid-deċiżjoni Metakrilati, ġiet applikata fuq il-bażi tal-effett dissważiv, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-jum meta l-multa ġiet imposta fuqha, hija ma kinitx għadha kkontrollata mir-rikorrenti (sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq, EU:T:2011:251, punti 338 u 339).

14      Is-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), ma ġietx appellata, b’mod li kisbet is-saħħa ta’ res judicata.

15      Il-Kummissjoni rrimborsat lil Arkema, bid-data ta’ valur tal-5 ta’ Lulju 2011, is-somma fl-ammont ta’ EUR 119 247 033.72 (EUR 105 787 500 bħala somma prinċipali miżjuda bi EUR 13 459 533.72 bħala interessi).

 Ittri kkontestati

 L-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011

16      Fl-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, “sabiex teżegwixxi s-sentenza [Arkema, hija] [kellha tirrimoborsa lil] Arkema l-ammont li jikkorrispondi għat-tnaqqis tal-multa deċiż mill-Qorti Ġenerali”.

17      Fl-istess ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni talbet ukoll lir-rikorrenti, “[b]’mod parallel, u fil-każ tal-preżentata ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza [Total u Elf Aquitaine,] il-ħlas tas-somma li tibqa’ dovuta miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 6.09 % b’effett mit-8 ta’ Settembru 2006”, jiġifieri EUR 68 006 250, ħlas li bih Total kienet marbuta bħala responsabbli “konġuntament u in solidum” sal-ammont ta’ EUR 27 056 250, flimkien mal-interessi moratorji, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 88 135 466.52.

18      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011 mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li, sa mis-7 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni kellha “d-drittijiet kollha tagħha ssodisfatti” u għamlu diversi mistoqsijiet lill-Kummissjoni sabiex jiksbu kjarifiki fuq diversi punti tal-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011.

 L-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011

19      Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni wieġbet, b’mod partikolari, li, “kuntrarjament għall-fehma [tar-rikorrenti, hija] bl-ebda mod ma [tirrinunzja] għall-irkupru tas-somom dovuti jekk [ir-rikorrenti] jirrinunzjaw għall-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, filwaqt li ppreċiżat li “r-responsabbiltà [tar-rikorrenti] ma tintemmx biż-żamma tas-somom speċifikati mis-sentenza [Arkema] u mħallsa minn Arkema”.

20      Fl-istess ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ammettiet li wettqet żball fir-rigward tal-ammont li hija intendiet titlob u ppreċiżat li l-ammont dovut minn Elf Aquitaine, skont id-deċiżjoni Metakrilati u skont is-sentenzi Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), kif ukoll Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), kien ta’ EUR 137 099 614.58, inklużi l-interessi moratorji ta’ EUR 31 312 114.58 (iktar ’il quddiem l-“interessi moratorji”), li għalihom Total kienet marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 84 028 796.03.

21      Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, li, fil-każ ta’ appell mir-rikorrenti kontra s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), huma setgħu jikkostitwixxu garanzija bankarja minflok iħallsu l-multa.

22      Fit-18 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ħallsu lill-Kummissjoni s-somma mitluba fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, jiġifieri EUR 137 099 614.58.

 Proċedura ġudizzjarja Metakrilati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell

23      Fl-10 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw appell mis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250).

24      Fl-ambitu tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        “prinċipalment, tannulla s-sentenza [Total u Elf Aquitaine], tilqa’ t-talbiet tagħhom imressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, tannulla [d-deċiżjoni Metakrilati];

–        sussidjarjament, tirriforma l-multi imposti b’mod konġunt u in solidum fuq Elf Aquitaine kif ukoll fuq Total […] u tnaqqas dawn il-multi konġunti u in solidum għal EUR 75 562 500 għal Elf Aquitaine u għal EUR 58 500 000 għal Total;

–        iktar sussidjarjament, tirriforma l-multi imposti b’mod konġunt u in solidum fuq Elf Aquitaine u fuq Total […] fil-proporzjon li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xieraq;

–        iktar sussidjarjament, tiddispensa lil Elf Aquitaine u lil Total mill-ħlas tal-interessi moratorji li setgħu ddekorrew b’effett mid-deċiżjoni [Metakrilati] u sad-data tal-għoti tas-sentenza [Arkema].

[…]”

25      L-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑421/11 P, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja”, EU:C:2012:60), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrenti.

26      Dwar it-talbiet, imressqa sussidjarjament u intiżi għall-annullament parzjali tas-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“78      [L-]argumentazzjoni [tar-rikorrenti] għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata, peress li din ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali […], li l-fatt li Arkema telqet mill-grupp [tar-rikorrenti] wara l-perijodu ta’ ksur inkwistjoni, iżda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [Metakrilati], ma jistax ikollu rilevanza għall-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur fir-rigward tal-kumpanniji l-oħra ta’ dan il-grupp, li fosthom hemm partikolarment ir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni minħabba l-fatt li ċ-ċessjoni ta’ Arkema, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien jilħaq madwar EUR 5.7 biljun fl-2005, ma setgħetx tinvolvi tnaqqis sinjifikattiv tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp [tar-rikorrenti], meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-fattur multiplikatur ta’ 3, jiġifieri madwar EUR 143 biljun għall-istess sena, ta’ natura li jirrendi dan il-fattur multiplikatur inġustifikat fir-rigward tar-rikorrenti.

[…]

81       […] għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ksur tan-‘natura indiviżibbli tal-multa’ u dwar in-neċessità li tiġi estiża għall-benefiċċju tagħhom is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali [fis-sentenza Arkema], huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata, min-naħa tar-rikorrenti, kemm tad-dritt sostantiv kif ukoll tad-dritt proċedurali.

82      Fil-fatt, minn naħa, peress li l-għan tal-fattur multiplikatur fuq il-bażi tal-effett dissważiv huwa preċiżament li jiżgura li, fid-dawl tad-daqs tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, is-sanzjoni ma tkunx negliġibbli, isegwi minnu nnifsu li, wara ċ-ċessjoni ta’ Arkema, dan l-għan jibqa’ validu kemm għar-rikorrenti kif ukoll għal Arkema. Issa, peress li din tal-aħħar kienet ta’ daqs ferm iżgħar minn dak tar-rikorrenti u, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [Metakrilati], ma kinitx iktar tagħmel parti mill-grupp [tar-rikorrenti], id-daqs ta’ dan tal-aħħar ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-fattur multiplikatur fuq il-bażi tal-effett dissważiv għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Arkema. Din id-differenza oġġettiva li fiha kienu jinsabu Arkema u r-rikorrenti kienet tiġġustifika, fi kwalunkwe każ, li jiġi applikat fattur multiplikatur differenti għal dawn tal-aħħar.

83      Min-naħa l-oħra, ma hemm, f’dan il-każ, ebda raġuni ta’ natura li tiġġustifika li l-portata tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza [Arkema], tiġi estiża għar-rikorrenti. Fil-fatt, il-fattur multiplikatur applikabbli għalihom u għal Arkema huwa differenti. Il-fatt biss li dawn il-kumpanniji kellhom iħallsu multa li għaliha huma responsabbli [in solidum] ma jistax jikkostitwixxi element li jiġġustifika estensjoni tal-awtorità ta’ res judicata. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kif spjegat il-Kummissjoni fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011 […], it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Arkema, fuq il-bażi [tas-sentenza Arkema], ma bidilx l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti […]”

27      Dwar it-talbiet, imressqa sussidjarjament u intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“86      […] għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ġiet adita b’talba intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u li hija ddeċidiet, wara li eżaminat l-argumenti tagħhom u eżerċitat [is-setgħat tagħha ta’] ġurisdizzjoni sħiħa, li dawn ma kinux jiġġusitifikaw tali tnaqqis.

87      Issa, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju [tas-setgħat tagħha ta’] ġurisdizzjoni sħiħa, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni […]”

28      Dwar it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għad-dispensa mill-ħlas tal-interessi moratorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“89      Din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli sa fejn din ma hijiex diretta […] kontra s-sentenza [Total u Elf aquitaine], iżda kontra [l-]ittra tal-Kummissjoni [tat-8 ta’ Lulju 2011] li hija, barra minn hekk, is-suġġett ta’ rikors tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat fir-Reġistru tagħha bin-Numru T‑470/11.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ressqu din l-azzjoni.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

31      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fit-3 ta’ Jannar 2012.

32      Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-partijiet ġew mistiedna, fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-effett, f’din il-kawża, tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-eżiġibbiltà tal-ħlas tal-bilanċ tal-multa inizjali fil-konfront tar-rikorrenti, fir-rigward, minn naħa, tal-ammont prinċipali u, min-naħa l-oħra, tal-interessi moratorji.

33      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-termini mogħtija.

34      B’digriet tal-21 ta’ Ġunju 2012, hija ddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

35      Permezz ta’ att datat id-19 ta’ Settembru 2012 u indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

36      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Settembru 2012, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika lir-rikorrenti r-risposta tal-Kummissjoni u informa lill-partijiet li l-Qorti Ġenerali kienet tqis li, fl-istat tal-proċess, it-tieni skambju ta’ atti ma kienx neċessarju qabel il-ftuħ tal-proċedura orali, ħlief fil-każ ta’ talba kuntrarja u mmotivati mill-partijiet.

37      Permezz ta’ att datat l-4 ta’ Ottubru 2012 u indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tawtorizzahom jippreżentaw replika.

38      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2012, hija laqgħet din it-talba.

39      Fit-23 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika.

40      Fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

41      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2013, ġie deċiż, skont l-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, li l-proċedura tiġi sospiża sakemm tiġi ppronunzjata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑231/11 P.

42      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li lilha din il-kawża ġiet għalhekk assenjata.

43      Fl-10 ta’ April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il-Kummissjoni (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Siemens”, EU:C:2014:256).

44      Fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat is-sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Areva”, EU:C:2014:257).

45      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza Siemens, punt 43 iktar ’il fuq (EU:C:2014:256), u tas-sentenza Areva, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2014:257).

46      Il-partijiet issottomettew, fit-termini mogħtija, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-effett, f’din il-kawża, tas-sentenza Siemens, punt 43 iktar ’il fuq (EU:C:2014:256), u tas-sentenza Areva, punt 44 iktar ’il fuq (EU:C:2014:257).

47      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-3 ta’ Ottubru 2014.

48      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddeċiedi li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli;

–        fil-mertu u prinċipalment, tannulla l-ittri kkontestati;

–        fil-mertu u sussidjarjament, tnaqqas l-ammont mitlub mill-Kummissjoni fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011 jew, tal-inqas, tannulla l-interessi moratorji, mitluba minn Elf Aquitaine, fl-ammont ta’ EUR 31 312 114.58 u li fl-ambitu tagħhom Total hija marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 19 191 296.03;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

50      Permezz tar-rikors, ir-rikorrenti jitolbu, prinċipalment, l-annullament tal-ittri kkontestati u, sussidjarjament, it-tnaqqis tas-somom hemm mitluba, kif ukoll, iktar sussidjarjament, l-annullament tal-interessi hemm mitluba.

51      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti tal-Kummissjoni

52      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li, minn naħa, dan ir-rikors jipprevedi atti li ma humiex kontestabbli u, min-naħa l-oħra, dan ġie ppreżentat meta kien hemm pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali l-appell ppreżentat mir-rikorrenti kontra s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250). Fi kwalunkwe każ, ir-rikors huwa ineffettiv.

53      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tafferma li l-atti kkontestati huma nieqsa mill-effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw lir-rikorrenti billi jibdlu l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv, b’tali mod li dawn ma jikkostitwixxux deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

54      L-obbligu ta’ ħlas impost fuq ir-rikorrenti jirriżulta biss mid-deċiżjoni Metakrilati, kif interpretata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), peress li s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), ma setax ikollha effett fuq l-ammont dovut mir-rikorrenti.

55      L-ittri kkontestati huma sempliċement talbiet għal ħlas ta’ somma dovuta skont id-deċiżjoni Metakrilati u ma jipproduċux effetti legali oħra għajr dawk li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni. Dawn l-ittri huma sempliċement miżuri ta’ eżekuzzjoni u ma jiffissawx b’mod difinittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, b’tali mod li ma jaffettwawx l-interessi tar-rikorrenti. Dawn huma inseparabbli mid-deċiżjoni Metakrilati li tagħha huma jippreparaw l-implementazzjoni.

56      Lil hinn min-natura tagħhom, il-kontenut tal-ittri kkontestati juri li dawn ma jipproduċux effetti legali vinkolanti, peress li l-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011 kienet neċessarjament provviżorja, filwaqt li dik tat-8 ta’ Lulju 2011 ipproponiet lir-rikorrenti l-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja fil-perspettiva ta’ appell, perspettiva li kienet tipprekludi, skont il-Kummissjoni, miżuri ta’ eżekuzzjoni sfurzata.

57      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti jikkontestaw l-ammont dovut wara d-deċiżjoni Metakrilati kif interpretata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), b’mod li huma kellhom, f’dan is-sens, jippreżentaw appell mis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), appell li huma ppreżentaw. Issa, il-Kummissjoni tosserva li, fir-rikors tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti sostnew li huma ma setgħux ikunu “marbuta għal kwalunkwe ħlas tal-bilanċ li baqa’ dovut fid-dawl tal-estensjoni neċessarja tar-res judicata tas-sentenza Arkema għar-rikorrenti”.

58      B’dan il-mod, skont il-Kummissjoni, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti jipprevedu, permezz tar-rikors tagħhom f’din il-kawża, id-deċiżjoni Metakrilati jew is-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa inammissibbli minħabba lis alibi pendens.

59      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li, fi kwalunkwe każ, ir-rikors huwa ineffettiv, fis-sens li huwa jipprevedi, permezz tal-ittri kkontestati, atti kontestabbli separatament, jiġifieri d-deċiżjoni Metakrilati u s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), li l-effetti tagħha ma jinbidlux minn annullament eventwali tal-ittri kkontestati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għandhom ebda interess sabiex jiksbu l-annullament tal-imsemmija ittri u jipprevedu biss, fil-fatt, ir-reviżjoni tal-ammont tal-multa.

60      Fir-raba’ lok, fir-risposta tagħha għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-effett f’din il-kawża tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), il-Kummissjoni sostniet li dan ir-rikors huwa intiż sabiex jikkontesta l-ammont tal-multa ffissata fid-deċiżjoni Metakrilati, meta dan l-ammont ma setax jiġi kkontestat iktar peress li r-rimedji kollha kontra din id-deċiżjoni kienu ġew eżawriti wara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), b’mod li r-rikorrenti ma għandhom ebda interess ġuridiku fil-konfront tal-ittri kkontestati, li jikkostitwixxu biss sempliċi miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li saret definittiva.

61      Rigward l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra l-interessi, il-Kummissjoni tqis li l-punt 89 tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), riprodott fil-punt 28 iktar ’il fuq, ma jqegħidx f’dubju l-fondatezza tal-eċċezzjoni tagħha, sa fejn din il-parti tat-talba hija inseparabbli mit-talba prinċipali.

62      Fi kwalunkwe każ, l-ilment dedott min-natura abbużiva tal-interessi moratorji sar biss fl-istadju tal-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u mhux fir-rikors, b’mod li dan l-ilment huwa inammissibbli.

–       L-argumenti tar-rikorrenti

63      Fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-ittri kkontestati “jżidu” mad-deċiżjoni Metakrilati kif interpretata mis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), u mis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), u li, fi kwalunkwe każ, dawn jimponu fuqhom interessi “abbużivi”.

64      Fl-ewwel lok, l-ittri kkontestati jmorru lil hinn mid-deċiżjoni Metakrilati inkwantu jimponu fuq ir-rikorrenti multa, meta din id-deċiżjoni kkundannat lir-rikorrenti biss in solidum għall-ksur ta’ Arkema u din tal-aħħar ħallset l-ammont kollu fis-7 ta’ Settembru 2006, b’mod li, fuq il-bażi tar-responsabbiltà in solidum, il-Kummissjoni ma tista’ teżiġi ebda ħlas mir-rikorrenti.

65      Wara s-sentenzi Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), kif ukoll Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), il-Kummissjoni kellha mhux biss tirrimborsa lil Arkema l-ammont żejjed irċevut, iżda wkoll tiżgura li, fuq il-bażi tas-solidarjetà passiva, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ma teċċedix dik tas-sussidjarji tagħhom.

66      Permezz tal-ittri kkontestati li jestendu l-korrispondenza tagħha ma’ Arkema, il-Kummissjoni intendiet deliberatament li tevita l-limitazzjonijiet ta’ solidarjetà passiva u li żżid l-ammont tal-multa tar-rikorrenti kif tirriżulta mid-deċiżjoni Metakrilati u mis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251). Billi teżiġi mir-rikorrenti l-bilanċ tal-multa wara s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), il-Kummissjoni tħassar il-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar fuq l-ammont tal-multa, u dan jippermettilha li tikseb multa f’ammont ikbar minn dak impost fid-deċiżjoni Metakrilati fid-dawl tal-interessi mitluba.

67      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interessi moratorji mitluba mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ bażi legali u l-ineżistenza ta’ kull ħtija, fl-assenza ta’ kull tardività fil-ħlas min-naħa ta’ Arkema fl-2008 u fil-ħlas min-naħa tagħhom fl-2011.

68      Fit-tielet lok, minn naħa, ir-rikorrenti jiċħdu l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens tal-Kummissjoni, fis-sens li r-rikors f’din il-kawża ma jipprevedix is-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), iżda l-ittri kkontestati li “jżidu” mad-deċiżjoni Metakrilati, u, għall-istess raġunijiet, huwa bbażat fuq motivi distinti.

69      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jiċħdu wkoll l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura ineffettiva tar-rikors, billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-ittri kkontestati “jżidu” mad-deċiżjoni Metakrilati, kemm fir-rigward tas-somma mitluba bħala ammont prinċipali, li tittrasforma multa in solidum għal multa proprja, kif ukoll fir-rigward tal-interessi moratorji. Skont l-ittri kkontestati, ir-rikorrenti u Arkema huma marbuta jħallsu multa ta’ ammont ikbar minn dak impost fid-deċiżjoni Metakrilati.

70      Fir-raba’ lok, fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rilevanza f’din il-kawża tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-legalità tal-impożizzjoni ta’ multa differenti fid-dawl tal-ittri kkontestati, li ma huma bl-ebda mod affettwati mid-dispożittiv tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60).

71      Fl-istess tweġiba tagħhom u fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż kontra l-interessi moratorji, ir-rikorrenti jqisu li dawn l-interessi mitluba huma abbużivi u punittivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

72      Fl-eċċezzjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors.

73      F’dan ir-rigward, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, Ġabra, EU:C:2007:763, punt 27).

74      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li wieħed għandu jiffoka fuq is-sustanza tal-miżura li tagħha qed jintalab l-annullament sabiex jiġi ddeterminat jekk din tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, filwaqt li l-forma li biha din tkun ġiet adottata hija, fil-prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:1981:264, punt 9; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punti 42 u 43; tas-17 ta’ April 2008, Cestas vs Il-Kummissjoni, T‑260/04, Ġabra, EU:T:2008:115, punt 68).

75      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk, permezz tal-ittri kkontestati, il-Kummissjoni adottatx att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

76      Skont il-Kummissjoni, dan ma huwiex il-każ, peress li, essenzjalment, l-att ikkontestat huwa sempliċi miżura provviżorja ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Metakrilati wara s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), filwaqt li r-rikorrenti jinvokaw din id-deċiżjoni jew is-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), għall-finijiet ta’ ksib ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom.

77      Ir-rikorrenti jsostnu l-kuntrarju billi jsostnu, essenzjalment, li l-att ikkontestat juri element ġdid, li ma huwiex dedott mid-deċiżjoni Metakrilati, jiġifieri li huma marbuta li jħallsu parti mill-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum ma’ Arkema, flimkien mal-interessi moratorji, f’ammont ikbar minn dak impost fl-imsemmija deċiżjoni u sal-ammont finalment sostnut minn Arkema, minkejja l-fatt li l-multa tħallset malajr u kompletament minn Arkema u indipendentement mis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), li naqset l-ammont tagħha.

78      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li, essenzjalment, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), irrenda definittiva d-deċiżjoni Metakrilati fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod li dawn ma kienx għad għandhom interess ġuridiku f’dan il-każ, għandha tiġi miċħuda.

79      Ċertament, fl-ambitu tal-appell tagħhom li wassal għal dan id-digriet, ir-rikorrenti eżawrixxew ir-rimedji tagħhom kontra d-deċiżjoni Metakrilati.

80      Jibqa’ l-fatt li, minn naħa, fl-ambitu tar-rikors tagħhom f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-legalità ta’ din id-deċiżjoni, iżda dik tal-ittri kkontestati u, min-naħa l-oħra, fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), din tal-aħħar ippronunzjat ruħha biss fuq il-legalità tas-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), u mhux fuq dik tal-ittri kkontestati f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2012:60, punti 88 u 89).

81      Fit-tieni lok, madankollu, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li l-ittri kkontestati huma ta’ natura provviżorja u preparatorja għandha tiġi miċħuda.

82      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li jkunu saru f’diversi fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, huma biss, fil-prinċipju, il-miżuri li jiddeterminaw, b’mod definittiv, il-pożizzjoni tal-istituzzjoni wara din il-proċedura, li jikkostitwixxu att kontestabbli, u mhux il-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, EU:C:1981:264, punt 10; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra, EU:C:2000:335, punt 26, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punti 42 u 43).

83      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, kif emendata bl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, stabbilixxiet b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni sa fejn l-ittri kkontestati setgħu jiġu eżegwiti b’mod sfurzat u li dewmien eventwali tal-eżekuzzjoni kien jiskatta d-dekorrenza tal-interessi moratorji kontra r-rikorrenti, b’mod li dawn l-ittri pproduċew effetti legali vinkolanti għar-rikorrenti.

84      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri kkontestati ma ġewx segwiti b’att ieħor tal-Kummissjoni wara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60).

85      Il-possibbiltà, proposta fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2011 mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, li tiġi kkostitwita garanzija bankarja fil-perspettiva ta’ appell ma tistax tqiegħed f’dubju din l-evalwazzjoni, sakemm ma jitqiesx li, meta tali possibbiltà tiġi offruta lid-destinatarji ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonstataw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea u li jimponu fuqhom multa, dawn id-deċiżjonijiet ikunu ta’ natura provviżorja jew preparatorja u, għalhekk, ma jkunux kontestabbli skont l-Artikolu 263 TFUE.

86      Għall-istess raġuni, il-fatt li r-rikorrenti ppreżentaw appell mis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), lanqas ma jista’ jaffettwa n-natura eżekuttiva tal-ittri kkontestati, peress li l-imsemmi appell sar kontra s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), u mhux kontra l-ittri kkontestati.

87      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-ittri kkontestati ġew adottati wara d-deċiżjoni Metakrilati, b’mod li dawn setgħu biss diffiċilment jikkostitwixxu att preparatorju għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

88      Jibqa’ l-fatt li l-effetti legali vinkolanti tal-ittri kkontestati ma jistgħux, fihom infushom, isostnu l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża preżenti.

89      Fit-tielet lok, għandu fil-fatt jiġi vverifikat jekk l-ittri kkontestati kinux ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

90      Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk l-ittri kkontestati kinux ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom kif tirriżulta mid-deċiżjoni Metakrilati.

91      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, fid-deċiżjoni Metakrilati, il-Kummissjoni imponiet fuq Arkema multa fl-ammont ta’ EUR 219 131 250, li minnu l-ammont ta’ EUR 140 400 000 huwa in solidum ma’ Total u l-ammont ta’ EUR 181 350 000 huwa in solidum ma’ Elf Aquitaine, ladarba ġiet irrikonoxxuta r-responsabbiltà tagħhom għall-ksur imwettaq.

92      Huwa stabbilit ukoll li, wara d-deċiżjoni Metakrilati, il-multa imposta in solidum fuq Arkema u fuq ir-rikorrenti tħallset malajr u kompletament minn Arkema.

93      Jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-ammont prinċipali mitlub mingħand ir-rikorrenti mill-Kummissjoni fl-ittri kkontestati, il-Kummissjoni kienet kuntenta sempliċement teżegwixxi, fir-rigward tar-rikorrenti, id-deċiżjoni Metakrilati wara s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), u s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250).

94      Fil-fatt u kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Arkema fis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), ma bidilx l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni Metakrilati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq EU:C:2012:60, punt 83).

95      B’hekk, għal dak li huwa, tal-inqas, l-ammont prinċipali mitlub mingħand ir-rikorrenti fl-ittri kkontestati, dawn l-ittri ma affettwawx l-interessi tar-rikorrenti permezz ta’ bdil sinjifikattiv tas-sitwazzjoni legali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE wara d-deċiżjoni Metakrilati.

96      Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud, bħala inammissibli, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ittri kkontestati fir-rigward tal-ammont prinċipali mitlub mingħand ir-rikorrenti.

97      Din l-evalwazzjoni, madankollu, ma tistax twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu, peress li r-rikorrenti talbu wkoll l-annullament tal-ittri kkontestati minħabba li l-Kummissjoni eżiġiet il-ħlas tal-interessi moratorji.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, l-obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji ma jirriżultax mid-deċiżjoni Metakrilati u mis-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), u lanqas mis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), ladarba Arkema ħallset, fl-estensjoni immedjata tal-imsemmija deċiżjoni, l-ammont kollu tal-multa inizjali.

99      Għaldaqstant, wara d-deċiżjoni Metakrilati, kif riformata bis-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), u s-sentenza Total u Elf Aquitaine, punt 11 iktar ’il fuq (EU:T:2011:250), ir-rikorrenti ma kienu bl-ebda mod responsabbli għal interessi moratorji, b’mod li l-att ikkontestat bidel tassew is-sitwazzjoni legali tagħhom billi żied is-somma dovuta mir-rikorrenti skont id-deċiżjoni Metakrilati.

100    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:2012:60), ma jistax iqiegħed f’dubju lil din l-evalwazzjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet hemmhekk it-talba tar-rikorrenti, imressqa fl-ambitu tal-appell tagħhom, għal dispensa mill-interessi, “bħala manifestement inammissibbli inkwantu din [ġiet] diretta mhux […] kontra s-sentenza [Total u Elf Aquitaine], iżda kontra ittra tal-Kummissjoni [li kienet], barra minn hekk, is-suġġett ta’ rikors [f’din il-kawża]” (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2012:60, punt 89).

101    Għaldaqstant, hemm lok li r-rikors jitqies ammissibbli sa fejn dan huwa intiż kontra l-interessi moratorji mitluba mingħand ir-rikorrenti fl-ittri kkontestati.

 Fuq il-mertu

102    Ladarba r-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn dan huwa intiż kontra l-interessi moratorji mitluba mingħand ir-rikorrenti fl-ittri kkontestati, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandu jinvolvi biss, fil-mertu, l-imsemmija interessi.

 L-argumenti tal-partijiet

103    Insostenn tat-talba tagħhom għal annullament li saret sussidjarjament u, fil-limiti tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, li tipprevedi biss l-interessi moratorji, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt tal-kawża u l-fatt li l-Kummissjoni bbenefikat totalment mill-ammont prinċipali, mill-interessi u mill-frott tal-kundanni.

104    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet teżiġi min-naħa tagħha l-ħlas tal-interessi moratorji, dawn setgħu jiddekorru biss wara s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), altrimenti jkun hemm arrikkiment idebitu mill-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti ħallsu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien l-ammont prinċipali u l-interessi dovuti.

105    Il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa, li fl-ittri kkontestati hija eżiġiet biss l-interessi fuq is-somom li baqgħu dovuti u mhux fuq is-somom diġà mħallsa minn Arkema b’mod definittiv u, min-naħa l-oħra, li hija rrimborsat lil Arkema l-ħlas żejjed wara s-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), flimkien mal-interessi marbut miegħu.

106    Il-fatt li l-Kummissjoni kellha l-ammont kollu sal-eżekuzzjoni tas-sentenza Arkema, punt 12 iktar ’il fuq (EU:T:2011:251), ma jistax jeżonera lir-rikorrenti mill-obbligu tagħhom li jħallsu l-interessi moratorji fuq is-somom irrimborsati lil Arkema.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Fir-rigward tal-fondatezza tat-talbiet tar-rikorrenti kontra l-interessi moratorji mitluba mill-Kummissjoni fl-ittri kkontestati, l-argumenti sostnuti mir-rikorrenti fl-atti tagħhom wara ir-rikors, inklużi dawk relatati man-natura abbużiva tal-interessi moratorji fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, għandhom qabelxejn jiġu miċħuda peress li dawn huma inammissibbli skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u mal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inkwantu dawn ma jidhrux fir-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Frar 2005, Ravailhe vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑406/03, ĠabraSP, EU:T:2005:40, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet tas-27 ta’ Marzu 2009, Alves dos Santos vs Il-Kummissjoni, T‑184/08, EU:T:2009:87, punti 18 sa 21).

108    Għandu jitfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-interessi moratorji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-totalità tat-telf finanzjarju akkumulat, inkluż dak ikkawżat mill-erożjoni monetarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09, Ġabra, EU:T:2011:641, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li s-setgħa li biha l-Kummissjoni hija vestita tinkludi l-fakultà li tiddetermina d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa u dik tad-dekorrenza tal-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tiddeċiedi l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teżiġi, fejn applikabbli, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi tal-multa imposta, ladarba, fl-assenza ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jistgħu jiksbu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-funzjoni, mogħtija lilha, li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punti 47 u 48).

110    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-interessi moratorji għall-multi hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-trattat jingħeleb permezz ta’ prattiki implementati unilateralment minn impriżi li jdumu ma jħallsu l-multi li għalihom ikunu ġew ikkundannati (sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, EU:T:1995:141, punt 48).

111    Minn dan isegwi li, b’mod ġenerali, l-interessi moratorji għandhom il-funzjoni unika li jikkumpensaw għad-dewmien subit mill-kreditur fil-ħlas tal-obbligu tiegħu ta’ somma ta’ flus, peress li ċ-ċaħda minn somma ta’ flus hija dejjem ta’ ħsara.

112    Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Arkema ħallset il-multa inizjali kollha fis-7 ta’ Settembru 2006, u dan ukoll għan-nom tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-ittra ta’ Arkema lill-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2008.

113    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax b’mod effettiv issostni li Arkema ma għamlitx id-dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni, ladarba hija indikat b’mod ċar, fl-imsemmija ittra tal-25 ta’ Settembru 2008, li l-Kummissjoni kellha “d-drittijiet kollha tagħha ssodisfatti kemm fir-rigward [tagħha] kif ukoll fir-rigward tal-koobbligati in solidum kollha”.

114    Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrenti ħallsu s-somom mitluba fl-ittri kkontestati fit-termini mogħtija mill-Kummissjoni.

115    Barra minn hekk, fl-ebda stadju, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma ġie kkonstatat xi dewmien fil-ħlas min-naħa tar-rikorrenti.

116    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx, korrettement, teżiġi mingħand ir-rikorrenti interessi moratorji fuq il-bażi tal-multa imposta fid-deċiżjoni Metakrilati.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li l-ittri kkontestati jiġu annullati, peress li l-Kummissjoni talbet fihom mingħand Elf Aquitaine interessi moratorji, f’ammont ta’ EUR 31 312 114.58, li għalihom Total ġiet marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 19 191 296.03, u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

118    Għaldaqstant, minn naħa, ma hemmx ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal riforma peress li dawn jipprevedu l-interessi mitluba fl-ittri kkontestati u, min-naħa l-oħra, dawn l-istess talbiet għandhom jiġu miċħuda peress li dawn jipprevedu s-somom mitluba bħala ammont prinċipali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 90 sa 100 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom.

120    Issa, f’din il-kawża, il-qorti Ġenerali laqgħet, parzjalment, it-talbiet tar-rikorrenti.

121    Għaldaqstant u fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati żewġ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż tar-rikorrenti u tliet partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż rispettivi tagħha. Ir-rikorrenti għandhom ibatu, min-naħa tagħhom, tliet partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż rispettivi tagħhom u żewġ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ittri tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s746396, tal-24 ta’ Ġunju 2011, u BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta’ Lulju 2011, huma annullati sa fejn il-Kummissjoni Ewropea talbet fihom mingħand Elf Aquitaine SA interessi moratorji f’ammont ta’ EUR 31 312 114.58 li għalihom Total SA ġiet marbuta in solidum sal-ammont ta’ EUR 19 191 296.03.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati żewġ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż ta’ Total u ta’ Elf Aquitaine u tliet partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż rispettivi tagħha. Total u Elf Aquitaine għandhom ibatu, min-naħa tagħhom, tliet partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż rispettivi tagħhom u żewġ partijiet minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.