Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-25/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. García-Valdecasas Dorrego, Abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-29 ta’ Ottubru 2013, dwar il-konformità tar-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, peress illi jirreferi għall-iffissar ta’ rata għal Spanja ta’ EUR 71.69 (Spanja Kontinentali) u EUR 58.36 (Spanja, il-Gżejjer Kanarji), u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ottubru 2013, dwar il-konformità tar-rati tal-2014 għal kull unità għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, peress illi jirreferi għall-iffissar ta’ rata għal Spanja ta’ EUR 71.69 (Spanja Kontinentali) u EUR 58.36 (Spanja, il-Gżejjer Kanarji).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka l-motivi li ġejjin:

Ksur tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2010, tas-16 ta’ Diċembru 2010, flimkien mal-Artikolu 11a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1794/2006, tas-6 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni ta’ l-ajru, għaliex dawn l-artikoli jipprovdu li l-fornituri tas-servizzi ma għandhomx jassumu, fl-ewwel perijodu ta’ referenza 2012-2014, il-bidliet li ma jaqbżux +/- 2 % tat-traffiku mistenni fil-każ tal-Istati Membri li għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali preċedenti għat-8 ta’ Lulju 2010 li fihom huwa stabbilit tnaqqis tar-rata unitarja li huwa ogħla mill-għanijiet tal-Unjoni.

Ksur tal-prinċipju ta’ ġerarkija leġiżlattiva, għaliex deċiżjoni ma tistax timmodifika regolament tal-Unjoni, u lanqas tista’ tiddeċiedi li “għandha diġà tapplika” distribuzzjoni tar-riskji minn differenza ta’ 0 % minflok 2 %, meta r-regolament li japplikaha ma jkunx espressament ipprovda għaliha.

Bidla mill-proċedura stabbilita, peress illi meta pprovdiet ex novo kriterju ta’ distribuzzjoni tar-riskji fis-sistema ta’ imposti, ma segwietx il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2004, li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew, li huwa msemmi fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2004, dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew. Skont ir-rikorrent, dawn l-artikoli jiddeterminaw li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni biex tiddetermina s-sistema ta’ imposti, megħjuna mill-Kumitat ta’ Ajru Uniku, u dan ukoll jimplementa l-proċedura tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

Sussidjarjament, ir-rikorrent jinvoka wkoll il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti, kif ukoll tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, peress illi l-Kummissjoni naqset milli tikkonsulta qabel lill-Kumitat ta’ Ajru Uniku, dwar jekk il-pożizzjoni ta’ Spanja hija jew ma hijiex aġġustata għall-prinċipji u għar-regoli tal-imposti.