Language of document : ECLI:EU:T:2015:153

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Marzu 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri tal-Istat li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ impriża tal-qtugħ tal-injam fil-Land Hessen – Rikors għal annullament – Ittra indirizzata lil-lanjanti – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Kalkolu tal-element tal-għajnuna ta’ garanziji tal-Istat – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji – Impriża li tinsab f’diffikultà – Bejgħ ta’ art pubblika – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑89/09,

Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG, stabbilita f’Creuzburg (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn J. Heithecker u F. von Alemann, sussegwentement minn Heithecker, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Land Hessen (il-Ġermanja), irrappreżentat minn U. Soltész, u P. Melcher, avukati,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6017 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Għajnuna mill-Istat N 512/2007 – il-Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH, u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra D/55056 tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Diċembru 2008, dwar il-proċedura ta’ Għajnuna mill-Istat CP 195/2007 – Abalon Hardwood Hessen GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ġunju 2009, il-Land Hessen talab sabiex jitħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Settembru 2009, intlaqgħet it-talba għal intervent tal-Land Hessen.

24      Il-Land Hessen ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-3 ta’ Diċembru 2009. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota fit-22 ta’ Jannar 2010 u l-Kummissjoni fil-21 ta’ Jannar 2010, fit-terminu impost.

25      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet, għalhekk, assenjata lil din l-awla.

26      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-terminu impost.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2014.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2008 dwar il-proċedura CP 195/2007;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30      L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk li huwa sostna.

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 B – Fuq il-mertu

[omissis]

 2. Fuq il-motivi intiżi li juru ksur tal-obbligu ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali

 a) Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motivi rigward l-istabbiliment tad-data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-għajnuna nnotifikata

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-istabbiliment tad-dritt applikabbli

[omissis]

 – Fuq is-sussidju għall-investiment

64      Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 12, 46 u mill-premessa 59(a) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li s-sussidju għall-investiment kien ingħata f’Diċembru 2006, qieset li dan kien jikkostitwixxi miżura individwali adottata abbażi tal-iskema N 642/2002. Il-Kummissjoni, għalhekk, ikkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li s-sussidju għall-investiment kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

65      Skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba skema ġenerali ta’ għajnuna kienet ġiet approvata, il-miżuri individwali ta’ implementazzjoni ma għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lilha, ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet suġġetta għal riżervi f’dan is-sens mill-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-għajnuna individwali hija sempliċi miżura ta’ implementazzjoni tal-iskema ġenerali ta’ għajnuna, il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tqis biex tevalwaha huma l-istess bħal dawk li hija applikat fl-eżami tal-iskema ġenerali. Huwa b’hekk inutli li l-għajnuna individwali tiġi suġġetta għall-eżami mill-Kummissjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra, EU:C:1994:358, punt 21; sentenza tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, T‑20/03, Ġabra, EU:T:2008:395, punt 92).

66      Il-Qorti tal-Unjoni tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni, meta jkollha quddiemha għajnuna individwali li tkun allegatament saret b’applikazzjoni ta’ skema awtorizzata minn qabel, ma tistax teżaminaha immedjatament skont it-Trattat. Qabel ma tibda kwalunkwe proċedura, hija għandha teżamina jekk l-għajnuna hijiex koperta mill-iskema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni li tapprovaha. Kieku ma timxix b’dan il-mod, waqt l-eżami ta’ kull għajnuna individwali, il-Kummissjoni tkun tista’ tbiddel id-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, li tippresupponi li jkun diġà sar eżami fid-dawl tal-Artikolu 87 tat-Trattat. F’każ bħal dan, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jiġu mhedda kemm fir-rigward tal-Istati Membri kif ukoll fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi għaliex għajnuna individwali li tikkonforma strettament mad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna tista’, f’kull mument, terġa’ titqiegħed f’dubju mill-Kummissjoni (sentenzi L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ʼil fuq, EU:C:1994:358, punt 24, u tal-10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra, EU:C:2005:275, punt 57).

67      Fil-każ li, wara eżami daqstant limitat, il-Kummissjoni tikkonstata li l-għajnuna individwali hija konformi mad-deċiżjoni tagħha tal-approvazzjoni tal-iskema, din għandha titqies li hija għajnuna awtorizzata, għalhekk bħala għajnuna eżistenti. Għal kuntrarju, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tikkonstata li l-għajnuna individwali ma hijiex koperta mid-deċiżjoni tagħha tal-approvazzjoni tal-iskema, l-għajnuna għandha titqies li hija għajnuna ġdida (sentenzi L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:C:1994:358, punti 25 u 26, u L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, EU:C:2005:275, punt 57).

68      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata b’għajnuna individwali, jiġifieri s-sussidju għall-investiment ikkontestat, li dwaru l-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew li kien ġie adottat abbażi tal-iskema N 642/2002 approvata mill-Kummissjoni. Skont il-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha għalhekk teżamina jekk din il-miżura kinitx koperta mill-iskema inkwistjoni u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, jekk kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-deċiżjoni tal-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ddeċidiet fid-deċiżjoni kkontestata li dan kien il-każ (premessi 44 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

69      Sa fejn il-Kummissjoni wettqet f’dan il-każ, konformement mal-prinċipji stabbiliti fil-punti 66 u 67 iktar ’il fuq, stħarriġ li jikkonsisti f’verifika tal-konformità tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata mal-iskema N 642/2002, ġustament hija ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-għoti ta’ din il-miżura. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ppreżentata fil-punt 65 iktar ’il fuq, din il-miżura ma kinitx suġġetta għal obbligu ta’ notifika u li l-Kummissjoni ma kellhiex, bħala prinċipju, teżaminaha (jekk mhux wara l-ilment tar-rikorrenti u n-notifika sussegwenti ta’ din il-miżura mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), il-fatt li immedjatament isir l-eżami ta’ din il-miżura fid-dawl tas-sistema legali applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li din il-miżura, li hija konformi mad-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-iskema N 642/2002, tirriskja li fi kwalunkwe mument titqiegħed f’dubju mill-Kummissjoni fid-dawl tas-sistema legali applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tagħha.

70      L-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fil-każ ta’ rikonoxximent tal-mument tal-għoti tal-għajnuna bħala l-mument li jistabbilixxi s-sitwazzjoni legali applikabbli, l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ notifika wara l-għoti tal-għajnuna għall-finijiet taċ-“ċertezza legali”, jistabbilixxu essenzjalment id-dritt applikabbli ratione temporis, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ma hijiex in-notifika ta’ miżura li tistabbilixxi s-sistema legali applikabbli, ratione temporis, għal din il-miżura, iżda n-natura tal-miżura bħala għajnuna eżistenti, mhux suġġetta bħala prinċipju għall-obbligu ta’ notifika, jew bħala għajnuna ġdida, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika u għall-projbizzjoni ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 88(3) KE. In-notifika tikkostitwixxi biss strument proċedurali intiż li jippermetti lill-Kummissjoni li tivverifika l-miżura inkwistjoni u ma għandhiex l-effett li toħloq dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra, EU:C:2008:709, punt 52).

71      Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, punt 70 iktar ’il fuq (EU:C:2008:709), invokata mir-rikorrenti, ma tappoġġax it-teżi tagħha dwar l-istabbiliment tal-perijodu li fih il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sabiex tevalwa s-sussidju għall-investiment. Fil-fatt, fil-kawża li waslet għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kellha teżamina proġett ta’ għajnuna ġdida nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li, fil-każ ineżami, kellha tiġi eżaminata miżura għall-għajnuna li kienet allegatament tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

72      Għalhekk jirriżulta li l-verifika li l-Kummissjoni kellha tagħmel fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, punt 70 iktar ’il fuq (EU:C:2008:709), kienet differenti mill-verifika li hija kellha tagħmel fil-każ ineżami, peress li l-miżuri inkwistjoni fiż-żewġ kawżi huma ta’ natura differenti. Konsegwentement, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, punt 70 iktar ’il fuq (EU:C:2008:709), ma hijiex rilevanti għal dan il-każ.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni rabtet korrettament l-evalwazzjoni tagħha mad-data tal-għoti tas-sussidju għall-investiment u li, fir-rigward ta’ din il-problema, hija ma kinitx tinsab f’diffikultajiet serji.

[omissis]

 c) Fuq l-ilmenti fformulati fil-kuntest tat-tielet u tas-seba’ motivi rigward il-klassifikazzjoni tal-garanziji tal-Istat ta’ għajnuna de minimis

[omissis]

149    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx, skont il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, u mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, taċċetta l-użu mill-awtoritajiet Ġermaniżi tat-taxxa b’rata fissa ta’ 0.5 % tal-ammont iggarantit għall-finijiet tal-istabbiliment tal-element tal-għajnuna ta’ garanziji kkontestati. Din l-aċċettazzjoni tat-taxxa msemmija iktar ’il fuq kienet kruċjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn huwa b’applikazzjoni tal-imsemmija taxxa li l-garanziji kkontestati kienu ġew ikklassifikati bħala għajnuna de minimis.

150    Fir-rigward tan-natura ta’ verifika mwettqa mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża li ġiet sottomessa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita verifika intiera għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (ara l-punt 47 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li l-verifika tal-legalità magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza tad-diffikultajiet serji, fin-natura tagħha, tmur lil hinn mir-riċerka tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (ara punt 49 iktar ’il fuq).

151    Għandu jiġi osservat ukoll li, peress li adottat ir-regoli ta’ kondotta u peress li stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jikkonċernawhom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm ma tagħtix raġunijiet li jiġġustifikaw, fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji, il-fatt li hija qed titbiegħed mir-regoli tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 211, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra, EU:C:2008:482, punt 60).

152    Fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-qorti tal-Unjoni diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-Kummissjoni tista’ toħloq linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha u li, sa fejn dawn jimxu mar-regoli tat-Trattat, ir-regoli indikattivi li huma inklużi fihom huma imposti fuq l-istituzzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra, EU:C:2002:363, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li ż-żewġ garanziji kkontestati ngħataw abbażi tal-linji gwida tal-Land Hessen dwar l-għoti ta’ garanziji għas-settur industrijali. Dawn il-linji gwida jipprevedu espliċitament li l-element tal-għajnuna ta’ garanziji mogħtija mill-awtoritajiet tal-Land Hessen lil impriżi li ma humiex f’diffikultà jogħla b’ 0.5 % tal-ammont iggarantit u li, konsegwentement, il-garanziji mogħtija lil tali impriżi u li jirrigwardaw ammont sa EUR 20 000 000 jikkostitwixxu għajnuna de minimis li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 69/2001.

154    Huwa stabbilit li l-garanziji kkontestati ma jaqgħux fl-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni, peress li, fid-data tal-għoti tagħhom (Diċembru 2006), il-linji gwida msemmija iktar ’il fuq tal-Land Hessen ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni u ma kinux, għalhekk, ġew approvati permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

155    Sa fejn il-garanziji kkontestati ma jaqgħux fi skema ta’ għajnuna awtorizzata, huma jridu jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kahla/Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2008:395, punti 93 u 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

157    Fid-dawl tal-fatt li l-garanziji tal-Istat jirrappreżentaw tip ta’ għajnuna mogħtija taħt forma differenti minn sussidju, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 69/2001, l-element ta’ għajnuna li jinkludi dawn il-garanziji għandu jiġi kkalkolat. Huwa l-ammont ta’ dan l-element ta’ għajnuna li ser jistabbilixxi jekk dawn il-garanziji jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola de minimis applikabbli fil-mument tal-għoti tagħhom. Ir-Regolament Nru 69/2001 ma jipprovdix informazzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dan l-element ta’ għajnuna.

158    Il-Kummissjoni madankollu speċifikat il-prassi tagħha dwar il-kalkolu tal-element tal-għajnuna ta’ garanziji fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea għal għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 369, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2000 dwar il-garanziji”).

[omissis]

167    Skont il-prinċipji stabbiliti fil-punti 151 u 152 iktar ’il fuq, l-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji kien jagħmel parti mill-qafas legali li fid-dawl tiegħu l-Kummissjoni kellha tevalwa l-garanziji kkontestati f’dan il-każ. Dan huwa iktar u iktar minnu meta, fil-punt 1.4 ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan ta’ dan l-avviż huwa li jagħti lill-Istati Membri spjegazzjonijiet dwar il-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 87 u 88 u l-applikazzjoni tagħhom għal garanziji tal-Istat, sabiex tiżgura l‑prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ugwaljanza fit-trattament.

168    Issa, għandu jiġi osservat, kif jirriżulta mill-premessi 14 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-kjarifiki tal-Kummissjoni matul is-seduta, li hija ma applikatx l-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji f’dan il-każ. Il-Kummissjoni, fil-fatt, sostniet matul is-seduta li dan l-avviż kien japplika meta l-għajnuna inkwistjoni kienet taqbeż il-limitu de minimis u li għaldaqstant kienet issir għajnuna suġġetta għall-obbligu ta’ notifika. F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, il-garanziji kkontestati jaqgħu taħt l-iskema de minimis stabbilita mir-Regolament Nru 69/2001 u, konsegwentement, huma ma kinux suġġetti għall-obbligu ta’ notifika u għaldaqstant ma ġewx eżaminati fid-dawl tal-avviż imsemmi iktar ’il fuq.

169    Din l-analiżi tal-Kummissjoni hija ċirkolari u, għaldaqstant, żbaljata. Fil-fatt, il-konklużjoni li tgħid li l-garanziji kkontestati f’dan il-każ jaqgħu taħt l-iskema de minimis, tippreżumi, minn qabel, l-eżami tal-legalità tal-użu f’dan il-każ tat-taxxa ta’ 0.5 %, peress li huwa skont l-applikazzjoni tal-imsemmija taxxa li kien ġie deċiż li l-element tal-għajnuna tal-imsemmija garanziji jaqa’ taħt il-limitu massimu de minimis. Kif diġà ġie osservat, l-eżami tal-legalità tal-użu tat-taxxa msemmija iktar ’il fuq kellu jsir fid-dawl tal-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji, li jinkludi informazzjoni dwar il-kalkolu tal-element tal-għajnuna ta’ garanziji tal-Istat. Issa, il-Kummissjoni ma wettqitx tali eżami.

170    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi sabiex tinvoka f’dan il-każ l-eżistenza ta’ prassi min-naħa tagħha li tikkonsisti fl-ammissjoni tal-użu tat-taxxa ta’ 0.5 % għall-kalkolu tal-element tal-għajnuna ta’ garanziji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi lil impriżi li ma humiex f’diffikultà (ara l-punt 148 iktar ’il fuq).

[omissis]

173    Minn dawn l-elementi ta’ informazzjoni jirriżulta li l-prassi invokata mill-Kummissjoni ġiet stabbilita preċedentement għall-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji, fil-kuntest ta’ proċedura speċifika dwar verifika permanenti tal-għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, din il-proċedura, fl-ebda mument, ma kienet tirrigwarda l-linji gwida dwar il-garanziji tal-Land Hessen.

174    Il-Qorti Ġenerali osservat barra minn hekk li l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-prassi tal-użu tat-taxxa ta’ 0.5 % kienet, kif jirriżulta mill-ittra tal-11 ta’ Novembru 1998 (ara l-punt 172 iktar ’il fuq), ta’ natura provviżorja u li eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni kienet prevista wara, minn naħa, il-modifika tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpanniji f’diffikultà u min-naħa l-oħra, id-“definizzjoni iktar speċifika tal-intensità tal-għajnuna abbażi ta’ studju addizzjonali”, skont it-termini tal-ittra msemmija iktar ’il fuq.

175    Minn dan isegwi li l-aċċettazzjoni tal-użu tat-taxxa ta’ 0.5 % fil-kuntest imsemmi iktar ’il fuq ma kellha l-ebda għan u l-ebda effett li tillimita l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-garanziji tal-Istat, bħal dawk f’dan il-każ, mogħtija wara l-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji u li ma kinux jaqgħu taħt l-iskemi diġà approvati. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie osservat, mis-sena 2000, l-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji kien jagħmel parti mill-kuntest legali li, fid-dawl tiegħu, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-garanziji li ma kinux jaqgħu taħt skemi awtorizzati, bħal kif inhu l-każ hawnhekk.

[omissis]

178    Lanqas is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il‑Kummissjoni (T‑388/02, EU:T:2008:556), invokata mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tqiegħed f’dubju l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-punt 145 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali tipproċedi biss għall-konstatazzjonijiet ippreżentati fil-punti 171 u 172 iktar ’il fuq, jiġifieri, minn naħa, l-użu mill-awtoritajiet Ġermaniżi tat-taxxa ta’ 0.5 % fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna N 297/91 awtorizzata mill-Kummissjoni (kif emendata permezz tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna eżistenti E 24/95) u min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni, minn dak iż-żmien ’l hawn, tal-imsemmija taxxa mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-garanziji kollha mogħtija. Fl-ebda mument il-Qorti Ġenerali ma tat deċiżjoni dwar il-legalità tal-użu tal-imsemmija taxxa f’kuntest bħal dan fejn il-garanziji kkontestati ma jaqgħux fl-iskema ta’ għajnuna awtorizzata u għandhom, konsegwentement, jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji.

[omissis]

186    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ eżami mill-Kummissjoni dwar il-legalità tal-użu tat-taxxa ta’ 0.5 % tal-ammont iggarantit sabiex jiġi stabbilit l-element tal-għajnuna ta’ garanziji kkontestati fid-dawl tal-Avviż tal-2000 dwar il-garanziji tikkostitwixxi indikazzjoni dwar l-eżistenza tad-diffikultajiet serji rigward il-kwistjoni jekk il-garanziji kkontestati setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna de minimis. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet kellha twassal lill-Kummissjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. It-tielet motiv għandu konsegwentement jintlaqa’ għal dak li jirrigwarda l-garanziji tal-Istat ikkontestati.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6017 finali, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Għajnuna mill-Istat N 512/2007 – Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH, hija annullata sa fejn hija tiddeċiedi li l-garanziji tal-Istat mogħtija mil-Land Hessen ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG hija kkundannata tbati erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha, erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tal-Land Hessen.

4)      Il‑Kummissjoni hija kkundannata tbati kwint tal-ispejjeż tagħha u kwint tal-ispejjeż ta’ Pollmeier Massivholz.

5)      Il-Land Hessen huwa kkundannat ibati kwint tal-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Marzu 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 –      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.