Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Frar 2009 - Mojo Concerts u Amsterdam Music Dome Exploitatie vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-90/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Mojo Concerts BV (Delft, l-Olanda) u Amsterdam Music Dome Exploitatie BV (Delft, l-Olanda) (rappreżentant: S. Beeston, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta' Ottubru 2008, dwar l-investiment mill-muniċipalità ta' Rotterdam fil-kumpless Ahoy [Għajnuna mill-Istat C 4/2008 (ex N 97/2007, ex CP 91/2007)]

Skont ir-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata juri żball manifest ta' evalwazzjoni u li d-diversi stadji tar-raġunament mhumiex fondati u/jew mhumiex fondati biżżejjed.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-valur tal-kera u l-valur tal-ishma f'Ahoy li ġew stabbiliti ma jikkorrispondux mal-valur tas-suq. Barra minn hekk, investiment li jwassal biss għal żamma tal-valur investit jista' effettivament joħloq vantaġġ. Minbarra dan, meta ġew stabbiliti l-valur tal-kera u l-valur tal-ishma, l-investiment ma tteħidx inkunsiderazzjoni. Skont ir-rikorrenti, ir-restrizzjonijiet kuntrattwali li fuqhom ftiehmu l-muniċipalità u l-operatur ma jwaqqfux l-investiment milli joħloq valur miżjud. Fl-aħħar nett, il-ftehim tat-tqassim tal-profitti ma joffrix garanzija addizzjonali għall-konformità tat-tranżazzjoni mal-kundizzjonijiet tas-suq.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll difetti proċedurali u difetti fil-motivazzjoni, billi l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, jew ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni, l-argumenti ppreżentati minnhom, inkwantu partijiet mill-fajl ġew ikklassfikati b'mod żbaljat bħala kunfidenzjali u inkwantu r-rikorrenti ma ġewx informati bl-elementi kollha tal-fajl, li jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ.

____________