Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Frar 2009 - Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-89/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Pollmeier Massivholz GmbH & Co. KG (Creuzburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Heithecker u F. von Alemann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Każ "Għajnuna mill-Istat N 512/2007 - Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH";

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Diċembru 2008 fil-Każ "CP 195/2007 - Abalon Hardwood Hessen GmbH";

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Każ "Għajnuna mill-Istat N 512/2007 - Ġermanja, Abalon Hardwood Hessen GmbH" li permezz tagħha l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward ta' diversi miżuri ta' għajnuna għall-bini ta' segerija ġdida favur Abalon Hardwoon Hessen GmbH, kompetitriċi diretta tar-rikorrenti, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf il-proċedimenti fil-każ CP 195/2007 pendenti quddiemha.

Ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.

Fl-ewwel lok, hija tallega li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 88(2) u (3) KE u r-Regolament (KE) Nru 659/1999 1, peress li l-konvenuta bbażat, b'mod żbaljat, l-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri notifikati fuq is-sitwazzjoni legali fiż-żmien tal-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna u b'hekk waslet għal konklużjoni li hija inkompatibbli mad-dritt oġġettiv.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega sussidjarjament, u fil-każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad l-ewwel motiv, li l-konvenuta kisret l-Artikolu 88(3) KE u r-Regolament Nru 569/1999, peress li hija kompliet bil-proċedimenti għall-għajnuna notifikata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 569/1999, minkejja li l-għajnuna konċernata kienet diġà ngħatat.

Fit-tielet lok, il-konvenuta kisret l-Artikolu 88(2) u (3) KE, peress li hija ma tatx bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali minkejja diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni.

Fir-raba' lok, il-konvenuta ma osservatx l-obbligu tagħha ta' eżami diliġenti u imparzjali peress li hija ma ttrattatx serje ta' argumenti fundamentali tar-rikorrenti.

Fil-ħames lok, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom motivazzjoni difettuża.

Fis-sitt lok, il-konvenuta kisret id-dritt tar-rikorrenti għal parteċipazzjoni xierqa fil-proċedimenti peress li r-rikorrenti ma ġietx informata bit-tip ta' proċedimenti magħżula.

Fis-seba' lok, il-konvenuta kisret l-Artikolu 87(1) u l-Artikolu 88(3) KE peress li kkalkolat b'mod żbaljat il-valur tal-għajnuna tal-garanzija.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE