Language of document : ECLI:EU:C:2020:694

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Settembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 71(1)(b) – Valur doganali – Importazzjoni ta’ prodotti elettroniċi mgħammra b’softwer”

Fil-Kawża C‑509/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

BMW Bayerische Motorenwerke AG

vs

Hauptzollamt München,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, F. Biltgen u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BMW Bayerische Motorenwerke AG, minn U. Möllenhoff, Rechtsanwalt,

–        għall-Hauptzollamt München, minn G. Rittenauer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Toutain u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BMW Bayerische Motorenwerke AG (iktar ’il quddiem “BMW”) u l-Hauptzollamt München (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana ta’ München, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana”) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, skont il-valur doganali, tal-ispejjeż ta’ żvilupp ta’ softwer, ipprovdut mingħajr ħlas mix-xerrej lill-produttur, għall-użu fil-produzzjoni u fil-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali, dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ.”

4        L-Artikolu 71 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Elementi tal-valur tat-transazzjoni”, jistabbilixxi li:

“1.      Waqt li jkun qed ikun stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 70, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata għandu jkun supplimentat:

[…]

(b)      bil-valur, imqassam kif xieraq, tal-merkanzija u servizzi segwenti fejn provduti direttament jew indirettament mix-xerrej mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas għall-użu fir-rigward tal-produzzjoni u bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata, safejn dak il-valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas:

(i)      materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata;

(ii)      għodda, forom u oġġetti simili wzati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;

(iii)      materjali kkonsmati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata; u

(iv)      l-inġinerija, l-iżvilupp, l-illustrazzjoni, ix-xogħol ta’ disinn, u pjanti u abbozzi magħmula f’post ieħor barra l-Unjoni u meħtieġa għall-produzzjoni tal-merkanzija importata;

(c)      bi drittijiet u tariffi ta’ liċenzi marbutin mal-merkanzija li qed tkun vvalutata li x-xerrej ikollu jħallas, jew direttament jew indirettament, bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun vvalutata, sakemm dawn id-drittijiet u t-tariffi ma jkunux inklużi fil-prezz effetivament imħallas jew li jrid jitħallas;

[…]

2.      Iż-żidiet mal-prezz effetivament imħallas jew li għandu jitħallas, skont il-paragrafu 1, għandhom isiru biss fuq il-bażi ta’ fatti oġġettivi u kwantifikabbli.

3.      L-ebda żieda ma għandha ssir mal-prezz effetivament imħallas jew li għandu jitħallas meta jkun qiegħed ikun stabbilit il-valur doganali ħlief kif provdut f’dan l-Artikolu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        BMW timmanifattura vetturi li fihom unitajiet ta’ kontroll. Dawn tal-aħħar joriġinaw minn diversi pajjiżi terzi u huma simili għal sistema abbord li tikkontrolla apparati fiżiċi fi ħdan il-vetturi.

6        BMW żviluppat hija stess – jew qabbdet impriżi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiżviluppaw – softwer li jiżgura komunikazzjoni fluwida tal-applikazzjonijiet u tas-sistemi ta’ vettura u li huwa neċessarju sabiex jitwettqu diversi operazzjonijiet tekniċi, li huma pproċessati mill-unità ta’ kontroll tal-vettura. Peress li hija l-proprjetarja tas-softwer, BMW ma għandhiex tħallas tariffa għal dan tal-aħħar.

7        Dan is-softwer jiġi pprovdut mingħajr ħlas lill-manifatturi ta’ unitajiet ta’ kontroll. Dawn jużawh sabiex iwettqu prova ta’ funzjonament qabel il-kunsinna tal-unitajiet ta’ kontroll. Ir-rapport ta’ prova juri li l-interazzjoni bejn l-unità ta’ kontroll u s-softwer issir korrettament. Dan jippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk żbalji jkunux seħħew waqt il-kunsinna, irriżultaw mit-trasport jew dehru waqt l-implimentazzjoni tas-softwer. Il-proċedura kollha hija suġġetta għal kuntratti bejn BMW u l-manifatturi ta’ unitajiet ta’ kontroll.

8        BMW timporta u tirrilaxxa għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni l-unitajiet ta’ kontroll, li jinkludu s-softwer installat fuq dawn tal-aħħar barra mill-Unjoni mill-manifattur.

9        Waqt kontroll doganali mwettaq mill-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, irriżulta li BMW kienet indikat, bħala l-valur doganali tal-unitajiet ta’ kontroll importati, il-prezz imħallas lill-manifatturi tal-unitajiet ta’ kontroll, li ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ żvilupp tas-softwer. Billi qies li dawn kellhom jiġu integrati fil-valur doganali, l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2018, stabbilixxa, permezz ta’ avviż ta’ impożizzjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni, dejn doganali fl-ammont ta’ EUR 2 748.08 għall-merkanzija rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera f’Jannar 2018.

10      BMW appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

11      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ żvilupp ta’ softwer, u, jekk ikun il-każ, in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-importatur mal-produttur, sabiex jiġi ddeterminat il-punt tal-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-korrezzjoni f’dan il-każ tal-valur doganali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp [studji ta’ riċerka] ta’ softwer żviluppat fl-Unjoni Ewropea li jiġi pprovdut mill-bejjiegħ lix-xerrej [mix-xerrej lill-bejjiegħ] mingħajr ħlas u li jiġi installat fl-unità ta’ kontroll, li tiġi importata, għandhom jiġu miżjuda mal-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija importata fis-sens tal-Artikolu 71(1)(b) [tal-Kodiċi Doganali] meta ma jkunux inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata?”

 Fuq id-domanda preliminari

12      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata, li, mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiżdied il-valur ekonomiku ta’ softwer żviluppat fl-Unjoni u pprovdut mingħajr ħlas mix-xerrej lill-bejjiegħ stabbilit f’pajjiż terz.

13      Preliminarjament, għandu jitfakkar li kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) u tal-Artikolu 71(1) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-valutazzjoni doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Għalhekk, il-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku. Għalhekk, jekk il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur doganali, dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat meta din l-operazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur doganali arbitrarju jew fittizju (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga, C‑1/18, EU:C:2019:519, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

14      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali jimponi li għandu jiżdied, mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, il-valur ta’ ċerti prodotti jew servizzi pprovduti direttament jew indirettament mix-xerrej, mingħajr ħlas jew bi spiża mnaqqsa, u użati fil-produzzjoni jew fil-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata, sa fejn dan il-valur ma jkunx ġie inkluż f’dan il-prezz.

15      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali humiex issodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha, billi tevalwa jekk il-valur ekonomiku tas-softwer għandux jiżdied mal-valur tat-tranżazzjoni tal-unitajiet ta’ kontroll, sabiex jirrifletti l-valur doganali ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatt li dan is-softwer jippermetti, minn naħa, li jiġi ttestjat il-funzjonament tal-unitajiet ta’ kontroll u, min-naħa l-oħra, li jiġi vverifikat jekk kienx hemm żbalji fil-kunsinna, waqt it-trasport jew waqt l-implimentazzjoni ta’ dan is-softwer, huwiex ta’ natura li jagħti lill-unitajiet ta’ kontroll valur reali ogħla mill-valur tat-tranżazzjoni tagħhom.

16      Fit-tieni lok, l-argument li jgħid li l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali ma japplikax għal din il-kawża għar-raġuni li s-softwer ma huwiex inkluż fil-lista li tinsab fl-Artikolu 71(1)(b)(i) sa (iv) tal-Kodiċi Doganali, filwaqt li l-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu jillimita l-possibbiltajiet ta’ korrezzjoni tal-valur doganali biss għall-elementi previsti f’dan l-artikolu, ma jistax jintlaqa’.

17      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiċħad l-argument li jgħid li s-softwer ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ aġġustament tal-valur doganali, billi qieset li, waqt l-importazzjoni ta’ kompjuters li l-bejjiegħ għammar b’softwer li jinkludi sistema operattiva waħda jew iktar ipprovdut mingħajr ħlas mix-xerrej, huwa meħtieġ, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali ta’ dawn il-kompjuters, li jiżdied, mal-valur tat-tranżazzjoni tagħhom, il-valur ta’ dan is-softwer, meta dan tal-aħħar ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C‑306/04, EU:C:2006:716, punti 23, 24 u 37).

18      Għaldaqstant huwa irrilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata, li l-prodott li l-valur tiegħu għandu jiżdied ikun oġġett intanġibbli, bħal softwer. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi espressament għall-“prodotti” jew għas-“servizzi”, jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat għall-oġġetti tanġibbli.

19      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 71(1)(b)(i) tal-Kodiċi Doganali li jkopri “materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata” ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi l-oġġetti intanġibbli. Tali esklużjoni la tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 71(1)(b) u lanqas mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni. Skont din tal-aħħar, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa kkompletat mill-valur tal-prodotti, iżda wkoll tas-servizzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha. Interpretazzjoni bħal dik issuġġerita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali twassal mhux biss sabiex tillimita l-korrezzjonijiet eventwali tal-valur doganali unikament għas-sitwazzjoni msemmija fil-punt (iv) tal-imsemmija dispożizzjoni meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda ż-żieda tal-valur ta’ servizz, iżda wkoll sabiex tkopri biss is-servizzi li, minn naħa, jaqgħu taħt “l-inġinerija, l-iżvilupp, l-illustrazzjoni, ix-xogħol ta’ disinn, u pjanti u abbozzi” u li, min-naħa l-oħra, huma “meħtieġa għall-produzzjoni tal-merkanzija importata”. Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-oġġetti intanġibbli jistgħu jkunu koperti kemm mill-Artikolu 71(1)(b)(i) kif ukoll mill-Artikolu 71(1)(b)(iv) tal-Kodiċi Doganali.

20      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk softwer jaqax taħt il-punt (i) jew il-punt (iv) tal-Artikolu 71(1), il-konklużjoni Nru 26 tal-ġabra ta’ testi dwar il-valur doganali adottata mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, imsemmi fl-Artikolu 285 ta’ dan il-kodiċi, tiddistingwi bejn, minn naħa, is-servizzi intellettwali neċessarji għall-manifattura tal-merkanzija, li jaqgħu taħt l-Artikolu 71(1)(b)(iv) tal-Kodiċi Doganali, u, min-naħa l-oħra, l-elementi intanġibbli inkorporati fil-merkanzija importata għall-funzjonament tagħha u li ma humiex neċessarji għall-produzzjoni tagħha. Skont il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, dawn tal-aħħar jifformaw madankollu parti integrali mill-prodotti finali, peress li huma konnessi magħhom jew inkorporati fihom u jirrendu possibbli l-funzjonament tagħhom jew itejbuhom. Barra minn hekk, huma jżidu funzjonalità ġdida u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-valur tal-merkanzija importata. Għalhekk, skont il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, huma jaqgħu taħt l-Artikolu 71(1)(b)(i) tal-imsemmi kodiċi.

21      Issa, il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, għalkemm ma għandhomx saħħa vinkolanti fid-dritt, huma madankollu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tal-imsemmi kodiċi (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tieħu inkunsiderazzjoni kuntratti li jorbtu importatur tal-Unjoni ma’ produttur terz, hija għamlet dan bil-għan li tevalwa l-kwalità “ta’ xerrej” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 29). Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat li partijiet jistgħu jinvokaw dispożizzjonijiet kuntrattwali sabiex jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ korrezzjoni previsti skont l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, ħlief bi ksur tal-ġurisprudenza li tgħid li l-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-korrezzjoni, skont l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, tal-valur doganali ta’ merkanzija importata hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u ma tistax tiġi affettwata minn dispożizzjonijiet kuntrattwali.

23      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 71(1)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata, li, mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiżdied il-valur ekonomiku ta’ softwer żviluppat fl-Unjoni u ppvrovdut mingħajr ħlas mix-xerrej lill-bejjiegħ stabbilit f’pajjiż terz.

 Fuq l-ispejjeż

24      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 71(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ merkanzija importata, li, mal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiżdied il-valur ekonomiku ta’ softwer żviluppat fl-Unjoni Ewropea u pprovdut mingħajr ħlas mix-xerrej lill-bejjiegħ stabbilit f’pajjiż terz.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.