Language of document : ECLI:EU:F:2009:45

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

6 ta’ Mejju 2009


Kawża F-39/07


Manuel Campos Valls

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent – Kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett  Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permez tiegħu M. Campos Vallas qiegħed jilob l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar il-ħatra tas-Sur G. bħala kap tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola fid-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) A “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kunsill u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni inkwistjoni.

Deċiżjoni :      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.


Sommarju


1.      Uffiċjali – Pożizzjoni vakanti – Pożizzjoni li timtela permezz ta’ promozzjoni jew trasferiment – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4, 7(1), 29(1) u 45(1))

2.      Uffiċjali – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni fi ħdan direttorat tat-traduzzjoni – Kwalifiki meħtieġa

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29(1))

1.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward ta’ ħatra jeħtieġ li din teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-fajls tal-kandidaturi u li tosserva bl-ikbar reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’tali mod li hija obbligata twarrab kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi qafas legali li l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqha nnifisha u li għandha tosserva b’mod skrupluż.

Sabiex tivverifika li l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx qabżet il-limiti ta’ dan il-qafas legali, il-qorti Komunitarja, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, għandha l-ewwel nett teżamina liema kienu l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u, it-tieni nett, għandha tivverifika jekk il-kandidat magħżul mill-imsemmija awtorità sabiex jokkupa l-pożizzjoni vakanti kienx effettivament jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-qorti Komunitarja għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet kandidat ieħor minfloku.

Tali eżami għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din l-amministrazzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli u jekk użatx s-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punti 41 sa 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il-Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punt 51; 18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen, C‑35/92 P, Ġabra p. I‑991, punti 15 u 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Marzu 1997, Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑21/96, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑211, punt 20; 12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il-Kummissjoni, T‑159/96, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑593, punti  63, 64 u 72; 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 29; 14 ta’ Ottubru 2003, Wieme vs Il-Kummissjoni, T‑174/02, ĠabraSP p. I‑A‑241 u II‑1165, punt 38; 11 ta’ Novembre 2003, Faita vs CES, T‑248/02, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑1365, punt 71; 3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑137/03, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑27, punti  85 u 92; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T‑30/04, ĠabraSP p. I‑A‑113 u II‑519, punt 80; 5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑370/03, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑853, punt 51; 4 ta’ Lulju 2006, Tzigani vs Il-Kummissjoni, T‑45/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑145 u II‑A‑2‑681, punti 46,48 u 49

2.      F’avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni fi ħdan driettorat tat-traduzzjoni, il-kwalifiki meħtieġa ma jistgħux jiġu interpretati b’mod indipendenti mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet marbuta mal-pożizzjoni vakanti. Għalhekk meta dawn il-funzjonijiet ma jkunux jikkonsistu direttament f’funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew ta’ kontroll tal-kwalità tat-traduzzjoni iżda jikkonsistu essenzjalment f’funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ organizzazzjoni, il-kundizzjoni ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li teżiġi l-istess kwalifiki bħal dawk meħtieġa sabiex tkun okkupata pożizzjoni ta’ traduttur jew ta’ kontrollur tat-traduzzjoni.

(ara l-punti 50 u 51)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Tzirani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53