Language of document : ECLI:EU:T:2013:10

Kawża T‑54/11

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FEŻR — Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Għajnuna għall-programm operattiv tal-objettiv Nru 1 (2000-2006), li jirrigwarda r-reġjun ta’ Andalucía (Spanja) — Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 — Terminu ta’ tliet xhur — Direttiva 93/36/KEE — Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta kuntratt”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013

1.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Terminu — Natura indikattiva — Nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni — Assenza ta’ effett — Obbligu għall-Kummissjoni li tosserva l-prinċipju taċ-ċertezza legali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, Artikolu 39(3)(b); Regolament tal-Kummissjoni Nru 448/2001, Artikolu 5(3))

2.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja — Rekwiżit ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni minn qabel

(Regolament tal-Kunsill Nru 1260/1999, Artikoli 38 u 39)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Derogi mir-regoli komuni — Interpretazzjoni stretta — Eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali — Oneru tal-prova

(Direttiva tal-Kunsill 93/36, Artikolu 6(2) u (3))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Proċeduri negozjati — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/36, Artikolu 6(3)(ċ))

1.      Fir-rigward tal-proċedura intiża biex titnaqqas l-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru u jekk dan tal-aħħar ma wettaqx il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq dawn il-korrezzjonijiet billi tikkanċella l-kontribuzzjoni tal-Fondi kollha jew parti minnha lill-għajnuna konċernata. Skont id-dispożizzjoni msemmija kif ukoll l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999 fir-rigward tal-proċedura ta’ implementazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tas-seduta stabbilita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1260/1999.

Fin-nuqqas ta’ intenzjoni kuntrarja tal-leġiżlatur li tirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Nru 1260/1999 u mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 448/2001, dan it-terminu għandu biss, fil-prinċipju, karattru indikattiv u n-nuqqas ta’ konformità ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrifjuta l-ħlas mill-FEŻR tal-ispejjeż li ma sarux b’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dan l-obbligu ma jispiċċax mill-uniku fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ittieħdet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li jibdew mid-data tas-seduta.

Madankollu, fin-nuqqas ta’ test li jimponi terminu perentorju fir-Regolament Nru 1260/1999, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tosserva dan it-terminu, iżda, minħabba l-kumplessità li tista’ tkun relatata mal-kontroll tal-imsemmija spejjeż, jista’ jkun neċessarju għaliha li jkollha żmien itwal sabiex tipproċedi għall-analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni sabiex tevita l-ħlas tal-ispejjeż irregolari.

(ara l-punti 22, 23, 27-29)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 26)

3.      Mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/36, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, jirriżulta li l-proċedura nnegozjata hija ta’ natura eċċezzjonali, peress li l-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva jelenka b’mod eżawrjenti u espressament l-uniċi eċċezzjonijiet li għalihom huwa permess l-użu tal-proċedura nnegozjata.

Dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu derogi għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni fis-settur tal-kuntratti pubbliċi, għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva.

L-oneru tal-prova li effettivament jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawhom taqa’ fuq min jirrileva l-imsemmija derogi.

(ara l-punti 34-36)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40, 54)