Language of document : ECLI:EU:C:2017:878

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2017 (1)

Kawża C-191/16

Romano Pisciotti

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja)]

“Rinviju preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Ftehim UE-USA fuq l-estradizzjoni – Dispożizzjoni kostituzzjonali ta’ Stat Membru li tipprojbixxi l-estradizzjoni lejn l-Istati terzi taċ-ċittadini tiegħu stess – Trattament differenti taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra – Rikors intiż li jiġi kkonstatat li estradizzjoni lejn l-Istati Uniti ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jikkostitwixxi ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni li jinvolvi r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 18 u 21 TFUE fil-qasam tal-estradizzjoni u tagħtiha l-okkażjoni li tippreċiża l-portata tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (2).

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tiddikjara jekk, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li jiġi adit minn Stat terz, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dan l-aħħar Stat, b’talba għall-estradizzjoni li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li jkun iċċaqlaq fl-Istat Membru li jkun irċieva t-talba, milli jilqa’ din it-talba. Fil-paragrafi li ġejjin, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tat-tagħlim meħud mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (3), li tirrispondi għal din id-domanda fin-negattiv.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-Ftehim dwar l-Estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, tal-25 ta’ Ġunju 2003 (4), jipprovdi, fl-Artikolu 10 tiegħu, bit-titolu “It-talbiet għall-estradizzjoni jew għaċ-ċediment magħmula minn numru ta’ Stati”:

“1.      Jekk l-Istat mitlub jirċievi talbiet mill-Istat tat-talba u minn kull Stat jew Stati oħra għall-estradizzjoni ta’ l-istess persuna, jew għall-istess offiża jew għal offiżi differenti, l-awtorità eżekuttiva ta’ l-Istat mitlub għandha tistabbilixxi lil liema Stat, jekk ikun hemm minnhom, trid iċċedi l-persuna.

2.      Jekk Stat mitlub jirċievi talba għal estradizzjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika u talba għaċ-ċediment tal-istess persuna skont il-mandat Ewropew għall-arrest, jew għall-istess offiża jew għal offiżi differenti, l-awtorità eżekuttiva tal-Istat mitlub għandha tistabbilixxi lil liema Stat, jekk ikun hemm minnhom, trid iċċedi l-persuna. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha tkun l-awtorità eżekuttiva ta’ l-Istat Membru mitlub jekk, skond it-trattat bilaterali ta’ l-estradizzjoni fis-seħħ bejn l-Istati Uniti u l-Istat Membru, id-deċiżjonijiet dwar talbiet li jikkompeti bejniethom għandhom isiru minn din l-awtorità; jekk mhux hekk ipprovvdut, l-awtorità kompetenti għandha tiġi nnominata mill-Istat Membru interessat skond l-Artikolu 19.

3.      Meta jkun qiegħed jagħmel id-deċiżjoni tiegħu skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istat mitlub għandu jikkunsidra l-fatturi rilevanti kollha, inklużi l-fatturi diġà ddikjarati fit-trattat li japplika tal-estradizzjoni, imma mhux limitati għalihom, u, meta mhux iddikjarati, li ġejjin:

a)      jekk it-talbiet kenux magħmula wara trattat;

b)      il-postijiet fejn kienet kommessa kull waħda mill-offiżi;

ċ)      l-interessi rispettivi ta’ l-Istati li jagħmlu t-talba;

d)      il-gravità ta’ l-offiżi;

e)      in-nazzjonalità tal-vittma;

f)      il-possibbiltà ta’ kull estradizzjoni sossegwenti bejn l-Istati li jagħmlu t-talba; u

g)      l-ordni kronoloġika li fiha ġew irċevuti t-talbiet mill-Istati li jagħmlu t-talba”.

4.        L-Artikolu 17 ta’ dan il-ftehim, bit-titolu “In-nuqqas ta’ derogi”:

“1.      Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-invokazzjoni mill-Istat mitlub ta’ raġunijiet għar-rifjut li jkollhom x’jaqsmu ma’ materja mhux koperta b’dan il-Ftehim skont trattat bilaterali għall-estradizzjoni fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika.

2.      Meta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

1.      Il-Liġi fundamentali

5.        L-Artikolu 16(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (Liġi fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat-23 ta’ Mejju 1949 (5), emendata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-liġi tat-23 ta’ Diċembru 2014 (6), jipprovdi li:

“Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit barra mill-pajjiż. Tista’ tinħareġ regola li tidderoga minn dan permezz ta’ liġi sabiex isseħħ l-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn il-qorti internazzjonali, sakemm il-prinċipji ta’ Stat tad-dritt ikunu ggarantiti”.

2.      L-IRG

6.        Il-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (liġi fuq l-għajnuna legali internazzjonali fil-qasam kriminali), tat-23 ta’ Diċembru 1982 (7), tipprovdi fl-Artikolu 12 tagħha, bit-titolu “Awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni”:

“L-estradizzjoni tiġi awtorizzata biss jekk il-qorti tiddikjaraha ammissibbli”.

7.        L-Artikolu 13(1) tal-IRG, bit-titolu “Kompetenza materjali” jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji jingħataw minn […] l-Oberlandesgericht [(qorti reġjonali superjuri)]. Id-deċiżjonijiet tal-Oberlandesgericht [(qorti reġjonali superjuri)] ma jistgħux jiġu appellati […]”

8.        Fi kliem l-Artikolu 23 tal-IRG, bit-titolu “Deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet imressqa mill-imputat”:

“L-Oberlandesgericht [(qorti reġjonali superjuri)] tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet imressqa mill-imputat kontra l-mandat ta’ arrest għall-finijiet tal-estradizzjoni jew kontra l-eżekuzzjoni tiegħu”.

9.        L-Artikolu 74(1) tal-IRG jipprovdi li:

“Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi jiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka barranin u dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka lil Stati barranin bi ftehim mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ministeri federali oħra li l-kamp ta’ attività tagħhom ikun affettwat mill-assistenza ġudizzjarja reċiproka”.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      Peress li kien issuspettat sa mis-sena 2007 li pparteċipa fi ftehim antikompetittiv fl-Istati Uniti, Romano Pisciotti, ċittadin Taljan, kien is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni għall-iskopijiet ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Amerikani.

11.      Fis-26 ta’ Awwissu 2010, inħareġ mandat ta’ arrest tal-US District Court for the Southern District of Florida in Fort Lauderdale (qorti federali tal-Istati Uniti tal-Amerka tad-distrett ta’ nofsinhar tal-Istat ta’ Florida f’Fort Lauderdale) kontrih kif ukoll att ta’ akkuża tal-grand jury ta’ dik l-istess qorti. R. Pisciotti kien akkużat li għamel parti minn grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti kummerċjali tal-kumpanniji li jipproduċu l-pajpijiet marini, li ħadmu b’mod antikompetittiva billi qasmu s-suq tal-bejgħ ta’ dawk il-pajpijiet, fi Florida (l-Istati Uniti) u bnadi oħra, bejn is-sena 1999 u tmiem is-sena 2006.

12.      Fis-17 ta’ Ġunju 2013, filwaqt li t-titjira provenjenti min-Niġerja lejn l-Italja waqfet fl-ajruport ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja), R. Pisciotti ġie arrestat minn aġenti tal-Pulizija Federali tal-Ġermanja.

13.      Fit-18 ta’ Ġunju 2013, R. Pisciotti ntbagħat quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main (qorti tad-distrett ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) sabiex tiġi ttrattata t-talba għall-estradizzjoni Amerikana. Huwa ddikjara li jopponi għal estradizzjoni informali ssimplifikata.

14.      Abbażi tad-digriet mogħti mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) fl-24 ta’ Ġunju 2013, R. Pisciotti ttieħed f’detenzjoni provviżorja sakemm issir l-estradizzjoni. Fis-7 ta’ Awwissu 2013, l-Istati Uniti tal-Amerka bagħtu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja t-talba għall-estradizzjoni formali.

15.      Fis-16 ta’ Awwissu 2013, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) ordnat iż-żamma tad-detenzjoni provviżorja minħabba l-estradizzjoni bħala tqegħid formali taħt detenzjoni sakemm issir l-estradizzjoni.

16.      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Jannar 2014, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddikjarat li l-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti kienet ammissibbli.

17.      Fis-6 ta’ Frar 2014, R. Pisciotti adixxa lill-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali, il-Ġermanja) b’talba għal miżuri provviżorji biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni tad-digriet tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) tat-22 ta’ Jannar 2014. Il-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) ċaħdet din it-talba b’digriet tas-17 ta’ Frar 2014.

18.      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2014, R. Pisciotti indika lill-Bundesministerium der Justiz (ministeru federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) li l-estradizzjoni tiegħu tmur kontra d-dritt tal-Unjoni inkwantu l-applikazzjoni litterali u limitata għaċ-ċittadini Ġermaniżi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali, tikser il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni.

19.      Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Gvern Ġermaniż awtorizza l-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti, li ġiet eżegwita fit-3 ta’ April 2014.

20.      Fl-istess 17 ta’ Marzu, R. Pisciotti ippreżenta rikors quddiem il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli awtorizzat l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti tal-Amerka u biex tiġi kkundannata għall-ħlas tad-danni.

21.      Wara li ddikjara ruħu ħati fil-kuntest tal-proċedura kriminali mibdija kontrih fl-Istati Uniti, R. Pisciotti ġie kkundannat għal sentejn priġunerija, li minnhom ġie mnaqqas il-perijodu ta’ disa’ xhur u sittax-il jum ta’ detenzjoni li huwa qatta’ fil-Ġermanja, kif ukoll multa ta’ USD 50 000 (dollari tal-Istati Uniti) (madwar EUR 42 671). R. Pisciotti skonta l-piena fil-ħabs fl-Istati Uniti sakemm ġie meħlus fl-14 ta’ April 2015.

22.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija suġġetta għall-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 1(3) u mill-Artikolu 20(3) tal-Liġi fundamentali biex twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni u li tosserva l-eventwali obbligi tad-dritt internazzjonali. Hija żżid li l-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) iddeċidiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ R. Pisciotti, li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE ma tapplikax fir-relazzjonijiet estradizzjonali mal-Istati terzi minħabba li dan il-qasam ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

23.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, b’kuntrast mal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali), jidhrilha li d-dritt tal-Unjoni japplika għal din il-kawża. Hija tenfasizza li R. Pisciotti għamel użu mid-dritt ta’ moviment stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE meta waqaf fi Frankfurt am Main, waqt it-titjira tiegħu li kienet ġejja min-Niġerja lejn l-Italja. Iktar minn hekk, l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tista’ taqa’ wkoll, fil-fehma tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-Ftehim UE-USA.

24.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 17(2) ta’ dan il-ftehim jistax, madankollu, jinftiehem bħala li jintroduċi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u bħala li jista’ għaldaqstant jiġġustifika diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Madankollu, hija għandha t-tendenza li taħseb li, fid-dawl tad-dritt primarju, tali ġustifikazzjoni ma tapplikax.

25.      F’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan il-ksur huwiex “suffiċjentement serju” biex jagħti dritt għal kumpens. Hija tindika, filwaqt li tistrieħ fuq is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim (8), li hija ttendi lejn risposta fl-affermattiv billi tenfasizza li, fil-fehma tagħha, l-Istat għandu biss marġni ta’ diskrezzjoni estremament imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti. Hija għandha dubju madankollu fuq dan is-suġġett, inkwantu d-deċiżjoni ta’ estradizzjoni meħuda mill-Istat issegwi eżami ġudizzjarju tal-ammissibbiltà tal-estradizzjoni. Issa, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat għal żball imwettaq minn qorti, jirriżulta mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (9), li huwa meħtieġ ksur “manifest”. Iktar minn hekk, ma kinitx teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħadet id-deċiżjoni tagħha u din ibbażat ruħha fuq is-sentenzi tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) u tal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali), li skonthom il-kwistjoni tal-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      a)      Estradizzjoni bejn Stat Membru u Stat terz tifforma parti mill-oqsma li, irrispettivament minn kull każ individwali, qatt ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattati, b’tali mod li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-kuntest tal-applikazzjoni (litterali) ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali], li tipprekludi biss l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess lejn Stati terzi?

b)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-ewwel domanda għandha tingħata risposta differenti jekk il-kwistjoni tkun tikkonċerna estradizzjoni bejn Stat Membru u l-Istati Uniti tal-Amerika, ibbażata fuq il-ftehim [UE-USA] dwar l-estradizzjoni?

2)      Sa fejn l-applikazzjoni tat-Trattati ma hijiex eskluża a priori għal dak li jirrigwarda l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jkun qed jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE b’mod mhux iġġustifikat jekk, fil-każ ta’ talbiet għall-estradizzjoni li joriġinaw minn Stat terz, jagħmel distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali [f’dan il-każ l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali] bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni billi jestradixxi biss lil dawn tal-aħħar?

3)      Fil-każ li, fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiġi stabbilit ksur tal-projbizzjoni ġenerali ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li fih l-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti hija neċessarjament suġġetta għall-istħarriġ minn qabel tal-legalità fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, li madankollu l-eżitu tagħha jorbot lill-awtorità biss meta l-estradizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli, ksur serju jista’ jseħħ diġà fil-każ ta’ ksur sempliċi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, jew huwa neċessarju ksur manifest?

4)      Fil-każ li ksur manifest ma huwiex neċessarju:

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata fis-sens li ksur suffiċjentement serju f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża għandu jiġi eskluż peress li, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-każ konkret inkwistjoni (jiġifieri, l-applikabbiltà ratione materiae tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Amerika), l-awtorità eżekuttiva nazzjonali tkun tista’, sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, tinvoka l-konformità tagħha ma’ deċiżjonijiet mogħtija minn qabel mill-qrati nazzjonali fl-istess kawża?”

III. Analiżi tiegħi

27.      Għandu jiġi rrilevat li l-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn l-Istati Uniti tal-Amerka diġà seħħet, b’mod li huwa fil-livell tal-involviment tar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li R. Pisciotti jidħol fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

28.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lilu huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens, abbażi ta’ din ir-responsabbiltà, sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (10).

29.      Ir-rekwiżit neċessarju għall-involviment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru huwa fil-fatt l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn dan tal-aħħar. F’dan il-każ, jeħtieġ għaldaqstant jiġi stabbilit jekk l-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn l-Istati Uniti tal-Amerka tikkostitwixxix tali ksur tad-dritt tal-Unjoni.

30.      R. Pisciotti jsostni, f’dan ir-rigward, li r-regola nazzjonali, li tinsab fl-Artikolu 16(2) tal-Liġi fundamentali, li biha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma testradixxix liċ-ċittadini tagħha stess, tipprekludi lil dan l-Istat Membru milli jipproċedi bl-estradizzjoni tiegħu, minħabba l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

31.      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub għandhomx jibbenefikaw ukoll mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni minn dan l-Istat Membri taċ-ċittadini tiegħu stess.

32.      Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet f’parti kbira għal din id-domanda fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (11), fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ estradizzjoni konkluż bejn Stat Membru u Stat terz.

33.      Din id-darba, it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ estradizzjoni konkluż bejn l-Unjoni u Stat terz, f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerka.

34.      Nosserva li l-Ftehim UE-USA ma fih ebda regola li tipprovdi jew, għall-kuntrarju, tipprojbixxi raġuni ta’ rifjut għall-estradizzjoni minħabba li talba għall-estradizzjoni tikkonċerna ċittadin tal-Istat mitlub. B’mod iktar wiesa’, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, dan il-ftehim ma fih ebda regola fuq l-estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali jew taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mill-Istat Membru mitlub lejn l-Istat terz li jagħmel it-talba. L-Artikolu 17 tal-Ftehim UE-USA jħalli lill-Istati kontraenti l-possibbiltà li jinvokaw raġunijiet ta’ rifjut li joħorġu, b’mod partikolari, minn trattat ta’ estradizzjoni bilaterali jew ukoll mill-prinċipji kostituzzjonali tal-Istat mitlub. Għaldaqstant, l-eżistenza tal-Ftehim UE-USA ma għandhiex bħala konsegwenza li telimina kompletament il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

35.      Huwa fil-fatt fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tiegħu li Stat Membru bħalma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprovdi, fid-dritt kostituzzjonali tiegħu, ir-regola li biha ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu stess. Tali regola tinsab ukoll fl-Artikolu 7 tal-Auslieferungsvertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und den Vereinigten Staaten von Amerika (trattat ta’ estradizzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Uniti tal-Amerka), tal-20 ta’ Ġunju 1978 (12).

36.      Issa, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (13), fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom josservaw lil dan tal-aħħar (14).

37.      B’mod partikolari, billi jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza”, l-Artikolu 18 TFUE jeżiġi li l-persuni f’sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali (15).

38.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ bla dubju ta’ xejn fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, u dawn b’żewġ modi.

39.      Fl-ewwel lok, it-talba għall-estradizzjoni ta’ R. Pisciotti saret mill-Istati Uniti tal-Amerka fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Estradizzjoni UE-USA, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar. Din it-talba taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

40.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (16), li, f’sitwazzjoni fejn ir-regoli fil-qasam tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Is-sitwazzjonijiet li jaqgħu f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni għaldaqstant jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (17).

41.      Fil-kawża prinċipali, R. Pisciotti, ċittadin Taljan, uża, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq liberament fl-Unjoni billi jmur il-Ġermanja, b’mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li fih il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (18).

42.      Mill-premess jirriżulta li, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ R. Pisciotti taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru mitlub kien marbut li josserva, waqt li jittratta t-talba għall-estradizzjoni magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerka kontra din il-persuna, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità previst fl-Artikolu 18 TFUE.

43.      F’dan ir-rigward, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (19), ir-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx ċittadina nazzjonali jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, bħal R. Pisciotti, ma jingħatawx il-protezzjoni mill-estradizzjoni li minnha jgawdu ċ-ċittadini nazzjonali. B’dan il-mod, tali regoli jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni ta’ dawn tal-ewwel (20).

44.      Minn dan isegwi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal R. Pisciotti, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (21). Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (22).

45.      Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (23), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità (24). Hija tfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha (25). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat jidħol f’dan il-kuntest u għandu jitqies bħala li huwa ta’ natura leġittima fid-dritt tal-Unjoni (26).

46.      Madankollu, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (27), miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ħlief jekk huma jkunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri inqas restrittivi (28).

47.      F’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali u fid-dawl tal-elementi li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jien tal-fehma li ma kinitx teżisti miżura alternattiva għall-estradizzjoni li tinterferixxi inqas fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE li kienet tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuna, bħalma huwa R. Pisciotti, issuspettata li wettqet reat kriminali fiż-żmien meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet adita b’talba għall-estradizzjoni ta’ dan l-aħħar li oriġinat mill-Istati Uniti tal-Amerka.

48.      Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li l-Gvern Ġermaniż pprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li, b’kuntrast ma’ dak li sostna r-rappreżentant ta’ R. Pisciotti fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 7(2) tal-iStrafgesetzbuch (kodiċi kriminali) (29) ma kienx jippermetti li jinbdew proċeduri kriminali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra R. Pisciotti li jikkonċernaw il-ksur allegatament imwettaq fi Stat terz. Fil-fatt, waħda mill-kundizzjonijiet magħmulin minn dan l-artikolu biex tali ġurisdizzjoni kriminali sussidjarja tkun tista’ tiġi eżerċitata, jiġifieri li l-estradizzjoni mitluba ma tkunx tista’ sseħħ, ma kinitx issodisfatta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu kif imressqa mill-Gvern Ġermaniż fil-kuntest ta’ din il-proċedura hijiex korretta.

49.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (30), li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta Stat Membru li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, jiġi indirizzat b’talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (31), jekk kemm-il darba skont id-dritt nazzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu (32).

50.      Nirrileva li tali obbligu tal-Istat Membru mitlub, biex jinforma lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjoni, espressament enfasizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja (33), fejn ma kinitx teżisti konvenzjoni għall-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz inkwistjoni f’dik il-kawża.

51.      Jiena nindika wkoll li diversi Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura nnotaw id-diffikultajiet ta’ natura kemm ġuridika u kif ukoll prattika li ġġib magħha s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 50 tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (34). B’mod partikolari, ġie kkonstatat li l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni involut f’talba għall-estradizzjoni għandu n-nazzjonalità x’aktarx li ma jkollux, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-elementi ta’ informazzjoni li jippermettulu joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għal skopijiet ta’ prosekuzzjoni, u biex imbagħad jipproċedi kriminalment kontra l-persuna kkonsenjata. L-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità jkun għaldaqstant ippreġudikat. Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll, f’dan il-każ, l-Artikolu 10(2) u (3) tal-Ftehim UE-USA imorru kontra l-idea li mandat ta’ arrest Ewropew għandu sistematikament jingħata prijorità fuq talba għall-estradizzjoni.

52.      Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tikkonferma tali obbligu tal-Istat Membru mitlub li jinforma lill-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ estradizzjoni bħal dak li jeżisti bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka, nirrileva li, kif indika l-gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana, li tagħha r-rikorrent huwa ċittadin, inżamm informat mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Għaldaqstant, id-Direttorat tal-Pulizija Federali tal-Ajruport ta’ Frankfurt am Main informa lill-Konsulat Ġenerali tal-Italja li huwa kien arresta u żamm lil R. Pisciotti fl-għassa tal-pulizija lokali. Ir-rapport mibgħut kien fih b’mod partikolari informazzjoni fuq il-mandat ta’ arrest internazzjonali li wassal għall-arrest. Barra minn hekk, il-Konsulat Ġenerali tal-Italja ġie informat wara li deher R. Pisciotti quddiem il-qorti fit-18 ta’ Ġunju 2013. Wara dawn il-komunikazzjonijiet, seħħew ukoll konsultazzjonijiet bejn il-Konsulat Ġenerali tal-Italja fi Frankfurt am Main u l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Land de Hesse. Il-ministeru tal-ġustizzja tal-Land ta’ Hessen informa għaldaqstant lill-Konsulat Ġenerali tal-Italja li l-oġġezzjonijiet imressqa minn R. Pisciotti kienu ġew eżaminati b’mod eżawrjenti fid-digriet tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (qorti reġjonali superjuri ta’ Frankfurt am Main) tat-22 ta’ Jannar 2014 u mbagħad miċħuda, u li l-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali) kienet ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji wara li eżaminat l-oġġezzjonijiet magħmula minn R. Pisciotti.

53.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-Repubblika Taljana kienet informata bit-talba għall-estradizzjoni mill-awtoritajiet Amerikani u li hija ma ħarġet ebda mandat ta’ arrest Ewropew bejn il-mument tal-arrest ta’ R. Pisciotti u l-mument tal-estradizzjoni ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istati Uniti tal-Amerka (35).

54.      Jekk wieħed jippreżumi għaldaqstant li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet obbligata tosserva l-obbligu ta’ informazzjoni kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (36), għandu jiġi kkonstatat li ebda ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jista’ jiġi imputat lil dan l-Istat Membru minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jestradixxi lil R. Pisciotti lejn l-Istati Uniti. L-imsemmi Stat Membru ma jistax, konsegwentement, jitqies responsabbli minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-eżistenza jew le tal-ksur suffiċjentement serju ma jeħtiġux li jiġu eżaminati.

55.      Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru adit minn Stat terz, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ estradizzjoni bejn l-Unjoni u dan l-Istat tal-aħħar, b’talba għall-estradizzjoni li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li ċċaqlaq għall-Istat Membru mitlub, jilqa’ din it-talba.

IV.    Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Berlin (qorti reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

F’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru adit minn Stat terz, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dak l-Istat tal-aħħar, b’talba għall-estradizzjoni li tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li ċċaqlaq għall-Istat Membru mitlub, jilqa’ din it-talba.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      C-182/15, EU:C:2016:630.


3      C-182/15, EU:C:2016:630.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 161, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE-USA”.


5      BGB1. 1949, p. 1.


6      BGB1. 2014 I, p. 2438, iktar ’il quddiem il-“Liġi fundamentali”.


7      BGB1. 1982 I, p. 2071, iktar ’il quddiem l-“IRG”.


8      C-424/97, EU:C:2000:357.


9      C-224/01, EU:C:2003:513.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C-268/15, EU:C:2016:874, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      C-182/15, EU:C:2016:630.


12      BGBl. 1980 II, p. 646. L-Artikolu 7(1) u (3) ta’ dan it-trattat jipprovdi:


      “1. Il-partijiet kontraenti ma għandhomx l-obbligu li jestradixxu liċ-ċittadini tagħhom stess […]


      […]


      3. Jekk l-Istat mitlub ma jestradixxix lil xi wieħed miċ-ċittadini tiegħu stess, huwa għandu jippreżenta l-każ, fuq talba tal-Istat li jitlob l-estradizzjoni, quddiem l-awtoritajiet kompetenti sabiex il-proċeduri kriminali jkunu jistgħu jsiru, jekk ikun il-każ.”


13      C-182/15, EU:C:2016:630.


14      Ara l-punt 27 ta’ dik is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


15      Ara l-punt 29 ta’ dik is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      C-182/15, EU:C:2016:630.


17      Ara l-punt 30 ta’ dik is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


18      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C-473/15, EU:C:2017:633, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      C-182/15, EU:C:2016:630.


20      Ara l-punt 32 ta’ dik is-sentenza.


21      Ara l-punt 33 tal-imsemmija sentenza.


22      Ara l-punt 34 tal-istess sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


23      C-182/15, EU:C:2016:630.


24      Ara l-punt 35 ta’ dik is-sentenza.


25      Ara l-punt 36 tas-sentenza msemmija.


26      Ara l-punt 37 tal-istess sentenza kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


27      C-182/15, EU:C:2016:630.


28      Ara l-punt 38 tal-istess sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      BGB1. 1998 I, p. 3322. Jirriżulta minn dan l-artikolu li, fir-rigward ta’ ksur imwettaq barra mill-pajjiż, id-dritt kriminali Ġermaniż japplika meta l-att ikun issanzjonat fl-Istat li fih ikun twettaq jew li l-lok fejn l-att twettaq ma jkollu ebda qorti kriminali, u meta l-awtur tiegħu kien barrani fil-mument tal-fatti, li huwa jkun instab fit-territorju nazzjonali tiegħu u li, għalkemm il-liġi ta’ estradizzjoni tawtorizza l-estradizzjoni tiegħu skont it-tip ta’ ksur, huwa ma jkunx ġie estradit peress li ma tkun saret ebda talba għall-estradizzjoni f’terminu raġonevoli, jew li l-estradizzjoni stess ma tkunx tista’ tiġi implementata.


30      C-182/15, EU:C:2016:630.


31      ĠU 2002, L 190, p. 1.


32      Ara l-punt 50 ta’ dik is-sentenza.


33      Ara l-punti 46 u 47 tas-sentenza msemmija.


34      C-182/15, EU:C:2016:630.


35      L-ispjegazzjoni tal-assenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew min-naħa tar-Repubblika Taljana tista’ tkun, fid-dawl b’mod partikolari tad-dikjarazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mir-rappreżentant tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta, li l-ksur addebitat lil R. Pisciotti ma kienx kriminalment punibbli fl-Italja u li, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-fatti li ma għandhom ebda rabta ma’ dak l-Istat Membru, il-proċeduri kriminali kienu jkunu diffiċli li jittieħdu fl-imsemmi Stat.


36      C-182/15, EU:C:2016:630.