Language of document : ECLI:EU:T:2013:119

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

11 ta’ Marzu 2013 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ċaħda tat-talba intiża sabiex jinkiseb trattament kunfidenzjali ta’ data allegatament koperta mis-sigriet kummerċjali –Talba għal miżuri provviżorji – Urġenza – Fumus boni juris – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑462/12 R,

Pilkington Group Ltd, stabbilita f’St Helens, Merseyside (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Scott, S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, P. Van Nuffel u G. Meeßen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni C (2012) 5718 finali tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad talba għall-trattament kunfidenzjali mressqa minn Pilkington Group Ltd, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u l-mandat tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Carglass), u talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tiġi ordnata iż-żamma tat-trattament kunfidenzjali mogħti lil ċerta data dwar ir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.125 – Carglass),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, proċedura u talbiet tal-partijiet

1        Il-proċeduri għal miżuri provviżorji preżenti jirrigwardaw id-Deċiżjoni C (2012) 5718 finali tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Pilkington Group Ltd, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/39.125 – Carglass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba intiża għaż-żamma tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali tagħha, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.125 – Carglass), iktar ’il quddiem id-“Deċizjoni tal-2008”), kif ġiet ippubblikata fi Frar 2010 fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni”.

3        Fid-deċiżjoni tal-2008, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq bejn l-1998 u l-2003 fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mir-rikorrenti, Pilkington Group Ltd, u minn kumpanniji oħra li jiffurmaw parti mill-grupp tagħha, minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Franċiż Saint-Gobain u mill-grupp Ġappuniż Asahi – li minnu tifforma parti b’mod partikolari l-kumpannija AGC Glass Europe – kif ukoll mill-kumpannija Belġjana Soliver għal dak li jirrigwarda l-bejgħ tal-ħġieġ użat għall-vetturi ġodda u għall-partijiet tal-bdil oriġinali intiżi għall-vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem il-“kartell għall-ħġieġ tal-karozzi”). Konsegwentement, il-Kummissjoni imponiet fuq il-membri ta’ dan il-kartell multi li jammontaw għal total ta’ iktar minn EUR 1.3 biljun, fejn il-multa imposta lill-grupp tar-rikorrenti tammonta għal EUR 370 miljun.

4        Wara li ħadet inkunsiderazzjoni t-talbiet għat-trattament kunfidenzjali magħmula mid-destinatarji tad-Deċiżjoni tal-2008, fi Frar 2010, il-Kummissjoni ppubblikat verżjoni sħiħa mhux kunfidenzjali provviżorja ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sit internet tagħha. Din il-pubblikazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

5        Permezz tal-ittra tat-28 ta’ April 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tippubblika, għal raġunijiet ta’ trasparenza, verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2008 u li tiċħad, għal dan il-għan, diversi talbiet għat-trattament kunfidenzjali li hija kienet indirizzat lill-Kummissjoni dwar, l-ewwel nett, ismijiet ta’ klijenti, ismijiet u d-deskrizzjonijiet tal-prodotti, kif ukoll informazzjoni oħra li tista’ twassal għal identifikazzjoni ta’ ċerti klijenti (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni ta’ kategorija I”), it-tieni nett, in-numru ta’ partijiet ipprovduti mir-rikorrenti, is-sehem ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur speċifiku, il-kalkoli tal-prezz, it-tibdil fil-prezz eċċ. (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni ta’ kategorija II”) u t-tielet nett, l-informazzjoni li, skont ir-rikorrenti, tista’ twassal għall-identifikazzjoni ta’ ċerti membri tal-persunal tagħha allegatament involuti fl-implementazzjoni tal-akkordju (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni tal-kategorija III”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti, li f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, jirreferu l-kwistjoni lill-Uffiċjal tas-Seduta abbażi tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29).

6        Filwaqt li kkonstatat li l-verżjoni iktar iddettaljata proposta kienet tinkludi bosta informazzjoni li ma kinitx ġiet ippubblikata fi Frar 2010 għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2011, informat lill-Uffiċjal tas-Seduta li kienet qed tikkontesta l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-Deċiżjoni tal-2008 li hija iktar dettaljata minn dik ippubblikata fi Frar 2010, billi sostniet li l-informazzjoni tal-kategoriji I u II kellha tiġi protetta, peress li hija tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali, filwaqt li żvelar ta’ informazzjoni ta’ kategorija III jippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, jiġifieri impjegati tar-rikorrenti allegatament implikati fl-implementazzjoni tal-akkordju. Ir-rikorrenti għaldaqstant talbet it-trattament kunfidenzjnali ta’ din l-informazzjoni kollha.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, iffirmata “[g]ħall-Kummissjoni”, filwaqt li aċċetta l-karattru kunfidenzjali ta’ xi data invokata mir-rikorrenti, l-Uffiċjal tas-Seduta madankollu ċaħad kważi t-talbiet kollha tagħha.

8        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-9 ta’ Awwissu 2012.

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullata tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija essenzjalment issostni li l-pubblikazzjoni kontenzjuża tikser, minn naħa, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 339 TFUE u tal-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [101 TFUE] u 82 [102 TFUE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li tipproteġi d-data persunali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p.389, iktar ’il quddiem il-“karta”), sa fejn il-verżjoni l-iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2008 tinkludi sigrieti kummerċjali, koperti mis-sigriet professjonali, u informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tal-impjegati tar-rikorrenti.

10      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha essenzjalment tilob sabiex il-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors prinċipali;

–        tordna lill-Kummissjoni tastjeni milli tippublika verżjoni tad-Deċiżjoni tal-2008 li tkun iktar dettaljata, għal dak li jirrigwardaha, minn dik ippubblikata fi Frar 2010 fuq is-sit tal-internet tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżjori, iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      Wara s-sottomissjoni mill-Kummissjoni tal-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti kienet awtorizzata tirrispondi għal dawn tal-aħħar u hija għamlet dan permezz ta’ nota tat-18 ta’ frar 2013. Sussegwentement, il-Kummissjoni wieġbet b’nota tas-6 ta’ Marzu 2013.

13      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 u fit-22 ta’ Jannar 2013, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni Ġermaniżi HUK-Coburg, LVM, VHV u Württembergische Gemeinde-Versicherung talbu sabiex ikunu jistgħu jintervjenu fil-proċeduri għal miżuri provviżorji preżenti insostenn tat talbiet tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar ma opponietx din it-talba, filwaqt li r-rikorrenti, permezz ta’ nota tat-12 ta’ Frar 2013, kienet kontra l-ammissjoni tat-talbiet għal intervent.

 Id-dritt

 Dwar it-talbiet għal intervent

14      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu talArtikolu 53 tal-imsemmi statut, persuna tista’ tintervjeni f’kawża sottomessa lill-Qorti Ġenerali bil-kundizzjoni li turi li għandha interess fir-riżultat tal-kawża.

15      Dwar dan il-punt, huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ interess fir-riżultat tal-kawża jirreferi għal interess dirett u attwali li jintlaqgħu t-talbiet stess u mhux interess rigward il-motivi mqajma. Fil-fatt, huwa xieraq li tiġi stabbilita distinzjoni bejn min jitlob li jintervjeni li jkollu interess dirett fix-xorti rriżervata għall-att speċifiku li tiegħu qiegħed jintalab l-annullament u dak li għandu biss interess indirett fir-riżultat tal-kawża minħabba xebh bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ waħda mill-partijiet (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2013, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑133/12 P, punt 7, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Lulju 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑20l/04 R, Ġabra p. II‑2977, punt 32).

16      Meta t-talba għal intervent tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, l-interess għar-riżultat tal-kawża għandu jinftiehem bħala interess għar-riżultat tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, l-istess bħar-riżultat fil-kawża prinċipali, ir-riżultat tal-proċeduri għal miżuri provviżorji jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi ta’ terzi jew ikun favurihom. Minn dan jirriużlta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, l-interess ta’ min jitlob li jintervjeni għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-konsegwenzi tal-għoti tal-miżura provviżorja mitluba jew taċ-ċaħda tagħha fuq is-sitwazzjoni ekonomika jew legali tiegħu (digriet Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 33).

17      Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-interess għar-riżultat tal-kawża miġjuba quddiemu tibqa’ bħal ħsara għal dik li l-Qorti Ġenerali tagħmel meta titressaq quddiemha talba għal intervent fil-kawża prinċipali (digriet Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 35).

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li huwa xieraq li jiġi analizzat jekk l-erba’ partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu għandhomx interess għar-riżultat tal-kawża preżenti.

19      L-erba’ partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu li huma, kollha kemm huma, attivi fis-settur tal-assigurazzjoni tal-ħġieġ tal-karozza jaffermaw li ppreżentaw, f’Diċembru 2010, f’Settembru u f’Diċembru 2011, quddiem il-LG Düsseldorf (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Düsseldorf) (il-Ġermanja), rikorsi għad-danni kontra “AGC Glass Europe u oħrajn”. Permezz ta’ dawn ir-rikorsi li għadhom kollha kemm huma pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, huma jitolbu li jiġu kkumpensati għad-danni subiti minħabba prezzijiet artifiċjalment għolja, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li l-membri tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi kienu ffatturaw, bejn l-1998 u l-2003, u li kienu użati bħala bażi għar-rimbors fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-ħġieġ tal-karozzi. Huma jippreċiżaw li huwa diffiċuli ħafna għalihom li jikkwantikifaw id-danni subiti mingħajr ma jkollhom informazzjoni dettaljata dwar il-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi li l-Kummissjoni trid tippubblika issa. Issa, huwa important ħafna għalihom li l-Kummissjoni tippubblika verżjoni tad-Deċiżjoni tal-2008 li tkun iktar dettaljata minn dik ippubblikata fi Frar 2010 u li r-rikorrenti ma jkunux jistgħu jwaqqfuha.

20      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, tiċħad talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti biss, u min-naħa l-oħra, li r-rikorsi għad-danni invokati mill-partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu tressqu fuq pjan nazzjonali kontra “AGC Glass Europe u oħrajn”, mingħajr ma dawn tal-aħħar ippreċiżaw li fost l-“oħrajn” kien hemm ir-rikorrenti. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għalhekk jista’ biss jissupponi li dan it-terminu jirreferi għall-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-grupp Ġappuniż Asahi (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkonfermat, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Frar 2013, li hija ma kinux waħda mill-konvenuti fil-proċeduri nazzjonali inkwistjoni, iżda li hija kienet intervjeniet biss insostenn tat-talbiet ta’ AGC Glass Europe. Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni li l-Kummissjoni tkun għaldaqstant awtorizzata li tippubblika ma tkun ta’ ebda użu għall-partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom għad-danni, peress li din l-informazzjoni ma tirrigwardax lil AGC Glass Europe. Il-partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu għaldaqstant ma jinvokaw l-ebda interess dirett u attwali għar-riżultat tal-kawża, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali interess lanqas ma jista’ jiġi rikonoxxut lilhom abbażi tal-fatt biss li huma jistgħu potenzjalment ifitxu għad-danni anki lir-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali, peress li tali rikonoxximent iwassal għal tkabbir tant kbir taċ-ċirku tal-partijiet intervenjenti potenzjali li jkun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Ġunju 2012, Schenker vs Air France u Il-Kummissjoni, C‑589/11 P(I), punt 24].

21      Fi kwalunkwe każ, il-partijiet li qegħdin jitolbu sabiex jintervjenu naqsu milli jistabbilixxu interess partikolari għar-riżultat tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, fis-sens li ma huwiex aċċettabbli għalihom li jistennew sat-tmiem tal-kawża prinċipali. Huma, b’mod partikolari, naqsu milli juru li s-sitwazzjoni ekonomika jew legali tagħhom tkun ippreġudikata jekk din it-talba għal miżuri provviżorji ma tkunx miċħuda. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikors għad-danni ppreżentat minn HUK-Coburg huwa pendenti quddiem il-qorti nazzjonali minn Diċembru 2010, mingħajr ma din il-parti li qed titolb li tintervjeni ma invokat ir-riskju imminenti ta’ riżultat negattiv għaliha, iktar donnu jindika li l-qorti nazzjonali tista’ tkun effettivament obbligata, jekk ikun il-każ permezz tat-talbiet għal sospensjoni tal-proċedura, li tistenna s-sentenza fil-kawża prinċipali qabel ma tkompli, fid-dawl ta’ din is-sentenza, bil-proċeduri għad-danni.

22      Konsegwentement, it-talbiet għal intervent għandhom jiġu miċħuda.

 Dwar it-talbiet għal miżuri provviżorji

23      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, jordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ att ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

24      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżjori għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawż, iċ-ċirkustanzi li jikkawżaw l-urġenza kif ukoll il-motivi fil-fatt u fil-liġi li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżuri provviżorji li jintalbu. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom huwa prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun qed titlobhom, li dawn jingħataw u jipproduċu l-effetti tagħha sa minn qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali. Dawn ir-rekwiżiti huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll, jekk ikun meħtieġ, jibbilanċja l-interessi inkwistjoni [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra p. I‑4971, punt 30, u tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73].

25      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ ħieles li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, kemm il-mod kif għandhom jiġu vverifikati dawn id-diversi rekwiżiti kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa l-ħtieġa li jagħti deċiżjoni provviżorja [digrieti tal-President tal-Qorti, tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il-Kummissjoni, C‑459/06 P(R), mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25].

26      Fid-dawl tal-atti tal-proċess, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, minn qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

27      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, qabelxejn huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati l-interessi u li jiġi evalwat jekk ir-rekwiżit relatata mal-urgenza huwiex sodisfatt.

 Dwar l-ibbilanċjar tal-interessi u dwar l-urġenza

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni jfisser li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina jekk l-interess li l-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji għandha li dawn jingħataw jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att kontenzjuż billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-eventwali annullament ta’ dan l-att mill-qorti tal-ewwel grad jippermettix t-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ġiet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, kuntrarjament, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att hijiex ta’ natura li toħloq ostakolu għall-effett sħiħ tagħha, fil-każ fejn ir-rikors prinċipali jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Mejju 1989, RTE et vs Il-Kummissjoni, 76/89 R, 77/89 R u 91/89 R, Ġabra p. 1141, punt 15, u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142).

29      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit li jirrikjedi li s-sitwazzjoni ġuridika maħluqa b’digriet għal miżuri provviżorju għandha tkun riversibbli, għandu jiġi nnotat li l-iskop aħħari tal-proċeduri għal miżuri provviżjori huwa limitat sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739, punt 36]. Konsegwentement, din il-proċedura għandha karattru purament anċillari meta mqabbla mal-proċedura prinċipali li fuqha hija bbażata (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Frar 1996, Lehrfreund vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑228/95 R, Ġabra p. II‑111, punt 61), b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tnaqqsilha l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90 R, Ġabra p. I‑2557, punt 24, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 16).

30      Minn dan isegwi neċessarjament li l-interess difiż minn xi parti għal proċeduri għal miżuri provviżjori ma huwiex denju għal protezzjoni sa fejn din il-parti titlob lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jadotta deċiżjoni li, lil hinn milli jkollha natura purament provviżorja, għandha l-effett li tippreġudika s-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u li tirrendiha illużorja billi ċċaħħadha mill-effettività tagħha. Barra minn hekk, huwa għal din l-istess raġuni li t-talba għal miżuri provviżjori li tistieden lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jordna l-iżvelar “provviżorju” ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali miżmuma mill-Kummissjoni ġiet iddikjarata inammissibbli sa fejn id-digriet li jilqa’ din it-talba seta’ jinnewtralizza bil-quddiem il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li għandha tiġi mogħtija iktar tard fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Jannar 2012, Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni, T‑607/11 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 23 sa 25).

31      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fuq il-punt li jsir magħruf jekk id-deċiżjoni kkontestata – li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex ma tippubblikax l-informazzjoni kontenzjuża ‑ għandhiex tiġi annullata, b’mod partikolari, minħabba l-ksur tal-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni sa fejn l-iżvelar tagħha jkun jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 339 TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa evidenti li, sabiex tiġi kkonservata l-effettività ta’ sentenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha tkunu f’pożizzjoni li tevita li l-Kummissjoni tipproċedi b’pubblikazzjoni illeċita tal-informazzjoni kontenzjuża. Issa, sentenza għal annullament issir illużorja u nieqsa mill-effettività jekk din it-talba għal miżuri provviżjori tkun miċħuda, billi l-konsegwenza ta’ din iċ-ċaħda tkun li tippermetti li l-Kummissjoni tippubblika immedjatament l-informazzjoni inkwistjoni u għalhekk de facto tippreġudika s-sens tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu, jiġifieri ċaħda tar-rikors għal annullament.

32      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati miċ-ċirkustanza li anki pubblikazzjoni effettiva tal-informazzjoni kontenzjuża probabbilment ma jkollhiex l-effett li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-interess ġuridiku f’dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, b’mod partikolari, ir-raġuni hija li kull interpretazzjoni oħra trendi l-ammissibbiltà tar-rikors dipendenti fuq jekk il-Kummissjoni tiżvelax jew le l-imsemmija informazzjoni u tippermettilha li tevita, bil-ħolqien ta’ fait accompli, l-istħarriġ ġudizzjarju billi tipproċedi għal tali żvelar anki jekk dan fih innifsu jkun illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punti 39 sa 41). Issa, din iż-żamma formali ta’ interess ġuridiku għall-finijiet tal-kawża prinċipali ma tipprekludix li sentenza ta’ annullament mogħtija wara l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni ma jkollha l-ebda effettività ulterjuri għar-rikorrenti.

33      Konsegwentement, l-interess tal-Kummissjoni li tinċaħad it-talba għal miżuri provviżjori għandu jċedi quddiem l-interess difiż mir-rikorrenti, speċjalment peress li l-għoti ta’ miżuri provviżorji mitluba jsarraf biss fiż-żamma, għal perijodu limitat, tal-istatus quo li ilu jeżisti minn Frar 2010 (ara, f’dan is-sens, id-digriet RTE et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

34      Sa fejn il-Kummissjoni toġġezzjona li l-pubbliku ilu iktar minn erba’ snin jistenna li d-Deċizjoni tal-2008 tkun sa fl-aħħar is-suġġett tal-pubblikazzjoni integrali u li huwa inammissbbli li r-rikorrenti tkun tista’ tittardja tali pubblikazzjoni b’diversi snin billi tallega sempliċement li l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata hija kunfidenzjali, huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-instituzzjoni konvenuta limitat ruħha li tallega li d-dipartimenti tagħha kienu kkonfrontati minn proċess li jqum il-flus fuq tul ta’ żmien, fatt li jġegħlhom jittrattaw diversi talbiet għal kunfidenzjalità, mingħajr ma ssostanzjat din id-dikjarazzjoni permezz tal-iċken prova dokumentarja. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma stabbilitx, suffiċjentement fid-dritt, li hija kienet ġiet imġiegħlha tistenna sat-28 ta’ April 2011 sabiex tiddeċiedi tippubblika verzjoni integrali tad-Deċizjoni tal-2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni hija, sa ċertu punt, hija stess responsabbli għat-telf ta’ żmien ilmentat. F’kull każ, il-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn hija naqset milli tressaq – jekk biss bi prekawzjoni – flimkien mar-risposta tagħha, sottomessa fit-8 ta’ Jannar 2013 fil-kawza prinċipali, talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura sabiex tipprova tikseb parti mill-ħin mitluf. Peress li rrinunzjat għall-opportunità li tikseb trattament imħaffef tal-kawża prinċipali, il-Kummissjoni ma tistax validament tikkritika lir-rikorrenti talli użat, min-naħa tagħha, id-dritt proċedurali tagħha intiż għall-ksib tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

35      Il-Kummissjoni barra minn hekk tinvoka l-interess tal-vittmi potenzjali tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi li għandhom bżonn l-informazzjoni fil-kateogriji I u II sabiex jistabbilixxu l-fondatezza tal-azzjonijiet tagħhom għad-danni f’termini ta’ rabta kawżali u ta’ kwantifikazzjoni tad-danni, li huma jressqu kontra r-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, jekk il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tiġi ttardjata sa meta tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, l-azzjonijiet għal kumpens ta’ wħud minn dawn il-vittmi jistgħu jkunu diġà preskritti, b’mod partikolari fi Stati Membri fejn it-termini ta’ preskrizzjoni huma qosra.

36      Madankollu, jekk l-interessi ta’ terzi li huma direttament influwenzati minn eventwali sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Jannar 2001, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, T‑342/00 R, Ġabra p. II‑67, punt 51), din l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex tali li tirbaħ fuq l-interessi tar-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, għal dawk li jirrigwarda r-regoli ta’ preskrizzjoni nazzjonali allegati, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni hija wisq vaga sa fejn hija tonqos milli tindika, b’mod partikolari, dak li jipprekludi lill-imsemmija vittmi milli jippreżentaw l-azzjonijiet għad-danni tagħhom fi żmien validu, filwaqt li jiksbu s-sospensjoni tal-proċeduri nazzjonali sa meta tiġi mħabbra s-sentenza fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-uniċi eżempji konkreti invokati fil-kuntest preżenti jirrigwardaw ir-rikorsi għad-danni li l-erba’ partijiet li talbu li jintervjenu ppreżentaw fl-2010 u fl-2011 quddiem il-qorti nazzjonali, apparentement mingħajr ma ltaqgħu ma eċċezzjonijiet ta’ preskrizzjoni (ara l-punti 19 u 21 iktar ’il fuq). Minn-naħa l-oħra, kif ġie nnotat fil-punt 34 iktar ’il fuq, kemm id-dewmien li kien hemm fil-pubblikazzjoni integrali tad-Deċiżjoni tal-2008, kif ukoll l-eventwali dewmien tal-proċedura fil-kawża prinċipali għandhom, fil-parti l-kbira, jiġu imputati mhux fuq ir-rikorrenti, iżda fuq il-Kummissjoni.

37      Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li anki l-vittmi tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi jistgħu jinvokaw dritt għal rimedju effettiv għal dak li jirrigwarda r-rikors tagħhom għad-danni kontra l-membri ta’ dan il-kartell, bħar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun biss ittardjat fil-każ ta’ għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mir-rikorrenti, li jkun ifisser restrizzjoni temporanja għall-użu ta’ dan id-dritt, filwaqt li d-dritt korrispondenti tar-rikorrenti jispiċċa fix-xejn fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji. L-interess tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi qabel dak tal-vittmi tal-kartell.

38      Peress li r-riżultat tal-ibbilanċjar tal-interessi huwa favur ir-rikorrenti, jidher li huwa urġenti li jiġi protett l-interess difiż minnha, bil-kundizzjoni li hemm ir-riskju li hija ssofri dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2008 ma tkunx iktar tista’ titħassar.

39      Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fil-kategorija III, ir-rikorrenti tenfasizza li l-pubblikazzjoni tagħha twassal għal dannu gravi u irreparabbli għad-dritt għal protezzjoni tad-data personali li l-Artikolu 8 tal-Karta jagħti lill-ħaddiema tagħhom allegatament implikati fl-implementazzjoni tal-akkordju.

40      F’dan ir-rigward, huwa xieraq li qabel kollox jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, ir-rikorrenti trid turi li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba hija neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi tagħha stess, filwaqt li hija ma tistax tinvoka, sabiex tistabbilixxi l-urġenza, preġudizzju għall-interess li ma huwiex persunali għaliha, bħal, pereżempju, preġudizzju għal drittijiet ta’ terzi. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax effettivament tinvoka d-dannu li allegatament ser isofru l-imjegati tagħhom biss insostenn tal-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Lulju 2007, Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, T‑31/07 R, Ġabra p. II‑2767, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Jannar 2012, Euris Consult vs Il-Parlament, T‑637/11 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 26], iżda hija għandha turi li tali dannu jista’ jwassal, għaliha stess, għal dannu persunali gravi u irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Diċembru 2001, Österreichische Postsparkasse vs Il-Kummissjoni, T‑213/01 R, Ġabra p. II‑3963, punt 71).

41      Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti peress li r-rikorrenti tillimita ruħha li tallega li żvelar ta’ informazzjoni fil-kategorija III [Kunfidenzjali](1). Għalhekk, ir-rikorrenti tillimità ruħha li tagħmel dikjarazzjoni vaga u spekulattiva, mingħajr ma tipprovdi preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, u mingħajr ma ssostni l-allegazzjonijiet tagħha bl-inqas prova. L-istess japplika għar-rimarka li tgħid li l-impjegati tagħhom jistgħu jiftħu kawżi kontriha talli ma pproteġithomx. Hija, b’mod partikolari, ma ddikjaratx, u wisq inqas ma wriet, li huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li hija tiżgura d-difiża kollettiva tal-interessi tal-impjegti kkonċernati għar-raġuni li ma jistax jiġi mistenni minnhom, minħabba n-numru kbir tagħhom, li jippreżentaw azzjonijiet individwali intiżi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Konsegwentment, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-allegat preġudizzju għall-interessi tal-impjegati tagħha għandu jwassal għal dannu gravi u irreparabbli għall-impriża tagħha bħala tali.

42      Minn dan isegwi li r-rekwiżit dwar l-urġenża ma huwiex sodisfatt għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-kategorija III. Fid-dawl tal-karattru kumulattiv ta’ dan ir-rekwiżit u ta’ dak dwar il-fumus boni juris (ara punt 24 iktar ’il fuq), it-talba għal miżuri provviżorji għal dak li jirrigwarda din l-informazzjoni għandha, min issa, tiġi miċħuda.

43      Għal dak li jirrigwarda informazzjoni fil-kategoriji I u II, ir-rikorrenti ssostni li, ladarba l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ppubblikata, annullament ulterjuri tad-deċiżjoni kkontestata għall-ksur tal-Artikolu 339 TFUE ma jinvertix l-effetti li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni. Fil-fatt, il-klijenti, il-kompetituri u l-fornituri tar-rikorrenti, l-analisti finanzjarji kif ukoll il-pubbliku inġenerali jista’ jkollhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni u jużawha liberament, li joħloq dannu gravi u irreparabbli lir-rikorrenti. Konsegwentement, ir-rikorrenti tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk l-informazzjoni kontenzjuża tiġi ikkomunikata qabel ma tkun deċiża l-kawża prinċipali.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ fejn jirriżulta, fil-kawża prinċipali, li l-informazzjoni inkwistjoni hija kunfidenzjali u li l-iżvelar tagħha, kif ippjanat mill-Kummissjoni, imur kontra l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, abbażi tal-Artikolu 339 TFUE, ir-rikorrenti tista’ tinvokaw din id-dispożizzjoni, li tagħtiha dritt fundamentali, sabiex topponi din il-pubblikazzjoni. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punti 47 u 48), filwaqt li għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), fil-fatt jista’ jkun neċessarju li l-iżvelar ta’ ċertu informazzjoni kkwalifikata bħala kunfidenzjali jiġi miċħud, sabiex jiġi protett id-dritt fundamentali ta’ impriża għar-rispett tad-dritt għal ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar’il quddiem il-“KEDB”), u tal-Artikolu 7 tal-Karta, billi huwa ppreċiżat li l-kunċett ta’ “ħajja privata” ma għandux jiġi interpretat bħala li jeskludi l-attività kummerċjali ta’ persuna ġuridika. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, minn naħa, li hija kienet diġà rrikonoxxiet il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali bħala prinċipju ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-impriża inkwistjoni tista’ ssofri “dannu estremament gravi” jekk ċerta informazzjoni tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni rregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 54).

45      Peress li l-Kummissjoni, f’każ li din it-talba għal miżuri provviżjori tiġi miċħuda, tista’ tipproċedi immedjatament għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-kategoriji I u II, jeżisti riskju li d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-protezzjoni tas-sigrieti professjonali tagħha, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE, fl-Artikolu 8 tal-KEDB u fl-Artikolu 7 tal-Karta, jitlef b’mod irriversibbli kull sinjifikat fir-rigward tal-imsemmija informazzjoni. Fl-istess ħin, hemm ir-riskju li d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta, jiġi kompromess jekk il-Kummissjoni tkun awtorizzata tippubblika l-informazzjoni inkwistjoni qabel ma l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq ir-rikors prinċipali. Konsegwentement, peress li d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti jistgħu jiġu leżi b’mod gravi u irreparabbli, bla ħsara għall-eżami tar-rekwiżit dwar il-fumus boni juris (ara, fir-rigward tar-rabta stretta bejn dan l-aħħar rekwiżit u r-rekwiżit tal-urġenza, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ April 2008, Ċipru vs Il‑Kummissjoni, T‑54/08 R, T‑87/08 R, T‑88/08 R u T‑91/08 R sa T‑93/08 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 56 u 57), jidher li huwa urġenti li l-miżuri provviżorji mitluba jingħataw f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni fil-kategoriji I u II.

46      Ebda wieħed mill-argumenti miġjuba f’sens kuntrarju mill-Kummissjoni ma jista jaffettwa dawn il-kunsiderazzjonijiet.

47      Għaldaqstant, ir-rimarka tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti ma kienu invokaw l-ebda ksur ta’ dritt fundamentali hija infondata fil-fatt. Fil-fatt, billi sostniet li hija tiċċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-każ li l-informazzjoni kontenzjuża tiġi ppubblikata qabel it-tmiem tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB u fuq l-Artikolu 47 tal-Karta li jipprovdu, it-tnejn li huma, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti limitat ruħha li tinvoka ksur tal-Artikolu 339 TFUE, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, iggarantit minn din id-dispożizzjoni, għandu l-istatus ta’ dritt fundamentali skont l-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 7 tal-Karta (ara punt 44 iktar ’il fuq), b’tali mod li l-invokazzjoni tal-Artikolu 339 TFUE tfisser neċessarjament dik taż-żewġ diżpożizzjonijiet l-oħra.

48      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment sussegwentement għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Gillberg vs l-Isvezja, tat-3 ta’ April 2012, punti 67 u 72) sabiex tenfasizza li l-Artikolu 8 tal-KEDB ma huwiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni, peress li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn persuna sabiex tilmenta kontra preġudizzju li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tagħha stess, bħal ksur kriminali. Il-Kummissjoni minn dan tikkonkludi li, peress li l-informazzjoni kontenzjuża fil-kawża inkwistjoni sservi biss sabiex tiddeskrivi l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti, din ma tistax tostakola l-pubblikazzjoni tagħha billi tinvoka d-dritt tagħha għall-ħajja privata.

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti EDB mhux talli ma eżaminatx jekk il-miżura Svediża kkontestata kinitx “kisret dritt li ma tikkomunikax informazzjoni kunfidenzjali li jirriżulta mill-Artikolu 8 [tal-KEDB]” iżda talli limitat ruħha li tfittex jekk il-kundanna kriminali ta’ C. Gillberg kinitx tikkostitwixxi, fiha nnifisha, preġudizzju għad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata (sentenza Gillberg vs l-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56, 64, 65 u 68). Hija tat risposta negattiva għal din id-domanda, peress li l-effetti negattivi fuq il-pjanijiet personali, soċjali, psikoloġiku u finanzjarju ta’ tali kundanna kienu “konsegwenzi prevedibbli tat-twettieq ta’ ksur kriminali […] li huwa ma jistax għalhekk […] jinvoka sabiex isostni li kundanna penali fiha nnifisha tippreġudika d-dritt tar-rispett għal ħajja privata skont l-Artikolu 8 [tal-KEDB]” (sentenza Gillberg vs l-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

50      Issa, fil-kawża preżenti, il-kwistjoni ma hijiex li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti tistax topponi, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, l-impożizzjoni ta’ multa mill-Kummissjoni għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, li isimha jiġi indikat pubblikament bħala membru tal-kartell għal-ħġieġ tal-karozzi jew l-effetti negattivi oħra “prevedibbli” ta’ tali sanzjoni fil-ħajja kummerċjali. F’din il-kawża, il-qorti tal-Unjoni għandha pjuttost tiddetermina jekk l-informazzjoni fil-kategoriji I u II għandhiex tibbenefika minn trattament kunfidenzjali, skont l-imsemmi Artikolu 8, jew jekk inkella hija tistax, għal kuntrarju, tintuża mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ deskrizzjoni pubblika ddettaljata ħafna tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti. Peress li tali kwistjoni dwar il-kunfidenzjalità jew le ta’ ċerta informazzjoni preċiża ma kinitx is-suġġett tas-sentenza Gillberg vs l-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, l-argument tal-Kummissjoni ibbażat fuq din id-deċiżjoni tal-Qorti EDB ma jistax jintlaqa’.

51      Filwaqt li rreferiet għal diversi digrieti tal-Presidenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni żżid li f’kull każ ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti tilmenta ksur ta’ dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali jew tas-sigrieti kummerċjali, iżda li hija għandha barra minn hekk tistabbilixxi li hemm ir-riskju li dan il-ksur, minn-naħa tiegħu, jikkawżalha dannu gravi u irreparabbli fuq il-pjan materjali jew ġuridiku. Issa, l-eventwalità ta’ dannu tali ma ntwerietx fil-kawża preżenti.

52      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi, qabel kollox, għad-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2003, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03 R, Ġabra p. II‑4879), u tat-22 ta’ Diċembru 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T‑201/04 R, Ġabra p. II‑4463), fejn l-Imħallef għal miżuri provviżorji, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-karattru irriversibbli ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, li tista’ tintuża f’azzjonijiet għad-danni kontra l-persuna kkonċernata, ikklassifika bħala purament finanzjarju d-dannu li jista’ jirriżulta għall-persuna kkonċernata minn tali użu tal-imsemmija informazzjoni, peress li dannu finanzjarju ma jistax jiġi kkunsidrat normalment bħala irreparabbli (ara d-digriet Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45, 47, 52 u 53), billi ppreċiża li l-iżvelar ta’ informazzjoni li sa dak iż-żmien kienet miżmuma sigrieta – jew minħabba l-eżistenza ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, jew bħala sigiriet kummerċjali – ma jimplikax neċessarjament l-eventwalità ta’ dannu gravi, u huwa tajjeb li l-għarfien ta’ tali informazzjoni ma jistax iktar jitħassar mill-memorji (ara d-digriet Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 253 u 254).

53      F’dan ir-rigward, hemm lok madankollu li jiġi enfasizzat li l-approċċ segwit mill-Imħallef għal miżuri provviżorji fid-digrieti Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni u Microsoft vs Il-Kumimssjoni, iċċitati iktar ’il fuq, fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali għandu jiġi abbandunat, sa fejn dan ma japplikax id-drittijiet fundamentali invokati minn dak li jitlob il protezzjoni provviżorja ta’ din l-informazzjoni. Fil-fatt, mhux iktar tard mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Dieċmbru 2009, li ta lill-Karta l-istatus ta’ dritt primarju tal-Unjoni u jipprovdi li l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE), ir-riskju imminenti ta’ ksur gravi u irreparabbli tad-drittijiet fundamentali mogħtija mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta (kif ukoll mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-KEDB) f’dan il-qasam għandu jkun ikklassifikat, fih innifsu, bħala dannu li jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni provviżorji mitluba.

54      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, sussegwentement, għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill [C‑43/98 P(R), Ġabra p. I‑1815, punti 46 u 47], li ċaħad l-argument ibbażat fuq il-karattru irreparabbli tad-dannu invokat minħabba li “ma huwiex biżżejjed li jiġi allegat, b’mod astratt, preġudizzju għad-drittijiet fundamentali, f’dan il-każ id-dritt għal proprejtà u d-dritt għall-eżerċizzju liberu tal-attivitajiet professjonali, sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jiriżulta minn dan għandu neċessarjament karattru irreparabbli”. Madankollu, ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-kawża li tagħat lok għal dan id-digriet kienet tirrigwarda l-każ ta’ importatur li kien ikklassifika bħala insuffiċjenti n-numru ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni mogħtija u li kien intiż li jikseb kwantità addizzjonali. Jekk dan l-imporatur jinvoka għaldaqstant id-dritt tiegħu għall-proprjetà u d-dritt għal eżerċizzju liberu tal-attività professjonali tiegħu, l-għoti ta’ kwantità allegatament insuffiċjenti ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni kien sempliċement jirrestrinġi l-użu tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Peress li l-persuna kkonċernata baqgħet tibbenefika minn dawn id-drittijiet, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ordna l-produzzjoni ta’ prova tal-karattur gravi u irreparabbli tar-restrizzjoni tagħhom. F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti tkunu kompletament imċaħda mid-drittijiet fundamentali invokati, li jkun ifisser telf totali ta’ dawn id-drittijiet, għaldaqstant l-iktar dannu gravi u irreparabbli possibbli. Minn dan isegwi li d-digriet Camar v Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, huwa irrilevanti għall-eżami tar-rekwiżit ta’ urġenza fil-proċedura preżenti.

55      L-istess jgħodd, u għall-istess raġunijiet, għad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2011, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni (T‑457/09 R, mhux ippublikat fil-Ġabra, punt 48), fejn jingħad li ma huwiex biżżejjed li jiġi allegat ksur gravi ta’ dritt fundamentali sabiex jiġi stabbilit il-karattru gravi u irreparabbli tad-dannu li jista’ jirriżulta minn dan. Fil-fatt, fil-kawża li tagħat lok għal dan id-digriet, azzjonist minoritaju ta’ bank kien qed jopponi l-konsegwenzi ekonomiċi tal-eżekuzzjoni ta’ rekwiżit li magħha l-Kummissjoni kienet rabtet l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil dan il-bank, rekwiżit li l-imsemmi azzjonist kien, huwa stess, aċċetta bħala prinċipju (digiret Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Għal kuntrarju ta’ din il-kawża, għaldaqstant il-kwistjoni hemmhekk kienet tirrigwarda s-sempliċi restrizzjoni tal-użu tad-dritt ta’ proprejtà u tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament, invokati mill-persuna kkonċernata.

56      Għal dak li jirrigwarda d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros [C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739], li kienet tirrigwarda l-karattru kunfidenzjali jew le tad-dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni matul verifika, il-kwistjoni ma kinitx tikkonċerna l-aċċess tal-pubbliku għal dawn id-dokumenti, iżda li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx awtorizzata li ssir taf bihom. Huwa għaldaqstant f’kuntest speċifiku, u mhux paragunabbli għal dak ta’ din il-kawża, li kien ġie deċiż li, jekk is-sempliċi għarfien mill-Kummissjoni tad-dokumenti inkwistjoni, mingħajr ma jintużaw fi proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, seta’ eventwalment jaffettwa s-sigriet professjonali, din iċ-ċirkustanza weħedha ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li li r-rekwiżit ta’ urġenza kien sodisfatt (digriet Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros, iċċitat iktar ’il fuq, punt 41). Fil-fatt, fil-każ fejn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna investigazzjoni tiġi annullata, il-Kummissjoni għalhekk tiġi prekluża milli tuża, għal finijiet tal-proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-dokumenti kollha jew evidenza dokumentarja li hija tkun ġabret fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, taħt piena li tiġi esposta għar-riskju li l-qorti tal-Unjoni tannulla d-deċiżjoni dwar il-ksur sa fejn din tkun ibbażata fuq tali prova (digriet Il-Kummissjoni vs Akzo u Akcros, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37). F’sitwazzjoni bħal din, is-sempliċi fatt ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-Kummissjoni, awtorità pubblika suġġetta hija stess għall-osservanza tas-sigriet professjonali, ma jistax evidentement jikkostitwixxi ksur gravi u irreparabbli tad-dritt fundamentali invokat.

57      Konsegwentement, peress li r-rekwiżit dwar l-urġenza huwa sodisfatta għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni tal-kategoriji I u II, huwa xieraq li tiġi eżaminata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tal-fumus boni juris f’dan ir-rigward.

 Dwar il-fumus boni juris

58      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-rekwiżit dwar il-fumus boni juris huwa sodisfatt meta tal-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors prinċipali, jidher, prima facie, rilevanti u, f’kull każ, mhux nieqes minn bażi serja, sa fejn juri l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni għalihom ma tkunx ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta mid-diskussjoni bejn il-partijiet tirriżulta l-eżistenza ta’ disputa legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑52/12 R, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P-R, Ġabra p. I‑4485, punt 40).

59      Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni provviżorja ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, għandu jingħad ukoll li l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bir-riskju li ma jiġix rikonoxxut il-karattru intrinsikament aċċessorju u provviżorju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara punti 29 sa 31 iktar ’il fuq) kif ukoll bir-riskju imminenti li jiġu eliminati d-drittijiet fundamentali invokati mill-parti li tfittex li tikseb il-protezzjoni provviżorja ta’ dawn tal-aħħar (ara punti 44 u 45 iktar ’il fuq), jista’, bħala prinċipju, jiddeċiedi li ma hemmx fumus boni juris bisss fil-każ fejn il-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni jkun manifestament nieqes. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk l-informazzjoni li għandha tiġi protetta tissemma fil-bilanċ annwali pubbliku tar-rikorrenti jew f’att ippubblikat f’Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

60      F’dan il-każ, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha mqajjem insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, talli kisret l-Artikolu 339 TFUE kif ukoll l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta ddeċidiet li tippubblika l-informazzjoni li kellha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u li l-kunfidenzjalità tagħha għandha għaldaqstant tiġi protetta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet għamlet evalwazzjoni żbaljata dwar jekk jeżistux raġunijiet imperattivi li jippermettu l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

61      Ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni fil-kategoriji I u II hija kummerċjalment sensittiva, sigrieta u mhix magħrufa mill-pubbliku, peress li l-pubblikazzjoni kontenzjuża tiżvela lill-klijenti, lill-kompetituri, lil fornituri u lill-pubbliku inġenerali, taħt forma kkonsolidata, dettalji dwar il-klijenti prinċipali tagħha u r-relazzjonijiet li hija għandha ma’ dawn il-klijenti, bħad-ditta u l-mudell tal-vetturi li għalihom hija tipprovdi l-partijiet. Din it-tip ta’ informazzjoni hija manifestament sensittiva, l-istess bħall-informazzjoni dwar in-numru tal-partijiet pprovduti, is-sehem ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur speċifiku, il-prezz, il-kalkoli tal-prezz, ir-roħs partikolari fil-prezz, il-perċentwali eċċ. Fil-fatt, din l-informazzjoni turi l-prattiki kummerċjali tar-rikorrenti fir-rigward tal-manifatturi li huma sal-ġurnata tal-lum klijenti tagħhom u tista’ wkoll tintuża minn manifatturi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom magħha.

62      Sa fejn il-Kummissjoni tinnega l-karattru kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuza minħabba l-fatt li hija għandha iktar minn ħames snin, ir-rikorrenti jirrispondu li ma jeżistix xi limitu stabbilit minn qabel għal dak li jirrigwarda l-mument meta d-data ssir qadima, peress li natura effettivament qadima tad-data hija suġġetta għall-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67), il-Qorti tal-Ġustizzja enfassizat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, jew mhux saħansitra lil hinn minn dan il-perijodu jekk neċessarju.

63      Ir-rikorrenti tippreċiża li [Kunfidenzjali]. Konsegwentement, l-informazzjoni fil-kategorija I kkonsolidata ma tilfitx il-karattru kunfidenzjali tagħha minħabba ż-żmien li għadda, għaldaqstnat l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippermetti li l-kompetituri u l-klijenti jiksbu lista ta’ klijenti estremament iddettaljata dwar ir-rikorrenti u informazzjoni dwar aspetti speċifiċi tar-rleazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha.

64      Għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fil-kategorija II, din tibqa’ kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-ħġieġ tal-karozzi, fejn il-kuntratti ta’ spiss jiġu nnegozjati ħafna snin qabel il-manifattura. Dawn huma kuntratti fit-tul u li jiġġeddu frekwentement, peress li l-fornituri tal-ħġieġ tal-karozzi jkomplu jipprovdu lill-manifatturi għal diversi ġenerazzjonijiet ta’ mudelli. Fid-dawl ta’ din l-istruttura tas-suq, l-iżvelar propost ikun jinvolvi trasparenza kbira, u dan jhedded li jbiddel fundamentali il-karatteristiċi tas-suq u li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti. Fil-fatt ir-rikorrenti [Kunfidenzjali]. Issa, din l-informazzjoni fiha dettalji speċifiċi u mmirati rigward l-prezzijiet tal-prodotti, li għadhom rilevanti għall-attività kummerċjali tar-rikorrenti. Il-pubblikazzjoni tagħhom tippermetti li l-klijenti u l-kompetituri jestrapolaw il-livelli attwali tal-prezzijiet, twassal għal trasparenza fis-suq fil-qasam tal-prezzijiet inġenerali u għaldaqstant tippreġudika l-pożizzjoni tar-rikorrenti, peress li l-informazzjoni tista’ tintuża mill-klijenti tagħha fin-negozjati u mill-operaturi l-oħra sabiex ippoġġuha f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv.

65      Fil-qosor, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma tatx każ jekk l-informazzjoni fil-kategoriji I u II, ikkunsidrati globalment, moqrija mhux f’siltiet iżolati, iżda flimkien, ippubblikata f’verżjoni kkonsolidata, aċċessibbli fuq l-internet, tibqax kunfidenzjali. Il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, kollha flimkien, tagħmilha estremament sensittiva, peress li hija tagħti lill-pubbliku inġenerali għarfien fil-fond, fuq livell għoli ħafna ta’ dettall, dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tar-rikorrenti mal-maġġoranża tal-klijenti importanti tagħha. Dan il-fatt jista’ wkoll iżid b’mod esponenzjali u artifiċjali t-trasparenza tas-suq tal-ħġieġ tal-karozzi, billi jippermetti li kull klijent tar-rikorrenti jaċċedi għall-informazzjoni sensittiva dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-klijenti l-oħra tagħha. Din l-informazzjoni ssir ukoll aċċessibbli għal klijenti potenzjali u għall-pubbliku inġenerali, u dan jhedded li joħloq dannu gravi għall-interessi tar-rikorrenti.

66      Il-Kummissjoni tirribatti, essenzjalment, li t-talbiet għal kunfidenzjalità ppreżentati mir-rikorrenti lill-Uffiċjali tas-Seduta kienu wisq vagi u ġenerali sabiex jiġġustifikaw, ħlief għal numru insinifikanti fosthom, it-trattament kunfidenzjali mitluba u li, anki quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi, għal kull informazzjoni konkreta invokata, li din kellha tiġi protetta bħala sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, l-informazzjoni kontenzjuża kienet ġiet skambjata fi ħdan il-katell tal-ħġieġ tal-karozzi u għaldaqstant ġew mgħarrfa lill-impriżi l-oħra membri ta’ dan il-kartell. Għal din ir-raġuni, din l-informazzjoni ma tistax tibqa’ tiġi kkunsidrata sigrieta. Fi kwalunkwe każ, peress li l-informazzjoni inkwistjoni għandha ħames snin jew iktar din għandha titqies, minħabba f’hekk, bħala qadima, peress li r-rikorrenti ma turix, minkejja l-qedem tagħha, li din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi sal-ġurnata tal-lum element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha.

67      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, mingħajr ħsara għall-valur tal-argumenti magħmula milll-Kummissjoni, li l-fondatezza tagħhom ser tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li l-proċess ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas manifest ta’ fumus boni juris.

68      Fil-fatt, minn naħa, id-Deċiżjoni tal-2008 li hija s-suġġett tal-pubblikazzjoni mhux kunfidenzjali kontenzjuża tinkludi 731 premessa u 882 nota ta’ qiegħ il-paġna. Kif jirriżulta mill-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, it-talbiet għall-kunfidenzjalità ppreżentati mir-rikorrenti u dwar l-informazzjoni fil-kategorija I jirrigwardaw 270 premessa u 46 nota ta’ qiegħ il-paġna, filwaqt li dawk li jittrattaw l-informazzjoni fil-kategorija II jirrigwardaw 64 premessa u 19 nota ta’ qiegħ il-paġna. Għalhekk, prima facie jidher li l-eżami ta’ jekk il-Kummissjoni wetqitx żbalji meta ċaħdet il-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet għal kunfidenzjalità jqajjem kwistjonijiet kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom jixirqilha eżami dettaljat, li ma jistax isir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda li għandu jsir fil-kunteest tal-proċedura prinċipali.

69      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Uffiċjal tas-Seduta rrikonoxxa l-karattru sigriet ta’ ċerta informazzjoni kemm fil-kategorija I kif ukoll fil-kategorija II jindika, fih innifsu, li l-informazzjoni kontenzjuża ma tistax, prima facie, tiġi kklassifikata globalment, minħabba in-natura tagħha stess, bħala nieqsa manifestament minn karattru sigriet jew kunfidenzjali. Dan ir-rikonoxximent tal-karattru sigriet ta’ ċerta informazzjoni donnu jdgħajjef ukoll l-argument li jgħid li l-informazzjoni, minħabba s-sempliċi fatt li ġiet skambjata bejn il-membri tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi, inbidlet f’data ġeneralment magħrufa lil hinn mill-isfera tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Kummissjoni tirreferi, f’dan il-kuntest, għal-digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Awwissu 2003, Glaxo Wellcome vs Il-Kummissjoni (T‑168/01, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 43), u għad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Mejju 2012, Spira vs Il-Kummissjoni (T‑108/07, punt 52), ma jidhirx li l-fatt li r-rikorrenti għarrfet l-informazzjoni kontenzjuża lill-membri l-oħra tal-kartell tal-ħġieġ tal-karozzi, iżda lill-fornituri tagħha, lill-klijenti tagħha u lill-kompetituri l-oħra li ma humiex membri tal-kartell, għandu jiġi manifestament interpretat fis-sens li din l-informazzjoni hija aċċessibbli, jekk mhux għall-pubbliku inġenerali, għall-inqas f’ċerti ambjenti speċjali, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ digrieti.

70      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li peress li l-informazzjoni kontenzjuża kollha għandha iktar minn ħames snin u għalhekk tilfet il-karattru sigriet tagħha, għalkemm huwa minnu li informazzjoni dwar impriża li għandha ħames snin jew iktar, għandha, bħala regola ġenerali, titqies bħala qadima. Madankollu, il-persuna kkonċernata tista’ turi li, minkejja l-qedem tagħha, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il-Kunsill, T‑383/03, Ġabra p. II‑621, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ma jidhirx li l-argument tar-rikorrenti espost fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq huwa, prima facie, irrilevanti sabiex jintwera li l-informazzjoni fil-kategoriji I u II baqgħet sigrieta minħabba n-natura tagħha stess. Lanqas ma jista’ jiġi manifestament eskluż li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-kunfidenzjalità tal-interessi kummerċjali jew ta’ dokumenti sensittivi tista’ tkun protetta eċċezzjonalment matul perijodu ta’ tletin sena, jekk mhux saħansitra lil hinn minn dan il-perijodu jekk neċessarju, huwa ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni li għandha ssir f’dan il-każ.

71      L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax għaldaqstant jeskludi, prima facie, li l-informazzjoni kontenzjuża hija magħrufa biss minn numru ristrett ta’ persuni u li l-iżvelar tagħha jista’ joħloq dannu serju lir-rikorrenti, fis-sens tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 71).

72      Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-informazzjoni kontenzjuża tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali tar-rikorrenti, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-informazzjoni għadiex oġġettivament jistħoqqilha protezzjoni teħtieġ ibbilanċjar bejn l-interessi tar-rikorrenti sabiex din ma tiġix żvelata u l-interessi ġenerali li jirrikjedu li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru fl-iktar osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). Issa, tali ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni – kemm jekk dan ikun jirrigwarda globalment in-natura nnifisha tal-informazzjoni fil-kategoriji I u II jew kull waħda mill-iktar mit-300 premessa u s-60 nota ta’ qiegħ il-paġna invokati – ser jeżiġi evalwazzjonijiet delikati li għandhom jiġi riżervati għall-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. Fi kwalunkwe każ, mill-proċess ma jirriżultax li r-riżultat ta’ dan l-ibbilanċjar ser ixaqleb manifestament favur l-interess difiż mill-Kummissjoni.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tqajjem kwistjonijiet kumplessi u delikati li ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala manifestament irrilevanti, iżda li s-soluzzjoni tagħhom timmerita evalwazzjoni fil-fond fil-kuntest tal-proċedura prinċipali. Għaldaqstant hemm lok li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ fumus boni juris.

74      Minn dan isegwi li, peress li r-rekwiżiti kollha huma sodisfatti għal dan il-għan, hemm lok li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi milqugħa sa fejn hija intiża sabiex twaqqaf il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-informazzjoni fil-kategoriji I u II u li tiġi miċħuda għall-kumplament.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talbiet għal intervent ta’ HUK-Coburg, ta’ LVM, ta’ VHV u ta’ Württembergische Gemeinde-Versicherung huma miċħuda.

2)      L-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C (2012) 5718 finali tal-Kummissjoni, tal-6 ta’ Awwissu 2012, li tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Pilkington Group Ltd, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u l-mandat tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Kawża COMP/39.125 – Carglass), għal dak li jirrigwarda ż-żewġ kategoriji ta’ informazzjoni, bħal dawk imsemmija fil-punt 6 tad-Deċiżjoni C (2012) 5718 finali, dwar, minn naħa, l-ismijiet tal-klijenti, ismijiet u deskrizzjonijiet tal-prodotti kif ukoll informazzjoni oħra li tista’ twassal għal identifikazzjoni ta’ ċerti klijenti u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ partijiet ipprovduti mill-Pilkington Group, is-sehem ta’ manifattur ta’ vetturi bil-mutur speċifiku, il-kalkoli tal-prezz, it-tibdil fil-prezz eċċ.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija ordnata tastjeni milli tippubblika verżjoni tad-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.125 – Carglass), li tkun iktar dettaljata, għal dak li jirrigwarda informazzjoni fiż-żewġ kategoriji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, milli dik ippubblikata fi Frar 2010 fuq is-sit tal-Internet tagħha.

4)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda għall-bqija.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Marzu 2013.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Data kunfidenzjali mħollija barra.