Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Marzu 2023 (talba għal deċiżjoni preliminari tan-Nejvyšší soud. - ir-Repubblika Ċeka) – QT vs 02 Czech Republic a. s.

(Kawża C-574/21, 02 Czech Republic) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali indipendenti – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 17(2)(a) – Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija – Dritt tal-aġent kummerċjali għal kumpens – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kumpens ekwu – Evalwazzjoni – Kunċett ta’ “kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef” – Kummissjonijiet fuq tranżazzjonijiet futuri – Klijenti ġodda li l-aġent kummerċjali ġab – Klijenti eżistenti li magħhom l-aġent kummerċjali jkun żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv – Kummissjonijiet ta’ darba)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: QT

Konvenut: 02 Czech Republic a. s.

Dispożittiv

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali kien jirċievi fil-każ tat-tkomplija ipotetika tal-kuntratt ta’ aġenzija, abbażi tat-tranżazzjonijiet li kienu ġew konklużi, wara t-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ aġenzija, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-kumpens previst fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-ħlas ta’ kummissjonijiet ta’ darba ma jeskludix mill-kalkolu tal-kumpens, previst f’dan l-Artikolu 17(2), il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jitlef u li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet imwettqa mill-prinċipal, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, mal-klijenti l-ġodda li huwa jkun ġab lill-prinċipal qabel din it-terminazzjoni jew mal-klijenti li magħhom huwa kien żviluppa n-negozju b’mod sinjifikattiv qabel l-imsemmija terminazzjoni, meta dawn il-kummissjonijiet jikkorrispondu għal remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa skont kull kuntratt ġdid konkluż ma’ dawn il-klijenti l-ġodda jew ma’ klijenti eżistenti tal-prinċipal, permezz tal-aġent kummerċjali.

____________

1     ĠU C 481, 29.11.2021.