Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Diċembru 2010 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-588/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, E. Leftheriotou u X. Βasakou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali:

tilqa' r-rikors;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Novembru 2010 "li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea", għall-parti dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji li għandha tagħmel ir-Repubblika Ellenika.

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/668/UE, tal-4 ta' Novembru 2010, "li teskludi ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR), minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea", innotifikata taħt in-numru C (2010) 7555 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE taħt in-numru L 288 tal-5 ta' Novembru 2010, p. 24 (ĠU L 288, p. 24), għall-parti dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji li għandha tagħmel ir-Repubblika Ellenika fl-oqsma a) tal-primjums diretti - art li tinħarat b) tat-tabakk, ċ) tal-kundizzjonalità, d) tal-għaneb imqadded, e) tal-gżejjer tal-baħar Eġew, u f) tal-primjums tal-annimali.

Rigward il-korrezzjoni għall-primjums diretti - art li tinħarat, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta' bażi legali valida sabiex japplikaw il-linji gwida antiki għall-Politika Agrikola Komuni l-ġdida (PAK) u l-isekma ġdida ta' pagament uniku, kif ukoll in-nuqqas ta' definizzjoni, f'din l-iskema l-ġdida, ta' kontrolli ewlenin u sekondarji, sabiex jistgħu jiġu applikati l-perċentwali stabbiliti ta' korrezzjoni.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-applikazzjoni tal-linji gwida l-antiki għall-PAK il-ġdida tikser essenzjalment il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni tal-korrezzjoni, jiġifieri ammont tliet darbiet ogħla, tikser il-prinċipju ta' aspettativi leġittimi, peress li, minħabba deċiżjonijiet ġudizzjarji, ma kienx possibbli li jsir it-tiġdid u t-tlestija tas-sistema ta' identifikazzjoni tal-ħbula raba agrikoli - sistema ta' informazzjoni ġeografika (SIĦA-SIĠ) u l-Greċja u l-UE qablu fuq pjan ta' azzjoni għat-tlestija ta' SIĦA-SIĠ, li ġiet osservata rigorożament.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li a) il-fatti ġew evalwati ħażin u b'mod żbaljat (fir-rigward tat-twettiq allegatament tardiv u tal-kwalità ħażina tal-kontrolli fuq il-post) u b) mit-tqabbil tad-data ta' SIĦA-SIĠ għas-sena tat-talba 2006 ma' dik ta' SIĦA-SIĠ kompleta u affidabbli tal-2009 jirriżulta, kif il-Kummissjoni setgħet tivverifika minn kontroll fuq il-post, li d-differenzi u n-nuqqasijiet huma minimi u ma jaqbżux it-2.5 %.

Rigward il-korrezzjoni li saret għall-qasam tat-tabakk, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li saret interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 1, peress li l-oġġezzjonijiet imqajma mill-UE ma ħolqu l-ebda riskju għall-FAEGG.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjum kienu b'mod eżawrjenti u esklużivament ġew definiti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 2 u, għalhekk, il-Kummissjoni imponiet illegalment fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 2848/1998 3, bħala kundizzjoni ulterjuri għall-għoti tal-primjum, li t-tabakk jingħata lill-ewwel proċessur mhux iktar tard mit-30 ta' April tas-sena li tiġi wara s-sena tal-ħsad (kunsinni tardivi tat-tabakk).

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 2848/1998 tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, fid-dawl tal-fatt li dewmien ta' ftit jiem fil-kunsinna tat-tabakk, li l-produtturi tat-tabakk ma humiex responsabili għalih, iżda hija responsabili l-industriji - xerrejja tat-tabakk, iċaħħad lill-produtturi mid-dħul annwali totali tagħhom, mingħajr ma jkun hemm it-tnaqqis gradwali tal-primjum, u tikser ukoll l-Artikolu 39(1) tat-TFUE, u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex legali li l-produtturi jkunu mċaħħda mill-primjum dovut minħabba dewmien ta' ftit jiem fil-kunsinna tat-tabakk u speċjalment meta l-impriża invokat l-eżistenza ta' ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jippermettux li fiż-żmien stabbilit tipprovdi ittri ta' garanzija u tipparteċipa fil-konsenji tat-tabakk.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tenfasizza li huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-trasferiment ta' kuntratti ta' kultivazzjoni ma kienx awtorizzat bir-Regolament (KEE) Nru 2075/92 u mir-Regolament (KE) Nru 2848/98.

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni a) l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 5 u 6(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2075/92 rigward l-approvazzjoni tat-tliet kumpanniji tal-ewwel trasformazzjoni ma kellhomx it-tagħmir tagħhom stess (kumpanniji mhux ammissibbli) u b) li l-Kummissjoni b'mod partikolari ma kkunsidratx id-data taċ-Ċentru tat-Trattament tat-Tabakk tal-Ġreċja Ċentrali, A.T.P.L.

Rigward il-kundizzjonalità, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta' bażi legali valida għall-impożizzjoni ta' korrezzjoni f'dan il-qasam.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni retroattiva ta' dak li hemm fid-dokument AGRI 64043 tad-9 ta' Ġunju 2006 għas-sena ta' stħarriġ 2005 huwa inaċċettabbli.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-obbligu ta' kooperazzjoni imposti mill-trattat, peress li l-sena 2005 kienet tikkorrispondi għall-ewwel sena ta' applikazzjoni tal-iskema l-ġdida, u li hija tkun direttament u b'mod sħiħ konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE, hekk li, abbażi wkoll tal-prinċipju ġenerali ta' ekwità, ta' korrezzjonijiet ta' madwar 10 % fil-qasam il-ġdid tal-obbligazzjonijiet ma jkunux iġġustifikati.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti dwar is-sitt punti kollha mressqa mill-Unjoni Ewropea.

Fuq l-għeneb imqadded, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-korrezzjonijiet illegali u mhux iġġustifikati huma bbażati fuq żball ta' fatt kif ukoll fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tad-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 3(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1621/19994.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li multiplikazzjoni b'ħamsa, minn 2 % għal 10 % tal-korrezzjoni applikat għall-għeneb imqadded bejn il-perijodu 2002-2003 u l-perijodu 2003-2004 u l-fatt li din il-korrezzjoni iktar minn irdoppjat u minn 10 saret 25 % bejn il-perijodi 2003-2004, 2004-2005 u l-perijodu 2005-2006 jirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida dwar evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. Din tikkostitwixxi wkoll ksur ċar tal-prinċipju ta' proporzjonalità u jeċċedi s-setgħat tal-Unjoni Ewropea.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li a) l-multiplikazzjoni b'ħamsa fil-korrezzjoni applikata għal għaneb imqadded ta' Korintu, minn 5 % għall-perjodu 2004-2005 għal 25 % għall-perijodu 2005-2006 hija interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida dwar il-korrezzjonijiet stabbiliti, ksur manifest tal-prinċipju ta' proporzjonalità u teċċedi s-setgħat tal-Unjoni Ewropea dwar l-impożizzjoni tal-korrezzjoni, u li b) l-attribuzzjoni tal-ammont ta' 5 % għall-perijodu 2004-2005, perijodu li matulu l-ebda għajnuna ingħatat għall-ħbula raba fejn hemm il-vinjii ma laħqux il-qaligħ minimu hija arbitrarja u mhux ġustifikata.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti dwar l-allegati nuqqasijiet tar-reġistru tal-vinji, l-identifikazzjoni u l-kejl tal-ħbula raba tal-vinji.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tenfasizza l-interpretazzjoni żbaljata tal-fatti rigward in-nuqqasijiet allegati ta' rekwiżiti dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal-miżura.

Fir-rigward tal-gżejjer tal-baħar Eġew, ir-rikorrent tallega, fl-ewwel lok, il-ksur tal-prinċipju ta' res judicata, inkwantu, fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta' Ottubru 2005 (Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-175/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-korrezzjoni finanzjarja imposta f'dan il-qasam għall-istess snin, u fin-nuqqas, il-ksur tal-Artikoli 264 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 5 li jipprovdi li l-korrezzjonijiet huma imposti abbażi tar-regola ta' 24 xahar, fin-nuqqas hemm ksur tal-forom sostanziali, fin-nuqqas hemm inkompetenza tal-Kummissjoni ratione temporis li timponi korrezzjoni fl-2010 ibbażati fuq l-ittra tagħha tas-17 ta' Awwissu 2000, fin-nuqqas li l-impożizzjoni ta' korrezzjonijiet fl-2010 minħabba nuqqasijiet fis-sistema ta' kontroll fl-1999, l-2000 u l-2001 tikser il-prinċipji ġenerali ta' ċertezza legali, ta' dewmien raġjonevoli u ta' azzjoni f'waqtha tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-fatt li l-proċedura damet, mingħajr ġustifikazzjoni, ħafna iżżejjed.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-primjums tal-annimali, ir-rikorrenti tenfasizza, fl-ewwel lok, l-invalidità tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kient inkompetenti ratione temporis sabiex timponi korrezzjonijiet finanzjarji u, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u l-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità rigward l-evalwazzjoni tar-riskju li jeżisti għall-fondi li minħabba dawn il-problemi inkwistjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal- 21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92, tat-30 ta' Ġunju 1992, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tat-tabakk mhux ipproċessat

3 - Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2848/98, tat-22 ta' Diċembru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 dwar l-iskema ta' premju, kwoti ta' produzzjoni u l-għajnuna speċifika li għandha tingħata lil gruppi ta' produtturi fis-settur tat-tabakk mhux maħdum

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1621/1999, tat-22 ta' Lulju 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-għajnuna għat-tkabbir ta' l-għeneb biex jipproduċi ċerti varjetajiet ta' għeneb imqadded

5 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola