Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2009 - SP vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-472/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: SP SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentant: G. Belotti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara ineżistenti u/jew nulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (Każ COMP. 37.956 - Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, adozzjoni mill-ġdid - C (2009) 7492) finali, adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2009.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta' Settembru 2002 il-Kummissjoni kienet għalqet proċedura mibdija sa minn Ottubru tas-sena 2000, b'diversi spezzjonijiet għal għarrieda fuq ċerti impriżi Taljani li jipproduċu l-azzar, billi allegat li kienu pparteċipaw f'akkordju illegali, fis-sens tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, mis-6 ta' Diċembru 1989 sa Lulju 2000. Tali deċiżjoni ġiet ikkontestata mill-impriżi destinatarji kollha, inkluża r-rikorrenti preżenti.

Dan ir-rikors kien intlaqa' fuq il-premessa li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 65 KEFA, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx għadu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, peress li t-Trattat KEFA kien skada ħames snin qabel.

Permezz tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni reġgħet tenniet il-kontestazzjonijiet tal-ksur fl-ewwel deċiżjoni, billi emendat il-bażi legali tas-sanzjoni iżda mhux il-bażi legali tal-ksur, li baqgħet xorta l-Artikolu 65 KEFA.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka diversi motivi fosthom:

1. Deċiżjoni mhux kompluta u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, sa fejn id-deċiżjoni kienet notifikata mingħajr l-annessi tagħha u, kienet ukoll adottata mill-Kulleġġ meta ma kinitx għadha kompluta.

2. Nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni li tikkontesta ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA, ladarba kien skada.

3. Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-liġi fir-rigward tal-Artikolu 23 tar-Regolament KE Nru 1/20031 inkwantu din id-dispożizzjoni hija intiża, minn naħa, sabiex tippenalizza esklużivament ksur tat-Trattat KE u mhux tat-Trattat KEFA, u min-naħa l-oħra, sabiex tippenalizza biss impriżi attivi, bid-dħul mill-bejgħ magħmul fis-sena preċedenti. F'dan ir-rigward huwa enfasizzat li r-rikorrenti, kumpannija fi stralċ, kienet uriet li ma kellha ebda dħul mill-bejgħ fis-sena 2008.

4. Abbuż ta' poter u abbuż ta' proċedura, peress li kompliet bl-investigazzjoni tal-każ mibdi fil-qafas tal-liġijiet ta' KEFA, skont il-proċedura KE li ma kinitx tippermetti dan.

5. Parzjalità tal-azzjonijiet amministrattivi u nuqqas ta' motivazzjoni, peress li ma kkunsidratx argumenti inklużi fl-atti tal-proċess li kienu jirribattu l-eżistenza u/jew fi kwalunkwe każ, l-effettività tal-allegat kartell, kif ukoll talli injorat provi inklużi fl-atti tal-proċess li kienu juru n-nuqqas ta' parteċipazzjoni tar-rikorrenti f'xi aspetti tal-kartell.

6. Ksur tad-drittijiet tad-difiża peress, li ma ħallietx li jkun hemm dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel id-deċiżjoni.

7. Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-liġi, peress li applikat żidiet għall-penali ta' bażi li kienu indebiti, b'mod partikolari fir-rigward taż-żidiet għat-tul ta' żmien u dawk għal effett dissważiv.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2 p.205)