KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fis-26 ta’ Jannar 2017 (1)
Kawża C‑29/16
HanseYachts AG
vs
Port d’Hiver Yachting SARL,
Société Maritime Côte d’Azur,
Compagnie Generali IARD SA
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 27 – Lis alibi pendens – Identifikazzjoni tal-qorti adita l-ewwel – Artikolu 30(1) – Att promotur jew att ekwivalenti – Kunċett – Rikors għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja għaż-żamma jew l-istabbiliment tal-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni legali ulterjuri qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża – Kawża dwar il-mertu mressqa sussegwentement quddiem qorti tal-istess Stat Membru”
I – Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) tirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2), u b’mod iktar speċjali, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 27 tiegħu (3).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija Ġermaniża u kumpanniji Franċiżi dwar ir-responsabbiltà tal-ewwel waħda li tista’ tirriżulta minn dannu fuq dgħajsa li hija bniet u biegħet lil waħda minn dawn tal-aħħar. L-imsemmi dannu wassal għal diversi proċeduri li tressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.
3. Qabel kollox, ix-xerrej inizjali tad-dgħajsa kkonċernata ppreżenta rikors quddiem qorti Franċiża biex jitlob li ssir perizja ġudizzjarja għall-finijiet li tiġi stabbilita, qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi għal azzjoni legali ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 145 tal-code de procédure civile français (kodiċi tal-proċedura ċivili ta’ Franza, iktar ’il quddiem is-“CPC”), operazzjoni li tikkostitwixxi miżura istruttorja normalment imsejħa “in futurum” (4).
4. Wara d-depożitu tar-rapport ta’ perizja, li sar tliet snin wara, il-bejjiegħ u kostruttur Ġermaniż ressaq azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) quddiem il-qorti tar-rinviju, bl-għan li jiġi ddikjarat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhom l-ebda dritt x’jinvokaw kontrih b’rabta mad-dgħajsa inkwistjoni. Xi ġimgħat wara li tressqet din il-kawża, tressqet kawża oħra dwar il-mertu (5) mix-xerrej inizjali, quddiem it-tieni qorti Franċiża, sabiex jikseb kumpens għad-dannu allegat tiegħu u r-rimbors tal-ispejjeż tal-perizja.
5. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja li din il-kawża tal-aħħar tressqet wara l-kawża li tressqet quddiemha stess, hija għandhiex xorta tissospendi l-proċedura quddiemha bħala “qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni]”, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, minħabba l-proċedura għall-finijiet li jinkisbu provi li nbdiet fi Franza diversi snin qabel ma tressqet il-kawża li hija pendenti quddiemha. Din tqis, fil-fatt, li tali proċedura għal ġbir ta’ provi tista’ tifforma unità waħda mal-kawża dwar il-mertu li tressqet sussegwentement fl-istess Stat Membru, sa fejn din tkun tinsab fil-kontinwità materjali tagħha.
6. Din għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, f’każ ta’ lis alibi pendens potenzjali, l-att li permezz tiegħu ġiet adita l-qorti ta’ Stat Membru li ordnat miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża jikkostitwixxix “[i]d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-kawża dwar il-mertu li tressqet wara, quddiem qorti oħra ta’ dan l-istess Stat Membru.
7. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, jien tal-fehma li l-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati flimkien u li għandha tingħata risposta negattiva għad-domanda essenzjalment magħmula f’din il-kawża.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
8. Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis f’dan il-każ (6).
9. Skont il-premessa 15 tiegħu, “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis [alibi] pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu”.
10. Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-“Ġurisdizzjoni”, jinkludi Sezzjoni 9, li hija intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati”.
11. L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fl-imsemmija sezzjoni, jipprovdi:
“1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni] għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.
2. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”
12. Fl-istess Sezzjoni 9, l-Artikolu 30(1) huwa fformulat kif ġej:
“Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata:
1) fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti] jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut […]”
13. Fis-Sezzjoni 10 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji]”, l-Artikolu 31 jistabbilixxi li “[t]ista’ ssir applikazzjoni [talba] lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi, skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, [lill-]qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja [fuq il-mertu]”.
B – Id-dritt Franċiż
14. Skont l-Artikolu 145 tas-CPC, li jinsab fil-Ktieb I, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għall-qrati kollha”, fit-Titolu VII, intitolat “L-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-prova”, taħt is-Sottotitolu II, intitolat “Il-miżuri istruttorji”, ta’ dan il-kodiċi, “[j]ekk ikun jeżisti motiv leġittimu li tinżamm jew tiġi stabbilita l-prova tal-fatti li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun tista’ tiddependi minnha qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-miżuri istruttorji legalment ammissibbli jistgħu jiġu ordnati fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata, b’rikors jew permezz ta’ miżuri provviżorji”.
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li HanseYachts AG hija kumpannija li għandha bħala attività tagħha l-kostruzzjoni u l-bejgħ ta’ dgħajjes, li hija stabbilita fi Greifswald (il-Ġermanja), lokalità li tinsab taħt il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tar-rinviju.
16. Permezz ta’ kuntratt tal-14 ta’ April 2010, HanseYachts biegħet lill-Port d’Hiver Yachting SARL, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, dgħajsa bil-mutur mibnija minnha stess, li kienet ġiet ikkunsinnata fit-18 ta’ Mejju 2010 fi Greifswald u wara ttrasportata lejn Franza.
17. Din id-dgħajsa ġiet mibjugħa mill-ġdid minn Port d’Hiver Yachting lil Société Maritime Côte d’Azur (iktar ’il quddiem “SMCA”), li wkoll hija stabbilita fi Franza.
18. Fl-1 ta’ Awwissu 2011, HanseYachts u Port d’Hiver Yachting ikkonkludew kuntratt ta’ distribuzzjoni li kien fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Greifswald, li kienet tindika d-dritt Ġermaniż bħala d-dritt sostantiv applikabbli u li kienet tipprevedi li l-imsemmi kuntratt kien jissostitwixxi l-ftehimiet bil-miktub jew verbali preċedenti kollha bejn dawn il-partijiet.
19. Wara li f’Awwissu 2011 irriżultat ħsara f’wieħed mill-muturi tad-dgħajsa, SMCA ressqet kawża quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza), permezz ta’ ċitazzjoni urġenti trażmessa fit-22 ta’ Settembru 2011 lil Port d’Hiver Yachting, għall-finijiet li titlob perizja ġudizzjarja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża bbażata fuq l-Artikolu 145 tas-CPC. Hija bagħtet ċitazzjoni wkoll lil Volvo Trucks France, bħala manifattur ta’ dawn il-muturi.
20. Fl-2012, il-Compagnie Generali IARD SA (iktar ’il quddiem “Generali IARD”) intervjeniet b’mod volontarju fil-proċedura, bħala assiguratur ta’ Port d’Hiver Yachting. HanseYachts ukoll saret involuta fil-proċedura, bħala l-kostruttur tad-dgħajsa kkonċernata, matul l-2013.
21. L-espert imqabbad mit-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) ippreżenta r-rapport finali tiegħu fit-18 ta’ Settembru 2014.
22. Fil-21 ta’ Novembru 2014, HanseYachts ressqet talba għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) (kawża ta’ jattanza) quddiem il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) bl-għan li jiġi deċiż li Port d’Hiver Yachting, SMCA u Generali IARD ma għandhom l-ebda talba x’jinvokaw fil-konfront tagħha b’rabta mad-dgħajsa inkwistjoni.
23. Fil-15 ta’ Jannar 2015, SMCA ħarrket lil Port d’Hiver Yachting, Volvo Trucks France u HanseYachts quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), għall-finijiet li tikseb il-kundanna tagħhom in solidum għall-kumpens tad-danni li hija allegatament ġarrbet minħabba l-ħsara kontenzjuża u biex tiġi rrimborsata għall-ispejjeż iġġenerati mill-proċedura ta’ perizja ġudizzjarja.
24. Wara li l-konvenuti fil-kawża prinċipali qajmu eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens ibbażata fuq l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex, bħala “qorti adita t-tieni”, tissospendi l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) (7), skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, jew jekk, min-naħa l-oħra, hija tistax tqis ruħha bħala li hija l-“ewwel qorti invokata [qorti adita l-ewwel]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, tiddikjara ammissibbli l-azzjoni fil-kawża prinċipali (8) u mbagħad tipproċedi għall-eżami tal-fondatezza tagħha.
25. Fil-fehma tagħha, għandu jiġi segwit dan l-approċċ tal-aħħar jekk jiġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura quddiem il-qrati Franċiżi tressqet biss permezz taċ-ċitazzjoni fuq il-mertu quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon), trażmessa fl-2015, jiġifieri wara li tressqet il-kawża quddiemha, fl-2014.
26. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun meħtieġ l-ewwel approċċ jekk ikun ġie meqjus li “d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]” li permezz tiegħu l-qrati Franċiżi jitqiesu bħala aditi, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex ikkostitwit mill-imsemmija ċitazzjoni, iżda mit-talba għal perizja ġudizzjarja mressqa mill-2011 quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille).
27. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet tal-lis alibi pendens iddikjarati fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti, sa fejn il-kawża dwar il-mertu li nbdiet quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) u l-kawża pendenti quddiemha jkunu tressqu bejn l-istess partijiet u jkollhom l-istess suġġett kif ukoll l-istess kawża.
28. F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2016, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2016, il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Fejn id-dritt proċedurali ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi li fiha, fuq ordni tal-qorti, jinkiseb rapport ta’ espert (f’dan il-każ l-‘expertise judiciaire’ tad-dritt Franċiż), u fejn din il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi titmexxa f’dan l-Istat Membru u azzjoni legali bbażata fuq ir-riżultati ta’ din il-proċedura awtonoma titressaq sussegwentement fl-istess Stat Membru bejn l-istess partijiet:
F’dan il-każ, l-att li bih inbdiet il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]’ fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001? Jew huwa biss l-att li permezz tiegħu titressaq azzjoni legali li għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti’?”
29. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HanseYachts, Port d’Hiver Yachting, SMCA u Generali IARD kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Franċiż ta risposta bil-miktub għad-domandi li kienu ġew indirizzati lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
30. Qabel ma nipproċedi għall-analiżi sostantiva tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, nixtieq nippreżenta xi osservazzjonijiet li jikkonċernaw il-limiti tal-eżami li din se jkollha twettaq.
31. Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-problema tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali rispettivi tal-qorti tar-rinviju u tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) ma hijiex suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, minkejja l-indikazzjonijiet mogħtija mill-imsemmija qorti dwar dan is-suġġett (9) u minkejja r-riżervi fformulati f’dan ir-rigward minn ċerti partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-eżistenza ta’ klawżola ta’ għażla tal-qorti f’dan il-każ (10).
32. Hija kull waħda minn dawn il-qrati nazzjonali li jkollha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni proprja tagħha, fid-dawl tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u f’konformità mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, li f’dan il-każ joriġinaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, kif interpretati fil-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja (11).
33. Infakkar, b’mod iktar partikolari, li r-regola ta’ riżoluzzjoni tal-lis alibi pendens li tinsab fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi distinzjoni, jew saħansitra ġerarkija, bejn il-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni differenti previsti mill-imsemmi regolament u li din ir-regola proċedurali, li tagħti prijorità lill-ġurisdizzjoni eventwali tal-qorti adita l-ewwel, hija bbażata biss fuq l-ordni kronoloġika li fiha ġew aditi l-qrati inkwistjoni (12).
34. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża pendenti quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (13).
35. F’dan ir-rigward, insemmi biss li fid-dawl tal-elementi tal-kawża prinċipali ppreżentati mill-qorti tar-rinviju – b’mod partikolari meta titqies il-lokalità fejn il-beni inkwistjoni jidher li kien ġie kkunsinnat mill-kostruttur u bejjiegħ (HanseYachts) lill-ewwel xerrej (Port d’Hiver Yachting) – (14), ma hemmx lok li jitqies, prima facie, li deċiżjoni ta’ din il-qorti li taċċetta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess, mill-inqas fir-rigward tal-imsemmija partijiet, tkun manifestament infondata u li d-domanda preliminari magħmula ma tkunx rilevanti peress li tkun inutli biex tinqata’ din il-kawża (15).
36. Fit-tieni lok, fid-dawl tal-perspettivi differenti espressi mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ, u b’mod partikolari li jikkonċernaw is-sistema legali tal-miżuri istruttorji in futurum previsti fl-Artikolu 145 tas-CPC, nenfasizza li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ Stat Membru ma tistax tinqata’ mill-Qorti tal-Ġustizzja (16).
37. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 267 TFUE (17). Madankollu, jekk tintalab tipprovdi risposta utli lill-qrati nazzjonali bl-għan li tippermettilhom jiddeċiedu fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tista’ tagħtihom l-indikazzjonijiet li hija tqis neċessarji, fuq il-bażi tal-elementi kollha pprovduti lilha (18). Meta tippersisti inċertezza fir-rigward tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern imsemmija, hija għandha tipprova tiddeċiedi filwaqt li tqis dan il-fattur (19).
38. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom fil-prinċipju jiġu interpretati b’mod awtonomu, jiġifieri fir-rigward tal-objettivi proprji tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istrument u mhux skont is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (20). Għalhekk, l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament, u b’mod iktar partikolari dawk li jinsabu fl-Artikoli 27 u 30 tiegħu, la għandha tiddependi mill-ideat adottati mil-leġiżlaturi jew fil-ġurisprudenza ta’ dawn l-Istati (21) u lanqas mill-ispeċifiċitajiet tal-kawża prinċipali (22).
B – Fuq il-kontenut tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja
39. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk, meta d-dritt ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura għal ġbir ta’ provi li tippermetti l-kisba ta’ perizja ġudizzjarja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża u li mbagħad titressaq kawża dwar il-mertu f’dan l-Istat fuq il-bażi tar-riżultati tal-imsemmija proċedura u bejn l-istess partijiet, għandux jitqies li l-att li jkun nieda l-proċedura għal ġbir ta’ provi jikkostitwixxi “d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jew jekk din il-klassifikazzjoni tappartjenix biss għall-att li permezz tiegħu tkun tressqet il-kawża dwar il-mertu.
40. Il-qorti tar-rinviju tidher li tiffavorixxi l-ewwel approċċ, li jikkorrispondi għall-argument sostnut mit-tliet konvenuti fil-kawża prinċipali, filwaqt li HanseYachts u l-Kummissjoni jagħżlu t-tieni approċċ (23), li fil-fehma tiegħi jikkostitwixxi l-interpretazzjoni korretta.
41. Bħall-Kummissjoni, inqis neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal riformulazzjoni tad-domanda magħmula lilha, għar-raġunijiet li ġejjin.
42. Infakkar, qabel kollox, li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (24). Hija għandha tislet ukoll mill-elementi kollha mogħtija minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża pendenti quddiemha, minkejja l-fatt li possibbilment ma jsirx riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari (25).
43. F’dan il-każ, minkejja li, fuq il-livell formali, id-domanda preliminari ssemmi direttament biss l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi ta’ interpretazzjoni l-oħra kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kawża pendenti quddiemha.
44. Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiex marbuta tissospendi l-proċedura quddiemha bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tkun taf jekk, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, hija għandhiex titqies bħala li kienet “adita t-tieni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tad-data – li għandha tiġi identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 30 – meta tkun tressqet talba li għandha, skont din il-qorti, l-istess suġġett u l-istess kawża tkun tressqet bejn l-istess partijiet quddiem qorti Franċiża. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, hemm lok li tingħata interpretazzjoni kkombinata tal-Artikoli 27 u 30 ta’ dan ir-regolament.
45. Min-naħa l-oħra, ma jidhirlix li huwa utli, f’din il-kawża, li jiġi ddefinit bħala tali l-kunċett ta’ “miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji]” fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi biss, fl-aħħar tad-deċiżjoni tagħha, il-possibbiltà li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett għall-finijiet li jiġi interpretat, b’analoġija, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament (26).
46. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinftiehem bħala waħda bl-għan li, essenzjalment, jiġi ddeterminat jekk, f’każ ta’ lis alibi pendens potenzjali, id-data li fiha kienet inbdiet proċedura bl-għan li tinkiseb miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tistax tikkostitwixxi d-data li fiha “tkun meqjusa bħala invokata [adita]”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, qorti mitluba tiddeċiedi dwar talba dwar il-mertu li tkun tressqet fl-istess Stat Membru sussegwentement għar-riżultat ta’ din il-miżura, peress li l-proċedura għal ġbir ta’ provi u t-talba dwar il-mertu sussegwenti setgħu jikkostitwixxu l-istess entità proċedurali.
47. Jekk din l-interpretazzjoni tiġi miċħuda, kif nirrakkomanda jiena, minn dan jirriżulta speċifikament li qorti ta’ Stat Membru ieħor li, bħal fil-kawża prinċipali, quddiemha tkun tressqet kawża dwar il-mertu wara l-bidu tal-proċedura għal ġbir ta’ provi iżda qabel l-imsemmija talba dwar il-mertu, imressqa bejn l-istess partijiet u li jkollha kemm l-istess suġġett kif ukoll l-istess kawża, għandha titqies bħala li tkun l-“ewwel qorti invokata [qorti adita l-ewwel]”, fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament.
48. Qabel ma tiġi ddeterminata strettament l-interpretazzjoni mitluba, għandha tiġi kkonfermata l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-qorti tar-rinviju li skonthom tista’ teżisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens, f’konformità ma’ dan l-artikolu tal-aħħar, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tressqet quddiemha.
C – Fuq l-eżistenza potenzjali ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens fir-rigward tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001
49. Biex tiġġustifika d-domanda preliminari tagħha, il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) tibbaża fuq il-premessa li l-kawża pendenti quddiemha tista’ tkun f’kunflitt mal-kawża dwar il-mertu mressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) u li r-regoli relatati mal-lis alibi pendens stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 iwasslu għall-fatt li din il-qorti Ġermaniża jkollha tissospendi l-proċeduri quddiemha bħala “qorti adita t-tieni”, sa fejn l-imsemmija kawża tista’ titqies bħala li nbdiet mill-istadju tal-proċedura għal ġbir ta’ provi mibdija quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille), li flimkien magħha tifforma l-unika u l-istess unità.
50. Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-qorti tar-rinviju ma tqisx li s-sospensjoni tal-proċedura quddiemha japplika għaliha, minħabba l-lis alibi pendens, fil-każ li ż-żewġ proċeduri Franċiżi jkunu, għall-kuntrarju, mibdija separatament waħda mill-oħra. L-obbligu ta’ sospensjoni fil-fehma tiegħi għandu jiġi eskluż b’mod ċar minn din l-ipoteżi, fid-dawl tal-elementi tad-dritt tal-Unjoni li se nispjega iktar ’il quddiem, peress li, minn naħa, il-kawża dwar il-mertu Franċiża – jekk din titqies b’mod iżolat – kienet tressqet f’data li tiġi wara l-kawża dwar il-mertu Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għal ġbir ta’ provi Franċiża ma kellhiex l-istess kawża u l-istess suġġett bħal dik tal-aħħar u wara kollox ma kinitx għadha pendenti mal-ftuħ tagħha.
51. Fil-fatt, infakkar li l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jirregola biss is-sitwazzjonijiet ta’ lis alibi pendens li fihom il-qrati tal-Istati Membri differenti jiġu aditi b’kawżi simultanji li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet inkompatibbli (27), jiġifieri “[m]eta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din il-kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-partijiet, tas-suġġett u tal-kawża (28), billi enfasizzat li d-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti tal-aħħar għandha tingħata b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u l-għanijiet tal-imsemmi regolament (29).
52. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn it-tliet kriterji kumulattivi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan jiġi ssodisfatt meta l-partijiet ikunu l-istess fiż-żewġ kawżi simultanji, irrispettivament mill-fatt li l-pożizzjonijiet proċedurali tagħhom ikunu eventwalment differenti (30).
53. F’dan il-każ, ftit li xejn jimporta li l-parti li hija rikorrenti quddiem il-qrati Franċiżi, SMCA, hija konvenuta quddiem il-qorti tar-rinviju, u l-kuntrarju għal HanseYachts (31). Huwa wkoll irrilevanti li l-partijiet ma jkunux identiċi totalment iżda parzjalment, bħal f’dan il-każ, billi madankollu huwa ppreċiżat li, f’xenarju bħal dan, il-qorti adita t-tieni għandha l-obbligu li tastjeni mill-ġurisdizzjoni biss sa fejn il-partijiet fil-kawża quddiemha jkunu wkoll partijiet fil-proċedura mibdija preċedentement, biex il-proċedura bejn il-partijiet l-oħra tkun tista’ tkompli quddiem din il-qorti (32).
54. Fir-rigward tal-kriterju tal-identiċità tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-kunċett tal-aħħar għandu jinftiehem bħala li jinkludi “l-fatti u r-regola legali invokati bħala bażi tat-talba” (33). Il-kundizzjoni relatata mal-identiċità tas-suġġett, li huwa ddefinit bħala li jikkorrispondi għall-“għan tat-talba” (34) – mifhum b’mod wiesa’ (35) –, xi drabi hija ttrattata flimkien mal-kriterju preċedenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (36).
55. F’dan il-każ, kif tindika l-qorti tar-rinviju, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li dawn l-aħħar żewġ kriterji huma ssodisfatti fir-rigward tal-lis alibi pendens potenzjali bejn talba intiża sabiex jiġi deċiż li konvenut huwa responsabbli għal dannu kif ukoll biex jiġi kkundannat iħallas kumpens għad-danni f’dan ir-rigward, bħal dik imressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) b’mod partikolari kontra HanseYachts, u talba ta’ dan l-istess konvenut intiża biex jiġi kkonstatat li huwa ma huwiex responsabbli għal dan id-dannu, bħal dik li hija pendenti quddiem il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund) fuq inizjattiva ta’ HanseYachts, peress li waħda minn dawn il-proċeduri tirrappreżenta l-oppost tal-oħra (37).
56. Din il-konstatazzjoni madankollu ma tippreġudikax ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li b’mod iktar speċifiku hija dwar jekk hija għandhiex titqies bħala l-“qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ [qorti adita t-tieni]”, fis-sens tal-Artikolu 27 moqri flimkien mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, bl-effett ta’ aggregazzjoni eventwali f’unità waħda tal-proċedura għal ġbir ta’ provi li nbdiet fi Stat Membru ieħor u tal-kawża dwar il-mertu mressqa sussegwentement f’dan l-istess Stat, argument li jien ma nikkondividix (38).
57. Għal finijiet ta’ kompletezza, nippreċiża li naħseb li huwa impossibbli li jitqies li l-kawża u s-suġġett bejn azzjoni dwar il-mertu, bħal dik tat-tilwima fil-kawża prinċipali intiża għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà ċivili, u proċedura intiża għall-kisba ta’ miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, bħal dik li kienet tressqet quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja, huma identiċi, minkejja li l-fatti li wasslu għal dawn iż-żewġ kawżi huma l-istess. Tali identità doppja għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi eskluża peress li kemm ir-regoli ġuridiċi invokati mir-rikorrenti kif ukoll l-għanijiet imfittxija minnhom f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ proċeduri huma fundamentalment differenti, u dan irrispettivament mill-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni.
58. Fil-fatt, hekk kif innotat il-Kummissjoni, il-proċedura għal ġbir ta’ provi inkwistjoni hawnhekk hija intiża biss biex tiġi ordnata miżura istruttorja in futurum, li għandha l-għan li żżomm jew tistabbilixxi, qabel ma tinbeda kawża, il-prova tal-fatti li jistgħu eventwalment jiġġeneraw kawża dwar il-mertu ulterjuri. Għalkemm tali proċedura jista’ jkollha natura kontradittorja (39), ir-riżultat finali tagħha – f’dan il-każ, perizja ġudizzjarja – madankollu ma jinvolvix evalwazzjoni dwar il-mertu tad-drittijiet inkwistjoni – hawnhekk, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili. Għall-kuntrarju, kawża dwar il-mertu bħal dik imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju għandha l-għan li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma titqies responsabbli fir-rigward tad-danni li rriżultaw mill-ħsara li rriżultat fuq id-dgħajsa li biegħet. L-għan tar-rikorrenti huwa għalhekk li tinkiseb deċiżjoni dwar il-mertu tad-dritt, biex tintemm il-kawża. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ deċiżjonijiet inkompatibbli, li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu ta’ lis alibi pendens previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, jidhirli li huwa ineżistenti fil-preżenza ta’ proċeduri li għandhom suġġetti daqstant differenti.
59. Id-differenzi fundamentali kkonstatati hawnhekk, bejn proċedura għal ġbir ta’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża u kawża dwar il-mertu bbażata fuq ir-riżultati ta’ din il-proċedura, fil-fehma tiegħi huma kontra l-possibbiltà li jiġi aċċettat, bħalma tipprevedi l-qorti tar-rinviju, li att li jindika l-ftuħ ta’ din l-ewwel proċedura jikkostitwixxi wkoll l-att promotur ta’ din tal-aħħar.
D – Fuq il-klassifikazzjoni eventwali tal-att li fetaħ proċedura għal ġbir ta’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża bħala li huwa ekwivalenti għall-att li ressaq kawża dwar il-mertu sussegwenti fir-rigward tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet intalbet tinterpreta l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 27 tiegħu. F’dan il-każ, hija nnotat li l-imsemmi regolament ma jippreċiżax f’liema ċirkustanzi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel għandha titqies bħala “stabbilita” fis-sens tal-Artikolu 27 tiegħu, li jillimita ruħu li joħloq regola proċedurali bbażata fuq l-ordni kronoloġika kif il-qrati inkwistjoni kienu ġew aditi, iżda nnotat li l-Artikolu 30 tiegħu jiddefinixxi b’mod uniformi u awtonomu d-data li fiha qorti “tkun meqjusa bħala invokata [adita]” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-lis alibi pendens (40).
61. Nenfasizza li, kif jindika l-ewwel kliem użat fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola sostantiva li stabbilita minnu tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fis-Sezzjoni 9 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mhux biss dawk applikabbli f’każ ta’ lis alibi pendens, li jinsabu fl-Artikolu 27 tiegħu, iżda wkoll dawk applikabbli f’każ ta’ konnessjoni, li jinsabu fl-Artikolu 28 tiegħu, u dawk relatati mal-ipoteżi partikolari fejn talbiet simultanji jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ diversi qrati, li jinsabu fl-Artikolu 29 tiegħu. Ikun xieraq għalhekk li l-interpretazzjoni li se tingħata tal-imsemmi Artikolu 30 tkun adattata għal dawn ix-xenarji differenti kollha.
62. F’din il-kawża, sabiex tiġġustifika l-interpretazzjoni wiesgħa li hija tissuġġerixxi, li tikkonsisti fl-inklużjoni tal-proċedura għal ġbir ta’ provi fil-proċedura dwar il-mertu li ssegwiha fl-istess Stat Membru, il-qorti tar-rinviju tibbaża argument, fl-ewwel lok, fuq it-test tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, li minnu jirriżulta li l-kawża mressqa quddiem qorti tista’ toriġina mhux biss minn “dokument li jiftaħ il-proċedimenti [att promotur]”, iżda wkoll minn “dokument [att] ekwivalenti”, li jista’, fil-fehma tagħha, jikkorrispondi għal dak li permezz tiegħu ġiet adita l-qorti li ordnat il-miżura istruttorja in futurum ikkonċernata.
63. Ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħtix kjarifiki utli dwar din il-formula alternattiva. Ninnota li din kienet diġà tinsab fl-Artikolu 19(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 (41), fejn il-formulazzjoni kienet ġiet ispirata minn strument internazzjonali (42). Fid-dawl tal-indikazzjonijiet relatati mal-kunċett ta’ “dokument [att] ekwivalenti” fis-sens ta’ dan tal-aħħar (43) u ta’ evalwazzjoni li tinsab f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Konvenzjoni ta’ Brussell (44), niddubita ħafna li l-argument sostnut mill-qorti tar-rinviju jista’ jintlaqa’.
64. Fuq kollox, nenfasizza li l-imsemmi Artikolu 30 huwa fformulat f’termini li, sa fejn huma miktuba fis-singular, fil-fehma tiegħi jipprojbixxu li jiġi aċċettat dan l-argument. Fil-fatt, dan l-artikolu jiddefinixxi l-mument li fih “qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]” u b’dan jirreferi, kemm fil-punt 1 tiegħu kif ukoll fil-punt 2 tiegħu, għal “meta [l-att ikun] ippreżentat fil-qorti” ikkonċernata (45), għall-kuntrarju ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istess regolament li jsemmu “qrati” ta’ Stat Membru fl-intier tagħhom (46).
65. Din id-data terminoloġika ma hijiex newtrali, b’mod partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, fejn il-qorti Franċiża li quddiemha tressqet il-proċedura għal ġbir ta’ provi ma hijiex l-istess waħda bħal dik li quddiemha tressqet kawża dwar il-mertu li suppost tkompli mal-imsemmija proċedura. Il-fatt li dawn iż-żewġ qrati jinsabu fl-istess Stat Membru huwa irrilevanti fir-rigward tar-regola tal-iffissar tad-data ta’ meta tressqet kawża quddiem qorti speċifika, kif stabbilita fl-imsemmi Artikolu 30.
66. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu bħala għan li jevita li l-partijiet jisiltu vantaġġ b’mod abbużiv mid-differenzi proċedurali li jeżistu fi ħdan l-Unjoni. Ir-riskju ta’ “imminar” imsemmi minn din il-qorti ċertament ma huwiex eskluż (47), b’mod partikolari fil-preżenza ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza), bħal dik fil-kawża prinċipali (48). Madankollu, inqis li l-“forum shopping” ma huwiex fih innifsu pprojbit mir-Regolament Nru 44/2001 u li, f’din il-kawża, l-approċċ proċedurali segwit minn HanseYachts ma huwiex ta’ natura abbużiva.
67. Mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 (49) u mix-xogħol leġiżlattiv li jippreċedih (50) jirriżulta li l-ewwel għan tal-adozzjoni tal-Artikolu 30 tiegħu kien li jitnaqqsu l-problemi u l-inċertezzi ġuridiċi kkawżati mill-varjetà kbira ta’ miżuri li kienu jeżistu fl-Istati Membri biex tiġi ddeterminata d-data ta’ meta tressqet il-kawża quddiem qorti, permezz ta’ regola sostantiva li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din id-data b’mod sempliċi u uniformi (51).
68. Iż-żewġ sensiliet ta’ kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 30 jistabbilixxu mekkaniżmu uniformi li, kif tindika HanseYachts, ixekkel il-progress għall-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fih b’riferiment għall-kontenut ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali (52). Għalhekk nirrakkomanda li jiġi adottat approċċ mhux estensiv tat-tifsira li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 30, bl-għan li jkun hemm konformità mal-objettivi ta’ uniformità u ta’ ċertezza legali li huma fil-mira tagħhom (53).
69. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tippreżenta, insostenn tal-argument tagħha, argumenti ta’ ordni prattika, li ma jikkonvinċunix. Hija ssostni li l-miżura ta’ perizja li kienet ġiet ordnata, f’dan il-każ, minn qorti Franċiża tkun tirrispondi aħjar id-domandi ta’ dritt materjali li jistgħu jsiru fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-mertu li tiżvolġi fi Franza u li jkun xieraq li jiġu evitati spejjeż li jistgħu jiġu kkawżati minn seduta eventwali tal-perizja fil-Ġermanja. Fil-fehma tiegħi, ir-restrizzjonijiet invokati ma humiex tali li ma jistgħux jingħelbu u tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq dawk misluta kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-iskop tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li għadni kif spjegajt.
70. Għaldaqstant, jekk jitqies, bħalma nirrakkomanda jiena (54), li proċedura għal ġbir ta’ provi qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża ma għandhiex l-istess kawża u l-istess suġġett bħal kawża dwar il-mertu, fis-sens tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, inqis li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li att li fetaħ din il-proċedura jista’ xorta waħda jitqies bħala li jkun “[i]d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]”, fis-sens tal-Artikolu 30, ta’ kawża dwar il-mertu li tkun suċċessiva għall-eżiti tagħha.
71. In-nuqqas ta’ unità proċedurali jiġi vverifikat b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-data fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, bħalma jinnotaw kemm il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 145 tas-CPC tikkomprometti l-argument tal-eżistenza ta’ kontinwità materjali bejn il-proċedura għal ġbir ta’ provi prevista fl-imsemmi artikolu u l-proċedura dwar il-mertu sussegwenti, peress li din id-dispożizzjoni tindika b’mod espliċitu li t-talba għal miżura istruttorja intiża għandha titressaq preċiżament “qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża”, u mhux f’korrelazzjoni ma’ azzjoni ġudizzjarja (55).
72. L-analiżi tiegħi hija sostnuta mill-fatt li s-segwiti għall-miżura istruttorja in futurum, f’dan il-każ it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport tal-perizja ġudizzjarja, ma humiex ġestiti mill-qorti li ordnat din il-miżura. Fil-fatt, hekk kif jindika l-Gvern Franċiż, din il-qorti fil-prinċipju ma tibqax adita bil-kawża malli toħroġ deċiżjoni li tilqa’ t-talba għal tali miżuri jew li tiċħadha. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni hija nieqsa minn kwalunkwe awtorità ta’ res judicata fil-kawża prinċipali (56).
73. Barra minn hekk, kawża dwar il-mertu ma hijiex neċessarjament mibdija wara l-proċedura għal ġbir ta’ provi, peress li fi tmiem il-miżura istruttorja, il-parti kkonċernata, li ma għandhiex l-obbligu tressaq kawża, tista’ tippreferi li tagħżel ftehim bonarju jew li tirrinunzja kwalunkwe rikors kontra l-parti opposta. U anki meta titressaq kawża dwar il-mertu, din tista’ titressaq quddiem qorti oħra, bħalma huwa l-każ hawnhekk, billi jitfakkar li l-perizja ġiet ordnata mit-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille) filwaqt li l-kawża dwar il-mertu tressqet quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon) (57).
74. Bħal HanseYachts u l-Kummissjoni, inqis li r-regola ta’ sospensjoni relatata mal-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2239 tal-code civil français (kodiċi ċivili ta’ Franza) (58), li jibbażaw fuqu l-qorti tar-rinviju u Port d’Hiver Yachting biex isostnu li hemm rabta diretta bejn miżura istruttorja in futurum u l-kawża dwar il-mertu mressqa wara, ma tistax tqajjem dubju b’mod validu dwar il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix l-eżistenza tal-unità proċedurali allegata (59).
75. Il-kontinwità invokata mill-qorti tar-rinviju għalhekk ma teżistix, fil-fehma tiegħi, f’tali xenarju. Jidhirli li din il-qorti taċċetta wkoll li l-proċedura għal ġbir ta’ provi inkwistjoni hija ġuridikament separata mill-kawża dwar il-mertu, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 145 tas-CPC (60), peress li, b’mod partikolari skont id-domanda preliminari tagħha, din tikklassifika hija stess l-ewwel waħda bħala li hija “awtonoma” meta mqabbla mat-tieni waħda.
76. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jien tal-fehma li l-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod ikkombinat fis-sens li, meta kawża dwar il-mertu titressaq fi Stat Membru b’segwitu għar-riżultat ta’ miżura istruttorja in futurum, ma jistax jitqies li din il-kawża nbdiet mill-ftuħ tal-proċedura intiża biex tinkiseb l-imsemmija miżura f’dan l-istess Stat. Għaldaqstant, qorti ta’ Stat Membru ieħor li tkun ġiet adita wara din il-proċedura għal ġbir ta’ provi iżda qabel it-tressiq tal-imsemmija kawża dwar il-mertu, b’azzjoni li għandha kemm l-istess partijiet kif ukoll l-istess suġġett u l-istess kawża bħal din tal-aħħar, ma hijiex marbuta tissospendi l-proċeduri quddiemha minħabba lis alibi pendens bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li hija ma hijiex il-qorti adita t-tieni.
77. Kif indikajt diġà (61), jidhirli li ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 f’din il-kawża. Madankollu, għall-finijiet ta’ eżawrjenza, insemmi li, skont il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà li titqies is-sentenza St. Paul Dairy (62), li tirrigwarda l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li essenzjalment tikkorrispondi għall-imsemmi Artikolu 31. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ “miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 24, ma kinitx tkopri l-miżuri istruttorji li kellhom bħala l-uniku għan li jippermettu lir-rikorrent jevalwa, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe kawża, il-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ azzjoni legali eventwali (63), b’mod partikolari minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata multiplikazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess relazzjoni ġuridika.
78. Il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 145 tas-CPC jistgħu jikkorrispondu għal dawk ikkonċernati mill-imsemmija sentenza u li l-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar tista’ timplika, għall-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li huwa s-suġġett tad-domanda preliminari tagħha, li meta miżura probatorja ta’ dan it-tip tkun ġiet ordnata fi Stat Membru, ma jkunx permess li titressaq kawża dwar il-mertu fi Stat Membru ieħor.
79. Jidhirli li l-kwistjoni dwar jekk miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tistax titqies bħala miżura provviżorja jew kawtelatorja, fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, teħtieġ biss li jiġi analizzat fil-qosor f’tali kuntest, billi huwa nnotat li din il-problema hawnhekk tqajmet b’mod sussidjarju biss mill-qorti tar-rinviju u li hija wasslet għal perspettivi differenti, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 145 tas-CPC, mhux biss fl-osservazzjonijiet u r-risposti bil-miktub li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ (64), iżda wkoll fid-duttrina (65).
80. F’dan ir-rigward, ninnota sempliċiment li mil-lat strutturali, l-Artikolu 31 jikkostitwixxi s-Sezzjoni 10 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-miżuri provviżorji u kawtelatorji, filwaqt li l-Artikoli 27 u 30 ta’ dan ir-regolament – li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa biss f’din il-kawża – jinsabu fis-Sezzjoni 9, dwar il-lis alibi pendens u l-konnessjoni. Mil-lat sostanzjali, għall-kuntrarju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li jirregolaw ir-rabta bejn il-proċeduri pendenti b’mod parallel fi Stati Membri differenti, l-Artikolu 31 jipproċedi għal loġika kompletament differenti, peress li jistabbilixxi regola ta’ ġurisdizzjoni derogatorja – għalhekk mifhuma b’mod strett mill-Qorti tal-Ġustizzja (66) –, li skontha qorti ta’ Stat Membru tista’ tordna miżura provviżorja jew kawtelatorja minkejja li qorti ta’ Stat Membru ieħor iżżomm il-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-mertu bl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament.
81. Għaldaqstant inqis li meta jitqies is-suġġett tad-domanda preliminari kif ġiet irriformulata, ma hemmx lok li wieħed jipproċedi għal raġunament b’analoġija fir-rigward tas-sentenza St. Paul Dairy (67) u li, fi kwalunkwe sitwazzjoni, il-kontenut ta’ din tal-aħħar ma jistax iqajjem dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 30 tar-Regolament Nru 44/2001 li nirrakkomanda li tiġi adottata f’din il-kawża (68).
V – Konklużjoni
82. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:
L-Artikolu 27 u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi li jkollha l-għan li tiġi ordnata miżura istruttorja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża tiżvolġi fi Stat Membru u meta titressaq kawża dwar il-mertu quddiem qorti tal-istess Stat Membru b’segwitu għall-eżitu tal-imsemmija miżura istruttorja, id-data li fiha din il-qorti tkun “meqjusa bħala invokata [adita]”, fis-sens tal-Artikolu 30, ma tmurx lura għall-ftuħ tal-proċedura għal ġbir ta’ provi, u minn dan jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru ieħor li fil-frattemp tkun ġiet adita b’kawża dwar il-mertu li jkollha kemm l-istess partijiet kif ukoll l-istess suġġett u l-istess kawża bħal dik imsemmija iktar ’il fuq għandha titqies bħala li tkun “l-ewwel qorti invokata [il-qorti adita l-ewwel]” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 27.