Language of document : ECLI:EU:C:2017:343

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 27 – Lis alibi pendens – Qorti adita l-ewwel – Artikolu 30(1) – Kunċett ta’ ‘att promotur’ jew ta’ ‘att ekwivalenti’ – Rikors għall-finijiet ta’ perizja ġudizzjarja għaż-żamma jew l-istabbiliment tal-prova tal-fatti li jistgħu jkunu l-bażi ta’ azzjoni legali ulterjuri qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża”

Fil-Kawża C-29/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

HanseYachts AG

vs

Port d’Hiver Yachting SARL,

Société Maritime Côte d’Azur,

Compagnie Generali IARD SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HanseYachts AG, minn O. Hecht, Rechtsanwalt,

–        għal Port D’Hiver Yachting SARL, minn J. Bauerreis, Rechtsanwalt,

–        għal Société Maritime Côte D’Azur, minn A. Fischer, Rechtsanwältin,

–        għal Compagnie Generali IARD SA, minn C. Tendil, President, assistit minn J. Laborde, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn HanseYachts AG, minn naħa, u Port D’Hiver Yachting SARL, Société Maritime Côte d’Azur (iktar ’il quddiem “SMCA”) u Compagnie Generali IARD SA (iktar ’il quddiem “Generali IARD”), min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ talba għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ HanseYachts fir-rigward tal-kumpens għad-dannu lmentat minn SMCA.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 hija fformulata kif ġej:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

4        Il-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, imsejjaħ “Ġurisdizzjoni”, jinkludi fih Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. Din tal-aħħar tinkludi fiha, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 tar-regolament imsemmi, li jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        […]

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

5        It-Taqsima 7 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. […]”

6        It-Taqsima 9 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati”, tinkludi fiha l-Artikoli 27 sa 30 ta’ dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

7        L-Artikolu 30 tal-imsemmi Regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata [adita]:

1.      fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut, jew

[…]”

 Id-dritt Franċiż

8        Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jinkludi, fil-Ktieb I tiegħu, it-Titolu VII, intitolat “L-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-prova”. Is-Sottotitolu II ta’ dan tal-aħħar, imsejjaħ “Il-miżuri istruttorji”, jinkludi l-Artikolu 145 li jipprovdi:

“Jekk ikun jeżisti motiv leġittimu li tinżamm jew tiġi stabbilita l-prova tal-fatti li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun tista’ tiddependi minnha qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-miżuri istruttorji legalment ammissibbli jistgħu jiġu ordnati fuq talba ta’ kwalunkwe parti kkonċernata, b’rikors jew permezz ta’ miżuri provviżorji.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li HanseYachts, kumpannija stabbilita fi Greifswald (il-Ġermanja), għandha bħala attività tagħha l-kostruzzjoni u l-bejgħ ta’ dgħajjes bil-mutur u bil-qlugħ. Port D’Hiver Yachting hija kumpannija li tikkummerċjalizza d-dgħajjes u li hija rreġistrata fi Franza.

10      B’kuntratt tal-14 ta’ April 2010, HanseYachts biegħet lil Port D’Hiver Yachting dgħajsa bil-mutur tal-mudell Fjord 40 Cruiser. Din id-dgħajsa ġiet ikkunsinnata lil Port D’Hiver fit-18 ta’ Mejju 2010 fi Greifswald, lokalità li tinsab fil-limiti territorjali tal-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja). Sussegwentement, din ġiet ittrasportata lejn Franza u mibjugħa mill-ġdid, fit-30 ta’ April 2010, lil SMCA, kumpannija stabbilita f’dan l-Istat.

11      Fl-1 ta’ Awwissu 2011, HanseYachts u Port d’Hiver Yachting ikkonkludew kuntratt ta’ distribuzzjoni li kien fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Greifswald, li kienet tindika d-dritt Ġermaniż bħala d-dritt sostantiv applikabbli. Skont l-Artikolu 22 ta’ dan il-kuntratt, dan kien jissostitwixxi l-ftehimiet bil-miktub jew verbali preċedenti kollha bejn il-partijiet.

12      Wara li irriżultat ħsara fil-mutur tad-dgħajsa, f’Awwissu 2011, SMCA ressqet kawża quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza), permezz ta’ ċitazzjoni urġenti nnotifikata fit-22 ta’ Settembru 2011 lil Port d’Hiver Yachting, għall-finijiet li titlob perizja ġudizzjarja qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, abbażi tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Intbagħtet ċitazzjoni urġenti wkoll lil Volvo Trucks France SAS, fil-kwalità tagħha bħala manifattur tal-mutur. Fl-2012, Generali IARD intervjeniet fil-proċedura, bħala assiguratur ta’ Port d’Hiver Yachting. Matul l-2013, HanseYachts ukoll ġiet involuta fil-proċedura, bħala l-kostruttur tad-dgħajsa kkonċernata.

13      L-espert imqabbad mit-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza) ippreżenta r-rapport tiegħu fit-18 ta’ Settembru 2014.

14      Fil-15 ta’ Jannar 2015, SMCA ħarrket lil Port d’Hiver Yachting, Volvo Trucks France u HanseYachts quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), għall-kumpens tad-danni li hija allegatament ġarrbet kif ukoll biex tiġi rrimborsata għall-ispejjeż iġġenerati mill-proċedura ta’ perizja ġudizzjarja. L-azzjoni diretta kontra HanseYachts kienet ibbażata fuq il-garanzija tal-manifattur fir-rigward ta’ difetti moħbija.

15      Fil-21 ta’ Novembru 2014, qabel it-tressiq tal-kawża quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza) iżda wara ċ-ċitazzjoni urġenti quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza), HanseYachts ressqet talba għal konstatazzjoni negattiva (kawża ta’ jattanza) quddiem il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) bl-għan li jiġi deċiż li Port d’Hiver Yachting, SMCA u Generali IARD ma għandhom l-ebda talba x’jinvokaw fil-konfront tagħha b’rabta mad-dgħajsa inkwistjoni.

16      Peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali invokaw eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens, abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament, din hijiex marbuta li tissospendi l-proċeduri quddiemha, bħala qorti adita t-tieni, sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), li hija l-ewwel qorti adita, jew jekk din tistax tipproċedi bl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-kawża prinċipali, bħala qorti adita l-ewwel. F’dan ir-rigward, din tqis li d-deċiżjoni tagħha tiddependi mill-kwistjoni jekk l-att li ta bidu għall-proċedura għall-ġbir tal-provi quddiem it-tribunal du commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza), jikkostitwixxix “att promotur jew att ekwivalenti”, fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jew jekk din il-kwalifika tappartjenix biss lill-att li permezz tiegħu tressqet il-kawża quddiem it-tribunal de Toulon (qorti ta’ Toulon).

17      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 huma ssodisfatti, sa fejn il-kawża li nbdiet quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza) u l-kawża prinċipali tressqu bejn l-istess partijiet u għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża. Din tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C-133/11, EU:C:2012:664, punti 42 u s-segwenti), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance (C-452/12, EU:C:2013:858, punti 41 u s-segwenti), jirriżulta li l-fatt li l-kawża prinċipali tikkonsisti f’azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ma jipprekludix il-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens.

18      Skont il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja), it-talba għal perizja ġudizzjarja qabel kull kawża, prevista mil-liġi Franċiża, u l-azzjoni fil-mertu li segwietha għandhom unità materjali, peress li t-tressiq tal-kawża fil-mertu jinsab fil-kontinwazzjoni tas-soluzzjoni ta’ tilwima li teżisti bejn il-partijiet. Minħabba dan, din tqis li l-qrati Franċiżi kienu aditi l-ewwel b’kawża bejn l-istess partijiet u li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża bħal dik pendenti quddiemha.

19      Il-kliem tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, li abbażi tiegħu qorti titqies li tkun adita wara l-preżentata mhux biss ta’ “att promotur”, iżda wkoll ta’ “att ekwivalenti”, jiġġustifika, skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan l-Artikolu, fis-sens li talba għal proċedura għall-ġbir ta’ provi awtonoma, bħal dik imressqa abbażi tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tista’ titqies li hija att ekwivalenti għal att promotur.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Stralsund (qorti reġjonali ta’ Stralsund, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fejn id-dritt proċedurali ta’ Stat Membru jipprevedi proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi li fiha, fuq ordni tal-qorti, jinkiseb rapport ta’ espert (f’dan il-każ l-‘expertise judiciaire’ tad-dritt Franċiż), u fejn din il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi titmexxa f’dan l-Istat Membru u azzjoni legali bbażata fuq ir-riżultati ta’ din il-proċedura awtonoma titressaq sussegwentement fl-istess Stat Membru bejn l-istess partijiet:

F’dan il-każ, l-att li bih inbdiet il-proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti [l-att promotur jew att ekwivalenti]’ fis-sens tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001? Jew huwa biss l-att li permezz tiegħu titressaq azzjoni legali li għandu jitqies li huwa ‘dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti’?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ lis alibi pendens, id-data li fiha tressqet proċedura intiża biex tinkiseb miżura istruttorja qabel kull kawża tista’ tikkostitwixxi d-data li fiha “hija meqjusa bħala invokat [adita]”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30(1), qorti msejħa biex tiddeċiedi dwar talba fil-mertu li tressqet fl-istess Stat Membru wara r-riżultat ta’ din il-miżura.

22      Preliminarjament, għandu qabel kollox jiġi osservat li r-Regolament Nru 44/2001 tħassar mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Madankollu, dan l-aħħar regolament japplika biss, skont l-Artikolu 81 tiegħu, mill-10 ta’ Jannar 2015. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tikkonċerna azzjoni mressqa minn HanseYachts fil-21 ta’ Novembru 2014, għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001.

23      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju u tat-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), minkejja l-preċiżazzjonijiet mogħtija dwar dan mill-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, għalkemm jidher li HanseYachts tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-qorti Ġermaniża fuq l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u tqis li ebda ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Ġermaniżi ma tipprekludi l-azzjoni mressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza), fejn min-naħa tagħha, il-qorti Franċiża tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C-1/13, EU:C:2014:109, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, huwa mingħajr ma tippreġudika l-problematika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni li tirrispondi d-domanda magħmula.

25      It-Taqsima 9 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati”, tinkludi fiha l-Artikoli 27 sa 30 ta’ dan ir-Regolament. Din it-taqsima hija intiża, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, biex tnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri fl-istess ħin u fuq l-istess suġġett quddiem il-qrati tal-Istati Membri differenti u biex jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet li ma jistgħux jikkoeżistu.

26      Mit-termini tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens tibda teżisti minn meta talbiet li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens bejn il-kawża pendenti quddiemha u dik li tinsab quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza). Din tippreċiża li l-obbligu tagħha li tissospendi l-proċeduri quddiemha, bħala qorti adita fit-tieni lok, ikun jeżisti biss jekk il-kawża fil-mertu mressqa quddiem it-tribunal de commerce de Toulon (qorti tal-kummerċ ta’ Toulon, Franza) kellha titqies li bdiet sa mill-istadju tal-proċedura għall-ġbir tal-provi mressqa quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti tal-kummerċ ta’ Marseille, Franza).

28      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu sabiex jissolvew il-każijiet ta’ lis alibi pendens, stabbilit mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, huwa ta’ natura oġġettiva u awtomatika u huwa bbażat fuq l-ordni kronoloġika li fiha ġew aditi l-qrati inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C-523/14, EU:C:2015:722, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi b’mod uniformi u awtonomu d-data li fiha qorti titqies li ġiet adita għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 9 tal-Kapitolu II tal-imsemmi Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar, dwar il-lis alibi pendens (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C-523/14, EU:C:2015:722, punt 57). Abbażi tal-punt 1 tal-imsemmi Artikolu 30, li l-interpretazzjoni tiegħu ntalbet mill-qorti tar-rinviju, il-qorti tiġi adita fid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jkun ippreżentat quddiemha, bil-kundizzjoni li l-attur ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut.

30      Mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan l-Artikolu għandu l-għan, b’mod partikolari, li jilqa’ l-problemi li jirriżultaw mid-diverġenzi nazzjonali fir-rigward tad-data li fiha kawża titqies bħala pendenti, peress li tali data għandha tiġi stabbilita b’mod awtonomu. Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, mix-xogħlijiet leġiżlattivi li ppreċedew l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali [COM (1999) 348 finali], jirriżulta li l-Artikolu 30 tiegħu kien intiż biex jitnaqqsu l-inċertezzi ġuridiċi kkawżati mill-varjetà kbira ta’ liġijiet li kienu jeżistu fl-Istati Membri biex tiġi ddeterminata d-data ta’ meta tressqet kawża quddiem qorti, permezz ta’ regola sostantiva li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ din id-data b’mod sempliċi u uniformi.

31      F’dan il-każ, mill-Artikolu 145 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jirriżulta li, fil-liġi Franċiża, meta jkun jeżisti motiv leġittimu li tinżamm jew tiġi stabbilita l-prova tal-fatti li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun tista’ tiddependi minnha qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża, il-miżuri istruttorji legalment ammissibbli jistgħu jiġu ordnati fuq talba ta’ kull parti interessata, b’rikors jew permezz ta’ miżuri provviżorji. Fost dawn hemm, b’mod partikolari, il-perizja ġudizzjarja.

32      Dan l-Artikolu jindika espressament li t-talba għal miżuri istruttorji kkonċernata titressaq “qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża”. Fir-risposti tiegħu għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż irrileva, qabel kollox, li l-kliem tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jittraduċi l-awtonomija tal-miżuri istruttorji ordnati abbażi tiegħu fil-konfront tal-proċedura fil-mertu fir-rigward tal-istess partijiet, peress li dawn għandhom jintalbu “qabel ma tkun inbdiet l-ebda kawża”. Sussegwentement, skont dan il-gvern, talba abbażi tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili hija s-suġġett ta’ istanza distinta ta’ eventwali istanza fil-mertu. Finalment, il-gvern imsemmi enfasizza li l-qorti adita abbażi tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili teżawrixxi l-ġurisdizzjoni tagħha meta tordna l-miżura istruttorja mitluba.

33      Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 145 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, hekk kif esposta mill-Gvern Franċiż, jirriżulta li għalkemm, ċertament, tista’ teżisti rabta bejn il-qorti adita abbażi ta’ dan l-Artikolu u l-qorti kompetenti fuq il-mertu li fil-konfront tagħha ġiet ordnata l-miżura istruttorja, xorta jibqa’ l-fatt li tali proċedura ta’ provi għandha natura awtonoma meta mqabbla mal-proċedura fil-mertu li tista’, jekk ikun il-każ, tiġi ppreżentata sussegwentement.

34      Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk għandhiex tiġi aċċettata tali interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, skont ġurisprudenza stabbilita, ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-liġi interna ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C-379/11, EU:C:2012:798, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fid-dawl ta’ din in-natura awtonoma u taż-żmien qasir ħafna li jeżisti bejn il-proċedura ta’ prova, minn naħa, u l-eventwali proċedura fil-mertu, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “att ekwivalenti” għal att promotur, previst fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-att li jagħti bidu għal proċedura ta’ prova ma jistax jitqies, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens u ta’ determinazzjoni tal-qorti adita l-ewwel fis-sens tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-Regolament, bħala li huwa wkoll l-att promotur tal-proċedura fil-mertu. Barra minn hekk, tali proċedura ma tantx hija kompatibbli mal-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 30(1), li, hekk kif ġie espost fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, huwa intiż biex jippermetti identifikazzjoni sempliċi u uniformi tad-data tat-tressiq ta’ kawża quddiem qorti.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ lis alibi pendens, id-data li fiha tressqet proċedura intiża biex tinkiseb miżura istruttorja qabel kull kawża ma tistax tikkostitwixxi d-data li fiha “hija meqjusa bħala invokat [adita]”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30(1), qorti msejħa biex tiddeċiedi dwar talba fil-mertu li tressqet fl-istess Stat Membru wara r-riżultat ta’ din il-miżura.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ lis alibi pendens, id-data li fiha tressqet proċedura intiża biex tinkiseb miżura istruttorja qabel kull kawża ma tistax tikkostitwixxi d-data li fiha “hija meqjusa bħala invokat [adita]”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30(1), qorti msejħa biex tiddeċiedi dwar talba fil-mertu li tressqet fl-istess Stat Membru wara r-riżultat ta’ din il-miżura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.