Language of document : ECLI:EU:T:2011:34

Kawża T-194/09

Lan Airlines, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM — Trade marks Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti LAN — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Nuqqas ta’ xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

Ma teżistix, għall-konsumatur medju Ewropew, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn, minn naħa, is-sinjal verbali LINEAS AEREAS DEL MEDITERRANEO LAM, li għalih qed issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għas-servizzi “Trasport; ippakkjar u ħażna ta’ oġġetti; organizzazzjoni ta’ vjaġġi” li jaqgħu taħt il-klassi 39 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, it-trade marks verbali u figurattivi LAN, irreġistrati preċedentement bħala trade marks Komunitarji għal servizzi li jinkludu dawk imsemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

Is-sinjali inkwistjoni, evalwati b’mod sħiħ, huma differenti, fid-dawl, l-ewwel nett, tad-differenzi viżwali u fonetiċi tagħhom u, it-tieni nett, kemm minħabba d-differenza kunċettwali tagħhom għall-parti mill-pubbliku rilevanti li titkellem bl-Ispanjol, kemm minħabba n-nuqqas ta’ tifsira tagħhom għall-parti mill-pubbliku rilevanti li ma titkellimx bl-Ispanjol.

In-nuqqas ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni ma jistax jiġi kkumpensat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-fatt li s-servizzi ddeżinjati huma identiċi.

(ara l-punti 23, 24, 44, 47)