Language of document : ECLI:EU:T:2010:214

Kawża T-258/06

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti pubbliċi — Għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-Direttivi ‘Kuntratti Pubbliċi’ — Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni — Att li jista’ jiġi kkontestat — Att intiż li jipproduċi effetti legali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi

(Artikolu 230 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 179/02)

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva r-regoli u l-prinċipji tat-Trattat

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, premessa 9, u 2004/18, premessa 2; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 179/02)

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva r-regoli u l-prinċipji tat-Trattat

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 179/02)

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva r-regoli u l-prinċipji tat-Trattat

(Artikoli 12 KE, 43 KE, 47 KE u 49 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 179/02)

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva r-regoli u l-prinċipji tat-Trattat

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 179/02)

1.      Ir-rikors għal annullament huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali. Sabiex jiġi evalwat jekk komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li ġiet ippubblikata fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali u li għandha l-għan li tgħarraf l-approċċ ġenerali tal‑Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tan-normi fundamentali kollha dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jirriżultaw direttament mir-regoli u mill-prinċipji tat-Trattat għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li ma humiex suġġetti jew li huma parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, hijiex intiża li tipproduċi effetti legali ġodda meta mqabbla ma’ dawk li tinvolvi l-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tat-Trattat, għandu jiġi eżaminat il-kontenut tagħha. Issa, il-komunikazzjoni interprettativa tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti li ma humiex suġġetti jew li huma parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi tagħti sempliċement espressjoni lid-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu tal-merkanzija, il‑libertà ta’ stabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali kif ukoll ta’ proporzjonalità u r-regoli ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent reċiproku applikabbli għall-kuntratti li ma humiex koperti jew li huma biss parzjalment koperti mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, u ma tistabbilixxix obbligi speċifiċi jew ġodda meta mqabbla mal-imsemmija dispożizzjonijiet, prinċipji u regoli kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-komunikazzjoni msemmija tipproduċi effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika tal-Istati Membri.

(ara l-punti 25-28, 162)

2.      Il-proċeduri partikolari u rigorużi previsti mid-direttivi Komunitarji li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw biss għall-kuntratti li l-valur tagħhom jaqbeż il-livell previst b’mod espliċitu f’kull waħda mill-imsemmija direttivi. Għalhekk, ir-regoli ta’ dawn id-direttivi ma japplikawx għall-kuntratti li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-livell stabbilit minnhom. Dan ma jfissirx madankollu li dawn il-kuntratti tal-aħħar huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ dawn il-kuntratti, l-awtoritajiet kontraenti huma madankollu marbuta josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza b’mod partikolari.

Issa, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplikaw, b’mod partikolari, obbligu ta’ trasparenza li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tiżgura l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 9 tad-Direttiva 2004/17, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it‑trasport u postali, kif ukoll mill-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi. Għaldaqstant l‑Istati Membri kif ukoll l-entitajiet kontraenti tagħhom għandhom josservaw dan l-obbligu ta’ trasparenza għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi kollha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, favur l-offerenti potenzjali kollha, livell ta’ reklamar li jkun xieraq sabiex jippermetti l-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni, kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti. Dan l-obbligu jinkludi forma ta’ reklamar qabel l-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, fi kliem ieħor, reklamar minn qabel li jseħħ qabel l-għoti. Fil-fatt, reklamar ex post ma jistax jiżgura tali reklamar xieraq.

(ara l-punti 73, 74, 76, 77, 79, 80)

3.      Ladarba r-regoli fundamentali tat-Trattat huma applikabbli għall-kuntratti pubbliċi kollha, minkejja li ma humiex koperti mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, ma jistax jiġi preżunt, mis-sempliċi fatt li kuntratt pubbliku huwa ta’ valur inqas mil-livelli ta’ applikazzjoni tad-direttivi msemmija, li l-effetti tal-imsemmi kuntratt pubbliku fuq is-suq intern huma kważi insinjifikattivi. Fil-fatt, tali kuntratti ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Issa, jekk kull impatt tal-imsemmija kuntratti fuq is-suq intern jista’ a priori jiġi eskluż, id-dritt Komunitarju ma jiġix applikat.

Huwa minnu li jista’ jkun li, minħabba ċirkustanzi partikolari bħal, b’mod partikolari, interess ekonomiku baxx ħafna, jista’ jiġi raġonevolment sostnut li impriża li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-entità kontraenti ta’ kuntratt pubbliku speċifiku ma tkunx interessata fl-imsemmi kuntratt u li, għaldaqstant, l‑effetti fuq il-libertajiet fundamentali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala wisq inċerti u wisq indiretti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti ksur eventwali tagħhom. Madankollu, il-konklużjoni li l-libertajiet fundamentali ma ġewx miksura tista’ biss tirriżulta minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u ma tistax tiġi bbażata fuq is-sempliċi fatt li l-valur tal-kuntratt inwistjoni ma jaqbiżx ċertu livell.

F’dan ir-rigward, hija l-awtorità kontraenti li għandha bħala prinċipju tevalwa, qabel id-definizzjoni tat-termini tal-avviż ta’ sejħa għal offerti, l-interess transkonfinali eventwali ta’ kuntratt li l-valur stmat tiegħu huwa inqas mil-limitu previst permezz tar-regoli Komunitarji, bil-kundizzjoni li din l-evalwazzjoni tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan ma jeskludix il-possibbiltà li leġiżlazzjoni tistabbilixxi, fuq il-livell nazzjonali jew lokali, kriterji oġġettivi li jindikaw l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, hekk kif ma huwiex eskluż il‑fatt li l-kapaċità amministrattiva tal-entità kontraenti tittieħed inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 85, 87, 88, 93-95)

4.      Il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha tosserva, fl-istadji kollha, inkluż f’dak tas-selezzjoni tal-kandidati fil-kuntest ta’ proċedura ristretta, kemm il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti potenzjali kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza, sabiex kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs fil-formulazzjoni tat-termini tal-applikazzjonijet tagħhom għal parteċipazzjoni jew tal-offerti tagħhom.

Fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, il-mezzi sabiex jintlaħqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti għandhom josservaw kemm dawn il‑prinċipji kif ukoll dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Fost dawn il-mezzi, il-ħtieġa ta’ deskrizzjoni nondiskriminatorja tas-suġġett tal-kuntratt tirriżulta mill-prinċipju ta’ trattament ugwali. L-għan intiż sabiex jiżgura lill-operaturi ekonomiċi, tkun xi tkun l-oriġini tagħhom, aċċess ugwali għall-kuntratti proposti, jirriżulta mill-osservanza tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll mill-kompetizzjoni libera, u b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-espressjoni tiegħu tal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-każijiet ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 12 KE. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u titoli oħra huwa biss l-espressjoni fil-ġurisprudenza ta’ prinċipju inerenti fil-libertajiet fundamentali tat-Trattat li ma jistax jitlef parti mill-valur ġuridiku tiegħu minħabba l-adozzjoni ta’ direttivi rigward ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi. Ir-rekwiżit ta’ termini xierqa sabiex jippermettu lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra jagħmlu evalwazzjoni rilevanti u jħejju l-offerta tagħhom għandu l‑għan li jeskludi r-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Ir-rekwiżit ta’ approċċ trasparenti u oġġettiv huwa intiż sabiex l-offerenti potenzjali kollha jsiru jafu, qabel ma jħejju l-offerti tagħhom, il-kriterji għall-għoti li dawn l-offerti għandhom jissodisfaw kif ukoll l-importanza relattiva ta’ dawn il-kriterji, sabiex jiġi żgurat li l-offerenti potenzjali kollha jkollhom opportunitajiet indaqs fil-formulazzjoni tat-termini tal-applikazzjoni għal parteċipazzjoni tagħhom jew fl-offerta tagħhom.

Għaldaqstant, dawn il-mezzi josservaw il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq u ma jikkostitwixxux obbligi ġodda.

(ara l-punti 111, 113, 116, 120, 122, 124, 125, 128)

5.      L-Istati Membri kif ukoll l-entitajiet kontraenti tagħhom huma marbuta li jikkonformaw mar-regoli u mal-prinċipji msemmija fit-Trattat. Sa fejn, għaldaqstant, dawn ir-regoli u dawn il-prinċipji jimplikaw eċċezzjonijiet mill-obbligu ta’ reklamar minn qabel, tali eċċezzjonijiet jistgħu jiġu invokati ipso iure mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti li jagħtu kuntratt pubbliku mhux suġġett jew parzjalment suġġett għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

Jekk Stat Membru jew entità kontraenti jistgħu jinvokaw dispożizzjoni tat-Trattat li teskludi b’mod ġenerali l-applikazzjoni tad-dritt primarju, bħall-Artikolu 86(2) KE jew l-Artikoli 296 KE jew 297 KE, jew jekk motiv ta’ ġustifikazzjoni previst b’mod espliċitu fl-imsemmi trattat japplika (ara, bħala eżempji, l-ordni pubbliku u s-saħħa, li jirriżultaw mill-Artikoli 46 KE u 55 KE, u l-awtorità pubblika, li tirriżulta mill-Artikoli 45 KE u 55 KE), jew jekk il‑kundizzjonijiet ta’ motiv ta’ ġustifikazzjoni rikonoxxut mill-ġurisprudenza jiġu sodisfatti, il-prinċipji tat-Trattat ma humiex affettwati. Għaldaqstant, f’tali każijiet, l-obbligu ta’ reklamar li jirriżulta mill-prinċipji tal-imsemmi trattat, ma japplikax għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Meta deroga mid-direttivi dwar il‑kuntratti pubbliċi tkun awtorizzata b’mod espliċitu, meta l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga jkunu sodisfatti, u meta proċedura nnegozjata mingħajr reklamar minn qabel ta’ sejħa għal offerti tkun għaldaqstant iġġustifikata, ma jkun jeżisti ebda obbligu ta’ reklamar. Għaldaqstant, il-prinċipji li jirriżultaw mit-trattat ma jistgħux jimponu obbligu ta’ reklamar fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

(ara l-punti 139-141)