Language of document : ECLI:EU:C:2020:795

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Artikoli 1 u 5 – Ordni għall-għoti ta’ informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li taġixxi fuq talba għal skambju ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor – Persuna fil-pussess ta’ informazzjoni li tagħha l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tordna l-għoti – Persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba tal-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru – Terzi persuni li magħhom din il-persuna taxxabbli għandha relazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi – Protezzjoni ġudizzjarja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Bażi legali – Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv – Eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lill-partijiet f’kawża inkwistjoni jiksbu stħarriġ effettiv tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilhom – Għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali – Proporzjonalità – Natura ‘prevedibbilment rilevanti’ tal-informazzjoni kkonċernata mill-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Elementi ratione personae, ratione temporis u ratione materiae li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑245/19 u C‑246/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-14 ta’ Marzu 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2019, fil-proċeduri

État luxembourgeois

vs

B (C‑245/19),

u

État luxembourgeois

vs

B,

C,

D,

F. C.,

fil-preżenza ta’:

A (C‑246/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), D. Šváby, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Mejju 2020,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B, C, D u F. C., minn C. Henlé, avocate,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, inizjalment minn D. Holderer u T. Uri, sussegwentement minn dan tal-aħħar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou, M. Tassopoulou u G. Konstantinos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn A. Alidière, E. de Moustier, D. Colas u E. Toutain, sussegwentement minn A. Alidière, E. de Moustier u E. Toutain, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn N. Gossement, H. Kranenborg, W. Roels u P. J. O. Van Nuffel, sussegwentement minn dawn l-aħħar tlieta, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa, tal‑Artikoli 7, 8 u 47 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 359, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 279, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/16”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn l-État Luxembourgeois (l‑Istat Lussemburgiż) u, rispettivament, il-kumpannija B għall-ewwel kawża, u l-kumpanniji B, C u D kif ukoll F. C., għat-tieni kawża, dwar żewġ deċiżjonijiet tad-directeur de l’administration des contributions directes (id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti, il-Lussemburgu) li jordnaw, rispettivament, lill-kumpannija B u lill-bank A jgħaddulu ċertu informazzjoni, wara talbiet għal skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/16

3        Il-premessi 1, 2, 9 u 27 tad-Direttiva 2011/16 jindikaw:

“(1)      Il-ħtieġa tal-Istati Membri għal assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni qed tikber rapidament f’era globalizzata. Hemm żvilupp tremend fil-mobbiltà tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta’ transazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti. Din id-diffikultà dejjem tiżdied taffettwa l-funzjonament tas-sistemi fiskali u tinvolvi tasssazzjoni doppja, li minnha nnifisha tinċita l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali […]

(2)      Għalhekk, Stat Membru wieħed ma jistax jimmaniġġja s-sistema fiskali interna tiegħu speċjalment fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, mingħajr ma jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħrajn. Sabiex jingħelbu l-effetti negattivi ta’ dan il-fenomenu, huwa indispensabbli li tiġi żviluppata kooperazzjoni amministrattiva ġdida bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Huma meħtieġa strumenti b’potenzjal li x’aktarx joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri, bl-istabbiliment tal-istess regoli, obbligi u drittijiet għall-Istati Membri kollha.

[…]

(9)      L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet partikolari meta mitluba jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor u għandhom jagħmlu l-indaġni meħtieġa biex jikseb tali informazzjoni. L-istandard ta’ ‘rilevanza prevedibbli’ huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x’aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ pagatur speċifiku tat-taxxa. […]

[…]

(27)      L-iskambju kollu ta’ informazzjoni msemmi f’din id-Direttiva huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)]. […]. Madankollu, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta’ ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bid-Direttiva [95/46], sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta’ dik id-Direttiva. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa u proporzjonati bil-ħsieb tat-telf potenzjali ta’ dħul għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali tal-informazzjoni koperta minn din id-Direttiva għall-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi.”

4        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.”

5        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba”, huwa fformulat kif ġej:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi.”

6        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tagħha għandhom jitwettqu kemm jista’ jkun malajr u, ħlief f’każijiet partikolari, fi żmien xahrejn jew fi żmien sitt xhur li skont jekk l-awtorità rikjesta tinsabx diġà fil-pussess tal-informazzjoni mitluba jew le.

7        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Protezzjoni tad-data”, jipprovdi:

“L-iskambju kollu ta’ informazzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva [95/46]. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva [95/46] safejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta’ dik id-Direttiva.”

 Id-Direttiva 95/46

8        L-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1) u l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46 jipprevedu, l-ewwel wieħed, il-modalitajiet ta’ informazzjoni tal-persuni fiżiċi li huma kkonċernati minn ipproċessar tad-data personali fil-każ fejn din id-data tinġabar mingħandhom, it-tieni wieħed, il-modalitajiet ta’ informazzjoni ta’ dawn il-persuni fiżiċi fil-każ fejn l-imsemmija data ma tkunx inġabret mingħandhom, it-tielet wieħed, id-dritt ta’ aċċess mill-imsemmija persuni fiżiċi għad-data inkwistjoni u, ir-raba’ wieħed, il-pubbliċità tal-ipproċessar ta’ data personali.

9        L-Artikolu 13(1)(e) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jirrestrinġu l-portata tal-obbligi u d-drittijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1) u fl-Artikoli 12 u 21 tal-imsemmija direttiva meta tali limitazzjoni tkun tikkostitwixxi miżura neċessarja għall-protezzjoni ta’ interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni, inkluż fil-qasam monetarju, fil-qasam baġitarju u fil-qasam fiskali.

10      L-Artikolu 22 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni […] qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

 Ir-Regolament (UE) 2016/679

11      Id-Direttiva 95/46 tħassret, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), li l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Suġġett u objettivi”, jippreċiża b’mod partikolari li huwa jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u li huwa jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali. Barra minn hekk, l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li r-referenzi għad-Direttiva 95/46 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-imsemmi regolament.

12      L-Artikoli 13, 14 u 15 tar-Regolament 2016/679 jirriproduċu, filwaqt li jemendawhom, id-dispożizzjonijiet li qabel kienu jidhru fl-Artikolu 10, fl-Artikolu 11(1) u fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46, rispettivament.

13      L-Artikolu 23(1)(e) tal-imsemmi regolament, li jirriproduċi, filwaqt li jemendaha, id-dispożizzjoni li qabel kienet tidher fl-Artikolu 13(1)(e) ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi li d-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 13 sa 15 tal-istess regolament meta tali restrizzjoni tosserva l-essenza tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u meta hija tkun tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’ ċerti objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali, u b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż fil-qasam monetarju, fil-qasam baġitarju u dak fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali.

14      L-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679, li jirriproduċi, filwaqt li jemendah, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli għaliha, kull persuna fiżika kkonċernata minn ipproċessar ta’ data personali għandha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jekk hija tqis li d-drittijiet tagħha taħt dan ir-regolament inkisru b’riżultat tal-ipproċessar ta’ din id-data mwettaq bi ksur ta’ dan ir-regolament.

 Id-dritt Lussemburgiż

 Il-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013

15      L-Artikolu 6 tal-loi du 29 mars 2013 portant transposition de la directive 2011/16 et portant 1) modification de la loi générale des impôts, 2) abrogation de la loi modifiée du 15 mars 1979 concernant l’assistance administrative internationale en matière d’impôts directs (il-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013 dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/16 u li (1) temenda l-liġi ġenerali dwar it-taxxi, (2) tħassar il-liġi emendata tal-15 ta’ Marzu 1979 dwar l-assistenza amministrattiva internazzjonali fil-qasam tat-taxxi diretti (Mémorial A 2013, p. 756), jipprovdi:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta Lussemburgiża għandha tikkomunikalha kwalunkwe informazzjoni prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tal-Istat Membru rikjedenti dwar it-taxxi u d-dazji […], li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li hija tikseb permezz ta’ investigazzjonijiet amministrattivi.”

 Il-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014

16      Il-loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale et modifiant la loi du 31 mars 2010 portant approbation des conventions fiscales et prévoyant la procédure y applicable en matière d’échange de renseignements sur demande (il-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-proċedura applikabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba fil-qasam tat-tassazzjoni u li temenda l-Liġi tal-31 ta’ Marzu 2010 li tapprova l-konvenzjonijiet fiskali u li tipprovdi l-proċedura applikabbli għalihom fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (Mémorial A 2014, p. 4170, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014”) hija applikabbli, b’mod partikolari, għat-talbiet għal skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tal-Liġi tad-29 ta’ Marzu 2013, iċċitata fil-punt ta’ qabel dan ta’ din is-sentenza.

17      Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014:

“(1)      L-amministrazzjonijiet fiskali huma awtorizzati li jitolbu kull tip ta’ informazzjoni li tkun mitluba għall-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni kif previst mill-konvenzjonijiet u liġijiet mingħand il-possessur ta’ din l-informazzjoni.

(2)      Il-possessur tal-informazzjoni huwa obbligat jipprovdi l-informazzjoni mitluba, kollha kemm hi, b’mod preċiż, mingħajr alterazzjoni, u dan fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba. Dan l-obbligu jinkludi t-trażmissjoni mingħajr alterazzjoni tal-fajls li fuqhom tkun ibbażata l-informazzjoni.

[…]”

18      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, kien jipprovdi:

“(1)      L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tivverifika r-regolarità formali tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni. Il-forma tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni tkun regolari jekk hija tkun tinkludi l-indikazzjoni tal-bażi legali u tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif ukoll l-indikazzjonijiet l-oħra previsti mill-konvenzjonijiet u liġijiet.

[…]

(3)      Jekk l-amministrazzjoni fiskali kompetenti ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew id-delegat tiegħu għandu jinnotifika b’ittra rreġistrata indirizzata lill-possessur tal-informazzjoni d-deċiżjoni tiegħu li tordna li tingħata l-informazzjoni mitluba. In-notifika tad-deċiżjoni lill-possessur tal-informazzjoni mitluba tiswa bħala notifika lil kull persuna oħra hemm imsemmija.

[…]”

19      L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi jistipula:

“Jekk l-informazzjoni mitluba ma tingħatax fit-terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-informazzjoni mitluba, multa amministrattiva fiskali sa massimu ta’ EUR 250 000 tista’ tiġi imposta fuq il-possessur tal-informazzjoni. L-ammont għandu jiġi ffissat mid-direttur tal-amministrazzjoni fiskali kompetenti jew mid-delegat tiegħu.”

20      L-Artikolu 6 tal-istess liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, kien ifformulat kif ġej:

“(1)      Ma tista’ tiġi ppreżentata l-ebda azzjoni ġudizzjarja kontra t-talba għal skambju ta’ informazzjoni u d-deċiżjoni ta’ ordni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (3).

(2)      Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal bidla tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu). […] Ir-rikors għandu jkollu effett sospensiv. […]

[…]”

 Il-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019

21      Il-loi du 1er mars 2019 portant modification de la loi du 25 novembre 2014 prévoyant la procédure applicable à l’échange de renseignements sur demande en matière fiscale (il-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 li tipprovdi l-proċedura applikabbli għall-iskambju tal-informazzjoni fuq talba fil-qasam tat-tassazzjoni) (Mémorial A 2019, p. 112, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019”) daħlet fis-seħħ fid-9 ta’ Marzu 2019.

22      L-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, kif emendata bil-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019, jipprovdi:

“L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tivverifika r-regolarità formali tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni. Il-forma tat-talba għal skambju ta’ informazzjoni tkun regolari jekk hija tkun tinkludi l-indikazzjoni tal-bażi legali u tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba kif ukoll l-indikazzjonijiet l-oħra previsti mill-konvenzjonijiet u liġijiet. L-amministrazzjoni fiskali kompetenti għandha tiżgura ruħha li l-informazzjoni mitluba ma hijiex nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli fid-dawl tal-identità tal-persuna kkonċernata mit-talba għal skambju ta’ informazzjoni u fid-dawl ta’ dik tad-detentur tal-informazzjoni kif ukoll tal-bżonnijiet tal-proċedura fiskali inkwistjoni.”

23      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, kif emendata bil-Liġi tal-1 ta’ Marzu 2019, jipprovdi:

“Il-possessur tal-informazzjoni għandu jkollu l-possibbiltà ta’ rikors għal annullament quddiem it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) kontra d-deċiżjoni ta’ ordni msemmija fl-Artikolu 3(3). […]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

24      Kull waħda mill-kawżi prinċipali toriġina minn talba għal skambju ta’ informazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fiskali tar-Renju ta’ Spanja lil dik tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, intiża għall-kisba ta’ informazzjoni dwar F. C., li huwa persuna fiżika li għandha r-residenza tagħha fi Spanja, fejn, bħala persuna taxxabbli, hija s-suġġett ta’ investigazzjoni li għandha l-għan li tiddetermina s-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali.

 Kawża C245/19

25      Fit-18 ta’ Ottubru 2016, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola bagħtet lill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża l-ewwel talba għal skambju ta’ informazzjoni dwar F. C.

26      Fis-16 ta’ Ġunju 2017, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti ta segwitu għal din it-talba billi bagħat lill-kumpannija B deċiżjoni li tordnalha tagħti informazzjoni dwar il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2014 u li tirrigwarda l-elementi segwenti:

–        il-kuntratti konklużi mill-kumpannija B mal-kumpanniji E u F dwar id-drittijiet ta’ F. C.;

–        kull kuntratt ieħor konkluż, kemm matul il-perijodu inkwistjoni, u kif ukoll qabel jew wara dan il-perijodu iżda li jidħol fis-seħħ matul dan il-perijodu u relatat ma’ F. C.;

–        il-fatturi kollha maħruġa jew riċevuti b’rabta ma’ dawn il-kuntratti kif ukoll il-metodu ta’ rkupru u l-ħlas tagħhom, u

–        id-dettalji tal-kontijiet bankarji u tal-istituzzjonijiet finanzjarji li fihom jinsabu ddepożitati l-flus kontanti mniżżla fil-karta tal-bilanċ.

27      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet tippreċiża li ma setax jitressaq rikors fir-rigward tagħha, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014.

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) fis-17 ta’ Lulju 2017, il-kumpannija B ippreżentat azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tikseb, prinċipalment, il-bidla tal-imsemmija deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament tagħha.

29      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) iddikjara li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 u annulla parzjalment din tal-aħħar. Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tiegħu, huwa kkunsidra li l-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 ma kienx konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn kien jeskludi l-eżistenza ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma kellhiex tiġi applikata. Fir-rigward tal-mertu, huwa qies li ċerta informazzjoni mitluba mid-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti ma kinitx prevedibbilment rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni mwettqa mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola, u konsegwentement id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 kellha tiġi annullata sa fejn kienet tordna lill-kumpannija B tagħti din l-informazzjoni.

30      Permezz ta’ appell ippreżentat fir-Reġistru tal-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) fl-24 ta’ Lulju 2018, l-Istat Lussemburgiż appella minn din is-sentenza.

31      Fil-kuntest ta’ dan l-appell, huwa jsostni li l-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014 ma kienx jikser l-Artikolu 47 tal-Karta peress li ma jipprekludix lill-persuna li hija destinatarja ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali u li jkollha l-informazzjoni mitluba milli tkun tista’, fil-każ li hija ma tkunx ikkonformat ruħha ma’ din id-deċiżjoni u meta tkun ġiet imposta fuqha sanzjoni għal din ir-raġuni, tikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest tar-rikors għal bidla ta’ deċiżjoni li hija tista’ tippreżenta kontra tali sanzjoni, skont l-Artikolu 6(2) ta’ din il-liġi. Konsegwentement, kien b’mod żbaljat li t-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) injora l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija liġi u ddikjara li għandu ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għal annullament li kien ġie ppreżentat quddiemu. Barra minn hekk, dik l-istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li ċerta informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 ma kinitx prevedibbilment rilevanti fis-sens tad-Direttiva 2011/16.

32      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-Artikoli 7, 8, 47 u 52 tal-Karta jimponux ir-rikonoxximent, lill-persuna li hija destinatarja ta’ deċiżjoni li tordnalha tagħti informazzjoni li tagħha hija l-possessur lill-amministrazzjoni fiskali, id-dritt li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja diretta kontra din id-deċiżjoni, flimkien mal-possibbiltà għal tali persuna li tikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni, fil-każ fejn hija ma tosservax din id-deċiżjoni u fejn sussegwentement tkun ġiet imposta fuqha sanzjoni għal din ir-raġuni, skont il-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014, kif interpretata fid-dawl tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373).

33      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, x’inhi l-portata tal-istħarriġ li l-qorti tista’ tintalab twettaq, fil-kuntest ta’ tali azzjoni ġudizzjarja diretta, dwar in-natura prevedibbilment rilevanti tal-informazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-Artikoli 1 u 5 tad-Direttiva 2011/16.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 7 [u] 8 u [l-Artikolu] 52(1) tal-Karta […], possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 47 [tagħha], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni […] ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, stabbilita b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva [2011/16] […], teskludi kwalunkwe dritt għal azzjoni, b’mod partikolari ġudizzjarja, min-naħa ta’ terz li għandu fil-pussess tiegħu informazzjoni kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbligah li jipprovdilha informazzjoni sabiex jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura evoluttiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-[Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar id-dħul u l-kapital], fis-sens li talba għal skambju, flimkien ma’ ordni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jagħti segwitu għaliha, jissodisfaw il-kriterju tal-assenza ta’ nuqqas manifest ta’ rilevanza prevedibbli fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni mitluba, meta jipprova jikseb informazzjoni dwar kuntratti u l-fatturazzjonijiet u ħlasijiet relatati, li ma humiex speċifikati iżda li huma ddefiniti permezz tal-kriterji li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li huma ġew konklużi mill-persuna li ġiet identifikata bħala li għandha l-informazzjoni, it-tieni nett, l-applikabbiltà tagħhom matul is-snin taxxabbli kkonċernati mill-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli identifikata kkonċernata?”

 Kawża C246/19

35      Fis-16 ta’ Marzu 2017, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola bagħtet lill-amministrazzjoni fiskali Lussemburgiża t-tieni talba għal skambju ta’ informazzjoni dwar F. C.

36      Fid-29 ta’ Mejju 2017, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tat-Taxxi Diretti ta segwitu għal din it-talba billi bagħat lill-bank A deċiżjoni li permezz tagħha huwa ordnalu jagħti informazzjoni dwar il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2014 u li tirrigwarda d-dokumenti u l-elementi li ġejjin:

–        isem il-proprjetarju/i attwali ta’ kont tal-bank partikolari;

–        isem il-persuna/i awtorizzata/i twettaq/iwettqu tranżazzjonijiet fuq dan il-kont;

–        isem il-persuna/i li tkun/ikunu fetħet/fetħu l-imsemmi kont;

–        ir-rendikonti tal-istess kont matul il-perijodu inkwistjoni;

–        il-benefiċjarju/i effettiv/i tal-kont inkwistjoni;

–        jekk infetaħx kont tal-bank ieħor wara l-31 ta’ Diċembru 2014 mal-bank A u jekk il-fondi ddepożitati fih joriġinawx minn kont li nfetaħ qabel ma’ dan il-bank;

–        l-estratti tal-assi finanzjarji kollha miżmuma minn F.C. fil-kumpannija B, fil-kumpannija D jew fi kwalunkwe kumpannija oħra kkontrollata minn F.C. matul il-perijodu inkwistjoni, u

–        l-estratti tal-assi finanzjarji fejn F. C. jidher bħala benefiċjarju effettiv matul dan il-perijodu.

37      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet tippreċiża li ma setax jiġi ppreżentat rikors fir-rigward tagħha, skont l-Artikolu 6(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Novembru 2014.

38      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) fis-17 ta’ Lulju 2017, il-kumpanniji B, C u D u kif ukoll F. C. ippreżentaw azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex, prinċipalment, tinkiseb il-bidla tal-imsemmija deċiżjoni u, sussidjarjament, jinkiseb l-annullament tagħha.

39      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, it-tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv) iddikjara li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors sa fejn dan kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017 u annulla din tal-aħħar parzjalment billi bbaża ruħu fuq motivi analogi għal dawk li huma miġbura fil-qosor fil-punt 29 tas-sentenza preżenti.

40      Permezz ta’ appell ippreżentat fir-Reġistru tal-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) fl-24 ta’ Lulju 2018, l-Istat Lussemburgiż appella minn din is-sentenza.

41      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) tesprimi mistoqsijiet analogi għal dawk miġbura fil-qosor fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, filwaqt li tenfasizza l-fatt li l-Kawża C‑246/19 toriġina minn azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati mhux minn persuna destinatarja ta’ deċiżjoni li tordnalha tagħti informazzjoni li hija possessur tagħha lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-każ tal-Kawża C‑245/19, iżda minn persuni li għandhom kwalitajiet oħra, jiġifieri, minn naħa, dik ta’ persuna taxxabbli kkonċernata minn investigazzjoni miftuħa mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, dik ta’ terzi persuni li għandhom relazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi ma’ din il-persuna taxxabbli.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 7 [u] 8 u [l-Artikolu] 52(1) tal-Karta […], possibbilment moqrija flimkien mal-Artikolu 47 [tagħha], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni […] ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tas-sistema proċedurali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, stabbilita b’mod partikolari għall-implimentazzjoni tad-Direttiva [2011/16] […] teskludi kwalunkwe dritt għal azzjoni, b’mod partikolari ġudizzjarja, min-naħa tal-persuna taxxabbli kkonċernata [minn] investigazzjoni [fi Stat Membru ieħor] u ta’ terza persuna kkonċernata, kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti [tal-ewwel Stat] Membru tobbliga lil persuna li għandha informazzjoni fil-pussess tagħha tipprovdilha informazzjoni sabiex jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni maħruġa minn [dan l-Istat Membru l-ieħor]?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati, jekk ikun il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura evoluttiva tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD [dwar id-dħul u l-kapital], fis-sens li talba għal skambju, flimkien ma’ ordni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jagħti segwitu għaliha, jissodisfaw il-kriterju tal-assenza ta’ nuqqas manifest ta’ rilevanza prevedibbli fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni mitluba, meta jipprova jikseb informazzjoni dwar kontijiet bankarji u assi finanzjarji li ma humiex speċifikati iżda li huma ddefiniti permezz tal-kriterji li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-fatt li huma miżmuma minn persuna li ġiet identifikata bħala li għandha l-informazzjoni, it-tieni nett, is-snin taxxabbli kkonċernati mill-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li jagħmel it-talba u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli identifikata kkonċernata?”

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2019, il-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domandi fil-kawżi C245/19 u C246/19

 Osservazzjonijiet preliminari

44      Permezz tal-ewwel domandi tagħha fil-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16 tkun teskludi li fil-konfront ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din l-informazzjoni bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jiġu ppreżentati azzjonijiet ġudizzjarji minn, l-ewwel nett, tali persuna, it-tieni nett, il-persuna taxxabbli kkonċernata, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, mill-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija talba u, it-tielet nett, terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni.

45      Kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

46      Tikkostitwixxi tali implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li twassal għall-applikabbiltà tal-Karta, l-adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ leġiżlazzjoni li tippreċiża l-modalitajiet tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 34 sa 37), b’mod partikolari billi tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, li tieħu deċiżjoni li tobbliga lil persuna li għandha informazzjoni tipprovdilha din tal-aħħar.

47      Fl-ewwel paragrafu tiegħu, l-Artikolu 47 tal-Karta jgħid li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. Għal dan id-dritt jikkorrispondi l-obbligu tal-Istati Membri, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

48      L-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jistabbilixxu, l-ewwel wieħed, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u, it-tieni wieħed, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

49      L-ebda wieħed minn dawn it-tliet drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxi prerogattiva assoluta, peress li kull wieħed minnhom għandu, fil-fatt, jittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà (ara, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u, fir-rigward tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk, fl-ipoteżi fejn diversi drittijiet iggarantiti mill-Karta jkunu preżenti f’każ partikolari u jkunu jistgħu jidħlu f’kunflitt ma’ xulxin, il-konċiljazzjoni neċessarja li għandha ssir bejn dawn id-drittijiet sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-protezzjoni marbuta ma’ kull wieħed minnhom, tista’ twassal sabiex tillimitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 63 sa 65, u tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 46).

51      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti minnha jekk kemm-il darba, l-ewwel nett, dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, it-tieni nett, ikunu josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u l-libertajiet inkwistjoni u, it-tielet nett, jekk kemm-il darba, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

52      F’dan il-każ madankollu, it-tliet drittijiet fundamentali inkwistjoni ma jistgħux jidħlu f’kunflitt ma’ xulxin, iżda huma intiżi li japplikaw b’mod komplementari. Fil-fatt, in-natura effettiva tal-protezzjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa intiż li jagħti lid-detentur tad-dritt iggarantit minnu tista’ timmanifesta ruħha u tiġi evalwata biss fid-dawl ta’ drittijiet sostantivi, bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

53      B’mod iktar preċiż, mill-ewwel domandi fil-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19, moqrija fid-dawl tal-motivazzjoni sottostanti għalihom, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ ċċaħħad lil persuna li għandha informazzjoni, persuna taxxabbli kkonċernata minn investigazzjoni fiskali u terzi persuni kkonċernati minn din l-informazzjoni mill-possibbiltà li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni li tordna l-għoti tal-imsemmija informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali, deċiżjoni li din il-qorti tqis li hija ta’ natura li tippreġudika d-drittijiet iggarantiti lil dawn id-diversi persuni mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

 Fuq id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta

54      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi invokat abbażi biss tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma l-kontenut tiegħu għandu jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78, u tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56).

55      Madankollu, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, f’każ partikolari, jippreżumi, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-persuna li tinvokah tibbaża ruħha fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

–       Fuq id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna li għandha informazzjoni li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tordna l-għoti tagħha

56      Kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 26 ta’ din is-sentenza u mid-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza, il-persuna li jkollha informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija persuna ġuridika li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti indirizzat deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ din l-informazzjoni, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni.

57      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk tali persuna għandhiex tiġi rrikonoxxuta l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta fil-preżenza ta’ tali deċiżjoni, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tal-persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, kontra interventi tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata tagħhom li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati, tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et, C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 56).

58      Madankollu, din il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna ġuridika, bħala dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bil-għan li tikkontesta, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, att li jikkawżalha preġudizzju bħalma hija ordni ta’ għoti ta’ informazzjoni jew sanzjoni imposta għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 51 u 52).

59      Minn dan isegwi li persuna ġuridika li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun indirizzat deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi rrikonoxxuta l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta fil-preżenza ta’ tali deċiżjoni.

60      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kwistjoni ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jistax jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tista’ ssir limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, mill-Istati Membri, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punti 46 u 49).

61      F’dan il-każ, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/16, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżgura l-implimentazzjoni tagħha, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv fil-preżenza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62      Barra minn hekk, fl-Artikolu 25(1) tagħha d-Direttiva 2011/16 tirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali, billi tipprevedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni mwettqa skont din id-direttiva huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, li, kif tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, ġiet imħassra u ssostitwita b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bir-Regolament 2016/679, li l-għan tiegħu huwa b’mod partikolari li jiġi żgurat u ppreċiżat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta.

63      Issa, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, li l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2016/679 jirriproduċi s-sustanza tiegħu, jenfasizza li kull persuna għandu jkollha rimedju ġudizzjarju fil-preżenza ta’ ksur tad-drittijiet li huma ggarantiti lilha mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ipproċessar ta’ tali data.

64      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax huwa stess l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan l-eżerċizzju, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

65      Kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni teżiġi, b’mod partikolari, li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Karta għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn tal-aħħar.

66      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi, fost elementi oħra, dak li jikkonsisti, għall-persuna li għandha dan id-dritt, f’li tkun tista’ jkollha aċċess għal qorti kompetenti sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilha u, għal dan il-għan, sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex issolvi l-kawża li tkun tinsab adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 49, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Aktiva Finants, C‑433/18, EU:C:2019:1074, punt 36). Barra minn hekk, sabiex ikollha aċċess għal tali qorti, din il-persuna ma tistax tiġi mġiegħla tikser regola jew obbligu legali u tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta ma’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, EU:C:2004:210, punt 35; tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 64, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).

67      Issa, f’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss jekk il-persuna destinatarja ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tosservax din id-deċiżjoni, minn naħa, u jekk sussegwentement tiġi imposta fuqha sanzjoni għal din ir-raġuni, min-naħa l-oħra, li hija jkollha possibbiltà li tikkontesta b’mod inċidentali l-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja li tkun miftuħa għaliha kontra tali sanzjoni.

68      Minn dan isegwi li, fil-preżenza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li tkun arbitrarja jew sproporzjonata tali persuna ma tistax taċċedi għal qorti, sakemm ma tiksirx din id-deċiżjoni billi tirrifjuta li tikkonforma mal-ordni li hija tinkludi u b’hekk tesponi ruħha għas-sanzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tagħha. Għaldaqstant, din il-persuna ma tistax titqies li tgawdi minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-possibbiltà, għal persuna li għandha informazzjoni li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti tindirizza deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ din l-informazzjoni, li tressaq azzjoni ġudizzjarja diretta kontra din id-deċiżjoni, ma tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u, konsegwentement, li l-Artikolu 52(1) tagħha jipprekludi tali leġiżlazzjoni.

–       Fuq id-dritt għal rimedju effettiv tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni

70      Kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-persuna taxxabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija persuna fiżika li għandha r-residenza tagħha fi Stat Membru differenti minn dak li taħtu taqa’ l-awtorità li adottat id-deċiżjonijiet li jordnaw l-għoti ta’ informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li tkun ikkonċernata, f’dan l-Istat Membru, minn investigazzjoni intiża sabiex tiddetermina s-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-imsemmi Stat Membru.

71      Barra minn hekk, il-kliem tad-deċiżjonijiet li jordnaw l-għoti ta’ informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, riprodotti fil-punti 26 u 36 ta’ din is-sentenza, juri li l-informazzjoni li tagħha dawn id-deċiżjonijiet jordnaw l-għoti lill-awtorità li adottathom tirrigwarda kontijiet bankarji u assi finanzjarji li tagħhom din il-persuna hija l-proprjetarja jew li minnhom tibbenefika kif ukoll diversi tranżazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi li setgħu twettqu mill-imsemmija persuna jew minn terzi persuni li jaġixxu f’isimha jew fl-interess tagħha.

72      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk tali persuna għandhiex tiġi rrikonoxxuta l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, fil-preżenza ta’ tali deċiżjonijiet għandu jiġi rrilevat li din il-persuna evidentement għandha, minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8(1) tagħha, li, fir-rigward tal-persuni fiżiċi, huwa marbut mill-qrib mar-rispett tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 123 u 126).

73      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għoti ta’ informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli lil terz, inkluża awtorità pubblika, kif ukoll il-miżura li timponi jew tippermetti dan l-għoti ta’ informazzjoni, jikkostitwixxu, bla ħsara għall-ġustifikazzjoni eventwali tagħhom, indħil fid-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata tagħha kif ukoll fid-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha, irrispettivament minn jekk din l-informazzjoni hijiex ta’ natura sensittiva jew le u jkun xi jkun l-użu tagħha, ħlief jekk l-imsemmi għoti jseħħ b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali previsti għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva), C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 124 u 126, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      B’hekk, l-għoti, lill-awtorità nazzjonali kompetenti, ta’ informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, bħall-informazzjoni msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, u l-miżura li, bħad-deċiżjonijiet imsemmija fl-istess punt, timponi dan l-għoti, jistgħu jiksru d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna inkwistjoni kif ukoll id-dritt tagħha għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernaha.

75      Għaldaqstant, persuna taxxabbli bħal dik imsemmija fil-punt 70 ta’ din is-sentenza għandha tiġi rrikonoxxuta l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta fil-preżenza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jistax jiġi limitat, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, billi jiġi eskluż li tali persuna tkun tista’ tressaq azzjoni ġudizzjarja diretta kontra din id-deċiżjoni, għandu jitfakkar li tali limitazzjoni għandha, l-ewwel nett, tkun prevista mil-liġi, li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jimplika b’mod partikolari li l-bażi legali tagħha tiddefinixxi l-portata tagħha b’mod ċar u preċiż (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81, u tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers, C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 86).

77      F’dan il-każ, il-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali turi li dan ir-rekwiżit huwa osservat.

78      It-tieni nett, il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi osservat, u dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

79      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi rekwiżit ma jimplikax, bħala tali, li d-detentur ta’ dan id-dritt għandu rimedju ġudizzjarju dirett li għandu bħala għan, prinċipalment, li jikkontesta miżura partikolari, jekk kemm-il darba jkun hemm barra minn hekk, quddiem id-diversi qrati nazzjonali kompetenti, rimedju jew rimedji ġudizzjarji li jippermettulu jikseb, b’mod inċidentali, stħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-miżura li jiżgura r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxilu, mingħajr il-ħtieġa li għal dan il-għan wieħed jesponi ruħu għar-riskju li tiġi imposta fuqu sanzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 47, 49, 53 sa 55, 61 u 64, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2019, Deutsche Lufthansa, C‑379/18, EU:C:2019:1000, punt 61).

80      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li s-sitwazzjoni tal-persuna taxxabbli suġġetta għal investigazzjoni hija differenti minn dik tal-persuna li għandha informazzjoni dwarha. Fil-fatt, kif stabbilit fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, fl-assenza ta’ possibbiltà li tressaq azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni indirizzata lilha u li timponilha obbligu legali li tagħti l-informazzjoni inkwistjoni, din il-persuna tal-aħħar tkun imċaħħda minn kull protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Min-naħa l-oħra, il-persuna taxxabbli kkonċernata ma hijiex destinatarja ta’ tali deċiżjoni u ma hija suġġetta għal ebda obbligu legali minn din tal-aħħar, u lanqas, għaldaqstant, għar-riskju li tiġi imposta fuqha sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha. Konsegwentement, tali persuna taxxabbli ma hijiex obbligata li tqiegħed lilha nnifisha fl-illegalità sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal rimedju effettiv, b’tali mod li l-ġurisprudenza ċċitata fit-tieni sentenza tal-punt 66 ta’ din is-sentenza ma hijiex applikabbli għaliha.

81      Barra minn hekk, deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali sseħħ fil-kuntest tal-fażi preliminari tal-investigazzjoni li tirrigwarda l-persuna taxxabbli inkwistjoni, li matulha tinġabar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fiskali ta’ din il-persuna taxxabbli u li ma hijiex ta’ natura kontradittorja. Fil-fatt, hija biss il-fażi sussegwenti tal-imsemmija investigazzjoni, li tinfetaħ permezz ta’ proposta ta’ rettifika jew ta’ aġġustament lill-persuna taxxabbli kkonċernata, minn naħa, li għandha natura kontradittorja li tippermetti lil din il-persuna taxxabbli teżerċita d-dritt għal smigħ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C‑276/12, EU:C:2013:678, punti 40 u 44) u, min-naħa l-oħra, tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ rettifika jew ta’ aġġustament indirizzata lill-imsemmija persuna taxxabbli.

82      Madankollu, din l-aħħar deċiżjoni tikkostitwixxi att li fir-rigward tiegħu l-persuna taxxabbli kkonċernata għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv jekk wieħed jippreżupponi li l-qorti adita bil-kawża jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ dritt u ta’ fatt li huma rilevanti sabiex tiġi riżolta din it-tilwima, kif imsemmi fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, u, b’mod partikolari, sabiex jiġi vverifikat li l-provi li fuqhom huwa bbażat dan l-att ma nkisbux jew ma ntużawx bi ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti lill-persuna kkonċernata mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 87 sa 89).

83      Għaldaqstant, meta deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal lill-awtorità nazzjonali li tkun talbet din l-informazzjoni sabiex tadotta deċiżjoni ta’ rettifika jew ta’ aġġustament li tkun ibbażata, bħala prova, fuq l-imsemmija informazzjoni, il-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni jkollha l-possibbiltà li tikkontesta, b’mod inċidentali, l-ewwel waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-kisba u l-użu tal-provi miġbura bis-saħħa tagħha, fil-kuntest tal-azzjoni ġudizzjarja li hija tista’ tippreżenta kontra t-tieni waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet.

84      Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li ma tippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit lill-persuna taxxabbli kkonċernata. Barra minn hekk, hija ma tillimitax l-aċċess ta’ din il-persuna taxxabbli għar-rimedji ġudizzjarji previsti skont l-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679, li jirriproduċi, billi jemendah, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, jekk l-imsemmija persuna taxxabbli tqis li d-drittijiet li jagħtiha dan ir-regolament ikunu nkisru minħabba l-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernaha.

85      It-tielet nett, kif stabbilit fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat suċċessivament jekk hija tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u, jekk dan ikun il-każ, jekk hija tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 39, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et, C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 40).

86      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplimenta d-Direttiva 2011/16, li l-premessa 27 tagħha tipprevedi li għandu jkun hemm limitazzjonijiet neċessarji u proporzjonati għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernahom, kif żgurata mid-Direttiva 95/46, u li l-premessi 1 u 2 tagħha jipprovdu li hija għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam.

87      Issa, dan l-għan huwa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 32; tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 76, kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punti 74 u 75), li jista’ jippermetti li tiġi stabbilita limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti bl-Artikoli 7, 8 u 47 tagħha, meħuda individwalment jew flimkien.

88      Minn dan isegwi li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni.

89      Dan l-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali huwa rifless b’mod partikolari, fl-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva 2011/16, permezz tal-istabbiliment ta’ proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkooperaw b’mod effikaċi u b’mod rapidu bejniethom, bil-għan li jiġbru informazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li jikkonċernaw lil persuni taxxabbli partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 46, 47 u 77).

90      Issa, l-interess marbut mal-effikaċja u mal-ħeffa ta’ din il-kooperazzjoni, li jikkonkretizza l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali sottostanti d-Direttiva 2011/16, jimponi b’mod partikolari l-osservanza tat-termini kollha previsti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

91      Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi li tkun tista’ tiġi ppreżentata azzjoni ġudizzjarja diretta kontra deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni li wasslet lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tadotta din id-deċiżjoni, hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali mfittex mid-Direttiva 2011/16 u hija neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

92      Barra minn hekk, din ma tidhirx sproporzjonata peress li, minn naħa, tali deċiżjoni ma tissuġġetta lill-persuna taxxabbli kkonċernata għal ebda obbligu legali u lanqas għal ebda riskju ta’ sanzjoni, u, min-naħa l-oħra, peress li din il-persuna taxxabbli għandha l-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni ulterjuri ta’ rettifika jew ta’ aġġustament.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tagħha, ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja diretta ppreżentata mill-persuna taxxabbli kkonċernata, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, mill-investigazzjoni li wasslet għal din it-talba.

–       Fuq id-dritt għal rimedju effettiv tat-terzi persuni kkonċernati

94      Kif jirriżulta mill-punti 26, 36 u 71 ta’ din is-sentenza, it-terzi persuni kkonċernati li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju huma persuni ġuridiċi li magħhom il-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għad-deċiżjonijiet li jordnaw l-għoti ta’ informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha jew jista’ jkollha relazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi.

95      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali terzi persuni għandhomx jiġu rrikonoxxuti d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħal persuna ġuridika li jkollha informazzjoni li lilha l-awtorità nazzjonali kompetenti tindirizza deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ din l-informazzjoni, dawn it-terzi persuni jistgħu jinvokaw il-protezzjoni li tgawdi minnha kull persuna fiżika jew ġuridika, skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera ta’ attività privata tagħhom, anki jekk l-għoti lil awtorità pubblika ta’ informazzjoni ġuridika, bankarja, finanzjarja jew, b’mod iktar wiesa, ekonomika li tikkonċernahom ma jista’ fl-ebda każ jitqies li jolqot il-qalba ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015 (deċ.), Othymia Investments BV vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2015:0616DEC007529210, punt 37; 7 ta’ Lulju 2015, M.N. et vs San Marino, CE:ECHR:2015:0707JUD002800512, punti 51 u 54, kif ukoll 22 ta’ Diċembru 2015, G.S.B. vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2015:1222JUD002860111, punti 51 u 93).

97      Għaldaqstant, tali terzi persuni għandhom jiġu rrikonoxxuti l-benefiċċju tad-dritt għal rimedju effettiv fil-preżenza ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li tista’ tikser id-dritt tagħhom għal din il-protezzjoni.

98      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit lit-terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni jistax jiġi limitat b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja diretta fil-preżenza ta’ tali deċiżjoni, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddefinixxi, b’mod ċar u preċiż, il-limitazzjoni li hija tagħmel għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

99      Fir-rigward, it-tieni nett, tar-rekwiżit relatat mal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi rrilevat li t-terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni ma humiex, b’differenza mill-persuna li jkollha din l-informazzjoni li lilha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun indirizzat deċiżjoni li tordna l-għoti tagħha, suġġetti la għal obbligu legali li jagħtu l-imsemmija informazzjoni u lanqas, għaldaqstant, għar-riskju li tiġi imposta fuqhom sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu legali. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata fit-tieni sentenza tal-punt 66 ta’ din is-sentenza ma tapplikax għalihom.

100    Barra minn hekk, huwa minnu li l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-imsemmija terzi persuni lil awtorità pubblika, mill-persuna destinatarja ta’ deċiżjoni li tordna l-għoti tagħha lil din l-awtorità pubblika, jista’ jippreġudika d-dritt ta’ dawn it-terzi persuni li jiġu protetti kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera ta’ attività privata tagħhom u, b’dan il-mod, jikkawżalhom dannu.

101    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għal parti fil-kawża partikolari li jressaq kawża sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet iggarantiti lilu bid-dritt tal-Unjoni u sabiex jikseb il-kumpens għad-dannu li dak il-ksur ikun ikkawżalu tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil din il-parti fil-kawża meta l-qorti adita bil-kawża jkollha l-possibbiltà li tistħarreġ l-att jew il-miżura li wasslet għall-imsemmi ksur u għall-imsemmi dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 58).

102    Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv ma tirrikjedix li partijiet f’kawża bħat-terzi persuni li huma kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni, mingħajr madankollu ma jkunu suġġetti għal obbligu legali li jagħtu din l-informazzjoni u lanqas, għaldaqstant, ma jkunu suġġetti għal riskju li tiġi imposta fuqhom sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu legali, ikollhom, barra minn hekk, il-possibbiltà li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni li tordna l-għoti tal-imsemmija informazzjoni.

103    It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, kif stabbilit fil-punti 86 sa 88 ta’ din is-sentenza.

104    Fir-rigward tar-rekwiżit dwar in-natura neċessarja u proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ tali għan, dan għandu jitqies, kif jirriżulta mill-punti 90 sa 92 ta’ din is-sentenza, li huwa ssodisfatt fid-dawl, minn naħa, tat-termini li għandhom jiġu osservati sabiex tiġi żgurata l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni li tikkonkretizza l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali sottostanti d-Direttiva 2011/16, u, min-naħa l-oħra, tal-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati, li jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet iggarantiti lilhom bid-dritt tal-Unjoni u sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat minnu.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19 għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva 2011/16 tkun teskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, tkun tista’ tiġi suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja ppreżentata minn tali persuna, u

–        li ma jipprekludix li tali leġiżlazzjoni tkun teskludi li tali deċiżjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati mill-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, mill-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija talba, kif ukoll minn terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C245/19

106    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑245/19 u C‑246/19 u taċ-ċirkustanza li t-tieni domandi f’dawn il-kawżi saru biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għalihom, hemm lok li tingħata risposta biss għat-tieni domanda fil-Kawża C‑245/19.

107    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li għandha informazzjoni sabiex tagħtiha din l-informazzjoni, bil-għan li tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies, meħuda flimkien ma’ din it-talba, bħala li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli meta hija tkun tindika l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni inkwistjoni, dik tal-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-perijodu kopert minn din tal-aħħar, u meta hija tkun tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li, għalkemm ma jkunux identifikati b’mod preċiż ikunu delimitati permezz ta’ kriterji dwar, l-ewwel nett, il-fatt li huma ġew rispettivament konklużi jew imwettqa mill-persuna li jkollha l-informazzjoni, it-tieni nett, il-fatt li huma seħħew matul il-perijodu kopert minn din l-investigazzjoni u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli kkonċernata.

108    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw bejniethom sabiex jiskambjaw l-informazzjoni prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tagħhom fil-qasam fiskali.

109    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistipula li, fuq talba tal-awtorità nazzjonali li għandha l-intenzjoni li tingħata tali informazzjoni, imsejħa “awtorità rikjedenti”, l-awtorità li lilha tiġi indirizzata din it-talba, imsejħa “awtorità rikjesta” għandha tgħaddihielha, u jekk ikun il-każ wara li hija tkun kisbitha wara investigazzjoni.

110    L-espressjoni “prevedibbilment rilevanti” li tinsab fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16 hija intiża, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, li tippermetti lill-awtorità rikjedenti titlob u tikseb l-informazzjoni kollha li hija tista’ raġonevolment tqis li se tkun rilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha, mingħajr madankollu ma tawtorizzaha tmur lil hinn b’mod manifest il-kuntest tagħha jew timponi oneru eċċessiv fuq l-awtorità rikjesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 63 u 66 sa 68).

111    Barra minn hekk, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tas-setgħa pubblika fl-isfera tal-attività privata tagħhom, imsemmi fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-awtorità rikjedenti, li hija inkarigata mill-investigazzjoni li twassal għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni, għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, tevalwa r-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba, madankollu hija ma tistax titlob lill-awtorità rikjesta informazzjoni li ma hija ta’ ebda rilevanza għal din l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 70 u 71).

113    B’hekk, deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li permezz tagħha l-awtorità rikjesta tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni tal-awtorità rikjedenti intiża sabiex din tistad għall-informazzjoni, kif imsemmi fil-premessa 9 tad-Direttiva 2011/16, tkun tixbah intervent arbitrarju jew sproporzjonat tas-setgħa pubblika.

114    Minn dan jirriżulta li l-informazzjoni li tintalab għall-finijiet ta’ tali sajda għall-informazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija “prevedibbilment rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/16.

115    F’dan ir-rigward, l-awtorità rikjesta għandha tivverifika li l-motivazzjoni għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni li ntbagħtitilha mill-awtorità rikjedenti hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-informazzjoni inkwistjoni ma tidhirx prevedibbilment irrilevanti fir-rigward tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għal din it-talba, fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ tali investigazzjoni u, fil-każ li jkun neċessarju tinkiseb l-informazzjoni inkwistjoni mingħand persuna li jkollha din l-informazzjoni, fir-rigward tal-identità ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 76, 78, 80 u 82).

116    Barra minn hekk, fil-każ fejn din il-persuna tkun ippreżentat azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li tkun ġiet indirizzata lilha, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni għandha tivverifika li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u tat-talba li fuqha hija bbażata hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-informazzjoni inkwistjoni ma tidhirx, b’mod manifest, li hija prevedibbilment irrilevanti fir-rigward tal-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata, fir-rigward tal-persuna li għandha din l-informazzjoni u fir-rigward tal-ħtiġiet tal-investigazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 86).

117    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni bħal dik li wasslet għat-tilwima prinċipali fil-Kawża C‑245/19, meħuda flimkien mat-talba għal skambju ta’ informazzjoni li fuqha hija bbażata, tirrigwardax informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali deċiżjoni, meħuda flimkien ma’ tali talba, evidentement tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli sa fejn hija tindika l-identità tal-persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għal din it-talba, il-perijodu kopert minn din l-investigazzjoni kif ukoll l-identità tal-persuna li għandha informazzjoni dwar kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet konklużi jew imwettqa matul dan il-perijodu u marbuta mal-persuna taxxabbli inkwistjoni.

119    Id-dubji tal-qorti tar-rinviju madankollu joriġinaw mill-fatt li din id-deċiżjoni, meħuda flimkien ma’ din it-talba, tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li ma humiex identifikati b’mod preċiż.

120    Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-imsemmija deċiżjoni, meħuda flimkien mal-imsemmija talba, tirrigwarda, mingħajr dubju, informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli sa fejn tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li ġew konklużi jew imwettqa, matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni, mill-persuna li għandha informazzjoni dwarhom u li għandha rabta mal-persuna taxxabbli kkonċernata minn din l-investigazzjoni.

121    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, kemm l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll l-imsemmija talba seħħew matul il-fażi preliminari tal-imsemmija investigazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tiġbor informazzjoni li l-awtorità rikjedenti ma għandhiex, ipotetikament, konoxxenza preċiża u kompleta tagħha.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa prevedibbli li ċerta informazzjoni li hija koperta mid-deċiżjoni li tordna l-għoti ta’ informazzjoni li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑245/19, meħuda flimkien mat-talba għal skambju ta’ informazzjoni li fuqha hija tibbaża ruħha, fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta, fi tmiem l-investigazzjoni mmexxija mill-awtorità rikjedenti, mhux rilevanti fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni.

123    Madankollu, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 118 u 120 ta’ din is-sentenza, din is-sitwazzjoni ma tistax timplika li, għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni inkwistjoni tista’ titqies bħala li tidher, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli u, għaldaqstant, bħala li ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16.

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑245/19 għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni sabiex tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies, meħuda flimkien ma’ din it-talba, bħala li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli meta hija tkun tindika l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni inkwistjoni, dik tal-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-perijodu kopert minn din tal-aħħar, u meta hija tkun tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li, għalkemm ma jkunux identifikati b’mod preċiż ikunu delimitati permezz ta’ kriterji dwar, l-ewwel nett, il-fatt li dawn ma ġewx rispettivament konklużi jew imwettqa mill-persuna li jkollha l-informazzjoni, it-tieni nett, il-fatt li dawn seħħew matul il-perijodu kopert minn din l-investigazzjoni u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli kkonċernata.

 Fuq l-ispejjeż

125    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014, tkun teskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, tkun tista’ tiġi suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja ppreżentata minn tali persuna, u

–        li ma jipprekludix li tali leġiżlazzjoni tkun teskludi li tali deċiżjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati mill-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, mill-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija talba, kif ukoll minn terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni.

2)      L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, kif emendata bid-Direttiva 2014/107, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni sabiex tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies, meħuda flimkien ma’ din it-talba, bħala li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli meta hija tkun tindika l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni inkwistjoni, dik tal-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-perijodu kopert minn din tal-aħħar, u meta hija tkun tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li, għalkemm ma jkunux identifikati b’mod preċiż ikunu delimitati permezz ta’ kriterji dwar, l-ewwel nett, il-fatt li dawn ma ġewx rispettivament konklużi jew imwettqa mill-persuna li jkollha l-informazzjoni, it-tieni nett, il-fatt li dawn seħħew matul il-perijodu kopert minn din l-investigazzjoni u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli kkonċernata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.