Language of document : ECLI:EU:C:2024:212

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C652/22

Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret A.Ș.

vs

Državna komisija za kontrolu postupaka javne nabave,

fil-preżenza ta’:

HŽ Infrastruktura d.o.o.,

Strabag AG,

Strabag d.o.o.,

Strabag Rail a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 43 – Aċċess ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiż terz li ma kkonkludiex ftehim internazzjonali mal-Unjoni Ewropea dwar kuntratti pubbliċi – Tressiq tal-offerti – Possibbiltà ta’ offerent li jipprovdi provi addizzjonali dwar il-kwalifiki tekniċi u professjonali tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”






 I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja) joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara ċ-ċirkustanzi li fihom, wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jfittxu korrezzjonijiet jew kjarifiki mingħand l-offerenti. Madankollu, qabel ma tieħu din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tiddeċiedi dwar żewġ kwistjonijiet ta’ dritt li jirrigwardaw l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni Ewropea ma kkonkludietx ftehim internazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi (2) għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni? Fl-affermattiv, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom dawn l-operaturi jistgħu jagħmlu dan jew din hija kwistjoni li hija esklużivament għall-Unjoni sabiex tiddeċiedi dwarha?

 II.      Ilkuntest ġuridiku

 A.      Iddritt talUnjoni

 1.      IdDirettiva 2014/25/UE

2.        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (3) tistabbilixxi:

“Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (4) approvat b’mod partikolari l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi (il-‘FAP’) L-għan tal-FAP huwa li jistabbilixxi qafas multilaterali ta’ drittijiet u dmirijiet ibbilanċjati marbuta mal-kuntratti pubbliċi bil-għan li tinkiseb il-liberalizzazzjoni u t-twessigħ tal-kummerċ dinji. Għal kuntratti koperti mill-Annessi 3, 4 u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-FAP, kif ukoll permezz ta’ ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn li l-Unjoni hija marbuta bihom, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jissodisfaw l-obbligi skont dawn il-ftehimiet billi japplikaw din id-Direttiva għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi li huma firmatarji tal-ftehimiet.”

3.        L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Prinċipji ta’ akkwist” jipprevedi:

“L-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

[…]”

4.        Skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Kondizzjonijiet relatati mal-FAP u ftehimiet internazzjonali oħra”:

“Sa fejn huma koperti mill-Annessi 3, 4, u 5 u n-Noti Ġenerali għall-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għall-FAP u minn ftehimiet internazzjonali oħrajn li l-Unjoni Ewropea hija marbuta bihom, l-entitajiet kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) għandhom jagħtu trattament lix-xogħlijiet, il-provvisti, s-servizzi u l-operaturi ekonomiċi tal-firmatarji għal dawk il-ftehimiet li ma jkunx inqas favorevoli mit-trattament mogħti lix-xogħlijiet, il-provvisti, is-servizzi u l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.”

5.        L-Artikolu 76(4) tad-Direttiva 2014/25 jistabbilixxi:

“Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-operaturi ekonomiċi tkun jew tidher li tkun mhux kompleta, nieqsa jew żbaljata, l-entitajiet kontraenti jistgħu, sakemm il-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva ma tipprevedix mod ieħor, jesiġu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jissottomettu, jissupplementaw, jikkjarifikaw jew jimlew l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni rilevanti f’limitu ta’ żmien adatt, sakemm tali esiġenzi isiru b’konformità sħiħa mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.”

6.        L-Artikolu 86 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi rigward kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe diffikultà ġenerali, fil-liġi jew fil-fatt, li jkunu ltaqgħu magħha u ġiet rapportata mill-impriżi tagħhom huma u jiżguraw l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz f’pajjiżi terzi.

2.      Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill sat‑18 ta’ April 2019 u perijodikament wara dan, dwar il-ftuħ ta’ kuntratti ta’ servizz f’pajjiż terzi u dwar progress f’negozjati ma’ dawn il-pajjiżi dwar dan is-suġġett, partikolarment fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

3.      Il-Kummisssjoni għandha tagħmel sforz, billi tavviċina lill-pajjiż terz ikkonċernat, biex tirrimedja kwalunkwe sitwazzjoni li fiha ssib, fuq il-bażi jew tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 jew ta’ informazzjoni oħra, li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz, pajjiż terz:

(a) ma jagħtix lill-impriżi tal-Unjoni aċċess effettiv komparabbli ma’ dak mogħti mill-Unjoni lill-impriżi ta’ dak il-pajjiż; jew

(b) ma jagħtix lill-impriżi tal-Unjoni trattament nazzjonali jew l-istess opportunitajiet kompetittivi li huma disponibbli għall-impriżi nazzjonali; jew

(c) jagħti lil impriżi minn pajjiżi terzi oħra trattament aktar favorevoli minn dak mogħti lil impriżi tal-Unjoni.

(4)      L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’kull diffikultà, fil-liġi jew fil-fatt, li jkunu ltaqgħu magħha u li ġiet rapportata mill-impriżi tagħhom u li tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi tax-xogħol elenkati fl-Anness XIV meta dawk l-impriżi jkunu ppruvaw jiżguraw l-għoti ta’ kuntratti f’pajjiżi terzi.

(5)      Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni tista’ f’kull ħin tipproponi li l-Kunsill jadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi jew jirrestrinġi, fuq perijodu li jrid jiġi stabbilit f’dak l-att ta’ implimentazzjoni, l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz lil:

(a) impriżi rregolati mil-liġi tal-pajjiż terz inkwistjoni;

(b) impriżi affiljati mal-impriżi speċifikati f’punt (a) u li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fl-Unjoni imma ma għandhomx rabta diretta u effettiva mal-ekonomija ta’ Stat Membru;

(c) impriżi li jippreżentaw offerti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi li joriġinaw fil-pajjiż terz inkwistjoni.

Il-Kunsill għandu jaġixxi, b’maġġoranza kwalifikata, kemm jista’ jkun malajr.

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi dawk il-miżuri fuq inizjattiva proprja jew fuq it-talba ta’ Stat Membru.

(6)      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-impenji tal-Unjoni b’rabta ma’ pajjiżi terzi li jirriżultaw minn ftehimiet internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku, partikolarment fil-qafas tad-WTO.”

 2.      IdDirettiva 2014/24/UE

7.        L-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (5), intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku” jistabbilixxi:

“1.      Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (DEAU) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;

(b) jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 58;

(c) fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 65.

Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet.

Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn.

[…]

4.      Awtorità kontraenti tista’, fi kwalunkwe mument matul il-proċedura, titlob lill-offerenti u lill-kandidati jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn kollha jew parti minnhom fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura.

Qabel ma tagħti l-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha, ħlief fir-rigward tal-kuntratti bbażati fuq ftehimiet qafas meta tali kuntratti jkunu konklużi f’konformità mal-Artikolu 33(3) jew il-punt (a) tal-Artikolu 33(4), tobbliga lill-offerent li lilu tkun iddeċidiet li tagħti l-kuntratt li jippreżenta dokumenti ta’ sostenn aġġornati skont l-Artikolu 60 u, fejn adegwat, l-Artikolu 62. L-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi sabiex jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati riċevuti skont l-Artikoli 60 u 62.”

 3.      Iddritt internazzjonali

8.        Fit‑12 ta’ Settembru 1963, ġie konkluż il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) (6). Fit‑23 ta’ Novembru 1970, il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ffirmaw Protokoll Addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”) (7). Għalkemm dawn il-ftehimiet ma jipprevedux il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, permezz tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li ma jintroduċux bejniethom restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

9.        Fit‑22 ta’ Diċembru 1995, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/95 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (8). L-Artikolu 48 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jipprevedi li, mill-iktar fis possibbli wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jistabbilixxi data għall-bidu tan-negozjati mmirati lejn il-ftuħ reċiproku tas-swieq rispettivi tal-kuntratti pubbliċi tal-Partijiet u li mbagħad ser jirrevedi l-progress f’dan il-qasam kull sena.

10.      Fil‑11 ta’ April 2000, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 2/2000 dwar il-ftuħ ta’ negozjati għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi u għall-ftuħ reċiproku tas-swieq tal-kuntratti pubbliċi bejn il-Komunità u t-Turkija (9). Dawn in-negozjati għadhom ma ġewx konklużi (10). Għall-kuntrarju tal-Unjoni, it-Turkija ma hijiex parti għall-FAP.

 B.      Iddritt Kroat

11.      L-Artikolu 3(8) taż-Zakon o javnoj nabavi (11) (l-Att dwar il-Kuntratti Pubbliċi) jipprevedi:

“‘Operatur ekonomiku’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluża fergħa, entità pubblika jew grupp ta’ persuni jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja tagħhom, li toffri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq”.

12.      Skont l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

“Fl-applikazzjoni ta’ dan l-att, fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha, l-awtorità kontraenti għandha tosserva l-prinċipji tal-moviment liberu tal-prodotti, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minnhom, bħall-prinċipji ta’ kompetizzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.”

13.      Skont l-Artikolu 84 tal-Att dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

“Fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti għandha tagħti lill-operaturi ekonomiċi tal-Istati firmatarji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (FAP), jew ftehimiet internazzjonali oħra li l-Unjoni hija marbuta bihom, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri.”

14.      L-Artikolu 263(2) tal-Att dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistiednu lill-operaturi ekonomiċi jikkompletaw jew jispjegaw dokumenti li jirċievu mingħand dawn l-operaturi ekonomiċi. Skont l-Artikolu 293 tiegħu:

“(1)      Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi mill-operaturi ekonomiċi ma humiex jew jidhru li ma humiex kompluti jew korretti, jew fejn ċerti dokumenti huma neqsin, l-awtorità kontraenti tista’ titlob lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati, f’konformità mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, biex jissuplimentaw, jiċċaraw, jispeċifikaw jew jissottomettu l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni neċessarja f’perijodu ta’ żmien xieraq ta’ mill-inqas ħamest ijiem.

(2)      L-atti adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma għandhomx iwasslu għal negozjati dwar il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt jew dwar is-suġġett tal-kuntratt previst.”

 III.      Ittilwima filkawża prinċipali, ittalba għal deċiżjoni preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

15.      Fis‑7 ta’ Settembru 2020, HŽ Infrastruktura d.o.o. (iktar ’il quddiem “HŽ Infrastruktura”), l-entità kontraenti, nediet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għat-titjib tal-infrastruttura ferrovjarja bejn żewġt ibliet fil-Kroazja. Is-sejħa għal offerti kienet teħtieġ li l-offerenti jkollhom livell minimu ta’ kapaċità teknika u professjonali. Sabiex jissodisfaw dan il-kriterju tal-għażla, l-offerenti kienu meħtieġa jissottomettu lista tax-xogħlijiet li huma kienu lestew fid-deċennju preċedenti, flimkien ma’ deskrizzjoni ddettaljata tagħhom.

16.      HŽ Infrastruktura kkonkludiet li sitta mill‑15‑il offerta sottomessa kienu jissodisfaw il-kriterji tal-għażla. Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret A.Ş. (iktar ’il quddiem “Kolin”), kumpannija stabbilita fit-Turkija, issottomettiet waħda mill-offerti magħżula. Fil‑25 ta’ Jannar 2022, HŽ Infrastruktura tat il-kuntratt pubbliku lil Strabag AG (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti inizjali”).

17.      Wara lment minn Kolin, fl‑10 ta’ Marzu 2022 id-Državna komisija za kontrolu postupaka javne nabave (il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, il-Kroazja), annullat id-deċiżjoni ta’ għoti inizjali. Hija kkunsidrat li HŽ Infrastruktura ma kinitx issostanzjat il-konklużjoni tagħha li Strabag kienet issodisfat ir-rekwiżit ta’ kapaċità teknika u professjonali. L-uniċi xogħlijiet imsemmija fl-offerta ta’ Strabag, jiġifieri dawk li hija kienet wettqet fuq il-linja ferrovjarja Pragersko-Hodoš (is-Slovenja), ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

18.      Fis‑6 ta’ April 2022, HŽ Infrastruktura talbet lil Strabag tipprovdilha lista emendata tax-xogħlijiet, flimkien maċ-ċertifikati rilevanti tal-eżekuzzjoni sodisfaċenti. Strabag ipprovdiet tali ċertifikat għax-xogħlijiet imwettqa fuq il-linja ferrovjarja Pragersko-Hodoš. Hija ħadet din l-opportunità wkoll sabiex tirreferi u tipprovdi ċertifikati għal xogħlijiet li hija kienet wettqet fuq l-awtostrada tal-wied ta’ Steyr (l-Awstrija). Wara li eżaminat dawn id-dokumenti kollha, fit‑28 ta’ April 2022, HŽ Infrastruktura tat il-kuntratt pubbliku lil Strabag (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti definittiva”).

19.      Kolin ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi kontra d-deċiżjoni ta’ għoti definittiva, billi sostniet li HŽ Infrastruktura ma setgħetx tistieden lil Strabag tipprovdi provi addizzjonali tal-kapaċità teknika u professjonali tagħha. Fil‑15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni li, minkejja li r-riferiment għax-xogħlijiet fuq il-linja ferrovjarja Pragersko-Hodoš ma kienx jissodisfa r-rekwiżit tal-kapaċità teknika u professjonali tas-sejħa għal offerti, xejn ma kien jipprekludi lil HŽ Infrastruktura milli tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħlijiet fuq l-awtostrada tal-wied ta’ Steyr f’dan il-kuntest.

20.      Kolin ippreżentat rikors quddiem il-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell) għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti definittiva. Dik il-qorti hija tal-fehma li, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti inizjali, HŽ Infrastruktura setgħet, u anki kellha, titlob lil Strabag għal provi addizzjonali dwar ix-xogħlijiet li hija kienet wettqet fuq il-linja ferrovjarja Pragersko-Hodos. Bħalma kienet ikkonstatat korrettament il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, dawn ix-xogħlijiet ma kinux juru li Strabag kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ kapaċità teknika u professjonali.

21.      Il-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell) madankollu tiddubita jekk Strabag setgħetx tirreferi għal xogħlijiet fuq l-awtostrada tal-wied ta’ Steyr, peress li l-offerta inizjali tagħha ma kinitx tagħmel riferiment għal dawn ix-xogħlijiet. Hija tixtieq tkun taf jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Esaprojekt (12) tistax, b’analoġija, tipprovdi gwida dwar din il-kwistjoni (13). Hija għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 76 [tad-Direttiva 2014/25/UE], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, jippermetti li awtorità kontraenti tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li l-offerent ikun ippreżenta għall-ewwel darba wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tal-offerta, liema dokumenti ma kinux koperti mill-offerta inizjali u li jistabbilixxu fatti li l-offerent ma kienx iddikjara fl-offerta inizjali?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni fejn l-ewwel deċiżjoni dwar is-selezzjoni tkun ġiet annullata u l-każ ikun intbagħat lura quddiem l-awtorità kontraenti sabiex terġa’ twettaq il-proċedura ta’ reviżjoni u tevalwa l-offerti, l-awtorità kontraenti pubblika titlob lill-operatur ekonomiku jippreżenta dokumenti addizzjonali li jistabbilixxu li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, liema dokumenti ma kinux koperti mill-offerta inizjali, bħalma hija lista ta’ xogħlijiet eżegwiti flimkien ma’ referenza addizzjonali li ma kinitx fil-lista oriġinali ta’ xogħlijiet u li ma kinitx parti integrali mill-offerta inizjali?

3)      L-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’sitwazzjoni fejn l-ewwel deċiżjoni dwar is-selezzjoni tkun ġiet annullata u l-każ ikun intbagħat lura quddiem l-awtorità kontraenti sabiex terġa’ twettaq il-proċedura ta’ reviżjoni u tevalwa l-offerti, operatur ekonomiku jippreżenta quddiem l-awtorità kontraenti pubblika dokumenti li jistabbilixxu li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, liema dokumenti ma kinux koperti mill-offerta inizjali, bħalma hija lista ta’ xogħlijiet eżegwiti flimkien ma’ referenza addizzjonali li ma kinitx fil-lista oriġinali ta’ xogħlijiet u li ma kinitx parti integrali mill-offerta inizjali?”

22.      Kolin, Strabag, HŽ Infrastruktura, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, il-Gvern Ċek, Estonjan, Franċiż, Kroat u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

23.      Għalkemm l-ebda waħda mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ma qajmet oġġezzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina, ex officio, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari jew jekk din it-talba hijiex ammissibbli (14). Peress li kellha dubji dwar jekk operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti humiex intitolati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi rregolati mid-Direttiva 2014/25, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 23(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex iwieġbu bil-miktub għal żewġ mistoqsijiet. Kolin, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, il-Gvern Estonjan, Franċiż, Kroat, Awstrijak, u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet.

24.      Waqt is-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2023, Kolin, HŽ Infrastruktura, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, il-Gvern Kroat, Ċek, Daniż u dak Franċiż, kif ukoll il-Kummissjoni, ressqu argument orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 IV.      Evalwazzjoni

 A.      Ammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

25.      L-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq jekk ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula hijiex meħtieġa sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi t-tilwima li tinsab quddiemha. Isegwi li r-risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, b’xi mod, ikunu jistgħu jiġu applikati għall-eżitu ta’ din it-tilwima (15).

 1.      Parteċipazzjoni taloperaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi mhux koperti filproċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi flUnjoni

–       Osservazzjonijiet ippreżentati

26.      Il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u l-Gvern Kroat donnhom jissuġġerixxu li l-applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/25 tinkludi l-operaturi ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom. Il-Gvern Awstrijak isostni li, għalkemm, bħala prinċipju, id-Direttiva 2014/25 ma tapplikax għall-operaturi minn pajjiżi terzi mhux koperti, tali operaturi jistgħu jinvokaw din id-direttiva meta awtorità kontraenti tkun ippermettiet il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

27.      Il-Gvern Estonjan, Franċiż u dak Pollakk jissottomettu li l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/25. Dan huwa ċar, inter alia, mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25, li ma jkun iservi ebda għan li kieku dan ma kienx il-każ.

28.      Il-Kummissjoni tqis li, apparti l-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25, l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi ma humiex intitolati li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni u jistgħu, għalhekk, jiġu esklużi minnhom (16). Kolin u l-Kummissjoni jesprimu l-fehma li għalkemm ebda ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u t-Turkija ma jirregola l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’dan l-Istat jistgħu jinvokaw dan id-dritt billi jinvokaw il-klawżola ta’ “standstill” dwar l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tinsab fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali.

–       Analiżi

29.      F’dak li jikkonċerna l-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25 jipprevedi li din id-direttiva għandha tapplika għall-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiż li huwa parti għall-FAP jew għal ftehim internazzjonali ieħor dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-Unjoni hija marbuta bih. It-test ta’ din id-dispożizzjoni jidher għalhekk li jissuġġerixxi li d-Direttiva 2014/25 ma tapplikax għall-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti.

30.      L-unika dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2014/25 li tapplika għall-fornituri ta’ servizzi minn pajjiżi terzi mhux koperti hija l-Artikolu 86 (17), riprodott fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet (18). Peress li dan l-artikolu jagħmel riferiment għall-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni, jista’ jiġi dedott minnu li tali parteċipazzjoni hija prevista, tal-inqas f’ċerti ċirkustanzi (19). Moqri flimkien mal-Artikolu 43 tagħha, l-Artikolu 86 tad-Direttiva 2014/25 jissuġġerixxi wkoll li l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti f’tali proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tiġi ddeterminata każ b’każ (20).

31.      Il-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet jagħmilha ċara li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew ta’ xi ftehim internazzjonali li l-Unjoni u t-Turkija huma parti għalih, ma tirregola il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Turkija fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni. Il-Kummissjoni u Kolin isostnu madankollu li tali operaturi jistgħu jinvokaw il-klawżola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali f’dan il-kuntest.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huwa fformulat b’mod tant ċar, preċiż u inkundizzjonat, li għandu effett dirett (21). Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tagħti dritt li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Turkija. Din tikkonsisti fi projbizzjoni li tiġi introdotta kwalunkwe miżura ġdida li għandha l-għan jew l-effett li tissuġġetta lil dawn l-operaturi għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li kienu applikabbli meta daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali fi Stat Membru (22). Klawżola ta’ standstill, bħal dik inkluża fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, hija regola kważi-proċedurali li tistabbilixxi, ratione temporis, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istati Membri li għalihom jista’ jsir riferiment sabiex jiġi evalwat jekk impriża stabbilita fit-Turkija tistax teżerċita l-libertà ta’ stabbiliment f’dan l-Istat Membru. B’hekk hija tissostitwixxi kull dispożizzjoni legali sussegwenti intiża sabiex tintroduċi restrizzjoni ġdida (23). Meta din il-kwistjoni qamet waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika ebda dispożizzjoni legali fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni li kienet tagħti lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Turkija aċċess għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’dan l-Istat Membru.

33.      Isegwi li operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/25 (24). Għalkemm din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jidher mill-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikorrenti ssib ruħha f’tali pożizzjoni. Peress li r-rikorrenti ma għandhiex id-dritt li tipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi rregolata mid-Direttiva 2014/25, hija ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tagħha quddiem qorti ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ma tistax tikseb risposta għal rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li kwalunkwe risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti għat-talba tagħha ma jkollhiex effett vinkolanti. Din ir-raġuni hija biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata konstatazzjoni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli.

34.      Madankollu, jista’ jiġi sostnut li, għalkemm il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha tiġi rregolata mill-Istati Membri, dawn l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali, anki meta l-miżuri nazzjonali applikabbli kienu ġew adottati sabiex jiġu trasposti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex nindirizza din il-kwistjoni, ser neżamina t-tieni mistoqsija mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio.

 2.      Issetgħa li tiġi rregolata lparteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi filproċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti flUnjoni

–       Osservazzjonijiet ippreżentati

35.      Kważi l-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jirregolaw il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Tressqu żewġ argumenti prinċipali insostenn ta’ dan. Xi partijiet iqisu li tali parteċipazzjoni taqa’ taħt il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (25). Għalkemm partijiet oħrajn jaċċettaw li s-setgħa li tiġi rregolata tali parteċipazzjoni taqa’ esklużivament taħt l-Unjoni, huma jsostnu li l-Istati Membri jistgħu madankollu jaġixxu f’dan il-qasam (26).

36.      Mingħajr ma jindika b’mod espliċitu jekk is-suġġett jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea jew dik li jikkondividi ma’ din tal-aħħar, il-Gvern Kroat isostni li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda projbizzjoni ġenerali fuq il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni (27). Huwa jsostni li l-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-offerenti ta’ pajjiżi terzi (28) tikkonferma din il-proposta meta hija tindika li l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi jistgħu jiġu esklużi minn dawn il-proċeduri, mingħajr ma teżiġi l-esklużjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Kuntratti Pubbliċi ssostni li l-istess prinċipji japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-Kroazja, irrispettivament mill-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom.

37.      Kolin issostni li l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Sakemm l-ewwel waħda ma tkunx ipprevediet dispożizzjoni speċifika biex tirregola din il-parteċipazzjoni, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jaġixxu. Bl-istess mod, il-Gvern Pollakk iqis li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 għal operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi ma taqax taħt il-politika kummerċjali komuni, kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-suq intern, li hija kompetenza kondiviża. Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddeċiedu li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplika għal operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi la ma humiex dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25.

38.      Il-Gvern Estonjan isostni li, peress li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar is-suq intern jikkostitwixxu l-bażi legali tad-Direttiva 2014/25, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni ta’ tali operaturi ekonomiċi f’dawn il-proċeduri iżda ma humiex obbligati li jagħmlu dan.

39.      Għalkemm il-Gvern Daniż, Franċiż u dak Awstrijak iqisu li l-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, huma jsostnu, għal raġunijiet differenti, li l-Istati Membri jistgħu jaġixxu f’dan il-qasam.

40.      Il-Gvern Awstrijak jaċċetta li r-regolazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi f’tali proċeduri taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Fl-assenza ta’ xi dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2014/25 f’dan is-sens, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw miżuri b’dan l-għan. Il-Gvern Daniż isostni li, meta l-Unjoni ma teżerċitax il-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-arranġamenti li skonthom l-operaturi minn pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw f’tali proċeduri. Il-Gvern Franċiż iqis ukoll li l-miżuri intiżi sabiex jeskludu lill-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jadottaw miżuri ġenerali relatati mal-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi f’dawn il-proċeduri, iżda jistgħu jadottaw miżuri f’każijiet individwali.

41.      Il-Kummissjoni targumenta li l-arranġamenti li bihom operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi organizzati fi ħdan l-Unjoni jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li hija biss tista’ tadotta atti legalment vinkolanti li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament għall-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi (29).

–       Analiżi

42.      L-Artikolu 3(1)(e) TFUE jipprevedi li l-politika kummerċjali komuni hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, din il-politika hija bbażata fuq prinċipji uniformi u tkopri l-kummerċ fi prodotti u servizzi (30). Peress li t-Trattati ma jsemmux l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-proċeduri li jirregolaw dawn l-għotjiet jaqgħux taħt is-suq intern, kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (31) jew il-politika kummerċjali komuni. F’dan il-kuntest, huwa utli li jitfakkar li s-suq intern jirregola l-kummerċ bejn l-Istati Membri, filwaqt li l-politika kummerċjali komuni tikkonċerna l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (32). L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ għalhekk ikollu dimensjoni kemm interna kif ukoll esterna.

43.      L-Artikolu 53 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 62 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-Artikolu 114 TFUE, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern bħala l-għan tagħhom, jipprovdu l-bażi legali għad-Direttiva 2014/25 (33). Jidher li jsegwi li d-dimensjoni intra-Unjoni tar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inkluża d-Direttiva 2014/25, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-suq intern.

44.      Miżura maħsuba sabiex tippromwovi, tiffaċilita jew tirregola l-kummerċ internazzjonali u li għandha effetti diretti u immedjati l-kummerċ taqa’ fi ħdan il-politika kummerċjali komuni (34). Miżura b’implikazzjonijiet anċillari biss għall-kummerċ internazzjonali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-politika (35). L-arranġamenti intiżi sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fi ħdan l-Unjoni jaqgħu taħt l-ewwel jew it-tieni waħda minn dawn il-kategoriji?

45.      Fl-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni-Singapor), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali previst mar-Repubblika ta’ Singapor. Dan il-ftehim internazzjonali kien jinkludi kapitolu dwar il-kuntratti pubbliċi li kien jiddetermina l-arranġamenti li bihom l-operaturi ekonomiċi ta’ kull parti setgħu jipparteċipaw fil-proċeduri ta’għoti ta’ kuntratti pubbliċi organizzati mill-awtoritajiet tal-parti l-oħra. Peress li dan il-kapitolu kellu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi bejn il-partijiet għal dan il-ftehim internazzjonali, huwa kien jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni (36). Dik l-opinjoni tidher għalhekk li tappoġġja l-idea li d-dimensjoni esterna tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-Unjoni għandha tiddetermina jekk u, fl-affermattiv, f’liema kundizzjonijiet, l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni (37). L-Artikolu 207 TFUE jindika li din is-setgħa tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u, fejn neċessarju, in-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali. Huwa f’dan il-kuntest li l-Unjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħloq opportunitajiet kummerċjali għall-impriżi stabbiliti hemmhekk billi tfittex li tiftaħ is-swieq tal-kuntratti pubbliċi ta’ pajjiżi terzi fuq bażi reċiproka (38).

46.      Skont l-Artikolu 2(2) TFUE, meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dan il-qasam. L-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni ma teżerċitax tagħha. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-Unjoni (i) tkun għadha ma għamlitx dan jew (ii) tkun waqfet milli tagħmel dan (39).

47.      Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam (40), u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan biss jekk l-Unjoni tagħtihom is-setgħa jagħmlu dan jew sabiex jimplimentaw atti tal-Unjoni (41). Anki meta l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza esklużiva tagħha f’qasam partikolari, Stat Membru ma jistax jinvoka l-assenza tal-Unjoni milli teżerċita l-kompetenza tagħha sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni f’dan il-qasam (42). Ladarba tingħata kompetenza esklużiva lill-Unjoni, it-telf tal-kompetenza tal-Istati Membri jkun immedjat u dan l-għoti jseħħ irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx eżerċitat din il-kompetenza jew le (43). Peress li l-għoti ta’ kompetenza esklużiva lill-Unjoni jċaħħad lill-Istati Membri minn kull kompetenza fil-qasam ikkonċernat, isegwi li kwalunkwe azzjoni mill-Istati Membri hija, a priori, f’kunflitt mat-Trattati (44).

48.      Peress li huwa biss b’eċċezzjoni li l-Artikolu 2(1) TFUE jagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex jaġixxu f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (45), u l-eċċezzjonijiet normalment jiġu interpretati u applikati b’mod strett, kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru għandha tkun speċifika (46), ikollha kamp ta’ applikazzjoni limitat, u temporanja (47).

49.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (48) eżaminat ċirkustanzi li fihom Stat Membru adotta miżuri minħabba n-nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd (49). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li, minħabba l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi bijoloġiċi u teknoloġiċi, l-Istati Membri għandhom mnejn ikollhom jemendaw miżuri ta’ konservazzjoni (50) u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu jaġixxu bħala trustees tal-interessi komuni tal-Unjoni (51). Madankollu, qabel ma jadotta tali miżuri, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob, b’bona fide, l-approvazzjoni tal-Unjoni u ma għandux jadotta miżuri li din toġġezzjona għalihom jew li timponi kundizzjonijiet fuqhom (52). Dik is-sentenza tissuġġerixxi li Stat Membru jista’, b’mod eċċezzjonali, jadotta miżuri f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni meta din ma tkunx aġixxiet, sakemm ikun hemm bżonn oġġettiv ta’ dawn il-miżuri, l-Istat Membru jkun innotifika lill-Unjoni bl-intenzjonijiet tiegħu u din ma tqajjem ebda oġġezzjoni.

50.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, billi adottat l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/25, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiż li huwa parti għall-FAP jew għal ftehim internazzjonali ieħor dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-Unjoni hija marbuta bih. Kif spjegat fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Turkija ma jaqgħux taħt din il-kategorija. Minkejja li l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tiddetermina jekk operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti jistgħux jipparteċipaw f’tali proċeduri, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw dan il-fatt biex jerġgħu jiksbu l-kompetenza sabiex jaġixxu f’dan il-qasam.

51.      Bħalma indikaw il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u Kolin, l-awtoritajiet Kroati huma tal-fehma li l-Artikolu 3(8) tal-Att dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jidher li jittrasponi l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2014/25 fid-dritt Kroat, għandu jiġi interpretat fis-sens li proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-Kroazja huma miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom, fl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħra.

52.      Dan l-approċċ iqajjem mill-inqas tliet diffikultajiet. L-ewwel, l-Istati Membri ma għandhomx permess jadottaw leġiżlazzjoni f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sakemm ma għandhomx l-għan li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni jew l-Unjoni tkun tathom is-setgħa jagħmlu dan. Peress li l-Unjoni ma jidhirx li eżerċitat il-kompetenza esklużiva tagħha li tiddetermina l-aċċess minn operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu passi b’dan l-għan jistgħu jinformaw lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni dwar il-pjan propost tagħhom bil-ħsieb li jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Ma hemm xejn fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-Kroazja ħadet dan il-pass. It-tieni, azzjoni unilaterali tal-Istati Membri tista’ tippreġudika l-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Unjoni fil-kuntest tal-isforzi tagħha ta’ ftuħ, fuq bażi reċiproka, tas-swieq tal-kuntratti pubbliċi f’pajjiżi terzi. It-tielet, din tista’ tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, peress li, f’tali ċirkustanzi, l-applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2014/25 tkun tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

53.      Għalkemm id-Direttiva 2014/25 ma tapplikax għall-operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-Turkija, issa ser neżamina jekk il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jistgħux madankollu japplikaw għal sitwazzjonijiet li jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fis-sentenza tagħha f’Dzodzi, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat kawża li fiha d-dritt nazzjonali kien estenda l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet purament interni sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni inversa (53). Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma japplikax għal sitwazzjonijiet purament interni (54), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jagħmlu dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domandi magħmula sabiex tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (55).

54.      Kuntrarjament għas-sitwazzjoni li wasslet għal dik is-sentenza, il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex purament interna u ma tinvolvix kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Peress li d-domandi magħmula fil-kawża ineżami jikkonċernaw kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jiddeċiedu unilateralment li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni. Għaldaqstant, nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma huwiex possibbli li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza Dzodzi.

55.      Peress li d-domandi kollha tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/25, li, għar-raġunijiet esposti fid-dettall fil-punti 29 sa 33 u 42 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma tistax tapplika fil-kuntest tat-tilwima li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha.

56.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli, nipproponi li neżamina kull waħda mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 B.      Sustanza

 1.      Lewwel u ttieni domanda

–       Losservazzjonijiet talpartijiet

57.      Kolin, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikoli 36 u 76 tad-Direttiva 2014/25 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, wara l-iskadenza tat-terminu biex tirċievi l-offerti, l-awtorità kontraenti ma tistax titlob dokumenti jew informazzjoni dwar kwistjonijiet li ma jinsabux fl-offerta inizjali. Għalkemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-offerenti jikkoreġu jew jamplifikaw id-dettalji tal-offerti tagħhom, din l-informazzjoni ma tistax tbiddel is-sustanza ta’ offerta. Kwalunkwe talba għal kjarifika għandha tiġi indirizzata wkoll lill-offerenti kollha f’ċirkustanzi simili. Kolin, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jsostnu li l-fatti tal-kawża ineżami ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

58.      Il-Gvern Estonjan iżid li, fil-fehma tiegħu, HŽ Infrastruktura kisret l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24. Peress li din id-dispożizzjoni hija limitata għall-kjarifika ta’ informazzjoni fid-DEAU u għall-provvista ta’ dokumenti ta’ sostenn, hija ma tipprovdix għass-sottomissjoni ta’ informazzjoni ġdida (56). Peress li d-DEAU ta’ Strabag semma biss ix-xogħlijiet fuq il-linja ferrovjarja Pragersko-Hodoš fl-offerta tagħha, kwalunkwe talba għal kjarifika minn HŽ Infrastruktura u għal dokumenti ta’ sostenn kellha tkun limitata għal dawn ix-xogħlijiet.

59.      Il-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li, wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, awtorità kontraenti tista’ titlob lil offerent jipproduċi dokumenti relatati ma’ ċirkustanzi mhux imsemmija fl-offerta inizjali.

60.      Il-Gvern Kroat, sostnut mill-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, il-Gvern Ċek, Franċiż u dak Pollakk, isostni li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jistiednu lill-offerenti sabiex jiċċaraw jew jikkompletaw informazzjoni jew dokumenti, sakemm din l-istedina ma tammontax għal bidla sostanzjali tal-offerta. F’dan il-kuntest, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn il-kriterji tal-għażla u tal-għoti. Filwaqt li l-offerenti ma jistgħux jemendaw l-offerti tagħhom f’dak li jirrigwarda l-kriterji tal-għoti, peress li dan ikun jikkostitwixxi bidla sostanzjali, huma jistgħu jissupplimentaw informazzjoni jew dokumenti li jikkonċernaw il-kriterji tal-għażla. Skont il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u l-Gvern Ċek, paragun bejn l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/, l-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 76(4) tad-Direttiva 2014/25 (57) juri li dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet ġew adottati sabiex jingħata marġni iktar wiesa’ lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jitolbu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali sabiex tiġi ffaċilitata l-għażla tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

61.      Il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi jsostnu wkoll li r-regoli li jirregolaw id-DEAU jagħtu s-setgħa lill-awtorità kontraenti, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, li titlob lill-offerenti jissottomettu dokumenti ta’ sostenn u jissupplimentaw jew jiċċaraw id-dokumenti li kienet diġà rċeviet. L-element deċiżiv ta’ jekk awtorità kontraenti tistax tirċievi tali dokumenti u teħodhom inkunsiderazzjoni huwa jekk l-informazzjoni supplimentari mitluba tikkonċernax fatti li kienu seħħew qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti. Peress li Strabag irreferiet għax-xogħlijiet li hija kienet lestiet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti, hija kellha d-dritt li ssemmihom, anki għall-ewwel darba, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

62.      Il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, sostnuta mill-Gvern Ċek, issostni wkoll li, minħabba li ntgħażel mill-awtorità kontraenti, l-offerent rebbieħ ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-offerenti telliefa. Minn dan isegwi li stedina lil dan l-offerent sabiex jipprovdi informazzjoni addizzjonali ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

63.      Il-Gvern Kroat, sostnut minn HŽ Infrastruktura, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi kif ukoll il-Gvern Ċek u dak Pollakk, isostnu wkoll li s-sentenza Esaprojekt ma tistax tapplika b’analoġija. Dik is-sentenza eżaminat il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-riżervi fir-rigward tal-kapaċità teknika tiegħu, offerent rebbieħ jistax jissottometti dokument ġdid sabiex jibbaża ruħu fuq kuntratt imwettaq minn operatur ieħor, liema operatur ieħor kien intrabat li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-offerent rebbieħ ir-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Kuntrarjament għall-preċiżazzjonijiet mitluba fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li kienu jirrigwardaw xogħlijiet li l-offerent stess kien wettaq, l-invokazzjoni ta’ dan il-kuntratt kellha effett fuq element essenzjali tal-offerta, jiġifieri l-identità tal-offerent u l-kapaċità teknika tiegħu.

64.      Il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi iżżid li, fis-sentenza Manova, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li offerent seta’ sussegwentement jipprovdi dokument li ma kienx inkluż fl-offerta inizjali tiegħu, jiġifieri l-karta tal-bilanċ tiegħu, sakemm dan id-dokument kien jeżisti qabel it-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti (58).

–       Analiżi

65.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li jistgħu jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità kontraenti titlob dokumenti ġodda mingħand offerent dwar il-kapaċità teknika u professjonali tiegħu b’riferiment għal xogħlijiet mhux imsemmija fl-offerta inizjali, f’ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni inizjali ta’ għoti kienet ġiet annullata u l-kawża kienet ġiet irrinvijata għal evalwazzjoni mill-ġdid.

66.      Qabel kollox, nosserva li t-test tal-Artikolu 76(4) tad-Direttiva 2014/25, id-direttiva settorjali applikabbli, huwa f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24, id-direttiva ġenerali. Jidher li ma hemm ebda raġuni għaliex dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu interpretati bl-istess mod. Sa fejn il-premessa 6 tad-Direttiva 2014/25 tindika li huwa xieraq li l-kunċett ta’ kuntratti pubbliċi li jinsab f’din id-direttiva jiġi interpretat b’mod kemm jista’ jkun qrib dak applikat fid-Direttiva 2014/24, suġġett għall-karatteristiċi speċifiċi tad-direttiva settorjali, hija tikkorrobora din it-teżi. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18 tapplika b’analoġija għall-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24 (59).

67.      Ir-rekwiżit li awtorità kontraenti tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza huwa intiż sabiex jippromwovi kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi u sabiex b’hekk jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi (60). Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza jipprekludu kwalunkwe negozjati bejn awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Ladarba tiġi sottomessa offerta, din ma tistax tiġi emendata, la fuq inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas tal-offerent. Konsegwentement, meta awtorità kontraenti tqis li offerta hija impreċiża jew li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi, hija ma tistax titlob lill-offerent jiċċara jew jispjega l-offerta tiegħu (61). Li jiġi permess li l-awtorità kontraenti teżiġi mingħand offerent sabiex jiċċara jew jispjega offerta li hija tqis impreċiża jew li ma hijiex skont rekwiżiti jew speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti, ikollu r-riskju li din l-awtorità kontraenti tidher li qiegħda tinnegozja mal-offerent b’mod kunfidenzjali, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (62).

68.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix il-possibbiltà li offerta tista’ tiġi kkorreġuta jew issupplimentata fuq punti speċifiċi fejn huwa ċar li dan huwa meħtieġ sabiex jiġu kkorreġuti żbalji materjali manifesti. Sabiex dan ikun jista’ jiġi permess, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel, talba għal kjarifika ma tistax twassal għal bidla tant sostanzjali tal-offerta li hija tista’, fir-realtà, titqies bħala offerta ġdida (63). Talba għal kjarifika ma tistax tirrimedja l-assenza ta’ dokument jew ta’ informazzjoni meħtieġa mis-sejħa għal offerti (64), li mingħajrha offerent għandu jiġi eskluż (65). It-tieni, tali talba għandha ssir lill-offerenti kollha li jinsabu f’ċirkustanzi simili (66).

69.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

70.      Is-sottomissjoni ta’ dokumenti ġodda dwar il-kapaċità teknika u professjonali ta’ offerent b’riferiment għal xogħlijiet mhux imsemmija fl-offerta oriġinali ma tammontax għal korrezzjoni, għal kjarifika jew għal spjegazzjoni. Pjuttost, din tikkostitwixxi emenda sinjifikattiva ta’ din l-offerta, li mingħajrha din l-offerta tiġi miċħuda. Mill-atti tal-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li d-deċiżjoni ta’ għoti inizjali ġiet annullata preċiżament minħabba li l-offerent ma setgħetx turi, b’riferiment għall-informazzjoni u għad-dokumenti fl-offerta oriġinali tagħha, li kienet issodisfat ir-rekwiżiti tekniċi u professjonali tas-sejħa għal offerti.

71.      Skont l-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, id-DEAU huwa dikjarazzjoni mill-offerent li huwa jissodisfa, inter alia, il-kriterji tal-għażla applikabbli. Din l-awtodikjarazzjoni tikkostitwixxi prova a priori f’dan is-sens, minflok ir-rekwiżit ta’ produzzjoni ta’ ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi jew minn terzi (67). Id-DEAU huwa intiż li jagħti lill-awtoritajiet kontraenti stampa preċiża u fidila taċ-ċirkustanzi ta’ kull operatur ekonomiku li jixtieq jissottometti offerta (68). It-tnaqqis tal-piż amministrattiv konsegwenti impost fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi għandu madankollu jiġi rrikonċiljat mal-għan ta’ promozzjoni ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva u mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza (69).

72.      Il-Parti IV tal-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal‑5 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (70) hija intitolata “Kriterji tal-għażla”. Taħt it-Titolu C, intitolat “Il-Kapaċità Teknika u Professjonali”, offerent għandu jelenka kif ukoll jipprovdi numru ta’ dettalji dwar ix-xogħlijiet rilevanti li huwa wettaq. Filwaqt li din id-dispożizzjoni tippermetti għalhekk lil offerent jipprovdi, fuq talba, iċ-ċertifikati u d-dokumenti ta’ sostenn xierqa, hija ma tippermettilux, wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerta tiegħu, jemenda l-elementi essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa ddikjara li ssodisfa l-kriterji tal-għażla applikabbli, jiġifieri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet speċifiċi,.

73.      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u HŽ Infrastruktura sostnew waqt is-seduta li, mid-disa’ offerti miċħuda talli ma ssodisfawx il-kriterji tal-għażla, erbgħa minnhom kienu jinkludu provi insuffiċjenti tal-kapaċità teknika u professjonali, filwaqt li allegatament kellhom insuffiċjenzi oħra.

74.      Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet għall-possibbiltà li jsiru kjarifiki ulterjuri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li l-awtorità kontraenti tindirizza talbiet għal kjarifika lill-parteċipanti kollha li l-offerti tagħhom iqajmu dubji dwar jekk jissodisfawx il-kriterji tal-għażla u li ma tillimitax dawn it-talbiet lill-offerent li lilu tkun għażlet li tagħti l-kuntratt. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni tal-Istat għas-Sorveljanza tal-Proċeduri ta’ Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi u HŽ Infrastruktura sostnew li, wara li eżaminat l-offerti u ċaħdet disgħa minnhom minħabba li ma jissodisfawx il-kriterji tal-għażla, HŽ Infrastruktura eżaminat is-sitt offerti li kien fadal fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti. Għalhekk ma huwiex possibbli li tiġi eskluża l-possibbiltà li, li kieku d-disa’ offerenti inizjalment miċħuda talli ma ssodisfawx il-kriterji tal-għażla kienu ngħataw opportunità li jispjegaw l-offerti tagħhom, wieħed minn dawn l-offerenti seta’ jitqies li ssottometta l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

75.      Kif irrilevaw korrettament diversi partijiet, il-fatti li fir-rigward tagħhom ingħatat is-sentenza Esaprojekt huma differenti minn dawk quddiem il-qorti tar-rinviju. Minn dik is-sentenza jirriżulta li, peress li kkunsidrat li l-esperjenza tal-offerent ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti talbet kjarifika dwar din l-offerta. L-offerent ipprovdiet dokument li kien ibbażat fuq l-esperjenza ta’ sottokuntrattur li hija kienet semmiet fl-offerta inizjali (71). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti x’tifhem li, peress li affettwat l-identità u l-kapaċità tal-offerent, it-tweġiba għat-talba kienet tikkostitwixxi emenda sostanzjali tal-offerta inizjali (72). Tali differenzi fattwali li jistgħu jeżistu bejn iċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat is-sentenza Esaprojekt u dawk li jirriżultaw għall-kunsiderazzjoni fil-kawża ineżami ma jaffettwawx il-prinċipji legali applikabbli, li huma stabbiliti fil-punti 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

76.      Diversi partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sostnew li s-sentenza Manova tappoġġja t-teżi li l-Artikolu 76(4) tad-Direttiva 2014/25 jagħti s-setgħa lil awtorità kontraenti sabiex titlob dokumenti jew informazzjoni li ma humiex inklużi fl-offerta oriġinali f’ċirkustanzi simili għal dawk fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Jiena nissuġġerixxi bir-rispett li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dik is-sentenza. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità kontraenti tista’ titlob korrezzjoni limitata jew speċifika, jew amplifikazzjoni tad-dettalji, ta’ offerta, pereżempju billi titlob kopja ta’ karta tal-bilanċ li kienet ippubblikata qabel it-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti. Hija kkwalifikat din id-deċiżjoni billi ddikjarat li tali talba tkun ipprojbita meta s-sejħa għal offerti kienet teżiġi l-preżentata ta’ dan id-dokument jew ta’ din l-informazzjoni nieqsa taħt piena ta’ esklużjoni mill-proċedura ta’ għoti (73). Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-assenza tar-riferiment għax-xogħlijiet fl-awtostrada tal-wied ta’ Steyr, l-offerta oriġinali ta’ Strabag ma kinitx tissodisfa l-kriterji tal-għażla u kienet tiġi miċħuda, u għaldaqstant taqa’ taħt il-klassifikazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Manova.

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda fis-sens illi l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 36 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità kontraenti titlob mingħand offerent dokumenti ġodda relatati mal-kapaċità teknika u professjonali tiegħu b’riferiment għal xogħlijiet mhux imsemmija fl-offerta oriġinali, f’ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni ta’ għoti inizjali kienet ġiet annullata u l-kwistjoni kienet ġiet irrinvijata għal evalwazzjoni mill-ġdid.

 2.      Fuq ittielet domanda

78.      It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil offerent jipprovdi, minn rajh, dokumenti ġodda relatati mal-kapaċità teknika u professjonali tiegħu b’riferiment għal xogħlijiet mhux imsemmija fl-offerta oriġinali, meta d-deċiżjoni ta’ għoti inizjali tkun ġiet annullata u l-kwistjoni tkun ġiet irrinvijata għal evalwazzjoni mill-ġdid.

79.      Il-parti l-kbira tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindirizzawx it-tielet domanda b’mod separat. Il-Gvern Franċiż isostni li, għalkemm awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-offerenti sabiex jipprovdu kjarifiki wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, l-offerenti ma għandhomx id-dritt li jipprovdu kjarifiki minn rajhom. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2014/25 tipprekludi kwalunkwe emenda sostanzjali ta’ offerta wara l-iskadenza tat-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-awtorità kontraenti tkunx talbet il-kjarifiki jew jekk l-offerent ikunx ipprovdihom minn rajh.

80.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li, pereżempju, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati, jew meta jidher b’mod pjuttost manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mal-fatti attwali jew mal-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (74).

81.      Fil-kawża ineżami, huwa ċar mill-atti tal-proċess li Strabag ipprovdiet id-dokumenti u l-informazzjoni addizzjonali fuq it-talba tal-awtorità kontraenti. Minn dan isegwi li t-tielet domanda hija bbażata fuq ipoteżi u, għal din ir-raġuni, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-fehma, għar-raġunijiet esposti fil-punti 67 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nissuġġerixxi li tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, ma jippermettix lil offerent jipprovdi, minn rajh, dokumenti ġodda relatati mal-kapaċità teknika u professjonali tiegħu b’riferiment għal xogħlijiet mhux imsemmija fl-offerta oriġinali, f’ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni ta’ għoti inizjali kienet ġiet annullata u l-kawża kienet irrinvijata għal evalwazzjoni mill-ġdid.

 V.      Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja) permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2022, hija inammissibbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti.


3      ĠU 2014, L 94, p. 243.


4      Deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


5      ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.


6      ĠU 1977, L 361, p. 29.


7      ĠU 1977, L 361, p. 59.


8      ĠU 2014, L 13, p. 74.


9      ĠU 2000, L 138, p. 27.


10      Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija tas‑26 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (ĠU 2006, L 265, p. 18), ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi.


11      Narodne novine Nru 120/2016.


12      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, (C‑387/14, EU:C:2017:338; iktar ’il quddiem is-“sentenza Esaprojekt”).


13      Il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sentenza Esaprojekt interpretat l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) fir-rigward tal-possibbiltà li l-offerenti jiġu mistiedna jipprovdu dokumenti addizzjonali għall-offerti tagħhom. Peress li d-Direttiva 2014/24 ħassret din id-direttiva, dik il-qorti ma hijiex ċerta jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2004/18 u d-Direttiva 2014/24 tistax tapplika b’analoġija għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2014/25.


14      Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 59).


15      Sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Viagogo (C‑70/22, EU:C:2023:350, punt 23).


16      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, b’analoġija, fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’CRRC Qingdao Sifang u Astra Vagoane Călători (C‑266/22, EU:C:2023:399). Hija tirreferi wkoll għall-premessa 10 tar-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI; ĠU 2022, L 173, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament IPI”) u t-Taqsima 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi Gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti u oġġetti minn pajjiżi terzi fis-suq tal-akkwist tal-UE (ĠU 2019, C 271/02, p. 43; iktar ’il quddiem il-“Gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti minn pajjiżi terzi”).


17      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nirrileva li l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2014/25 jikkonċerna prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim multilaterali jew bilaterali intiż sabiex jiżgura l-aċċess tal-operaturi tal-Unjoni għas-swieq ta’ dawn il-pajjiżi. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw offerti meta s-sehem tal-prodotti li joriġinaw f’pajjiżi terzi mhux koperti jaqbeż il‑50 % tal-valur totali tal-offerta.


18      Skont din id-dispożizzjoni, l-Unjoni tista’ tissospendi jew tirrestrinġi l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz lil operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti meta l-pajjiż li fih huma stabbiliti ma jagħtix lill-operaturi tal-Unjoni aċċess effettiv taħt il-kundizzjonijiet applikabbli għall-operaturi nazzjonali. L-Artikolu 86(6) tad-Direttiva 2014/25 jidher li jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni tapplika għall-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi mhux koperti, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali mill-Unjoni tista’ tidħol f’kunflitt mal-obbligi tal-partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex isolvu t-tilwim. Wang u Arrowsmith jappoġġjaw din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 86 tad-Direttiva 2014/25: ara Wang, P., u Arrowsmith, S., “Trade Relations with Third Countries in Public Procurement”, f’Arrowsmith, S., The Law of Public and Utilities Procurement – Regulation in the EU and UK, Sweet & Maxwell, 2018, Vol. 2, p. 881 sa 895.


19      Filwaqt li r-Regolament IPI ma japplikax għall-fatti tal-kawża ineżami ratione temporis, huwa jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi, minbarra dawk koperti mill-FAP jew minn ftehim internazzjonali ieħor, għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni. Kieku l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi mhux koperti kellhom jingħataw aċċess għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi fiċ-ċirkustanzi kollha, ir-Regolament IPI qatt ma jkun jista’ japplika fil-prattika. Minn dan isegwi li r-Regolament IPI jappoġġja din il-konklużjoni.


20      Il-punti 42 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.


21      Sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 46); tal‑20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 46); u tal‑24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punti 37 u 38).


22      Sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punti 64 u 69); tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 66); u tad‑19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli (C‑228/06, EU:C:2009:101, punt 47).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 55).


24      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża CRRC Qingdao Sifang u Astra Vagoane Călători (C‑266/22, EU:C:2023:399), l-Avukat Ġenerali Rantos wasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/14 għal operatur ekonomiku stabbilit fiċ-Ċina li kien ġie eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni.


25      Kolin, il-Gvern Estonjan u dak Pollakk.


26      Il-Gvern Daniż, Franċiż u dak Awstrijak.


27      Peress li ma jinkludix projbizzjoni ġenerali fuq il-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet impenji dwar l-aċċess għas-suq fi ftehim internazzjonali, ir-Regolament IPI jidher li jikkonferma din it-teżi.


28      p. 43.


29      Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376; iktar ’il quddiem “Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni-Singapor)”), u l-premessa 3 tar-Regolament IPI.


30      It-Trattat ta’ Lisbona emenda l-Artikolu 207(1) TFUE sabiex jiġi ppreċiżat li l-kummerċ fis-servizzi huwa kompetenza esklużiva tal-Unjoni, peress li din qabel kienet kondiviża mal-Istati Membri. Deskrizzjoni tal-evoluzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-politika kummerċjali komuni jinsabu f’Wouters, J., Hoffmeister, F., De Baere, G., Ramopoulos, T., The Law of EU External Relations: Cases, Materials, and Commentary on the EU as an International Legal Actor, Oxford University Press, 2021, p. 230 sa 288.


31      Artikolu 4(2)(a) TFUE.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 50), u tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 56).


33      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2014/25 tistabbilixxi li din hija intiża sabiex tiżgura, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-prodotti, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-istess kunsiderazzjonijiet jirriżultaw mill-preambolu u mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24.


34      Sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C‑347/03, EU:C:2005:285, punt 75), u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 57 u 76).


36      Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni-Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376), punti 75 sa 77.


37      Insostenn ta’ din it-teżi, ara, pereżempju, Wouters, J., Hoffmeister, F., De Baere, G. u Ramopoulos, T., The Law of EU External Relations: Cases, Materials, and Commentary on the EU as an International Legal Actor, Oxford University Press, 2021, p. 255.


38      Gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti ta’ pajjiżi terzi, Taqsima 1.


39      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi magħquda Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2020:756, punt 37).


40      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki miżuri mhux vinkolanti adottati minn Stat Membru jistgħu jidħlu f’kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 1986, Bulk Oil (Zug) (174/84, EU:C:1986:60, punt 9).


41      L-Artikolu 2(1) TFUE.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 53). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi magħquda Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2020:756, punt 44).


43      Sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 54).


44      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi magħquda Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2020:756, punt 38).


45      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Adeżjoni mal-Att ta’ Genève) (C‑24/20, EU:C:2022:404, punt 81).


46      Sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou (41/76, EU:C:1976:182, punti 29 u 32); tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 12); kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C‑83/94, EU:C:1995:329, punt 12). Eżempju ta’ awtorizzazzjoni speċifika mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jinsab fis-sentenza tat‑18 ta’ Frar 1986, Bulk Oil (Zug) (174/84, EU:C:1986:60, punti 31 sa 33).


47      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawżi magħquda Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2020:756, punt 43).


48      Sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1981, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (804/79, EU:C:1981:93).


49      L-assenza ta’ azzjoni kienet konsegwenza tal-istess Stat Membru li kien adotta l-miżuri unilaterali, ir-Renju Unit, li ostakola l-proċess deċiżjonali tal-Kunsill (ibid., punt 9).


50      Ibid., punt 22.


51      Ibid., punt 30.


52      Ibid., punti 27 u 31.


53      Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 13; iktar ’il quddiem is-“sentenza Dzodzi”).


54      Ibid., punt 28.


55      Ibid., punti 34 sa 37.


56      Il-Gvern Estonjan isostni li, skont l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva 2014/25, l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24 japplika għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25, bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju.


57      L-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24 issostitwixxa l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18. L-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 76(4) tad-Direttiva 2014/25 huma f’termini identiċi.


58      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647; iktar ’il quddiem is-“sentenza Manova”).


59      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 93).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 28), u tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 25).


61      Sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 31), u tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 62).


62      Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 28).


63      Ibid., punti 29, 31 u 37. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 64), u tat‑28 ta’ Frar 2018, MA.T.I.  SUD u Deumme SGR (C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2018:122, punt 52).


64      Sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 33), u tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 93).


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, MA.T.I.  SUD u Deumme SGR (C‑523/16 u C‑536/16, EU:C:2018:122, punt 49).


66      Sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 30).


67      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Taxi Horn Tours (C‑631/21, EU:C:2022:869, punt 48).


68      Ibid., punt 49.


69      Ibid., punt 56 u 57.


70      ĠU 2016, L 3, p. 16.


71      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Esaprojekt (C‑387/14, EU:C:2017:338, punti 26 sa 30 u 34).


72      Ibid., punti 41 sa 43.


73      Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punti 39 u 40).


74      Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva (C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).