Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑7 ta’ Marzu 2024 (1)
Kawża C‑701/22
SC AA SRL
vs
MFE
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – Fondi strutturali – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikolu 60 – Funzjoni tal-awtorità ta’ ġestjoni – Prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba – Obbligu ta’ rimbors tal-infiq eliġibbli – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ finanzjament taħt il-FEŻR minħabba irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tiegħu – Annullament tax-xoljiment – Ħlas tardiv – Interessi moratorji – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament – Konsegwenzi”
Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC AA SRL, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Rumen (iktar ’il quddiem “AA”), u l-Ministerul Fondurilor Europene (il-Ministeru għall-Fondi Ewropej, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“MFE”) dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji għar-rimbors tardiv, mill-MFE, ta’ nfiq eliġibbli taħt kuntratt ta’ finanzjament konkluż minnu ma’ AA b’eżekuzzjoni ta’ programm ikkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
2. Dawn il-konklużjonijiet huma intiżi, essenzjalment, għal żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (2), moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirrikjedix jew jeskludix li persuna ġuridika tkun tista’ tikseb mill-awtorità nazzjonali kompetenti interessi moratorji għar-rimbors tardiv ta’ nfiq eliġibbli taħt fondi Ewropej għall-perijodu li matulu kien fis-seħħ att amministrattiv li xolja l-kuntratt ta’ finanzjament, att li sussegwentement ġie annullat mill-qorti nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, jekk il-possibbiltà li jinkisbu tali interessi tiġi aċċettata, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tillimita l-ammont ta’ dawn l-interessi minħabba irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, fl-assenza ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1080/2006
3. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1080/2006 (3), intitolat “L-eliġibbiltà ta’ l-infiq” huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:
“L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:
a) l-interess fuq id-dejn.”
Ir‑Regolament Nru 1083/2006
4. L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Ġestjoni kondiviża”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-budget ta’ l-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implementat fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53(1)(b) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4)], ħlief għall-għajnuna teknika msemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.
Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu jiġi applikat skond l-Artikolu 48(2) tar-[Regolament Nru 1605/2002].”
5. L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità ta’ ġestjoni”, jipprevedi:
“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b'mod partikolari sabiex:
a) tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;
b) tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji għall-operazzjonijiet tkunu saret tassew u tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; verifiki fuq il-post ta’ operazzjonijiet individwali jistgħu jsiru fuq bażi ta’ kampjun skond ir-regoli dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3);
[…]”
6. L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġestjoni u kontroll”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:
a) li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;
b) li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.
2. Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.
3. Ir-regoli implementattivi għall-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3).”
7. L-Artikolu 80 tal-istess regolament, intitolat “L-interezza tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji”, huwa fformulat kif ġej:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.”
8. L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jgħid fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.
2. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f'kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv.. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.
[...]”
Id‑dritt Rumen
Il‑Liġi Nru 554/2004
9. L-Artikolu 28(1) tal-legea nr. 554/2004 (il-Liġi Nru 554/2004) (5), jipprevedi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huma kkompletati mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sa fejn dawn ma humiex inkompatibbli mal-ispeċifiċità tar-relazzjonijiet ta’ awtorità bejn l-awtoritajiet pubbliċi, minn naħa, u l-persuni li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħhom ikunu ġew leżi, min-naħa l-oħra, kif ukoll mal-proċedura rregolata minn din il-liġi. Il-kompatibbiltà tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għandha tiġi ddeterminata mill-qorti meta tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet.”
Il‑Kodiċi Ċivili
10. L-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili (6), intitolat “L-interessi moratorji applikabbli għall-obbligi pekunjarji”, jipprovdi:
“(1) Meta somma flus ma titħallasx fl-iskadenza, il-kreditur għandu dritt għal interessi moratorji mid-data tal-iskadenza sad-data tal-ħlas, bir-rata miftiehma mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata legali, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprova xi dannu. F’dan il-każ, id-debitur ma għandux dritt jipprova li d-dannu mġarrab mill-kreditur minħabba l-ħlas tardiv huwa inqas.
(2) Jekk, qabel l-iskadenza, id-debitur ikollu jagħti interessi b’rata ogħla mir-rata legali, l-interessi moratorji jkunu dovuti bir-rata applikabbli qabel l-iskadenza.
(3) Jekk ir-rata ta’ interessi moratorji dovuti ma tkunx ogħla mir-rata legali, il-kreditur għandu d-dritt, flimkien mal-interessi bir-rata legali, għad-danni għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab”.
L‑OG Nru 13/2011
11. L-Artikolu 1 tal-OG Nru 13/2011 (7) huwa fformulat kif ġej:
“(1) Il-partijiet huma liberi li jistabbilixxu, permezz ta’ ftehim, rata ta’ interessi kemm għall-ħlas lura ta’ kreditu ta’ somma flus kif ukoll għal ħlas tardiv ta’ obbligu pekunjarju.
(2) L-interessi dovuti mid-debitur tal-obbligu li jagħti somma flus għal żmien determinat, ikkalkolati għall-perijodu preċedenti għall-iskadenza tal-obbligu, jissejħu interessi remuneratorji.
(3) L-interessi dovuti mid-debitur tal-obbligu pekunjarju għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu inkwistjoni fl-iskadenza jissejħu interessi ta’ penalità.
[…]”
12. L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet, kif emendat, jaqra kif ġej:
“(1) Ir-rata ta’ interessi legali remuneratorji hija stabbilita fil-livell tar-rata ta’ interessi ta’ riferiment tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija, li hija r-rata ta’ riferiment stabbilita b’deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija.
(2) Ir-rata ta’ interessi legali ta’ penalità hija ffissata għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment miżjuda b’erba’ punti perċentwali.
(2a) Fir-relazzjonijiet bejn il-professjonisti u bejn il-professjonisti u l-awtoritajiet kontraenti, l-interessi legali ta’ penalità huma stabbiliti għar-rata ta’ interessi ta’ riferiment miżjuda bi tmien punti perċentwali.
(3) Fir-relazzjonijiet ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża bi skop ta’ lukru fis-sens tal-Artikolu 3(3) [tal-Kodiċi Ċivili] […] ir-rata ta’ interessi legali hija ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u tal-paragrafu 2 rispettivament, imnaqqsa b’20 %.
[…]”
13. Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi digriet, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1535 tal-Artikoli 1538 sa 1543 [tal-Kodiċi Ċivili] […] huma applikabbli għall-interessi ta’ penalità”.
L‑OUG Nru 66/2011
14. L‑Artikolu 42(1) u (2) tal-OUG Nru 66/2011 (8), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:
“(1) Il-krediti baġitarji li jirriżultaw minn irregolaritajiet huma dovuti mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit fit-titolu tad-dejn jew fi żmien 30 jum mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-imsemmi titolu.
(2) Meta d-debitur ma jissodisfax l-obbligi previsti fit-titolu ta’ dejn fit-terminu stabbilit, huwa għandu jħallas l-interessi kkalkolati billi japplika r-rata ta’ interessi dovuta għall-bilanċ tal-ammont espress f’[leu Rumen (RON)] tal-kreditu baġitarju, mill-ewwel jum wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit skont il-paragrafu 1 sad-data tal-estinzjoni tad-dejn, sakemm ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jew tad-donatur pubbliku internazzjonali ma jipprovdux mod ieħor.”
Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. Fit‑22 ta’ April 2015, il-MFE, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv settorjali tal-FEŻR “Stimulu għall-kompetittività ekonomika 2007-2013”, u AA, kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt id-dritt Rumen, ikkonkludew, fil-qafas ta’ dan programm, kuntratt ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ finanzjament”) għall-implimentazzjoni tal-proġett intitolat “Xiri ta’ tagħmir immirat lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-kumpannija AA” (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”). Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, il-MFE impenja ruħu li jipprovdi lill-AA b’finanzjament mhux rimborsabbli fl-ammont ta’ 3 334 257.20 leu Rumen (RON) (madwar EUR 753 000) għall-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni (9).
16. Sabiex tibda l-proċeduri ta’ xiri ta’ tagħmir fil-kuntest tal-imsemmi proġett, AA kkuntrattat, ma’ stabbiliment bankarju, self ekwivalenti għall-ammont tal-finanzjament, intiż sabiex ikopri l-infiq eliġibbli għar-rimbors.
17. L-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi, li l-ewwel wieħed minnhom wassal għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża.
18. L-ewwel rikors jirriżulta mill-fatt li, wara t-tlestija tal-proġett inkwistjoni, AA ressqet talba għar-rimbors tal-infiq eliġibbli, li baqgħet mingħajr segwitu (10), u dan wassal għal spejjeż addizzjonali marbuta mal-estensjoni tas-self (11). Konsegwentement, fit‑18 ta’ April 2016, AA adixxiet lill-Curtea de Appel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-kundanna tal-MFE, fl-ewwel lok, sabiex tadotta deċiżjoni li taċċetta t-talba għal rimbors, fit-tieni lok, sabiex jiġu rrimborsati l-infiq eliġibbli sa ammont ekwivalenti għall-għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli skont il-kuntratt ta’ finanzjament, fit-tielet lok, sabiex jitħallsu interessi legali fuq dan l-ammont mid-data tal-preżentata tar-rikors, u, fir-raba’ lok, sussidjarjament, sabiex jitħallsu danni għad-dannu materjali mġarrab.
19. It-tieni rikors jirriżulta mill-fatt li, f’dan il-perijodu, fid‑29 ta’ Awwissu 2016, il-MFE xolja l-kuntratt ta’ finanzjament minħabba ċerti irregolaritajiet (12). Konsegwentement, fis‑27 ta’ April 2017, AA adixxiet lill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) b’rikors kontra l-MFE, intiż, din id-darba, għall-annullament tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament. Permezz ta’ sentenza li saret definittiva fl‑10 ta’ Marzu 2021 (13), din il-qorti laqgħet ir-rikors minħabba li, minkejja ċerti irregolaritajiet imwettqa minn AA b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, ix-xoljiment ta’ dan tal-aħħar kien sproporzjonat fid-dawl tal-importanza minuri tal-irregolaritajiet. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis li l-MFE seta’ applika miżuri inqas ħorox, jiġifieri korrezzjonijiet finanzjarji (14).
20. Wara din is-sentenza u l-ħlas sussegwenti, mill-MFE, tal-ammont tal-infiq eliġibbli (15), il-qorti tar-rinviju baqgħet adita, fil-kuntest tal-ewwel rikors, esklużivament bil-kapijiet ta’ talba relatati, minn naħa, mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont imħallas mill-MFE b’eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza u, min-naħa l-oħra, mal-ħlas tad-danni għar-rigward tad-dannu materjali (16).
21. F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jipprekludux li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-ħlas, lill-benefiċjarju ta’ kuntratt ta’ finanzjament, ta’ interessi moratorji fuq infiq eliġibbli mill-FEŻR, irrimborsati tardivament mill-awtorità ta’ ġestjoni wara l-annullament tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament inkwistjoni, għall-perijodu li matulu dan ix-xoljiment, sussegwentement annullat quddiem qorti, kien fis-seħħ.
22. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali u quddiem ġurisprudenza nazzjonali kontradittorja f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju qieset li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jipprevedi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-interessi, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali (17). Madankollu, hija tistaqsi jekk, f’tali ipoteżi, il-ħlas ta’ interessi moratorji f’konformità mar-regoli nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huwiex kompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-prinċipju jimponix fuqha pjuttost li tapplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju fil-każ ta’ irregolaritajiet u li ma jipprevedux il-ħlas ta’ interessi (18). Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar jekk qorti nazzjonali tistax tillimita l-ammont ta’ interessi moratorji eventwalment dovuti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, meta, bħal f’dan il-każ, din l-awtorità ma tkun applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward.
23. F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari, li minnhom it-tliet domandi li ġejjin huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi:
“1) Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi interpretat fis-sens li, flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jipprekludi li persuna ġuridika li topera negozju bi skop ta’ lukru u li hija benefiċjarja ta’ finanzjament mhux rimborsabbli mill-FEŻR, tista’ tikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji (interessi ta’ penali) relatati mal-ħlas tardiv tal-ispejjeż eliġibbli għal perijodu meta kien fis-seħħ att amministrattiv li jeskludi r-rimbors u li iktar tard ġie annullat b’deċiżjoni tal-qorti?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, huwa rilevanti, għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-interessi moratorji, in-nuqqas min-naħa tal-benefiċjarju tal-finanzjament ikkonstatat minn tali deċiżjoni, peress li l-istess awtorità pubblika b’setgħat fil-ġestjoni tal-fondi Ewropej iddikjarat, fl-aħħar mill-aħħar, insegwitu għall-għoti tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ispejjeż kollha kienu eliġibbli?
3) Fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fir-rigward tal-mument tal-għoti tal-interessi moratorji lill-benefiċjarju tal-finanzjament mhux rimborsabbli mill-FEŻR, hija rilevanti regola tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ irregolarità, l-unika konsegwenza hija n-nuqqas ta’ għoti tal-benefiċċju finanzjarju rispettiv jew, skont il-każ, l-irtirar tiegħu (il-ħlas lura tal-ammonti mhux dovuti), fil-livell li fih ikunu ngħataw, mingħajr ma jintalbu l-interessi, minkejja li l-benefiċjarju tagħhom gawda mill-vantaġġ tal-użu tagħhom sal-ħin tal-ħlas lura, u huwa biss jekk dan il-ħlas lura ma seħħx fit-terminu legalment stabbilit, ta’ 30 jum mill-komunikazzjoni tat-titolu ta’ kreditu, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(1) u (2) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea şi sancţionarea neregulilor apărute în obţinerea şi utilizarea fondurilor europene şi/sau a fondurilor publice naţionale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 dwar il-Prevenzjoni, il-Konstatazzjoni u s-Sanzjoni tal-Irregolaritajiet li Jirriżultaw fil-Qasam tal-Kisba u tal-Użu ta’ Fondi Ewropej u/jew ta’ Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati Magħhom) jippermettu l-ġbir tal-interessi wara l-iskadenza tat-terminu msemmi?” (19)
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-MFE, mill-Gvern Rumen u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
Analiżi
25. Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda preliminari tagħha, li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’dan il-każ, AA għandhiex dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji (l-ewwel u t-tielet domanda) u jekk l-ammont ta’ dawn l-interessi jistax jiġi limitat minħabba l-irregolaritajiet imwettqa minn din il-kumpannija (it-tieni domanda).
26. Għalhekk, fl-ewwel lok, ser neżamina l-ewwel u t-tielet domanda preliminari flimkien u, fit-tieni lok, it-tieni domanda preliminari.
Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda preliminari
27. Fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, konformement mal-prinċipji tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ ekwivalenza, persuna ġuridika għandhiex dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji għall-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli taħt il-fondi tal-Unjoni, għall-perijodu li matulu kien fis-seħħ att ta’ rtirar ta’ dan il-vantaġġ li, sussegwentement, ġie annullat mill-qorti nazzjonali kompetenti.
28. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali, din il-qorti tipprevedi żewġ soluzzjonijiet possibbli:
– minn naħa (l-ewwel domanda preliminari), il-ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jiġi ġġustifikat b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt komuni (20), sakemm dawn ir-regoli jkunu kompatibbli mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;
– min-naħa l-oħra (it-tielet domanda preliminari), il-ħlas ta’ dawn l-interessi jista’ jiġi eskluż bl-applikazzjoni, b’analoġija, tad-dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju f’każ ta’ irregolaritajiet (21) u li jipprovdu għall-ħlas ta’ interessi moratorji biss mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas lura tal-ammonti li tħallsu indebitament (22).
29. F’dan ir-rigward, il-MFE jenfasizza li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax ikun il-bażi, f’dan il-każ, tal-obbligu li jitħallsu interessi moratorji, minħabba, essenzjalment, is-sitwazzjoni kkaratterizzata minn inugwaljanza bejn il-partijiet (23), iktar u iktar peress li AA kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha (24), u li l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba lanqas ma jista’ jiġġustifika tali obbligu, li jikkawża danni sinjifikattivi għall-baġit tal-Istat Membru kkonċernat favur il-benefiċjarji tal-fondi, mingħajr ebda bażi kuntrattwali jew legali. Għalhekk, il-MFE jargumenta favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jirregola l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju f’każ ta’ irregolaritajiet (25). Bl-istess mod, il-Gvern Rumen u dak Portugiż jeskludu l-għoti ta’ interessi moratorji, f’dan il-każ, skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (26), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw sitwazzjonijiet simili (27), u jenfasizzaw l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri f’tali sitwazzjoni.
30. Il-Kummissjoni tqis li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi (28), huwa l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat li għandu jirregola l-kwistjoni skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, peress li l-ħlas ta’ dawn l-interessi ma jiksirx il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (29). F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Kummissjoni tqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-proċeduri paragunabbli fid-dritt nazzjonali, filwaqt li tippreċiża li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tirregola l-irtirar tal-vantaġġ finanzjarju fil-każ ta’ irregolaritajiet (30) ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ kategorija ta’ rikorsi li hija wkoll ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni.
31. Nirrileva, preliminarjament, li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 1083/2006 (31) hija s-suġġett ta’ ġestjoni kondiviża, li fil-kuntest tagħha, minn naħa, il-Kummissjoni hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-ippjanar u għall-approvazzjoni tal-programmi u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom, huma responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-programmi operattivi (32), b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċjarji, li għandhom id-dritt li jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika fl-iqsar żmien possibbli u fl-intier tagħhom (33). L-Istat Membru kkonċernat huwa għalhekk responsabbli għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-programm operattiv u, b’mod partikolari, għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet kif ukoll għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, jekk ikun il-każ flimkien mal-interessi moratorji (34).
32. B’mod partikolari, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-programm operattiv f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (35). Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-implimentazzjoni tal-baġit għandha titwettaq skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effettività (36), li jimplika li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jintużaw mill-Istati Membri skont il-prinċipji u r-rekwiżiti legali li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni (37).
33. Issa, ir-regolamenti settorjali tal-Unjoni, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ma jinkludu ebda prinċipju li jipprevedi li l-interessi moratorji fuq ir-rimborsi jew l-irkupri tardivi li jinvolvu lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji għandhom jew ma għandhomx jitħallsu minbarra r-rimbors jew l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament (38). Dawn ir-regolamenti u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba sempliċement jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu interessi fuq is-somom irkuprati skont id-dritt nazzjonali, mingħajr ma jiddefinixxu n-natura u l-modalitajiet tal-ksib ta’ dawn l-interessi (39).
34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (40).
35. F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li l-qorti tar-rinviju tadotta waħda miż-żewġ soluzzjonijiet previsti fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li hija din tal-aħħar li għandha tivverifika liema tkun id-dispożizzjoni applikabbli, fid-dritt nazzjonali, għal sitwazzjoni simili. B’mod iktar partikolari, huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti għandha tevalwa r-rilevanza tar-regola tad-dritt nazzjonali, imsemmija minnha fit-tielet domanda preliminari tagħha (41), li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jsirx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.
36. B’dan premess, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, nirrileva li, fid-dritt tal-Istati Membri, l-interessi moratorji huma normalment intiżi biex jikkumpensaw dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ obbligu, mingħajr ma jkollhom funzjoni stricto sensu “kumpensatorja” (42) u normalment isegwu intimazzjoni tad-debitur min-naħa tal-kreditur (43). Madankollu, hemm każijiet fejn l-interessi moratorji japplikaw anki fl-assenza ta’ dewmien reali fil-ħlas u huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkumpensaw is-sempliċi ċaħda tat-tgawdija tal-ammont imħallas illegalment (44).
37. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, fl-assenza ta’ approċċ komuni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, inqis li, bħala prinċipju, il-ħlas ta’ interessi moratorji mill-awtorità ta’ ġestjoni, fil-każ ta’ dewmien fir-rimbors tal-infiq eliġibbli taħt il-fondi tal-Unjoni, għalkemm ma huwiex espliċitament previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma jipprekludix l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli u ma jmurx kontra l-prinċipji u r-rekwiżiti legali li fuqhom huma bbażati r-regolamenti settorjali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (45).
38. Barra minn hekk, l-għoti ta’ interessi moratorji f’dan il-każ ma jistax jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li tali nfiq ma huwiex eliġibbli għar-rimbors lill-Istat Membru mill-Kummissjoni (46).
39. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda preliminari tkun li l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR jista’ jikseb mill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru interessi moratorji għall-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors ta’ dan l-infiq, li sussegwentement ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, kien fis-seħħ u li, f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-rilevanza ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jseħħx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.
Fuq it‑tieni domanda
40. Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ammont tal-interessi moratorji jistax ikun limitat minħabba irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, filwaqt li l-awtorità kompetenti ma applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward.
41. Il-MFE u l-Gvern Rumen isostnu, essenzjalment, li, peress li d-deċiżjoni ġudizzjarja li annullat ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament ikkonstatat ukoll irregolaritajiet min-naħa ta’ AA fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, dawn l-irregolaritajiet jostakolaw il-ħlas ta’ interessi moratorji, tal-inqas parzjalment. Skont il-Kummissjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dawn l-irregolaritajiet jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji, skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, b’osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
42. Fil-fehma tiegħi, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ, huwa wkoll l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (47). Barra minn hekk, sa fejn il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti ta’ finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni, hija miżura ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, din hija suġġetta għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (48).
43. Għaldaqstant, qabel kollox, hija l-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li għandha tevalwa jekk irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tilwim nazzjonali simili u jekk il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
44. F’dan ir-rigward, mingħajr ma rrid nindaħal fl-evalwazzjonijiet li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, inqis li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni tal-eventwali impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fid-dawl tal-ksur tal-obbligi kuntrattwali mill-benefiċjarju, evalwata fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali fuq l-għoti tal-fondi tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, dik tal-ħlas ta’ interessi moratorji minħabba d-dewmien fl-għoti tal-fondi, evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-ħlas ta’ interessi moratorji f’sitwazzjonijiet simili. Għaldaqstant, dik il-qorti ser tkun obbligata tivverifika sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet imwettqa fl-eżekuzzjoni tal-proġett sabiex tiġġustifika r-rifjut jew it-tnaqqis tal-interessi moratorji biss (49).
45. Fir-rigward, sussegwentement, tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li hija responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li jieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni u għalhekk li jinkixfu u jiġu kkorreġuti irregolaritajiet eventwali billi tiġi annullata l-parteċipazzjoni pubblika kollha jew parti minnha għall-programm operattiv, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u tat-telf finanzjarju li jirriżulta għall-Fond (50).
46. F’dan il-każ, il-MFE pproċeda għar-rimbors sħiħ tal-infiq eliġibbli, mingħajr ma għamel korrezzjonijiet (51). F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk u sa fejn id-dritt nazzjonali jippermettilha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali li tikkonċerna t-talba għal interessi moratorji, possibbilment ex officio (52), l-irregolaritajiet irrilevati fis-sentenza mogħtija fil-kuntest tat-tieni rikors, fid-dawl ukoll tal-fatt li r-rimbors sar mill-MFE b’eżekuzzjoni tas-sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest tat-tieni rikors (53). Fil-fatt, ma huwiex ċar jekk, u sa fejn, l-awtorità nazzjonali kellhiex l-possibbiltà li timponi korrezzjonijiet finanzjarji waqt ir-rimbors tal-ammont tal-infiq eliġibbli, peress li hija kienet inizjalment imponiet, mingħajr suċċess, miżura iktar riġida, bħax-xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament (54). Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-qorti tar-rinviju teżamina mill-ġdid, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan, il-kwistjoni tal-ammont tal-interessi moratorji eventwalment dovuti, minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati. Fil-każ kuntrarju, dawn l-irregolaritajiet jibqgħu mingħajr konsegwenzi, għall-benefiċċju tal-benefiċjarju.
47. F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fl-assenza ta’ elementi fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-irregolaritajiet eventwalment imputabbli lil AA fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament, għandu jiġi kkonstatat li hija l-qorti tar-rinviju, ladarba rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, fil-każ fejn jeżistu dawn l-irregolaritajiet, dawn jiġġustifikawx it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-eventwali interessi, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri li huma daqstant xierqa, għandha, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tintuża dik li hija l-inqas oneruża (55).
48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, meta l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR għandu jikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal‑infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors kien fis-seħħ u sussegwentement ikun ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jekk l-irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju tal-finanzjament jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Konklużjoni
49. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel sat-tielet domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) kif ġej:
1) Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista’ jikseb mill-awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors ta’ dan l-infiq, li sussegwentement ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, kien fis-seħħ u li, f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ir-rilevanza ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tipprovdi li huwa biss fil-każ fejn il-ħlas lura ta’ vantaġġ finanzjarju indebitu ma jseħħx fit-terminu previst mil-liġi li l-interessi jkunu dovuti.
2) Meta l-benefiċjarju ta’ finanzjament mhux rimborsabbli tal-FEŻR għandu jikseb mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru interessi moratorji abbażi tal-ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli għal perijodu li matulu att amministrattiv li jeskludi r-rimbors kien fis-seħħ, li sussegwentement ikun ġie annullat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jekk irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarju tal-finanzjament jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-interessi moratorji skont id-dritt nazzjonali applikabbli għal tilwim nazzjonali simili, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.