Language of document : ECLI:EU:C:2024:237

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva (UE) 2018/1972 – Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalità – Kriterji sabiex jiġi stabbilit l-ammont tas-sanzjoni – Rinunzja parzjali għall-atti”

Fil-Kawża C‑457/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fit‑8 ta’ Lulju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kocjan, U. Małecka, L. Malferrari u E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn T. Mihelič Žitko, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36) jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għal pagamenti ta’ penalità kuljum ta’ EUR 6 256.17 mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, minħabba li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva;

–        tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tħallas somma f’daqqa ta’ EUR 1 390.77 għal kull jum, immultiplikat bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu deskritt fl-ewwel inċiż, b’minimu ta’ EUR 383 000, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972 jistabbilixxu:

“(2)      Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li huma parti mill-qafas regolatorju eżistenti għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] huma soġġetti għar-reviżjoni perjodika tal-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(3)      Fil-komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2015 li tistabblixxi Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, il-Kummissjoni ddikjarat li r-reviżjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet tkun tiffoka fuq miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu inċentivi għall-investiment f’netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, li jġibu approċċ aktar konsistenti mas-suq intern għall-politika u l-ġestjoni tal-ispektrum tar-radju, iwasslu kondizzjonijiet għal suq intern veru, billi tiġi indirizzata l-frammentazzjoni regolatorja, jiġu żgurati protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, livell ekwu għall-partijiet kollha tas-suq u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll jipprovdu qafas regolatorju istituzzjonali aktar effettiv.”

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni [Ewropea].

2.      L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma li:

a)      timplimenta suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u l-adozzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, kompetizzjoni sostenibbli, interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, aċċessibbiltà, sigurtà tan-netwerks u tas-servizzi u benefiċċji għall-utenti finali; u

b)      tiżgura l-forniment fl-Unjoni kollha ta’ servizzi affordabbli, ta’ kwalità tajba u disponibbli pubblikament permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi, li tittratta ċ-ċirkostanzi fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali, fosthom dawk b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-oħrajn, ma jiġux sodisfatti biżżejjed mis-suq, u tistabbilixxi d-drittijiet meħtieġa tal-utenti finali.

[...]”

4        L-Artikolu 124 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal‑21 ta’ Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑21 ta’ Diċembru 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu dikjarazzjoni li referenzi f’liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif dik id-dikjarazzjoni tiġi fformulata”.

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

5        Peress li r-Repubblika tas-Slovenja ma bagħtet ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Sloven, konformement mal-Artikolu 124 tagħha, il-Kummissjoni, fl‑4 ta’ Frar 2021, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

6        Wara li talbu u kisbu estensjoni tat-terminu għal tweġiba għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, l-awtoritajiet Sloveni, fl‑4 ta’ Ġunju 2021, wieġbu billi indikaw, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2018/1972 kellha tiġi trasposta permezz ta’ liġi li kellha tiġi ppubblikata u kkomunikata lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Traspożizzjoni”).

7        Fit‑23 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tas-Slovenja. Fil‑5 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Sloveni talbu estensjoni tat-terminu għat-tweġiba għal din l-opinjoni motivata u informaw lill-Kummissjoni li inċident matul il-proċedura leġiżlattiva interna kien dewwem l-adozzjoni ta’ din il-liġi, li issa kellha tiġi ppubblikata u kkomunikata f’Marzu 2022.

8        Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba u estendiet dan it-terminu sat‑23 ta’ Frar 2022.

9        Fl-ittra ta’ tweġiba tagħhom għall-opinjoni motivata tat‑18 ta’ Frar 2022, l-awtoritajiet Sloveni sostnew li ċirkustanzi mhux previsti kienu kkawżaw dewmien addizzjonali fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972. B’mod partikolari, huma indikaw li l-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni issa kellu jiġi adottat f’April 2022, imbagħad din il-liġi tiġi ppubblikata u kkomunikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Marzu 2022, dawn l-awtoritajiet bagħtu tabella ta’ korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-abbozz ta’ liġi u dawk ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fil‑25 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni fformulat osservazzjonijiet dwar l-imsemmi abbozz ta’ liġi.

10      Peress li kkunsidrat li r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni, fis‑6 ta’ April 2022, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

11      Fit‑12 ta’ April 2022, l-awtoritajiet Sloveni informaw lill-Kummissjoni bil-fatt li l-votazzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni kienet ġiet sospiża minħabba t-talba, min-naħa ta’ grupp ta’ Membri, għal organizzazzjoni ta’ referendum konsultattiv dwar dan l-abbozz.

12      Fl‑14 ta’ Ġunju 2022, l-awtoritajiet Sloveni informaw lill-Kummissjoni bil-progress li sar fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972. B’mod partikolari, huma indikaw li, wara l-bidla fil-leġiżlatura, kienu ntemmu l-proċeduri leġiżlattivi kollha mibdija matul il-leġiżlatura preċedenti, inkluża dik dwar l-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni, li abbozz ġdid ta’ liġi ta’ traspożizzjoni kien ġie ppreżentat lill-Parlament Sloven u li ebda referendum dwaru ma kien ġie u lanqas ma kien ser jiġi organizzat. Ebda skeda għall-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ liġi ġdid ma ġiet ikkomunikata minn dawn l-awtoritajiet.

13      Fit‑8 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

14      Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, li tnaqqas l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji mitluba mill-Kummissjoni u, sussidjarjament, tiċħad it-talbiet kollha ta’ din tal-aħħar.

15      Fil-kontroreplika tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2022, ir-Repubblika tas-Slovenja informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fit‑28 ta’ Settembru 2022, il-Liġi ta’ Traspożizzjoni kienet ġiet adottata, li hija kienet informat lill-Kummissjoni dwar dan fl-istess jum u li din il-liġi kienet daħlet fis-seħħ fl‑10 ta’ Novembru 2022.

16      Fid‑19 ta’ Diċembru 2022, il-proċedura bil-miktub f’din il-kawża ngħalqet.

17      Permezz ta’ att tal‑20 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika tas-Slovenja setgħet titqies li ntemmet fl‑10 ta’ Novembru 2022 u rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, billi rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, filwaqt li adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 958 240.53.

18      Fil‑31 ta’ Lulju 2023, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni u dwar l-adattament tat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

 Fuq irrikors

 Fuq innuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt lArtikolu 258 TFUE

 Largumenti tal-partijiet

19      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, fit-termini stabbiliti minn dawn id-direttivi, u jikkomunikaw immedjatament dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

20      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

21      Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jew saħansitra fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet għadha ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2018/1972 fid-dritt nazzjonali tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma kinitx ikkomunikathom lill-Kummissjoni.

22      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija ġiet kkritikata, billi tillimita ruħha li tinvoka ċirkustanzi ta’ natura prattika u interna sabiex tiġġustifikah. Issa, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha ma jistax jiġi ġġustifikat minn tali ċirkustanzi.

23      Effettivament, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tikkontestax realment in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sempliċement tiddeskrivi l-iżvolġiment tax-xogħlijiet li finalment wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi ta’ Traspożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl‑10 ta’ Novembru 2022. Madankollu, hija tenfasizza li, matul il-proċedura kollha, hija dejjem ikkooperat lealment mal-Kummissjoni u żammet lil din tal-aħħar informata bl-iżviluppi ta’ din il-proċedura, li d-dewmien tagħhom kien dovut għal ċirkustanzi mhux previsti li dan l-Istat Membru kien spjega lill-Kummissjoni fit-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet tippreżenta ruħha s-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkun fihom riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, it-terminu għall-għoti ta’ tweġiba għall-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, skada fit‑23 ta’ Frar 2022. Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-eżistenza jew le tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, fl-imsemmija data, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

28      Sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, ir‑Repubblika tas‑Slovenja, minn naħa, tinvoka inċident li seħħ matul il-proċedura leġiżlattiva, bidla fil-leġiżlatura kif ukoll talba għall-organizzazzjoni ta’ referendum konsultattiv u, min-naħa l-oħra, tenfasizza l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ kooperazzjoni leali li hija dejjem uriet fil-konfront tal-Kummissjoni.

29      Issa, tali argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni.

30      Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanzi ta’ natura kostituzzjonali interna invokati mir-Repubblika tas-Slovenja ma jistgħux ikunu rilevanti, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (MiFID II), C‑628/18, EU:C:2021:1, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-Repubblika tas-Slovenja kienet ikkooperat mal-Kummissjoni lanqas ma huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tal-Istat Membru, peress li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, konformement mal-Artikolu 4(3) TUE, id-dmir li jikkooperaw bejniethom u li dan id-dmir jinkludi wkoll it-traspożizzjoni korretta u kompleta tad-direttivi, fit-termini previsti minnhom.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2018/1972 u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittalbiet imressqa skont lArtikolu 260(3) TFUE

 Fuq ittalba għallkundanna għallħlas ta’ pagamenti ta’ penalità

33      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ att tal‑20 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika tas-Slovenja setgħet titqies li ntemmet fid-data tal‑10 ta’ Novembru 2022 u, għaldaqstant, irtirat it-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba

 Fuq ittalba għal kundanna għallħlas ta’ somma f’daqqa

–       Largumenti talpartijiet

35      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li d-Direttiva 2018/1972 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ twettiq mir-Repubblika tas-Slovenja tal-obbligi previsti fl-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi manifestament assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE.

36      Il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni 2011/C 12/01 tagħha, intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2011”), hija ppreċiżat li s-sanzjonijiet li hija kienet ser tipproponi skont l-Artikolu 260(3) TFUE ser jiġu kkalkolati skont l-istess metodu bħal dak użat għat-tressiq ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont dan l-Artikolu 260(2), kif espost fil-punti 14 sa 18 tal-Komunikazzjoni SEC(2005) 1658 tagħha, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE]” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2005”).

37      Konsegwentement, id-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata, fl-ewwel lok, fuq il-gravità tal-ksur, fit-tieni lok, fuq it-tul tiegħu u, fit-tielet lok, fuq in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni stess sabiex jiġu evitati r-reċidivi.

38      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, konformement mal-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 u mal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-Kummissjoni tiffissa l-koeffiċjent ta’ gravità billi tieħu inkunsiderazzjoni żewġ parametri, jiġifieri, minn naħa, l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tagħhom għall-interessi ġenerali u partikolari inkwistjoni.

39      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li d-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabelxejn, il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“KEKE”) jimmodernizza l-qafas regolamentari tal-Unjoni dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi billi jsaħħaħ l-għażliet u d-drittijiet tal-konsumaturi, billi jiggarantixxi standards ogħla ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, billi jippromwovi l-investiment f’networks b’kapaċità għolja ħafna u billi jippromwovi l-aċċess mingħajr fili għall-konnettività b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Sussegwentement, il-KEKE jistabbilixxi regoli għall-organizzazzjoni tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-istruttura istituzzjonali tiegħu u l-governanza tiegħu. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jsaħħu r-rwol tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali billi jistabbilixxu sensiela minima ta’ kompetenzi għal dawn l-awtoritajiet u billi jsaħħu l-indipendenza tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ kriterji għall-ħatriet, u l-obbligi fil-qasam ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, il-KEKE jiżgura wkoll ġestjoni effikaċi u effettiva tal-ispettru tar-radju (iktar ’il quddiem l-“ispettru”). Dawn id-dispożizzjonijiet isaħħu l-koerenza tal-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru. L-imsemmija dispożizzjonijiet jippromwovu l-kompetizzjoni bejn l-infrastrutturi u l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar nett, il-KEKE jirregola diversi aspetti tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi l-obbligi ta’ servizz universali, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u d-drittijiet tal-utenti finali. It-tisħiħ ta’ dawn ir-regoli għandu l-għan li jżid is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi bi prezz affordabbli.

40      Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Sloven, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u fuq l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna ġewwa l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-semplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

41      Peress li r-Repubblika tas-Slovenja kkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ numru żgħir ħafna ta’ artikoli tad-Direttiva 2018/1972, il-Kummissjoni tipproponi koeffiċjent ta’ gravità ta’ 9.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ssostni li dan jikkorrispondi għall-perijodu mid-data wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri t‑22 ta’ Diċembru 2020, sad-data li fiha n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza kien intemm, jiġifieri dik qabel il-jum tat-tqegħid f’konformità mir-Repubblika tas-Slovenja, li seħħ fl‑10 ta’ Novembru 2022, jiġifieri d-data li fiha l-liġi ta’ traspożizzjoni daħlet fis-seħħ, kif indikat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu dam 688 jum.

43      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tas-Slovenja, il-Kummissjoni applikat il-fattur “n” previst fil-Komunikazzjoni 2019/C 70/01 tagħha, intitolata “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummisssjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2019, C 70, p. 1). Dan il-fattur jieħu inkunsiderazzjoni żewġ elementi, jiġifieri l-prodott domestiku gross (PDG) u l-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, irrappreżentat min-numru ta’ siġġijiet attribwiti lil dan l-Istat Membru fil-Parlament Ewropew.

44      Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36), diġà kkontestat ir-rilevanza kemm ta’ dan it-tieni element kif ukoll tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previsti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ddeċidiet li f’dan il-każ tapplika l-kriterji previsti minnha, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45      Għalhekk, konformement mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2022/C 74/02, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2022, C 74, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2022”), il-fattur “n” għar-Repubblika tas-Slovenja huwa ta’ 0.17.

46      Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa, mill-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 jirriżulta li din għandu jkollha tal-inqas bażi minima fissa, li tirrifletti l-prinċipju li kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni persistenti tad-dritt tal-Unjoni jirrappreżenta fih innifsu, indipendentement minn kull ċirkustanza aggravanti, ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’komunità ta’ dritt li jeħtieġ sanzjoni reali. Konformement mal-Komunikazzjoni tal‑2022, is-somma f’daqqa minima għar-Repubblika tas-Slovenja hija ta’ EUR 383 000.

47      Skont il-metodu stabbilit mill-Komunikazzjonijiet tal‑2005 u tal‑2011, jekk ir-riżultat tal-kalkolu tas-somma f’daqqa jaqbeż din is-somma f’daqqa minima, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina s-somma f’daqqa permezz tal-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ kuljum bin-numru ta’ ġranet li jikkorrispondi għat-tul tal-ksur, f’dan il-każ 688 jum.

48      Għalhekk, l-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa għandu jiġi kkalkolat billi l-ammont bażiku uniformi applikabbli għall-kalkolu tal-ammont ta’ kuljum tas-somma f’daqqa jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”. Issa, dan l-ammont bażiku uniformi huwa, skont il-Komunikazzjoni tal‑2022, EUR 909. F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ gravità huwa ta’ 9. Il-fattur “n” huwa ta’ 0.17. Minn dan jirriżulta li l-ammont tas-somma f’daqqa huwa ta’ EUR 1 390.77 kuljum.

49      Is-somma f’daqqa għandha għalhekk tiġi ffissata għal ammont ta’ EUR 958 240.53.

50      Ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li tali ammont huwa eċċessiv.

51      Qabelxejn, fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità, l-effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Sloven fuq l-interessi ġenerali u partikolari ma huwiex daqstant importanti daqs kemm issostni l-Kummissjoni.

52      Fil-fatt, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni, fit‑18 ta’ Marzu 2022, tabella ta’ korrispondenza li fiha hija kienet elenkat id-dispożizzjonijiet tad-dritt Sloven li żguraw traspożizzjoni parzjali ta’ din id-direttiva. Issa, bil-fatt tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-effett tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva huwa inqas minn dak stmat mill-Kummissjoni.

53      Barra minn hekk, l-isforzi kontinwi tar-Repubblika tas-Slovenja sabiex jintlaħqu malajr kemm jista’ jkun l-għanijiet tad-Direttiva 2018/1972 huma riflessi wkoll fil-progress kostanti ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-punt ta’ riferiment DESI (Digital Economy and Society Index) (Indiċi Diġitali tal-Ekonomija u tas-Soċjetà) imfassal mill-Kummissjoni, li jsegwi l-istat ġenerali tad-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni u l-progress f’termini tal-kompetittività diġitali mwettaq minn kull Stat Membru.

54      Sussegwentement, fir-rigward tal-koeffiċjent tat-tul tal-ksur, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, kuntrarjament għall-metodu użat mill-Kummissjoni, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat dan it-tul ma huwiex dak li jibda l-jum ta’ wara dak tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-direttiva inkwistjoni, iżda, konformement mal-ġurisprudenza, dak li jibda jiddekorri mid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

55      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fattur “n”, ir-Repubblika tas-Slovenja tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-punti 111 sa 117 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36), sabiex issostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni u applikat il-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 previst mill-Komunikazzjoni 2019/C 70/01, imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

56      Il-Kummissjoni tirribatti, minn naħa, li, fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonċernat, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-traspożizzjoni parzjali kkomunikata mir-Repubblika tas-Slovenja, hija pproponiet li jiġi adottat koeffiċjent ta’ 9. Fil-fatt, it-traspożizzjoni ta’ sitt artikoli tad-Direttiva 2018/1972, li għandha 127 minnhom, ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ koeffiċjent ta’ gravità inferjuri, u dan iktar u iktar meta l-artikoli li r-Repubblika tas-Slovenja tirreferi għalihom fir-risposta tagħha ma jistgħux jitqiesu kollha bħala li jiżguraw traspożizzjoni kompleta. Barra minn hekk, il-progress tar-Repubblika tas-Slovenja fil-klassifikazzjoni tal-punt ta’ riferiment DESI ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur.

57      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li, konformement mal-punt 17 tal-Komunikazzjoni tal‑2005 kif ukoll mal-punti 27 u 31 tal-Komunikazzjoni tal‑2011, il-perijodu li għandu jiġi kkunsidrat sabiex dan it-tul jiġi ddeterminat u sabiex jiġi kkalkolat il-koeffiċjent tiegħu huwa tabilħaqq dak mid-data wara dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit mid-direttiva inkwistjoni sad-data li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

58      Dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tieħu inkunsiderazzjoni perijodu differenti u, fil-fatt, hija tiddetermina t-tul ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi tikkunsidra bħala data tat-tmiem tiegħu d-data li fiha hija tevalwa l-fatti u mhux dik li fiha ġiet adita mill-Kummissjoni. Peress li din tal-aħħar ma tistax tibbaża ruħha fuq din l-ewwel data, hija għandha tuża dati oħra ta’ bidu u ta’ tmiem sabiex tiddetermina dan it-tul u sabiex tikkalkola l-koeffiċjent tiegħu.

59      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kalkolu ta’ dan il-koeffiċjent għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu kollu li jkun għadda mid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkonċernata. Fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-għan li għandu jintlaħaq permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata huwa li tiġi ddeterminata, sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fis-sens tal-Artikolu 260(1) TFUE, l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’din id-data preċiża. Issa, bħala definizzjoni, it-tul ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex limitat għall-imsemmija data, iżda jirrigwarda l-perijodu kollu tal-ksur, li ma bediex sempliċement fid-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda minn dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkonċernata. Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tibda biss mid-data ta’ iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

60      Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Jekk id-data tal-bidu ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-koeffiċjent tat-tul tiegħu u tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni kienet dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, it-tul ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun jiddependi mit-tul tal-proċedura prekontenzjuża. Minn dan jista’ jirriżulta inugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri suġġetti għall-istess terminu ta’ traspożizzjoni.

61      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li d-data rilevanti sabiex jiġi ddeterminat it-tul ta’ ksur tiddependi mis-suġġett ta’ dan il-ksur. Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE, dan huwa n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li l-punt ta’ referenza kronoloġiku rilevanti huwa d-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-proċedura msemmija f’dan l-Artikolu 260(3), il-ksur jinsab fl-assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva minn Stat Membru, b’tali mod li l-punt ta’ referenza kronoloġiku rilevanti huwa d-data li minnha dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni.

62      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja ma għadhiex iġġustifikata, peress li d-Direttiva 2018/1972 ġiet trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Sloven fl‑10 ta’ Novembru 2022.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

63      Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx ikkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2018/1972 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

64      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-iskop tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa skont l-imsemmija dispożizzjoni huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ippersista għal perijodu twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għal dak li jirrigwarda l-opportunità li tiġi imposta somma f’daqqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tistabbilixxi s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Repubblika tas-Slovenja kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija żammet lil dawn tal-aħħar informati bir-raġunijiet li pprekludewha milli tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Sloven, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni kompleta ta’ din id-direttiva fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għalhekk huwa xieraq li tiġi imposta somma f’daqqa fuq ir-Repubblika tas-Slovenja.

68      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma f’daqqa, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha f’dan il-qasam hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li dan jiġi, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, ikun proporzjonat mal-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti hemm b’mod partikolari elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni, jiġifieri fit‑23 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi ta’ traspożizzjoni tagħha taħt id-Direttiva 2018/1972, b’tali mod li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx żgurata. Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija msaħħa mill-fatt li, f’din id-data, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet għadha ma kkomunikat ebda miżura ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

71      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva 2018/1972 hija l-att leġiżlattiv prinċipali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

72      B’mod partikolari, qabelxejn, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2018/1972, din “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolamentazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tan-netwerks tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi assoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali. Din tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u, fejn applikabbli, ta’ awtoritajiet kompetenti oħra, u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Unjoni”.

73      Sussegwentement, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, din hija intiża, minn naħa, sabiex timplimenta suq intern ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jwassal għall-introduzzjoni u għall-penetrazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna, għall-ħolqien ta’ kompetizzjoni sostenibbli, għall-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-aċċessibbiltà, għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi, filwaqt li jingħataw benefiċċji lill-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-provvista fl-Unjoni kollha ta’ servizzi disponibbli għall-pubbliku ta’ kwalità tajba u affordabbli permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u ta’ għażliet effettivi, li tittratta l-każijiet fejn il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jiġux issodisfatti b’mod korrett mis-suq, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà sabiex ikunu jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi fuq bażi ugwali bħall-utenti l-oħra, u li tiddefinixxi d-drittijiet li għandhom jingħataw lill-utenti finali.

74      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2018/1972, din temenda l-qafas regolamentari fis-seħħ qabel l-adozzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tas-suq.

75      Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 mir-Repubblika tas-Slovenja, l-ewwel nett, jippreġudika l-prattiki regolatorji fl-Unjoni kollha għal dak li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-ispettru u r-regoli ta’ aċċess għas-suq. Konsegwentement, l-impriżi la jibbenefikaw minn proċeduri iktar koerenti u prevedibbli għall-għoti jew għat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu tal-ispettru eżistenti u lanqas mill-prevedibbiltà tar-regolamentazzjoni li tirriżulta mit-tul minimu ta’ 20 sena tal-liċenzji għall-użu tal-ispettru. Tali nuqqasijiet għandhom influwenza diretta fuq id-disponibbiltà u fuq l-introduzzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna ġewwa l-Unjoni. It-tieni nett, il-konsumaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn sensiela ta’ vantaġġi tanġibbli mogħtija lilhom minn din id-direttiva, bħal soluzzjonijiet relatati mal-aċċess għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet affordabbli, ir-rekwiżit li jingħataw informazzjoni ċara dwar il-kuntratti, l-obbligu li jiġu applikati tariffi trasparenti, is-semplifikazzjoni tal-bidla tal-fornituri ta’ networks sabiex jiġu promossi prezzijiet bl-imnut iktar affordabbli u l-obbligu, għall-operaturi, li joffru lill-utenti finali b’diżabbiltà aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

76      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u li din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies bħala li seħħet fid-data ta’ għeluq tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fir-rigward, minn naħa, tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jiġi impost skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza mill-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 79, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 90).

78      F’dan il-każ, ma huwiex validament ikkontestat li, fl-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972, jiġifieri fil‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni kompleta ta’ din id-direttiva u lanqas, għaldaqstant, ma kkomunikathom lill-Kummissjoni.

79      Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-adattament tat-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tikkontestax li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 fid-dritt Sloven tista’ titqies bħala li ngħalqet fl‑10 ta’ Novembru 2022.

80      Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ppersista matul il-perijodu inkluż bejn it‑22 ta’ Diċembru 2020 u l‑11 ta’ Novembru 2022, jiġifieri perijodu ta’ 688 jum, li jikkostitwixxi tul twil ħafna.

81      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tul ta’ żmien seta’ rriżulta parzjalment minn ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li dawn iċ-ċirkustanzi, imprevedibbli u indipendenti mill-volontà tagħha, dewmu l-proċess leġiżlattiv neċessarju għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2018/1972 u, konsegwentement, tawlu l-perijodu li matulu baqa’ jippersisti dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

82      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif ikun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑549/18, EU:C:2020:563, punt 85, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 97).

83      Il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-PDG tar-Repubblika tas-Slovenja, il-piż istituzzjonali tagħha fl-Unjoni espress bin-numru ta’ siġġijiet li dan l-Istat Membru għandu fi ħdan il-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tqis ukoll li għandu jintuża koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 sabiex tiġi żgurata n-natura proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet li hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi fuq l-imsemmi Stat Membru.

84      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ippreċiżat b’mod ċar ħafna, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi ggarantita dissważjoni suffiċjenti u sabiex iwassal lil dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma wrietx il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom hija ffissat il-valur tal-koeffiċjent ta’ aġġustament ta’ 4.5 (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (Irkupru ta’ għajnuna mill-Istat – Ferronikil) (C‑51/20, EU:C:2022:36, punti 115 u 117).

85      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li, fir-rigward tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija timponi, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 124 tad-Direttiva 2018/1972 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 800 000.

86      Konsegwentement, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 800 000.

 Fuq lispejjeż

87      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 141(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Dan l-Artikolu 141(2) jipprevedi madankollu li, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-aġir ta’ din il-parti l-oħra. Fl-aħħar nett, skont l-imsemmi Artikolu 141(4), fin-nuqqas ta’ talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

88      F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika tas-Slovenja u għalkemm ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din l-istituzzjoni rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha mingħajr ma talbet li dan l-Istat Membru jbati l-ispejjeż relatati ma’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rinunzja għall-atti mill-Kummissjoni, l-imsemmi Stat Membru ma talabx li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

89      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rinunzja għall-atti tal-Kummissjoni kienet ir-riżultat tal-attitudni tar-Repubblika tas-Slovenja, billi dan l-Istat Membru ma kienx adotta u ma kienx ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2018/1972 ħlief wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, u huwa minħabba din l-attitudni li t-talba ta’ din l-istituzzjoni intiża għall-kundanna tal-imsemmi Stat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità saret mingħajr skop u li l-Kummissjoni rtiratha.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li ma tistax tiġi stabbilita distinzjoni rilevanti bejn l-ispejjeż relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u dawk relatati mar-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika tas-Slovenja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kif ipprorogat mill-Kummissjoni Ewropea, ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u talKunsill tal11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, u għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 124(1) ta’ din id-direttiva.

2)      Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 800 000.

3)      Ir-Repubblika tas-Slovenja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Sloven.