Language of document : ECLI:EU:C:2016:950

Kawża C-378/15

Mercedes Benz Italia SpA

vs

Agenzia delle Entrate Direzione Provinciale Roma 3

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Commissione tributaria regionale di Roma)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 77/388/KEE – Il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni ta’ proporzjon ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imposta fuq l-akkwist tal-oġġetti u tas-servizzi kollha użati minn persuna taxxabbli – Tranżazzjonijiet anċillari – Użu tad-dħul mill-bejgħ bħala indizju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2016

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati fl-istess ħin għal tranżazzjonijiet li jagħtu u li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Tnaqqis pro rata – Kalkolu – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jimponu fuq il-persuna taxxabbli applikazzjoni fuq l-akkwist tal-oġġetti u tas-servizzi kollha tnaqqis pro rata bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ – Identifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet ikklassifikati bħala anċillari – Użu tad-dħul mill-bejgħ bħala indizju – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 17(5) u 19)

Il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali, li jimponu fuq persuna taxxabbli li tapplika għall-oġġetti u għas-servizzi kollha akkwistati minnha proporzjon ta’ tnaqqis ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ, mingħajr ma jipprevedu metodu ta’ kalkolu li jkun ibbażat fuq in-natura u d-destinazzjoni effettiva ta’ kull wieħed mill-oġġetti u mis-servizzi akkwistati u li jirrifletti oġġettivament is-sehem ta’ imputazzjoni reali tal-ispejjeż sostnuti f’kull waħda mill-attivitajiet intaxxati u mhux intaxxati.

Fil-fatt, mill-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 77/388, moqri flimkien mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 17(5) kif ukoll mal-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jimplika, bħala prinċipju, l-użu ta’ proporzjon ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ.

Sussegwentement, fir-rigward tal-obbligu għall-pesuna taxxabbli li tapplika dan il-proporzjon ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ għall-oġġetti u s-servizzi kollha li hija akkwistat, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, previst espressament fil-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tal-istess direttiva, jirreferi kemm għat-tranżazzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis kif ukoll għal dawk li ma jagħtux lok għal dan id-dritt. B’hekk, hemm lok li l-kliem “l-oġġetti u s-servizzi kollha […] msemmija hemmhekk” li jinsabu fil-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) jinftiehmu bħala li jipprevedu ż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tal-istess direttiva. Issa, kuntrarjament għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-istess Artikolu 17(5) ma jużax it-terminu “kemm” sabiex jinvoka dawn iż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-oġġetti u s-servizzi kollha użati mill-persuna taxxabbli kkonċernata sabiex twettaq tranżazzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis u kif ukoll tranżazzjonijiet li ma jagħtux lok għal dan id-dritt, mingħajr ma huwa neċessarju li dawn l-oġġetti u dawn is-servizzi jservu sabiex jitwettqu ż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet fl-istess ħin. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva bħala li japplika biss għall-oġġetti u għas-servizzi użati sabiex jitwettqu “kemm” tranżazzjonijiet li jagħtu lok għal dritt ta’ tnaqqis u tranżazzjonijiet li ma jagħtux lok għal dan id-dritt, iwassal sabiex din id-dispożizzjoni tingħata l-istess portata bħal dik li għandu l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) ta’ din id-direttiva, li minnu din id-dispożizzjoni hija madankollu mistennija li tidderoga. Fil-fatt, meta japplikaw ir-regola ta’ kalkolu prevista fil-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva, il-persuni taxxabbli ma għandhomx l-obbligu li jallokaw l-oġġetti jew is-servizzi li huma jixtru jew għat-tranżazzjonijiet li jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis, jew għal dawk li ma jagħtux lok għal dan id-dritt, jew inkella għal dawn iż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet u, sussegwentement, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma għandhomx jivverifikaw jekk dawn ġewx allokati b’mod korrett.

Barra minn hekk, il-punt (d) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva lanqas ma jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li jimponu fuq persuna taxxabbli li tirreferi għall-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha sabiex tidentifika t-tranżazzjonijiet li jikklassifikaw bħala “anċillari”, sakemm l-evalwazzjoni magħmula għal dan il-għan tieħu wkoll inkunsiderazzjoni r-relazzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mal-attivitajiet taxxabbli ta’ din il-persuna taxxabbli u, jekk ikun il-każ, l-użu li huma jagħmlu tal-oġġetti u tas-servizzi li għalihom hija dovuta l-VAT.

F’dan ir-rigward, anki jekk il-kompożizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli tikkostitwixxi element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerti tranżazzjonijiet għandhomx jitqiesu “anċillari” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 19(2) tas-Sitt Direttiva, il-fatt li dħul ogħla għal dawn il-prodotti mill-attività indikata bħala prinċipali mill-impriża kkonċernata huwa ġġenetat minn tali tranżazzjonijiet ma jistax waħdu jeskludi li dawn jiġu kklassifikati bħala “tranżazzjonijiet anċillari” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 32, 36-38, 40, 43, 44, 47, 49, 50 u d-dispożittiv)